PredikazzjoniPaneġierku«JIEN RANĠISA TA’ SARON, JIEN SUSAN TAL-WIDIEN.»
B’dan il-kliem meħud minn fomm l-għarusa ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet nixtieq indawwal ir-riflessjoni tagħna lkoll illejla f’dan il-jum ta’ festa f’ġieħ il-Mara sabiħa li hija l-għarusa mhux biss ta’ Ġużeppi ir-raġel ġust, imma wkoll l-Għarusa tal-Mulej, il-mudell tar-ruħ li ssejjaħ lil Alla Maħbub, Għarus, għax għalih tixxennaq, Alla tagħha, bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta’ l-ilma. Alla ħalaqna għalih u qalbna ma ssibx kwiet jekk ma tistrieħx fih, jekk aħna ngħarfu dan inkunu nistgħu nifhmu l-misteru tal-ħajja tagħna, u l-misteru tal-ħajja ta’ Marija li lejha llum qegħdin induru biex nikkontemplaw is-sempliċità straordinarja tagħha. Fil-ħajja ta’ Marija aħna nistgħu nifhmu l-ħajja tagħna. Fil-quddiesa ta’ llum, waqt il-prefazju, it-talba ta’ qabel il-konsagrazzjoni, iċ-ċelebrant f’isimna jgħid lil Alla: fiha, f’Marija, bħal f’xempju perfett aħna naraw iseħħ dak li nixtiequ u li nittamaw li nkunu fil-Knisja. Inħarsu mela lejn Marija u nisimgħuha tkellimna fuqha nnifisha u fuq ir-relazzjoni tagħha ma’ Alla u minnha nitgħallmu niskopru lil Alla bħala l-Maħbub tar-ruħ tagħna u nintelqu bħalha f’dirgħajh ta’ Maħbub li jżiegħel bil-maħbuba tiegħu. Hekk jikkontemplaw il-Karmelitani lil Marija, f’din il-kwalità tagħha ta’ Għarusa mitluqa kollha kemm hi f’idejn Alla l-maħbub tagħha. Aħna l-Karmelitani nħarsu lejn Marija fil-misteru ta’ l-għaqda tagħha ma’ Alla għax l-għan tal-ħajja Karmelitana ma huwa xejn ħlief l-għaqda tal-persuna, ruħ u ġisem ma’ dan Alla li ħalaqna xbieha tiegħu. «Jien ranġisa ta’ Saron, Hekk titkellem fuqha nnifisha l-Għarusa ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet. X’inhi l-Għanja ta’ l-Għanjiet? Hija wieħed mill-kotba tal-Bibbja, poeżija twila li tiċċelebra l-imħabba bejn żewġ namrati, l-Għanja ta’ l-Għanjiet, l-aqwa fost l-għanjiet għax tiċċelebra relazzjoni ta’ mħabba fid-dimensjonijiet kollha tagħha naturali u spiritwali. Din ir-relazzjoni ta’ mħabba bejn ġuvni u tfajla saret is-simbolu li bih Alla juri lilu nnifsu bħala dak li jħobb il-poplu tiegħu. It-tradizzjoni tal-Knisja rat fil-Maħbub ta’ din l-Għanja l-persuna ta’ Gesù Kristu li jħobb lill-Għarusa tiegħu l-Knisja hekk li jagħtiha lilu nnifsu u jitgħaxxaq biha, waqt li l-Knisja wkoll bħal Għarusa mżejna għall-Għarus tagħha tidher quddiemu kollha sbuħija, kif jgħallimna San Pawl, bla ebda tebgħa jew tikmixa. Fit-tradizzjoni spiritwali tal-Knisja, il-kliem ta’ din il-poeżija ta’ mħabba bejn żewġ maħbubin, tana l-lingwaġġ li bih il-qaddisin fehmu dak li jgħaddi bejn Alla u l-qalb tal-bniedem fir-relazzjoni ta’ bejniethom. Jekk bejn kull ruħ u Alla hemm storja ta’ mħabba, li tinbena bil-mod il-mod sa ma tasal fil-milja kollha tagħha, bit-trasformazzjoni tar-ruħ f’Alla, bil-maħbuba fil-Maħbub mibdula, hekk li tkun tistà tieħu sehem fil-ġmiel tal-qdusija ta’ Alla kif jgħallimna l-mistiku Karmelitan Ġwanni tas-Salib, kemm aktar nistgħu ngħidu hekk għal Marija li kienet kollha kemm hi ta’ Alla: Ifraħ mimlija bil-grazzja l-Mulej miegħek, l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa ta’ l-għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. Hekk isellem Gabrijel lil Marija meta niżel minn quddiem it-tron ta’ Alla jħabbrilha li hi ġiet magħżulha biex tkun Omm Ibnu Gesù Kristu Sidna. San Ġwann tas-Salib huwa u jikkummenta fuq dan il-kliem ta’ l-anġlu jgħidilna li Marija dak il-ħin bi grazzja ta’ Alla kellha għarfien għoli tal-qdusija ta’ Alla hija u tipparteċipa fl-istess qdusija hekk li kienet trasparenti bħal tieqa mnaddfa fid-dawl tax-xemx tirrifletti l-istess dawl tal-qdusija ta’ Alla. Għalhekk nistgħu inqiegħdu fuq fomm il-Mulej il-kliem ta’ l-Għarus lil għarustu u nistħajjluh itennih lil Marija: Ara inti sabiħa maħbuba tiegħi, ara inti sabiħa...bħal susan qalb ix-xewk, hekk il-maħbuba tiegħi qalb ix-xebbiet. Kull Karmelitan, anzi kull bniedem huwa msejjaħ għal din it-trasformazzjoni. Alla jrid jixħet fuqna d-dell tiegħu, biex iqaddisna u jagħtina l-istess perfezzjoni tiegħu bħalma għamel f’Marija. L-Għarus iqabbel il-maħbuba tiegħu mal-fjuri tal-widien u l-ġilji qalb ix-xewk li jarmu l-fwieħa tagħhom mal-kampanja fir-rebbiegħa, żmien il-ħajja. Hekk Alla, ħares lejn Marija u fiha ra l-ġilju jilma fi sbuħitu qalb ix-xewk, u għażilha għalih, lil Marija, huwa u jtennilha bi kliem l-Għanja: Lili mil-Libanu, o Għarusa, mil-libanu tiġbidni lejk. Ix-Xebba Safja li min-naħa tagħha aċċettat l-istedina ta’ Alla u fid-disponibilità tagħha, ġabret id-disponibilità tad-dinja li tinfetaħ u tagħmel spazju ħalli Alla jgħammar f’nofsna. Marija bil-ġmiel tagħha tiġbed il-qalb ta’ Alla u tistiednu jersaq lejha ħalli jsiru ħaġa waħda: Ħa jiġi l-Maħbub tiegħi fil-ġnien tiegħu u jiekol mill-frott bnin tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li l-Karmelu dejjem kellu mħabba speċjali lejn Marija, il-Verġni ta’ qalb safja, il virgo purissima. Għax meta ngħidu li Marija kienet safja, inkunu rridu nfissru li fiha ma kien hemm xejn li jeħodha kontra Alla u allura qalb Marija kienet sħiħa, kollha kemm hi ta’ Sidha l-Mulej, il-Maħbub tagħha. Għalhekk Marija hija mudell għalina ta’ l-għaqda ma’ Alla. Għalhekk aħna nġibu fuqna l-kappa l-bajda biex nuru li s-Safa ta’ l-Omm iżejjen l-ulied u jagħmilhom ukoll denji ta’ l-imħabba ta’ Alla. Il-qdusija ta’ Marija tgħatti n-nuqqas ta’ qdusija fl-ulied, kif il-kappa l-bajda tgħatti t-tonka skura, simbolu tal-miżerja tagħna l-bnedmin... għax tassew min hu daqshekk ġust li jista’ jiftaħar quddiem Alla? Marija tlibbsina bis-sbuħija tagħha, dik is-sbuħija li Alla nnifsu sawwab fiha bi grazzja u li hi laqgħetha bil-libertà kollha, dik is-sbuħija li mhijiex ta’ Marija biss imma tiegħi u tiegħek jekk tassew aħna bħal Marija nħallu lil Alla jidħol fina u jsawwarna fuq ix-xbieha ta’ Ibnu Ġesù Kristu, l-isbaħ wieħed fost ulied il-bnedmin li lil Marija u lil kull ruħ li hija miftuħa għalih jgħannilha l-kliem ta’ l-Għarus fl-Għanja: Int kollok ġmiel, ħabiba tiegħi, u tebgħa fik ma’ hemmx. Mhux ta’ xejn mela li fil-festa tal-Madonna tal-Karmelu, fuq fomm kull Karmelitan jinstama’ l-kliem sabiħ: Xitla ta’ Ġesse Dan it-tixbiha ta’ Marija ma’ ġilju sabiħ li jfewwaħ qalb ix-xewk għandha għax tkun għal qalbna proprju hawnhekk fil-Fleur-de-lys, ir-raħal li huwa msemmi għal fjura li tikber fil-widien u fuq l-għoljiet, fjura ċkejkna, dgħajfa imma sabiħa fil-fraġilità tagħha, il-fjura li saret is-simbolu tal-kuruna rjali franċiża u li nistgħu ngħidu li hija wkoll is-simbolu ta’ dik li quddiemna llum ittenni: «Jien ranġisa ta’ Saron, X’se nieħdu aħna billi nitgħaxxqu bis-sbuħija ta’ Marija, dan il-ġilju li nibet qalb ix-xewk? Hija Marija nnifisha li bi kliem l-Għarusa ta’ l-Għanja tgħidilna: Tħarsux lejja. Fir-rakkont tat-tieġ ta’ Kana nsibu kliem Marija li lill-qaddejja tgħidilhom, u lilna fihom: Agħmlu dak li jgħidilkom hu! Marija, hi li hi kollha kemm hi ta’ Alla ma tiddandanx quddiemna bil-ġmiel tagħha għax taf li dak huwa kollu mogħti lilha minn Alla: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq il-qaddejja tiegħu... is-Setgħani għamel ħwejjeġ kbar, qaddis hu ismu. Aħna u nħarsu lejn il-ġmiel ta’ Marija fir-relazzjoni tagħha ma’ Alla, ma rridux nieqfu nistagħġbu biss, imma rridu nħossu l-bżonn li aħna wkoll insiru bħalha. Marija hija waħda minnha, tfajla lhudija min-Nażaret li għexet fis-sempliċità fid-dar tal-ġenituri tagħha, tixtarr il-Kelma ta’ Alla. Marija hija l-mara li kellha l-kapaċità tħobb lil Alla fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, fil-qadi ta’ dmirijietha ta’ mara tad-dar fil-familja ta’ Nażaret. Habbet lil Alla u daqet l-imħabba ta’ Alla fl-imħabba u d-dedikazzjoni li tat lir-raġel tagħha Ġużeppi u fl-għożża li rċeviet minn għandu. Iltaqgħet ma’ Alla u ħabbitu fl-imħabba u d-dedikazzjoni li wriet lejn binha Ġesù. Kienet hi, flimkien ma’ Ġużeppi li għallmet lil Ġesù jħobb lil Alla u jżommu fl-ewwel post fil-ħajja tiegħu, kienet Marija wkoll li b’umiltà kbira għarfet li qabel ma’ hija Omm Ġesù hija d-dixxiplu tiegħu u għalhekk baqgħet miftuħa u disponibbli għal dak li ried Alla minnha fil-mixja tagħha wara Kristu sa taħt is-salib, il-mara fidila li baqgħet temmen u tittama kontra kull tama, għax il-bniedem ġust jgħix bil-fidi. It-tama tagħha ma’ ġietx nieqsa għax tassew li l-wegħdiet ta’ Alla seħħew fil-ħajja ta’ Marija, il-mara tat-tama li wara l-qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet rat it-twelid tal-Knisja u kienet magħha tqawwi lid-dixxipli bil-preżenza siekta u eżemplari tagħha fil-Knisja. Hemm baqgħet Marija, f’nofs il-ġisem mistiku ta’ Kristu, il-Knisja li kienet qegħdha titwieled taħt id-dell tal-qawwa ta’ l-Għoli, sal jum li fih hija semgħet il-kliem ta’ dak li ħabbha sa minn dejjem isejħilha għal ħdejh bil-kliem ta’ l-Għarus fl-Għanja: Qum ħabiba tiegħi, Hekk dik li dejjem fittxet u sabet il-wiċċ ta’ Alla fil-ħajja tagħha fuq din l-art, issa tista’ tgawdih għal dejjem fl-eternità. U hawnhekk għalina Marija hija wkoll mudell ta’ ħajja, għax b’ħajjitha, bil-mod kif hija għexet fuq l-art, tistedinna nfittxu l-wiċċ ta’ Alla. L-Għarusa ta’ l-Għanja titniehed għax bil-lejl fittxet lill-maħbub tagħha, terrqet fil-belt iltaqgħet mal-perikli, u ma qagħditx bi kwietha sakemm sabet lil dak li qalbha xtaqet. Hawn nistgħu naraw ix-xbieha ta’ Marija li mxiet u terrqet fid-dlam tal-fidi bħala d-dixxpilu ta’ Binha Gesù. Għax Marija bħal kulħadd kellha tagħmel il-mixja tagħha tal-fidi, fid-dlam bħalna li mhux dejjem nifhmu l-mod li bih Alla jkun qed jaħdem magħna. San Luqa jurina din ir-realtà fir-rakkont ta’ meta Marija tilfet lil Binha Ġesù u wara tlett’ijiem sabitu fit-tempju. Tlett’ijiem, simbolu tal-jiem li għaddew mill-Ġimgħa l-Kbira sa nhar il-Għid, jiem li fihom il-Knisja Għarusa ta’ Kristu tilfet fil-mewt l-Għarus tagħha, imma sabitu nhar Hadd il-Għid. Aħna wkoll, ma nibżgħux nistqarru li l-biċċa l-kbira ta’ jiemna fuq l-art qishom dawn it-tlett’ijiem ta’ dlam imtawwla nixxenqu li naraw id-dawl ta’ Alla. Marija hija mudell għalina fl-istennija ta’ Alla u t-tfittix ta’ wiċċu: Jien wiċċek infittex Mulej, la taħbix wiċċek minni. Il-wiċċ ta’ Alla li ma nsibuhx biss fit-talb imma nsibuh f’dak li aħna nħabbtu wiċċna miegħu kuljum. Marija sabet lil Alla f’imħabbitha lejn Ġużeppi, lejn Ġesù, lejn Elisabetta, lejn l-għarajjes ta’ Kana, lejn id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù, lejn il-Knisja li kienet għadha qed tifforma ruħha wara l-Għid tal-Mulej. Marija hi l-mara ta’ qawwa li fid-dlam tal-lejl tal-fidi baqgħet soda taħt is-salib ta’ Gesù, tittama u temmen li Alla huwa fidil f’imħabbtu. Marija ssib lil Alla mhux biss għax tgawdih wiċċ imb’wiċċ fil-glorja tas-sema, imma ssibu wkoll fil-qadi tal-missjoni li afdalha Ġesù Kristu msallab għalina u għas-salvazzjoni tagħna: Mara hawn hu Ibnek. Marija, l-Omm u l-Għalliema spiritwali tagħna, bħal oħtna l-kbira fil-fidi tagħtina jdejha u tterraq magħna fil-mixja tagħna tal-fidi, fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Jekk Ġesù rrikmanda lilna lilha, hekk ukoll lilha rrikkmandaha lilna. Jekk lilna ħalliena f’idejha hekk ukoll ħalla lilha f’idejna għax hu dar lejn id-dixxiplu l-maħbub u qallu minn fuq is-salib: Hawn hi ommok... u minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu. Nieħdu għandna lil Marija u nħalluha bil-ħajja tagħha tgħallimna ngħarfu li aħna wkoll imsejħin biex ngħixu relazzjoni ntima ma’ Alla li jorbotna miegħu bl-irbit ta’ l-imħabba li ma tinħall qatt. Ejjew fis-sbuħija ta’ ruħ Marija u fis-sbuħija ta’ mħabbitha lejn Alla naraw dak li qalbna tixxennaq tant għalih u li ħafna drabi aħna nippruvaw nimlewh bi ħwejjeġ li jħallu vojt kbir fina. Ejjew inħarsu lejn Marija fir-relazzjonijiet tagħha ma ħutna bnedmin u nitgħallmu aħna wkoll inħobbu lil ħutna bl-istess qalb kbira tagħha, għax fejn hemm l-imħabba u l-għożża hemm Alla jinsab, fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura fl-imħabba ta’ Alla, hemm Kristu jinsab fostna. Nersqu lejha mela llum u nitolbuha tmexxina hi fit-toroq ta’ Alla, illum li għednilha bil-qalb waqt is-salm: Nimxu warajk kull fejn teħodna Verġni Marija. Iva, nimxu warajk Verġni Marija, kull fejn teħodna. Fejn trid teħodna jekk mhux għand Ibnek Ġesù? Għand min tridna mmorru jekk mhux għand Ibnek li hu waħdu għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem? Nimxu warajk kull fejn teħodna Verġni Marija, imma inti ersaq lejna, newwlilna idejk, weżinna u tellgħana fuq l-Għolja tal-Karmelu, l-Għolja tal-Mulej, fejn jgħammar Ibnek Ġesù Sidna. Aħslilna jdejna bħalma omm taħsel l-uliedha ċkejknin, għax nafu li min għandu jdejh indaf mill-ħażen u l-inġustizzja jistà jersaq lejn it-tron ta’ Alla. Agħtina qalbek għax nafu li min għandu qalbu safja jistà jara lil Alla. Għalliema għarfa tagħna, agħtina l-għerf tiegħek għax nafu li min ma jagħtix ruħu għall-frugħa jista’ jikber fl-għarfien ta’ Alla. Verġni tas-skiet qegħdilna kliemek fuq fommna għax nafu li min mhux qarrieq, min iwiegħed u jżomm kelmtu u min ma jqassasx bi lsienu jista’ tassew jieqaf quddiem Alla għax kif wissiena Ibnek aħna rridu nagħtu kont ta’ kull kelma żejda li ngħidu. Mara attenta għall-ħtiġijiet tagħna agħtina l-istess qalb kbira tiegħek ħalli nħobbu lil ħutna bl-istess imħabba tiegħek għax nafu li jsib ħniena quddiem Alla min ma jagħmilx deni li ġaru u lil għajru. Libbisna bil-ħajja tiegħek O Marija għax nafu li min jgħix bħalek ikollu barka mingħand il-Mulej u l-ħlas li ħaqqu minn Alla s-Salvatur tiegħu. U meta aħna bħall-art bil-għatx għall-grazzja ta’ Alla, ejja bħal dik is-sħaba tal-profeta Elija u raxxax fuqna bl-abbundanza x-xita tal-ħajja: Il-frott Imbierek tal-ġuf tiegħek Ibnek Ġesù Sidna, O ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija. |