PredikazzjoniL-Erbgħat ta' l-Udjenza
IS-SEBA' FERĦAT TA' MARIJA
L-EWWEL ERBGĦA"Sultana tas-Sema, ifraħ!" L-antifona ta' Żmien l-Għid wara li fil-ġimgħat ta' qabel ikkontemplajnieha "wieqfa imbikkija ħdejn Binha fit-tbatija fuq is-salib imdendel," mhix folklor, imma espressjoni tal-fidi tal-Knisja li Marija hi magħquda ma' Kristu fil-misteru kollu tiegħu. Il-misteru ta' Kristu hu fuq kollox il-Misteru ta' l-Għid: Il-mewt u qawmien tiegħu, il-passaġġ tiegħu mill-mewt għall-ħajja, mill-ħajja naturali għall-ħajja spiritwali, ħajja trasformata, li tixbaħ l-istess ħajja ta' Alla. Id-dixxiplu ta' Kristu permezz tal-magħmudija, hu nserit f'dan il-misteru. Il-ħajja nisranija hija mmarkata bil-misteru ta' l-Għid: “Aħna kontinwament għaddejjin ma' Ġesù mill-mewt għall-ħajja, qegħdin kontinwament immutu għalina nfusna u għad-dnub biex ngħixu għal Alla" (Rum.6,11). Imma fost id-dixxipli kollha ta' Ġesù m'hemm ħadd li ngħaqad miegħu f'dan il-misteru ta' l-Għid daqs OMMU MARIJA. Marija kienet kollha kemm hi qaddisa sa mill-ewwel waqt ta' l-eżistenza tagħha. Igħallimna d-Duttur Karmelitan San Ġwann tas-Salib li l-Madonna qatt ma kellha stampata f' ruħha x-xbieha ta' krejatura, imma dak li kien imexxiha dejjem u f' kollox kien l-Ispirtu s-Santu. Minkejja l-qdusija għolja tagħha, Marija wkoll kellha ġġarrab it-tbatija biex tingħaqad aktar bi sħiħ ma' Binha skond il-Profezija li kien għamlilha fit-tempju x-xwejjaħ Xmuni: "Lilek ukoll, sejf jinfidlek ruħek." Din it-tbatija lil Marija servitha biex tgħaddi ma' Kristu mill-ħajja naturali għall-ħajja spiritwali, jiġifieri ċċentrata biss fuq Alla u mmexxija biss mill-Ispirtu s-Santu. X'kienet it-tbatija ta' Marija?" Batiet it-tbatijiet normali tal-bnedmin u tal-foqra, imma fuq kollox batiet f'qalbha u f'ruħha u l-aktar li ġegħlitha tbati kienet dik il-maternità li hi proprju l-akbar glorja tagħha. Il-Maternità ta' Marija kienet maternità differenti, mhux biss għax verġinali, imma wkoll għax Binha kien Bin Alla. Min jaf kemm xtaqitu kien tifel bħall-oħrajn Marija lil dan binha li kien tant iħawwada b'dak li kien igħid u jagħmel! San Luqa fil-Vanġelu tiegħu jpinġihielna żżomm kollox f'qalbha u taħseb bejnha u bejn ruħha biex tipprova tifhem min kien DAN L-IBEN SPEĊJALI LI ALLA KIEN TAHA! Hu u jitkellem fuq hekk, il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika "OMM IL-FEDDEJ" igħidilna li Marija batiet bħal "GĦEJJA TAL-QALB," bħal "LEJL MUDLAM" tal-fidi hi u tipprova tifhem il-misteru ta' Binha. U hi u tifhem dejjem iżjed ir-rabta l-iżjed intima li kienet torbot lil Binha ma' Alla, Marija kienet tifhem dejjem aktar kemm dan l-Iben ma kienx proprjetà tagħha. Ġesù, f'imħabbtu lejha, kien qiegħed iħollha bil-mod il-mod minn rabta naturali li kellha miegħu bħala Omm - "X'HEMM BEJNI U BEJNEK MARA?" qalilha fit-Tieġ ta' Kana - meta riedet bħal tindaħħalu bl-awtorità tagħha ta' Omm - biex jagħmilha Ommu f'sens spiritwali: "OMMI U ĦUTI HUMA DAWK LI JISIMGĦU L-KELMA T'ALLA U JĦARSUHA" qal meta ġiet tfittxu flimkien ma' qrabatu waqt li kien jippriedka. Kien iebes dan il-kliem għal Marija. Kien tassew sejf li jinfdilha ruħha. Imma kull twelid iġib it-tbatija u Ġesu' kien qiegħed bil-mod iwelled spiritwalment lil ommu u jagħmilha l-ewwel u l-aqwa fost id-dixxipli tiegħu. It-tbatija ta' Marija laħqet il-quċċata tagħha fuq il-Kalvarju. Filwaqt li Kristu kien qieghed ixxejjen lilu nnifsu għal kollox billi joqgħod għall-mewt tas-salib, il-mewt tal-kriminali, u hekk jinża' d-dinjita' li kellu bħala BIN ALLA: filwaqt li f'ruħu kien qed jitneżża' ghal kollox minn kull faraġ meta ħass li saħansitra l-Missier kien telqu, f'dan l-istess mument OMMU MARIJA kienet qeda titneżża' għal kollox u tixxejjen fil-MATERNITA' TAGĦHA NATURALI BIEX JAGĦTIHA MATERNITA' SPIRITWALI: "MARA HAWN HU IBNEK." Hu u jitkellem ma' Marija fuq dan S. Bernard jikkummenta: "Forsi ma kinitx taqta' aktar minn sejf dik il-kelma li nifditlek tassew ruħek, kelma li tinfed se fejn jinfirdu minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu: "Mara, hawn hu Ibnek?" X'bidla din! Ingħatalek Ġwanni minnflok Ġesù, l-Ilsir minnflok is-Sid, id-dixxiplu minnflok l-Imgħallem, bin Żebedew minnflok Bin Alla, bniedem sempliċi minnflok ALLA VERU!" U x' kien ir-riżultat ta' din it-tbatija? Ġesù kien saffa għal kollox permezz tagħha l-imħabba maternali naturali ta' Marija u għamilha mħabba divina, kien għaddiha miegħu mill-ħajja naturali għall-ħajja spiritwali. Marija kienet għamlet miegħu l-passaġġ tal-Għid u ħarġet mibdula, isbaħ milli diġà kienet. Omm Kristu kienet saret dixxiplu tiegħu. Hekk insibuha fiċ-ċenaklu ma' l-Appostli u d-dixxipli l-oħra wara t-tlugħ ta' Ġesù fis-sema tistenna l-miġja ta' l-Ispirtu s-Santu. Hekk Marija saret OMM u GĦALLIMA tal-ħajja spiritwali għax aktar minn kulħadd u qabel kulħadd imxiet wara Kristu fil-misteru tiegħu ta' l-Għid - ħalliet lil Alla jneżżagħha għal kollox mill-ħajja naturali, minnha nfisha u jibdilha għal kollox fis-sura ta' Kristu Rxoxt. U għalhekk, li l-Ordni Karmelitan sa mill-bidu tiegħu għażel li jidħol fl-iskola ta' Marija. Il-Karmelitan jaf li biex jilħaq l-għaqda sħiħa ma' Alla li għaliha msejjaħ, irid jingħaqad ma' Kristu fil-misteru tiegħu ta' l-Għid, irid imut għalih innifsu biex igħix għal Alla. Dan ifisser ħafna tbatija tal-qalb u r-ruħ, ifisser li Alla jneżżgħu minn kollox u jgħaddih mid-deżert tar-ruħ kif għadda lill-Profeta Elija. Il-Karmelitan jaf li ħadd mhu espert daqs Marija f'din it-tbatija tal-qalb u r-ruħ li ssaffi lill-bniedem u tgħaqdu għal kollox ma' Alla. Għalhekk iħares lejha bħala mudell mill-aqwa u jintelaq f'idejha bħala Omm u Għalliema biex tkun hi li tmexxiħ f'dan id-deżert tar-ruħ. Hu b'dan il-mod li se nimxu mal-Madonna tal-Karmnu dawn is-sebgħa erbgħat sa Għid il-Ħamsin, u nħalluha tkellimna mill-paġni tal-Vanġelu u tgħallimna nimxu wara Kristu kif imxiet Hi, sa l-aħħar, sas-salib, biex inkunu nistgħu miegħu u magħha, ngħixu l-ħajja l-ġdida skond l-Ispirtu, il-ħajja li ġabilna Kristu bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Sultana tas-Sema... Sultana tas-sema, ifraħ!
IT-TIENI ERBGĦA "Ifraħ, ja mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek." Hekk tibda l-istorja ta' Marija ta' Nażaret fil-Vanġelu, b' dan il-kliem li jurina mal-ewwel il-kobor u x-xorti kbira ta' din id-daqsxejn ta' tfajla Lhudija li Alla xeħet għajnejh fuqha. Ifraħ: Hija stedina tal-profeti lil Bint Sijon għax waslet is-salvazzjoni. Marija Vera Bint Sijon qegħda tilqa' lil Alla go fiha u ssir il-Belt ta' Alla, it-Tempju. Mimlija bil-grazzja: tfisser mibdula bil-grazzja ta' Alla. Il-Verġni Mbierka Marija, għalkemm kellha n-natura tagħna l-bnedmin, madankollu Hija kienet ġiet mnissla mingħajr it-tebgħa tad-dnub tan-nisel. Infatti l-Arkanġlu Gabriel sellmilha bil-kelmiet: "Il-mimlija bil-grazzja." Ismek Marija ma jfissirx haġ'ohra għajr "baħar ta' grazzji," li għalxejn ix-xitan żbroffa minn ħalqu l-velenu tad-dnub biex itebba' dan il-baħar ta' grazzji. Għal S. Bernard hija l-grazzja tal-verginita'. Marija kienet dieħla għaż-żwieġ imma fil-fond ta' qalbha kienet kollha kemm hi ta' Alla - "Ma nagħrafx raġel." Il-Mulej miegħek: hu ma' dawk magħżula għal xi ħaġa kbira li tiżboq, li tgħaddi l-forzi tagħhom. Il-Mulej kien ma' Marija biex issir Omm Alla u tibqa' Verġni: f'dan il-proċess straordinarju l-Iben ta' Alla sar bniedem fil-ġuf safi ta' Marija, dak li kien Alla xejjen lilu nnifsu, sar bniedem bħalna f'kollox minbarra d-dnub u twieled fiż-żmien minn Marija Verġni, Omm Alla u tagħna l-bnedmin! Marija bint Sijon Fit-Testment il-Qadim, biex jitkellmu fuq raħal li jiddependi minn xi belt jew fuq taqsima ta' xi belt, il-kittieba ħafna drabi jużaw l-espressjoni "bint..." magħquda ma' l-isem ta' dik il-belt. Għaldaqstant "bint Sijon" għandu jkollha tifsira: xi taqsima ta' Ġerusalemm, il-belt imqaddsa mibnija fuq l-għolja ta' Sijon. Jidher li kienet parti fqira ta' Ġerusalemm, subborg li mtella' bir-rifuġjati mis-Saltna ta' Fuq, Iżrael, li fittxew il-kenn f'Ġerusalemm meta s-Saltna ta' Fuq waqgħet fis-sena 721 qabel Kristu. L-ewwel darba li nsibu dan l-isem hu fil-ktieb tal-profeta Mikea, fejn il-profeta jwiegħed is-salvazzjoni biex iqawwi l-qalb tal-fdal ta' Iżrael, ta' dawn in-nies mis-Saltna ta' Fuq li ġew jgħammru f' dan is-subborg ġdid ta' Ġerusalemm, ħdejn il-bieb tal-belt. Iżda biż-żmien l-isem "bint Sijon" beda jieħu tifisr ieħor, aktar simboliku u spiritwali. Hekk fil-ktieb tal-profeta Isaija, jibda jintuża għall-belt kollha kemm hi meta l-profeta jrid jitkellem fuqha f' sens spiritwali. Forsi dan ġara minħabba li dik it-taqsima ta' Ġerusalemm imsejħa "bint Sijon" minn Mikea kienet qrib it-tempju u minħabba li n-nies li kienu joqogħdu hemm, kif ġa' rajna, kienu fqar u maħqura, żewġ elementi importanti fl-ispiritwalità tat-Testment il-Qadim. L-istess tifsira nsibuha fil-ktieb tal-profeta Sofonija li jħabbar li f'Jum il-Mulej Ġerusalemm tissaff billi l-għonja li jaħqru lill-foqra u l-imsejkna jiġu kkastigati, waqt li dawn ta' l-aħħar jiġu meħlusa. Minħabba f'dan, il-profeta jistieden lil dawn il-foqra jifirħu: "Għajjat bil-ferħ, bint Sijon" (Sof 3:14). Fit-tnehid ta' Ġeremija l-isem "bint Sijon" jintuża għal Ġerusalemm li tinsab fit-tiġrib. Sa minn żmien l-eżilju f'Babilonja (586-536 qabel Kristu), l-isem "bint Sijon" kien sar isem sagru. Sar il-fdal ta' Iżrael li minnu Alla kellu joħloq poplu gdid, kif ħabbru l-profeti ta' wara l-eżilju. Filwaqt li żamm l-idea tat-tifsira oriġinali tiegħu, jiġifieri li jindika l-foqra u l-maħqura, dan l-isem beda jintuża bħala personifikazzjoni tal-poplu kollu ta' Iżrael li kien jistenna s-salvazzjoni. Applikat għall-Madonna Qabel xejn tajjeb ngħidu li għall-Israelita l-individwu qatt ma hu meqjus għal rasu. Hemm rabta l-aktar kbira bejn l-individwi, kemm bejn il-ġenituri u l-ulied u kemm bejn l-aħwa, rabta li tinfirex kemm fuq livell vertikali, jiġifieri nanniet u dawk kollha li jiffurmaw l-arblu tar-razza, u kemm fuq livell oriżżonatali, jigifieri kuġini, qraba u saħansitra n-nies kollha ta' l-istess pajjiz jew razza. Aħna l-Maltin ukoll ngħożżu ħafna dan l-irbit u nħossu li aħna tassew marbuta ma' qrabatna, tant li ngħidu "id-demm qatt ma jsir semm." Imma għal-Lhud din ir-rabta kienet tfisser ħafna aktar. Għalihom kull wieħed kien jirraprezenta lill-oħrajn b'mod tassew ħaj, hekk li dak li wieħed jagħmel ikollu effett fuq kulħadd. Għaldaqstant jekk ngħidu li Marija hi "Bint Sijon" inkun qed ngħidu li filwaqt ta' l-Inkarnazzjoni Marija kienet tirrapreżenta lil Iżrael b'mod li Iżrael kollu kien miġbur fiha. Fil-fatt dak il-hin Marija kellha f'idejha d-destin ta' Iżrael u tad-dinja, għax Alla ried il-kunsens tagħha qabel ma bagħat lil Ibnu fid-dinja biex isalvana, u kien permezz tagħha li l-Messija ġie għal Iżrael u għall-bnedmin kollha. L-evanġelista li l-aktar ipinġilna 'l Marija bħala "Bint Sijon" huwa San Luqa. L-ewwelnett fit-tislima ta' l-anġlu (Lq 1:28) ħafna studjużi llum jaraw riferenza għal dawk is-siltiet tal-profeti fejn "bint Sijon" hi mistiedna tifraħ għax waslitilha s-salvazzjoni. Dawn jidhrilhom li din it-tislima m'għandhiex tinqaleb "Is-sliem għalik" iżda "Ifraħ". Silta oħra mill-Vanġelu ta' San Luqa li fiha jidher li l-evanġelista jrid jippreżentalna 'l-Madonna bħala "Bint Sijon" hi l-kantiku tal-Madonna magħruf bħala l-"Magnificat." F'dan il-Kantiku, Marija filli titkellem fuqha nfisha u filli titkellem fuq Iżrael. Tfaħħar lil Alla għal dak li għamel magħha u tfaħħru wkoll għal dak li għamel ma' Iżrael bħallikieku hi u Iżrael kienu ħaġa waħda. Hekk titkellem fuqha nfisha bħala "ċkejkna" u titkellem ukoll fuq "iċ-ċkejknin". Dawn huma l-fqar u maħqura li semmejna qabel, il-fdal ta' Iżrael li kien jistenna s-salvazzjoni "Bint Sijon." Ma' dawn Marija tiddentifika ruħha. Dan kollu li għidna jurina tajjeb ħafna l-post ta' Marija fl-istorja tas-salvazzjoni. Aktar minn kulħadd hija stenniet is-salvazzjoni mwegħda minn Alla lill-poplu tiegħu u aktar minn kulħadd kienet imħejjija biex tilqagħha. Lilha għażel Alla biex f'isem il-poplu kollu, anzi l-bnedmin kollha, tilqa din is-salvazzjoni. Għaldaqstant Marija hi tabilħaqq "Bint Sijon" li Alla ħares lejn iċ-ċokon tagħha u temm il-wegħdiet li kien għamel lil Iżrael. Il-Karmelu mhux 'il bogħod minn Nażaret u l-ewwel knejjes kienu ddedikati lil-Lunzjata. Il-Verġni Mbierka Marija fit-tħabbira ta' l-Arkanġlu Gabriel qalet l-"IVA ĦIELSA" tagħha biex tkun Omm Alla, imma Omm Alla li baqgħet Verġni, ix-Xbejba l-aktar safja. L-ewwel mara verġni, kif il-Profeta Elija kien l-ewwel raġel verġni. U għax il-Karmelitani kienu jqisu lil Marija bhala oħthom u lill-Profeta, Missier tagħhom, kienu jimitawhom: "Joffru lil Alla qalb nadifa u msoffija." Verġinità mhux biss f'sens fiżiku, imma l-aktar spiritwali l-qalb safja, kuxjenza retta, li tagħmel kollox għal Alla waħdu, li Alla jkun iċ-ċentru ta' ħajtek, li ħajtek tkun tiegħu. Mhux il-Karmelitani kollha msejħa għall-verġinità, iżda intom it-Terzjarji u intom miktuba fil-labtu, ftakru li aħna lkoll imsejħa biex noffru lil Alla qalb safja u nadifa skond l-istat tal-ħajja tagħna. Ilkoll imsejħin biex ngħixu l-istess ħajja mogħtija 'l Alla li għexet Marija. "Il-ġmiel tal-Karmelu" li fiha naraw bħal f'mera dak kollu li nixtiequ u nittamaw li nkunu. "Ifraħ, ja mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek."
IT-TIELET ERBGĦA Iż-Żjara ta' Marija "Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek...u hienja int li emmint li jseħħ kulma qallek il-Mulej." L-Anġlu Gabirel kien ta lil Marija sinjal li Alla jista' kollox... Eliżabetta nislet iben fi xjuħitha... u bla ma qagħdet taħsibha darbtejn Marija marret tgħaġġel... Dik li kienet għadha kemm tistqarr li hi l-qaddejja tal-Mulej kienet lesta li tkun qaddejja ta' kull minn għandu bżonnha. Tikteb il-Beata Eliżabetta tat-Trinità li wara t-tħabbira, il-Verġni baqgħet tadura bla waqfien id-don t'Alla (li kienet iġorr fi ħdanha). Imma dan ma fixkilhiex milli tinagħta wkoll għall-ħajja ta' attività meta kien hemm fin-nofs il-karità. Dik id-dehra li ma titfissirx, li Marija kienet tara ġewwa fiha, qatt ma naqset l-imħabba tagħha lejn l-oħrajn." Din l-għaqda bejn servizz imħabba t'Alla u tal-proxxmu hi importanti ħafna għal min irid jieħu bis-serjetà d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu. Sehem fl-Ispiritwalità ta' l-Ordni mibnija fuq l-għaqda m'Alla li pero’ tiftaħna għall-oħrajn. Il-Vanġelu jgħidilna li meta Marija daħlet għand Eliżabetta, it-tarbija qabżet fil-ġuf u tqaddset. Minn fejn ġabitha dil-qawwa Marija li l-preżenza tagħha biss kienet iġġib dan? Il-kliem ta' Eliżabetta jfissrilna dan: Imbierka inti fost in-nisa... Minn fejn ġieni dan li Omm Sidi tiġi għandi? Marija l-imbierka kienet saret għajn ta' barka. Xi tfisser "barka". Marbuta mal-ħajja u t-tkattir tagħha, il-prosperita', is-success, il-paċi, is-salvazzjoni. L-għajn tal-barka hu Alla nnifsu li meta jbierek lil xi ħadd jagħtih sehem mill-ħajja tiegħu u l-profondità tiegħu: "Alla berikom u qalilhom... Nisslu u tkattru" (lill-bnedmin u lill-annimali). U lil dawk li joqgħodu għall-kelma tiegħu (Dewt 28,1-5.9) Alla jwegħdhom il-barka: "Ikun imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, il-frott ta' l-art tiegħek u l-frott tal-bhejjem tiegħek..." Il-barka, ħajja u tkattir. Jekk kull tnissil hu frott il-barka t'Alla, kemm aktar frott il-barka kien DAK li tnissel bil-qawwa ta' l-Ispirtu s-Santu u hu Alla magħna. Tassew imbierek il-Frott tal-ġuf tiegħek. Għax bih id-dinja kollha kisbet il-ħajja bil-kotra. U jekk kull omm li ġġib fi ħdanha l-ħajja tista' tissejjaħ imbierka għax it-tnissil hu frott il-barka t'Alla, kemm aktar hi mbierka dik li saret għajn tal-ħajja għad-dinja kollha għax BINHA HU L-ĦAJJA? "Il-barka tiegħek, O Verġni, hi barka għad-dinja kollha" (S.Anselmu). Għax tassew bil-maternità li biha berikha Alla, Marija saret għajn ta' barka għal kulħadd, għajn tal-grazzja, għajn tal-ħajja. Għalhekk qabez Ġwanni f'ġuf ommu! Imma għaliex berikha b'dal-mod Alla lil Marija? Dewtoronomju: Il-barka hi għal min joqgħod għar-rieda t'Alla, għal min jobdi. Marija kienet il-verġni kollha ubbidjenza "Ikun minni skond kelmtek." Alla kien talab minnha l-fidi, l-ubbidjenza qabel ma berikha bl-akbar barka. Mhux ta' b'xejn li Eliżabetta wara li stqarret li Marija hi mbierka għax hi Omm Sidha, kompliet: "Ħienja dik li emmnet..." Minn hawn ġejja l-barka ta' Marija. Ġesù nnifsu, aktar tard, urihulna dan: "Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt... imma aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma t'Alla u jagħmluha" (Lq 11,27-28). U Santu Wistin jikkumenta: "Forsi l-Vergni Marija m'ghamlitx ir-rieda tal-Missier?... Iva, il-Verġni Mqaddsa għamlitha r-rieda tal-Missier, u għamlitha sewwa, u għalhekk għal Marija hi ħaġa aqwa li kienet waħda mid-dixxipli ta' Kristu milli omm Kristu." Iva għax il-barka li tkun Omm Kristu rċevitha għax qabel nisslitu kienet ġa' saret l-aqwa dixxiplu ta' Dak li kellu jgħid: "Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma t'Alla u jħarsuha." Mela l-barka ta' Marija tista' tkun ukoll il-barka tagħna jekk bħalha nkunu nies li jisimgħu l-kelma t'Alla u jħarsuha. Titu Brandsma: "Il-karmelitan hu Marija Oħra, Omm Alla... jnissel lil Kristu fih u jagħtih lill-oħrajn". Fuq għidna meta l-Anġlu Gabriel ħabbar lil Marija li Eliżabetta nislet fi xjuħitha... bla ma qagħdet taħsibha marret tgħaġġel. U hawn f'dawn il-misteri, lil Marija narawha dejjem tgħaġġlu 'l Alla: Hi li għagglitu jiġi fostna... hi li għaġġlitu fil-missjoni messjanika tiegħu u għalhekk narawha b'għaġla kbira tmur għand qaribtha Eliżabetta biex binha jqaddes u jagħmel prekursur tiegħu l-frott ta' Eliżabetta, Hi li għaġġlitu biex jibda l-ħajja pubblika tiegħu fit-Tieġ ta' Kana hi li għaġġlitu biex juri l-kobor tad-divinità tiegħu, hi li għaġġlitu biex ibati, imut u jqum maż-żerniq tat-tielet jum (Ara: Mt 28, Mk 16,1; Gw 20,1) U nistaqsu: mhux forsi minħabba Marija, l-Għarusa tiegħu, il-maħbuba u l-perfetta tiegħu (Kant 6,8) li niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u fuq id-dixxipli? Bil-miġja tiegħu fuqhom ried jagħmel minnhom bnedmin ġodda, ried jagħmel minnhom bħal ġisem ieħor għal Ġesù Kristu, ġisem ġdid, ġisem spiritwali, ġisem mistiku, ġisem mhux imnissel mid-demm u lanqas mir-rieda tal-bniedem, imma mwieled minn Alla (Gw.1,13). Dan il-Ġisem Mistiku huwa l-Knisja. U għal din il-missjoni, għal dan it-twelid ġdid ta' Ġesù Kristu - il-Knisja - l-Ispirtu s-Santu ried is-sehem ta' Marija Verġni, bħalma kien ried is-sehem tagħha hemm f'Nażaret għat-tnissil tal-ġisem fiżiku ta' Binha (Lq 1,35). Lil Marija narawha preżenti f'Betlem bħala l-Omm naturali ta' Ġesù Kristu; u fiċ-Ċenaklu narawha bħala l-Omm Spiritwali tal-Knisja! L-omm għandha parti importanti ħafna fil-ħajja tagħna. Daqshekk ieħor għandha sehem qawwi Marija fil-ħajja tal-Knisja. Kemm kien ħsieb għaref u qaddis meta l-mikbi Papa Pawlu VI lejn tmiem il-Koncilju Vatikan II iddikjara lil Marija, OMM IL-KNISJA! X'inhuma l-kwalitajiet ta' l-omm u kif nistgħu nappilkawhom għall-Marija, Omm il-Knisja? L-omm tagħti l-ħajja lill-uliedha. Marija hija Omm Ġesù, ir-Ras tal-Knisja... Imma Marija hija Omm ukoll għax f'idejha twieldet il-Knisja. Kien nhar Għid il-Ħamsin, bl-appostli miġbura madwarha, li Marija talbet u laqgħet il-miġja ta' l-Ispirtu s-Santu. L-omm tgħajjex lil uliedha, Marija tirċievi u taċċetta din il-ħidma minn idejn Ġesù meta qalilha: "Mara, hekk hu ibnek." Marija kienet qrib tal-Knisja fl-ewwel żminijiet tal-eżistenza tagħha u hi qrib tal-Knisja fil-ġurnata tal-lum u hekk il-Knisja tkompli l-missjoni ta' salvazzjoni li fdalha Ġesù. Hu mlielha qalbha bl-istess imħabba li biha ħabbna Hu. Il-ħafna dehriet u messaġġi tagħha huma xhieda ta' dan. Marija hija wkoll Omm tiegħi u tiegħek u tagħna wkoll, hija Omm il-Karmelu. Il-Knisja, fl-imhabba u l-qima tagħha lejn Marija, isselmillha b'hafna titli sbieħ, bħalma jselmilha b'ħafna titli sbieħ l-Ordni Karmelitan... Minn naħa tagħna jista' jiġrilna li meta nħarsu lejn Marija narawha sabiħa imma fl-istess ħin tant 'il fuq minna. Biss ma ninsewx li dik li hija MUDELL TA' QDUSIJA hija wkoll OMM u post l-omm hu dejjem ħdejn uliedha. Marija hija Ommna, qrib tagħna, miexja pass pass magħna sa ma naslu għand Binha Ġesù. "Marija qegħda fl-għeruq tal-ħajja tal-Knisja. Għall-Knisja hi l-isbaħ xbieha u xempju ta' OMM L-AKTAR MAĦBUBA... Bħalma Marija hija OMM ALLA hekk ukoll il-Knisja issir Omm dawk li jemmnu fi Kristu."
IR-RABA' ERBGĦA Il-"Magnificat": "Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej... Eliżabetta sellmet lil Marija u ferħitilha għax kienet tassew imbierka u għajn ta' barka għax kienet emmnet. Marija ma segħtetx tiċħdu dan u stqarret li l-ġnus kollha kienu se jsejħulha hienja, se jifirħulha... Santa Tereża tgħid li l-umiltà hija ekwivalenti għall-verità. Iżda kienet tkun nofs verità kieku Marija għarfet biss il-kobor tagħha bla ma għarfet l-għajn tiegħu. Għalhekk hi tistqarr "is-segħtani għamel miegħi hwejjeg kbar." Ir-raġuni għaliex Alla jħobb ħafna l-umiltà hi – "għaliex hu jħobb ħafna l-verita’. L-umiltà fil-fatt hi l-verità’." San Vinċenz de Paul. Il-Bibbja tiċċelebra lil Alla li jagħmel ħwejjeġ kbar, egħġubijiet, fosthom il-Ħolqien u l-Eżodu (il-ħolqien ta' Iżrael), ir-ritorn mill-eżilju (ħolqien u eżodu ġdid.) Dak li għamel f'Marija hu wkoll ħolqien ġdid - L-Inkarnazzjoni, xi ħaġa li ħadd qatt ma basarha. Il-kobor ta' Marija fih sens fl-istorja tas-salvazzjoni, mhux għaliha nfisha. Dak li għamel magħha, għamlu għax ftakar f'dak li kien wiegħed lil Abraham u lil nislu. Marija kienet biss parti mill-pjan t'Alla, importanti ħafna, imma dejjem "Qaddejja tal-Mulej" u l-pjan tiegħu ta' salvazzjoni.Għalhekk biex tgħid il-verità sħiħa fuqha nfisha (umilà) stqarret li minn naħa tagħha hi mhix ħlief ċokon, faqar u kien għax ħares lejn iċ-ċokon tagħha li Alla għamel magħha ħwejjeġ kbar. X'riedet tfisser Marija? Il-faqar fil-Bibbja: L-Ispiritwalita' tal-fqar: Marija kienet tinsab f'dan il-kurrent spiritwali, anzi "l-aqwa fost il-fqar tal-Mulej." (L.G.) Dawn kienu nies li kienu qed jistennew il-fidwa ta' Iżrael u l-uniċi li laqgħuha (Zakkarija, Eliżabetta, Xmun, Anna, Gużeppi). Marija stqarret bl-umiltà li hi mhix ħlief ċokon, faqar. F’hiex tikkonsisti l-ispiritwalità tal-fqar? Din tikkonsisti filli dawn jagħrfu li m’huma xejn, jafdaw f’Alla u jintelqu f’idejh b’fiduċja sħiħa. Fi ftit kliem huma bnedmin ta’ ubbidjenza, skiet u telqa f’Alla! Skond il-Lument Gentium f’dan il-kurrent spiritwali Marija hija l-aqwa fost il-fqar tal-Mulej. Marija, omm tal-imħabba, tkun għalija u għalikom, għalina l-insara f’dan il-Tielet Millenju, f’din is-Sena Mqaddsa li tajna bidu għaliha bil-ftuh tal-Ġublew 1999, tkun kewkba li tiggwida fiż-żgur il-passi tagħna biex ngħixu dan il-faqar kif għixitu hi flimkien ma' binha Ġesù, mill-benniena sal-qabar! Fi żmien Ġesù s-saltna tad-dinja u tal-ġisem laqħqet l-eqqel tagħha fl-Imperu Ruman. Filwaqt li d-dinja tgħid: Ħenjin il-għonja… ħenjin dawk li jiddevertu. Ġesù jgħidilna: Ħenjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet. Filwaqt li d-dinja tgħid Ħenjin dawk li għandhom is-setgħa f’idejhom… Ġesu’ jgħidilna: Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom. Ġesù għażel b’ommu waħda mill-klassi fqira, li kull ma setgħet toffri fit-tempju kienu biss żewġ ħamimiet. Missieru puttativ kien mastrudaxxa, waqt li HU, li għandu d-dinja b’kull ma fiha, għażel għar fejn jitwieled. Kien fqir fil-missjoni tiegħu, bħalma stqarr f'Nażaret: “L-ispirtu tal-Mulej fuqi, ikkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.” Kien fqir fil-ħajja pubblika: "Il-volpijiet għandhom l-għerien u l-għasafar ta’ l-ajru għandhom il-bejtiet, iżda bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu." Kien fqir f’mewtu, ġie mneżża mill-unika ħaġa li baqgħalu fuq l-art: ħwejġu ta’ fuqu. Ġie msallab fuq salib li ma kienx tiegħu, iżda sara bi flus il-poplu; ġie midfun f’qabar li wkoll ma kienx tiegħu. "Hu li kien għani ftaqar għall-ġid tagħna, biex aħna nkunu għonja." Hu l-uniku wieħed fl-istorja li għalih kemm l-għonja kif ukoll il-fqar jistghu jgħidu: Hu ġie mill-klassi tagħna, Hu wieħed minnha! Ħafna mill-gwaj tas-soċjeta’ tagħna, hu proprju għax għadna ma fhimnix u għalhekk anqas bdejna ngħixu l-faqar fl-ispirtu mfaħħar minn Kristu fil-Vanġelu u fil-Kantiku li nisġet Marija lil Mulej li għaraf iċ-ċokon, il-faqar tagħha. Dan l-ispirtu ta’ faqar filwaqt li jgħinna naċċettaw id-dipendenza tagħna minn Alla jgħinna wkoll nagħtu lilna nfusna u dak li għandna b’servizz t’imħabba lill-oħrajn kif għamlet Marija mal-qaribiha tagħha Sant’ Eliżabetta. Jekk irridu nikbru; nitgħallmu niċċeknu; jekk irridu nirbħu nitgħallmu nitilfu; jekk irridu nkunu ferħana inferrħu lill-oħrajn; jekk irridu nsibu lilna nfusna nitgħallmu ninsew lilna nfusna u ngħixu l-faqar fl-ispirtu u ma norbtux qalbna mall-ġid tad-dinja. Fit-tradizzjoni Karmelitana: Santa Tereża tal-Bambin Ġesù kellha devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Karmnu, għalhekk aħna li qed ngħixu f'Parroċċa (li qed nattendu u nasisstu għall-liturġija fil-knisja) mmexxija mill-Patrijiet Karmelitani, mill-Aħwa ta' Marija, Omm il-Karmelu u nħaddnu l-Ispiritwalità Karmelitana, nilqgħu l-messaġġ ta' Santa Tereżina, Duttur tal-Knisja, u bħalha nilbsu 'l Marija - x'iġifieri nilbsu 'l Marija? Iġifieri, - bħalha nagħrfu u ngħixu ċ-ċokon tagħna, - bħalha nagħrfu ċ-ċokon tagħna u l-kobor ta' Alla fina. Dan iċ-ċokon tagħna jikkonsisti: Iċ-ċokon taghna jikkonsisti f'atteġġjament spiritwali ġej minn esperjenza ta' faqar, tax-xejn tagħna. "Ma għandux fuqhiex iserraħ ħlief fuq Alla li jrid jimlielu ħajtu... jekk tkun vojta," igħid San Ġwann tas-Salib. Il-Verġni Marija fid-dar ta' Żakkarija, fejn iltaqgħet ma' qaribtha Eliżabetta, għanniet il-kantiku tal-"Magnificat" b'radd ta' ħajr lil Alla: "Issebbaħ ruħi l-Mulej u jithenna l-ispirtu tiegħi f'Alla, il-ħellies tiegħi." (Lq 1,46,47) Hija trodd ħajr lill-Mulej għall-ħwejjeġ kbar li għamel magħha u ma' ġensha. Mhux biss tfaħħar il-kobor ta' Alla, imma tfisser ukoll il-ferħ tagħha f'Alla, is-Salvatur li kellu jagħti l-fidwa lill-bnedmin. L-Imqaddsa Marija ġiet imsejħa "Il-Verġni tal-Magnificat" għaliex? Għaliex din l-għanja ma kinitx biss espressjoni ta' ferħ li ħarġet minn qalbha f'mument għażiż, iżda kienet ukoll programm ta' ħajjitha kollha, kien l-istil ta' l-eżistenza tagħha, dejjem orjentat lejn Alla u f'atteġjament ta' gratitudni kbira lejh. MARIJA HIJA L-MAGNIFICAT, mhux biss meta kienet tgħix hawn fid-dinja, iżda tibqa' wkoll "Il-Verġni tal-Magnificat" illum u dejjem hemm fis-sema fejn ġiet imtellgħa bir-ruħ u l-ġisem u fejn qiegħda ħdejn it-tron ta' Binha Gesù. Fis-sema wkoll trodd ħajr lill-Mulej u ttenni "Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar." Wieħed mid-dnubiet ta' l-omissjoni ta' ħafna nsara huwa proprju dak ta' nuqqas ta' gratitudni jew radd il-ħajr. Ninsew ngħidu grazzi lil Alla, għall-ġid kollu tar-ruħ u tal-ġisem li jsawwab fuqna b'abbundanza kbira. Kemm fl-ordni naturali kif ukoll fl-ordni soprannaturali hemm ħafna ħwejjeġ li ġejjin minn Alla u huma xhieda ta' l-imħabba tiegħu lejna. Niftakru li huwa dmir tagħna l-bnedmin, wisq aktar bħala nsara, li nroddu ħajr lil Alla għal dak kollu li jogħġbu jagħmel magħna. Il-gratitudni hija virtu’ evanġelika, għaliex Kristu għallimilna fil-Vanġelu. Biex insemmu eżempju wieħed, meta fejjaq l-għaxar imġiddmin u wieħed biss reġa' lura biex jirringrazzjah, u dan kien Samaritan, Kristu lmenta: "Mhux l-għaxra fiequ? u d-disgħa l-oħra fejnhom? Ma nstab ħadd li jerġa' lura u jfaħħar 'l Alla ħlief dan il-barrani?" (Lq 17,17-18) Ir-radd il-ħajr lil Alla jwassalna biex nikbru fl-imħabba tiegħu, meta nagħrfu kemm kien twajjeb u ġeneruz magħna. Ir-radd il-ħajr lill-Mulej jiftħilna għajnejna biex naraw aħjar bħal Marija l-kobor tiegħu, u għalhekk ħafna drabi r-ringrazzjament jinbidel f'għanja ta' tifhir lil Alla "Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, għax ra ċ-ċokon tiegħi u miegħi għamel ħwejjeġ kbar."
IL-ĦAMES ERBGĦA Il-Ħajja siekta ta' Marija "Marija kienet iżżomm dan kollu u tixtarru f'qalbha" (Lq 2,19 cf 51b). Dan il-kliem insibuh darbtejn, qisu ritornell, fil-Vanġelu ta' San Luqa, meta l-evanġelista jpinġilna l-ewwel snin ta' ħajjet Ġesù. Wara ż-żjara tar-rgħajja u wara li Ġesù jinstab fit-Tempju. X'tifsira għandu dan id-dettal u x'jgħidilna fuq il-Madonna? Jekk inqallbu l-Kotba tat-Testment il-Qadim malajr nintebħu li parti essenzjali ta' l-Ispiritwalità biblika kienet li wieħed jiftakar, iżomm f'mohhu u f'qalbu dak li wieħed jiftakar, iżomm f'moħħu u f' qalbu dak li Alla kien għamel mal-poplu tiegħu, l-opri t'Alla fl-istorja tas-salvazzjoni. "Qis u qis sewwa li ma tinsiex il-ħwejjeġ li raw għajnejk: tħallihomx jaħarbulek minn qalbek tul il-jiem kollha ta' ħajtek." (Dewt 4,9). L-opri t'Alla li wieħed għandu jiftakar u jaħseb fuqhom -- il-ħolqien, l-eżodu, l-istorja kollha tal-Poplu t'Alla - huma opri li juru l-għerf t'Alla u għalhekk minn jaħseb fuqhom isir għaref, għaqli: jibda jitgħallem jara l-affarijiet fid-dawl t'Alla, iqishom kif iqishom Alla: "Ħieni minn jaħseb fuq dawn il-ħwejjeġ. Daħħalhom sewwa f'qalbek u ssir għaref; u jekk tiprattikom, titħarreġ fihom, tkun qawwi f'kollox, għax id-dawl tal-Mulej hu t-triq tiegħek." (Sir 50,29) Mela l-poplu ta' Iżrael kien imsejjaħ li jsir il-poplu li jisma' u jiftakar kif għandu jimxi llum. U Marija kienET denja tal-Poplu ta' Iżrael, imrawma u mkissra fit-tradizzjonijiet ta' missierijietha. Hi wkoll kienet tgħallmet tisma' u tiftakar, iżżomm kollox f'qalbha u tixtarru. X'kienet iżżomm f'qalbha u tixtarr Marija? Luqa: ir-rgħajja u l-kliem ta' Ġesù ta' 12-il sena. Dak kollu li kienet tisma' lil Binha jgħid u tara jiġri madwaru. Dan għenha biex tidħol dejjem aktar 'il ġewwa fil-misteru ta' Kristu, biex tifhem aktar min kien Binha. Ma nimmaġinawx li kienet taf kollox sa mill-bidu. Il-Vanġelu ma jħalliniex naħsbu dan, per eżempju ma fehmitx kliem Ġesù fit-Tempju, baqgħet mistgħaba għall-kliem li qal Xmun fuq Ġesu'. Kellha timxi wkoll bħalna t-triq tal-fidi u dan għamlitu billi kienet dejjem għajnejha u widnejha miftuha beraħ ħalli żżomm f'moħħha dak kollu li kienet tara u tisma' u fis-skiet ta' qalbha toqgħod tixtarru u tqiegħed ħaġa ma' oħra u tqabbel kollox mal-Kotba Mqaddsa. Fl-aħħar mill-aħħar l-istorja ta' Ġesù kienet ukoll l-istorja tagħha u aktar ma kienet tifhem il-misteru tiegħu, aktar kienet tifhem il-misteru tagħha, għax minn f'dak il-waqt li kienet wieġbet "Jiena l-Qaddejja tal-Mulej" kienet taf li ħajjitha kienet marbuta għal kollox mal-missjoni ta' dak li kienet aċċettat li tkun Ommu! IL-Lhudi jiftakar u jixtarr f'qalbu biex meta tiġi fuqu l-prova jibqa' sħiħ fil-fidi għax jaf li kif Alla kien ħeles lill-poplu tiegħu fl-imgħoddi, hekk se jerġa' jagħmel. Waqt li d-dixxipli ta' Ġesù ħarbu quddiem l-iskandlu tas-salib, Marija baqgħet hemm, wieqfa taħt is-salib, għax hi kienet ilha tixtarr kollox f'qalbha u kienet lesta - HI BISS - għal dan il-mument. U f'dak is-Sibt ta' l-ewwel Għid, meta d-dixxipli kollha kienu mħawda u kważi ddisprati, tilfu kull tama, Hi waħidha kienet qegħda tistenna li issa wkoll Alla kien se joħroġ rebbieħ. Għalhekk il-Knisja sa mis-seklu X iddedikat il-jum tas-Sibt lill-Madonna ghax f'dak is-Sibt hi weħidha kienet baqgħet temmen waqt li kulħadd kien tilef kull tama. Aħna wkoll mhux l-ewwel darba li nitilfu kull tama f'mumenti mwegħra li ngħaddu minnhom kemm bħala individwi u kemm bħala familja. Iżda niftakru li Ommna Marija u Omm il-Karmelu qegħda hawn fil-knisja tagħna u fis-santwarji dedikati lilha - sensittiva għall-kull familja, tħoss il-bżonnijiet ta' kull familja. Hi tidħol għalina u tgħidlu, "Isma, naqashom..." Xi grazzja din, nafu li Ommna Marija dejjem magħna! Din biss trid minna li nisimgħu minnu. Imma biex tisma' minnu jrid ikollok fiduċja għamja fih. Nistħajjel li kultant bħall-qaddejja tat-tieġ ta' Kana, niskantaw għax naraw kollox bil-maqlub. Nistħajjilhom jgħidulu, "Ahna nbid irridu u mhux ilma, lanqas ħaqq ix-xoghol li se tagħtina." U hawn qegħda l-fiduċja, li timla l-ilma meta trid inbid. Ma naqtgħux qalbna, nibqgħu nittamaw, għax in-nisrani, igħid il-Kardinal Newman; "huwa l-bniedem li jgħix fit-tama," nibqgħu nhobbu, nibqgħu nafdaw, avolja kollox donnu jidher li ġej bil-kontra. Jekk aħna rridu nkunu kburin li aħna "Karmelitani", dan li rridu nagħmlu, li nqegħdu lil Ġesù l-ewwel f'ħajjitna, inkunu ħaġa waħda miegħu u nafdawh b'għajnejna magħluqa. Allura kull darba li nidħlu fil-knisja mmorru ħdejn in-niċċa tal-Madonna Omm il-Karmelu u nitolbuha turina iżjed lil Binha; nitolbuha u ngħidulha biex tħaddana iżjed miegħu u tqawwilna l-fidi tagħna fih. Biss ma ninsewx li kif noħorġu minn hemm iridu nagħmlu ħilitna ngħixu dak li nkunu tlabna. Allura ħajjitna tkun offerta lil Mulej. Nippruvaw l-ewwelnett naċċettaw dak kollu li jiġri f'ħajjitna jum wara l-ieħor u nqisu li wara kollox hemm il-Mulej. Nippruvaw ukoll inħobbu lil kulħadd anke lil dawk li nħossuha diffiċli biex inħobbuhom. Infittxu li f'ħajjitna nagħmlu biss il-ġid u lil kulħadd minngħajr għażla, bla ma nħarsu lejn l-uċċuħ! Marija li fis-skiet tad-dar tagħha ta' Nażaret kienet iżomm kollox u tixtarru f'qalbha hija mudell għall-Karemlitani li minnhom ir-Regula titlob li jgħaddu ħajjithom "Lejl u nhar jixtarru l-Kelma t'Alla u jishru fit-talb." Mill-Madonna l-Karmelitan u kull min hu devot tal-Madonna tal-Karmnu jitgħallem jirrifletti fuq il-Kelma t'Alla u jħalliha taħdem fih. Il-kelma t'Alla mhix biss fil-Kotba Mqaddsa. Alla jkellimna ukoll fil-ħajja tagħna b'dak li jiġri lilna u madwarna. Għal ħafna kollox jiġri b'kumbinazzjoni u bla skop. Għal minn jemmen kollox hu mmexxi minn Alla. Iżda jeħtieġ li jkollna l-għajnejn u l-widnejn ta' Marija biex inżommu kollox u nixtaruh f'qalbna u mbagħad nibdew naraw il-pass t'Alla fl-istorja personali tagħna u fl-istorja tad-dinja. L-ezempju tad-Duttur tal-Knisja, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u l-Beata Eliżabetta tat-Trinità, soru Karmelitana, li jaqraw ħajjithom fil-Kotba Mqaddsa għax bħal Marija kienu mdorrija jixtarru kemm ħajjitha u kemm il-Kotba Mqaddsa. Dan hu t-talb Marjan, it-talb karmelitan, din il-kapacità tal-qalb li tisma' l-Kelma t'Alla, tixtarrha u tħalliha tmexxilek ħajtek. Ħajjiet Marija kienet ikkonsagrata għall-Kelma ta' Alla. Kienet "taf" tisma'. Kienet imħarrġa fis-"smigħ tal-fidi" (Gal 32) u fit-"talba tal-fidi" (Ġak 5:15). Il-Verġni Marija kibret fis-smigħ tal-Kelma ta' Alla, għaliex kellha d-disposizzjonijiet meħtieġa biex tagħmel hekk u tħarrġet fihom u żviluppathom. Kienet mara docli, ta' manjieri ħelwin. Kienet titgħallem u kellha mħabba kbira għall-Kelma ta' Alla. Kienet fiduċjuża fil-Kelma ta' Alla. Kienet temmen bis-sħiħ li l-Kelma ta' Alla ta' min joqgħod fuqha. Il-Verġni Marija kienet konxja li l-arja ta' madwarha kienet imqanqla u mimlija bil-Kelma tal-Mulej. Kellha l-perfezzjoni tal-fidi. Marija kienet mara ta' temperament reliġjuż. Kienet riflessiva u kontemplattiva għall-aħħar. Kellha qalbha safja u Alla seta' jipprojetta faċilement il-Kelma tiegħu fiha u hi tismagħha mingħajr irbumbjar. "Ħenjin ta' qalbhom safja, għax huma jaraw 'l Alla." (Mt.5:8) Il-Madonna kienet mara reċettiva għall-Kelma ta' Alla, kellha l-"għajnejn tal-fidi." Hemm proverbju Għarbi li jgħid: "Ejja għandi b' qalbek u jien nagħtik għajnejja." Kienet mara attivament silenzjuża quddiem il-Kelma ta' Alla. Is-silenzju hawn nistgħu niddefinuh bħala l-attività ta' l-imħabba f'qagħda ta' smigħ. Marija kienet tistħajjel 'l Alla jgħidilha: "Jekk inti ma tifhimx is-skiet tiegħi int ma tifhimx kliemi." Il-figura w l-ħajja ta' Marija huma eżempju ċar ta' kif il-grazzja t'Alla tidħol fil-bniedem u tibidlu mingħajr ma' teqridlu l-personalità tiegħu. Ħajjiet Marija kif rajna ftit 'il fuq hija xhieda għalina wkoll illum. Fiha naraw il-għatx tal-bniedem għal Alla. Fiha, kull min jixtieq jasal għall-għaqda m'Alla, u din hija s-sejħa ta' kull karmelitan u ta' kull terzjarju, f'Marija nsibu mhux biss mudell, iżda Omm u Għalliema.
IS-SITT ERBGĦA Marija f'Kana: "Agħmlu dak li jgħidilkom hu." (Ġw 2,5) Dan il-kliem Marija qalitu fit-tieġ ta' Kana lill-qaddejja wara li talbet lil Ġesù biex jagħmel xi ħaġa għall-għarajjes li kien naqashom l-imbid. Fi kliem il-Papa Pawlu VI nistgħu ngħidu li "Dawn il-kliem mad-daqqa t'għajn jidhru li jiswew biss biex juru x-xewqa li (Ġesù) jirranġa t-tfixkil li nqala' fil-festa. Imma fid-dawl tar-raba' Vanġelu, huma bħal leħen li jerġa' jsemma' l-kliem li qal il-poplu ta' Iżrael biex juri li jaqbel mal-patt tas-Sinaj (Es 19,8,24, 3.7; Dewt 5,27), jew biex iġeddu l-kelma tagħhom (Ġos 24,24; Esd 10,12; Neh 5,12). Huwa leħen ukoll li b' mod tal-għageb jaqbel ma' dak tal-Missier fid-dehra fuq il-Muntanja Tabor: "Lilu isimgħu" (Imħ 17,5) (Marialis Cultus 57) X'ried ifisser il-Papa b'dan il-kliem? Nafu li l-Vanġelu u speċjalment San Ġwann, ma jirrakuntax sempliċement il-fatti li ġraw, imma bid-dawl ta' l-Ispirtu s-Santu jfisser dak li ma setgħux jifhmu meta ġraw. Meta San Ġwann jibda r-rakkont tiegħu tat-tieġ ta' Kana jgħidilna li dan kien "sinjal". Ġol fatt li ġara, hemm moħbi xi ħaġa aktar importanti: "misteru". Fit- T.Q. iż-żminijiet messjaniċi huma bħala ikla. Hu sinjal tat-tieġ messjaniku li fih l-ilma (T.Q.) jinbidel f'imbid (T.G.). Il-ġarar mimlija sax-xfar: il-milja ta' l-istorja tas-salvazzjoni. F'dan it-tieġ messjaniku l-għarus hu Ġesù, u Marija qegħda tirrapreżenta lill-Poplu ta' Iżrael. Għalhekk Ġesù jsejħilha "Mara". Fit-Tieġ ta' Kana Marija mqanqla minn sens ta' ħniena talbet lil Ġesù jsolvi l-problema ta' l-għarajjes li naqashom l-imbid, imma fid-dawl ta' l-Ispirtu s-Santu San Ġwann ra f'dak il-fatt lill-Mara Iżrael tittallab u tixxenaq għall-imbid li fil-kitbiet tal-profeti kien sinjal tal-ferħ ta' żmien il-Messija. Iżrael-Omm tidħol għal uliedha biex taslilhom is-siegħa mħabbra u mwegħda mill-profeti. U bl-istess mod Marija tirrapreżenta lil Iżrael f'dak il-kliem li qalet lill-qaddejja "Agħmlu dak li jgħdilkom hu." Kif igħid il-Papa Pawlu VI dan il-kliem ifakkarna fil-kliem li l-Poplu ta' Iżrael kien qal f'riġlejn il-muntanja Sinaj meta Mosé kien ipproponilhom il-Patt li Alla ried jagħmel magħhom. Dak in-nhar il-Poplu kien wieġeb u qal: "Kulma qalilna l-Mulej nagħmluh." Kienet l-"IVA" taż-żwieġ li biha l-għarusa Iżrael intrabtet ma' l-għarus tagħha, ALLA. U dik l- "IVA" baqgħet stampata fil-qalb tal-Poplu Lhudi li kienet imtennija kull darba li kien jiġġedded il-Patt. Fil-persuna ta' Marija l-Ubbidjenza ta' Iżrael lejn il-Patt, lejn Alla, laħqet il-milja tagħha. Hi nfisha tistqarr "Jiena l-Qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek." Imma issa li wasal l-imbid ġdid - għax Marija simbolu ta' Iżrael nisslet u ġabet fid-dinja lill-MESSIJA - issa din il-Mara Marija mhux biss tirrapreżenta lil Iżrael l-Għarusa tal-Mulej fl-ubbidjenza tagħha, imma tirrapreżenta wkoll lil Iżrael-Omm il-Poplu Ġdid ta' Alla li tħeġġeġ lil uliedha għall-ubbidjenza lejn il-Patt il-Ġdid, għall-ubbidjenza lejn Kristu. Dan kien it-testment spiritwali ta' Marija - l-aħħar kelma tagħha fil-Kotba Mqaddsa. Lil min jersaq lejha u jistenna minn għandha l-imbid il-ġdid tal-faraġ u l-ferħ, hi turih lil Binha Ġesù u tibagħatu għandu: "Agħmlu dak li jgħidilikom Hu." Dan hu l-Messaġġ veru u waħdieni tal-Madonna. U aħna wkoll, aħna li nagħmlu sehem mill-familja tagħha tal-Karmelu, aħna li nilbsu l-labtu tagħha, aħna wkoll fid-devozzjoni tagħna lejha, ma nistgħux nieqfu fiha. Marija hi biss bħal vleġġa li turina t-triq, imma t-triq hu ĠESU'. Ir-Regula tagħna tgħidilna ċar u tond li ħajjitna trid tkun waħda ta' ubbidjenza lejn Ġesù Kristu. U l-Qaddisin kollha ta' l-Ordni tagħna dejjem saħqu li Ġesù hu t-triq waħdanija li teħodna għand il-Missier. Marija qegħda hemm biex turina t-triq u timxiha magħna għax hi - "Il-Qaddejja tal-Mulej -kienet l-ewwel waħda li mxiet it-triq ta' l-ubbidjenza lejn Gesu' Kristu. Il-"Marialis Cultus" jgħidilna: "Marija hija l-Verġni tat-talb. Hekk tidher fiż-żjara li għamlet għand omm il-prekursur, meta fetħet qalba għat-tifħir lil Alla bi kliem ta' umiltà, fidi u tama. Dan huwa l-Magnificat (Lq 1:45-55), it-talba perfetta ta' Marija... (Marialis Cultus, n.18) Jeħtieġ li aħna nattendu l-iskola ta' Marija. Billi Marija Verġni hija esperta fis-smigħ tal-Kelma ta' Alla għax tgħallmet l-"ubbidjenza tal-fidi" (Rum 1:5;26) għax għarfet iddoqq bl-udit, allura, issa tista' tgħallimna kif nisimgħu b'widnejna mqajjmin, il-Kelma tal-Mulej (Is 50:4). Kristu għalhekk tahielna b'omm fuq il-Kalvarju (Ġw19:26). San Ġwann "ħadha għandu" (Ġw 19:27) bħala tutor - għalliema - biex tkompli tkissru fid-dixxipulat. Għax kienet il-Verġni li taf tisma', sfat fil-Knisja bħala l-Verġni li taf tispjega b'awtorità l-Kelma tal-Mulej. "Isimgħu l-Iben ta' Alla jkellimkom u ommu tgħidilkom x'inhu jgħid". (Din hija iskrizzjoni bil-Latin fuq l-altar maġġur tal-kappella tal-Kurja, l-Furjana, tfisser kull ma għidna.) Il-beatitudni jew barkiet huma t-tmien toroq ewlenin għall-hena ta' dejjem. Huma toroq ta' tbatija, ta' prova u ta' tisfija, kif id-deheb isaffuh bin-nar; iżda huma it-toroq li għaddew minnhom il-qaddisin, li mxew wara l-passi ta' Ġesù Kristu. Huma t-toroq li jeħtiġilna ngħaddu minnhom aħna wkoll jekk irridu nkunu tabilħaqq dixxipli ta' Kristu, niksbu l-frott tal-Fidwa tiegħu u li jitwettqu fina l-wegħdiet li għamlilna. U Marija, Omm Ġesù, Ommna u Għalliema tagħna, bħala l-ewwel dixxiplu ta' Ġesù fost id-dixxpli u bħala waħda mill-foqra ta' Jahweh, tgħinna ngħixu din il-virtù tal-faqar li binha Ġesu qegħda l-ewwel waħda fost it-8 Beatitudni: "Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija is-saltna tas-smewwiet." (Mt.5,3) Biex wieħed ikollu l-ispirtu ta' faqar li huwa mfaħħar f'din l-ewwel beatitudni, jeħtieġ li jinfatm minn dak kollu li mhux Alla. Min huwa fqir fl-ispirtu, jittama fih innifsu u fil-ġid li jista' jkollu, iżda iqiegħed it-tama kollha tiegħu fil-Mulej kif kienu jagħmlu l-anawim jew il-foqra msemmija fir-Rabta l-Qadima. Ħadd daqs Marija ma jista' jgħallimna din il-virtù tal-faqar. L-Imqaddsa Verġni Marija, kienet waħda fost l-anawim, jew foqra ta' Jahweh. F'ħajjitha deher ċar, l-ispirtu ta' faqar, kemm fl-aspett negattiv tiegħu, jiġifieri l-firda u ċ-ċaħda mill-ġid ta' l-art, kif ukoll fl-aspett pożittiv, jiġifieri, fiduċja bla limiti, fit-tjubija ta' Alla. Il-Vanġelu jagħti xhieda li Marija kienet tgħodd ruħha fost il-foqra, kemm mill-offerta ta' par ħamiem li għamlet meta ppreżentat lil Ġesù tarbija fit-tempju (Lq 2,24). Xhieda oħra huma l-kelmiet tal-Magnificat: "Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn." (Lq 1,53). F'ħafna okkażjonijiet, Ġesù, għallimna l-ħtieġa tad-distakk voluntarju, jiġifieri li minn rajna ninfirdu mill-ġid ta' l-art, mill-għana u l-unuri tal-ħajja, jew għallinqas li ma norbtux qalbna magħhom u nkunu ndifferenti għalihom. "Jekk trid tkun perfett, mur biegħ il-gid li għandek, agħtih lill-foqra u jkollok teżor fis-sema, imbagħad ejja warrajja." (Mt 19:21) "Ħadd ma jista' jkun dixxiplu tiegħi, jekk ma jitlaqx ġidu kollu" (Lq 14,33). O Marija li għallimtna d-dixxipulat mhux bil-kliem biss iżda bl-għemil u tassew fil-ħajja tiegħek, agħmel li aħna bħalek nagħrfu u ngħożżu il-valur tal-faqar evanġeliku, oftmilna qalbna mill-ġid ta' l-art. U għax aħna uliedek irridu nisimgħu minnek u nagħmlu bħalek. Irridu nagħmlu dak li jgħidilna hu. Bil-magħmudija tagħna aħna msejħin biex nimxu wara l-Iben tiegħek Ġesù u Ħuna l-kbir u nxandru l-Bxara t-tajba dejjem u kull imkien. Bħala Karmelitani u devoti tal-Madonna tal-Karmnu qed nimxu fuq il-passi ta' Binha Gesù. Bhal Marija, irridu nisimgħu, nixxtarru u nirriflettu fuq il-Kelma ta' Alla. Din hi l-isfida ta' kull wieħed u waħda minna. Aħna lesti?
IS-SEBA’ ERBGĦA Il-Maternita' spiritwali ta' Marija Qabel ma nittratta is-suġġett ta' din l-aħħar Erba' ta' l-Udjenza - il-Maternità Spiritwali ta' Marija - nixtieq naqsam magħkom xi riflessjonijiet fuq il-Maternità Divina. Din il-Maternità hija l-pedament u r-raġuni ewlenija tal-privileġġi l-oħra marjani. Bir-raġun għalhekk il-Konċilju Vatikan II jagħtiha importanza kbira fit-tagħlim tiegħu fuq il-Madonna. Fil-Kostituzzjoni Dommatika "Lumen Gentium" - Dawl tal-Ġnus (kap 8), il-Konc. Vat. II juża tliet titli konkreti biex juri l-idea astratta tal-Maternità Divina ta' Marija. Isejjaħ lill-Madonna "OMM ALLA" (3 darbiet), "ĠENETRIĊI TA' ALLA" (3 darbiet), jiġifieri dik li nisslet 'l Alla fil-ġuf safi tagħha, u "DEIPARA" (6 darbiet), jiġifieri dik li weldet jew ġiebet fid-dinja 'l Alla. Dawn it-tliet titli, għalkemm ifissru l-istess ħaġa, għandhom bejnithom ċerti sfumaturi. Filwaqt li ta' l-ewwel jagħti ħjiel tar-relazzjoni personali ta' l-omm ma' binha, it-tnejn l-oħra jesprimu l-bażi ta' din ir-relazzjoni: il-ġenerazzjoni. It-titlu ta' "DEIPARA" huwa wżat aktar spiss mit-tnejn l-oħra billi huwa t-traduzzjoni letterali tat-titlu Grieg "Theotokos"- Omm Alla -, wisq għażiż għall-Knisja Orjentali. B'hekk il-Konċilju ried joħloq atmosfera iżjed ekumenika. Sa mill-eqdem żminijiet tal-Knisja l-Madonna kienet meqjuma mill-insara bit-titlu ta' "OMM ALLA". B'xorti tajba, fis-seklu li għadu kemm għadda, instab papiru li fih miktuba bil-Grieg talba li l-insara kienu jsejħu lil Marija fit-tiġrif u l-htiġijiet kollha tagħhom. F'din it-talba huma kienu jlissnu espressament it-titlu - OMM ALLA. Fil-kotba Mqaddsa m'għandniex espressament li Marija hija Omm Alla, jiġifieri ma nsibux imniżżlin ċar u tond il-kelmiet: Marija Omm Alla. B' danakollu nsibu msaħħin fihom bil-qawwa kollha dawn iż-żewġ veritajiet: (i) li Marija hija Omm Ġesù, għaliex kienet hi li nisslitu, ġabitu fil-ġuf u wellditu (Lq 1,31; 6-7 u Mt 1, 18,25); (ii) li Ġesù huwa l-Iben Waħdieni ta' Alla, it-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa, li sar bniedem permezz ta' mara (Ġw 1,1,14; Gal 4,4; Rum 9,5). Minn dawn iż-żewġ premssi rivelati, toħroġ weħidha l-konkluzjoni li Marija hija tabilħaqq OMM ALLA! Il-Konċ. Vat. II iwissi lilna l-Insara biex id-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna tkun ibbażata, mibnija fuq sisien teoloġiċi sodi u mhux fuq sentimentaliżmu. La darba l-maternità divina hija l-pedament u r-raġuni ewlenija tal-privileġġi l-oħra ta' Marija, mela għandna nqimu b'mod speċjali lill-Imqaddsa Vergni Marija taħt it-titlu glorjuż tagħha ta' OMM ALLA. Hawn nistaqsi: sewwa li jkollna din id-devozzjoni kbira lejn il-Madonna? Sakemm nagħrfu niddistingwu x'inhu tabilħaqq il-post tagħha fil-pjan tas-salvazzjoni, jiġifieri li ma nqisuhiex daqs kieku kienet xi alla ieħor, jew li minħabba fiha nittraskuraw l-adorazzjoni u l-imħabba sħiħa tagħna lejn Alla u lejn Ġesù (u dan xi drabi jiġri minħabba xi fanatiżmu jew pjetiżmu zejjed), allura tkun ħaġa tassew nisranija u wisq għall-qalb t'Alla li nqimu 'l Marija Santissima u nħobbuha u nitolbuha bħal uliedha biex hi tressaqna dejjem iżjed lejn Alla u lejn binha Ġesù. Kif l-omm tgħajjex lil uliedha, Marija fuq il-Kalvarju tirċievi u taċċetta din il-ħidma minn idejn Ġesù meta qalilha, "Mara, hekk hu Ibnek." (Ġw 19,26) Hekku l-Maternità Spiritwali! Ġesù minn fuq is-salib iħares 'l fuq u jara wieqfa hemm lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb u lil Marija jgħidilha "Mara, hawn hu ibnek" u lid-dixxiplu "Hawn hi ommok." Forsi wieħed jaħseb li dal-kliem juri biss preokkupazzjoni ta' raġel żagħżugħ li qed imut u ma jixtieqx iħalli 'l ommu armla weħidha, hi li ma kellhiex ulied oħra ħliefu. Imma kieku kien hekk x'sens kien ikollu l-kliem li qal Ġesù immedjatament wara: "Kollox hu mitmum biex isseħħ l-Iskrittura?" Ġesù fehem li b' dawk il-kelmiet "Mara hawn hu Ibnek" - "Hawn hi ommok" kien temm għal kollox il-missjoni tiegħu li kienet imħabbra minn qabel fl-Iskrittura. Mela x'kien għamel b'dawk il-kelmiet? Kien waqqaf il-Knisja. Għalhekk hawn mill-ġdid lil ommu kien sejħilha "MARA". Fit-Testment il-Qadim meta l-poplu t'Alla kien imferrex fl-eżilju, il-profeti kienu jħabbru li l-poplu għad jerġa' jinġabar f'Ġerusalemm bħala poplu mġedded u magħqud. Huma kienu jduru lejn Ġerusalemm li kienu jimmaġinawha bħala mara u omm u jgħidulha: "Erfa' għajnejk madwarek u ara lil uliedek miġbura: ara uliedek ġejjien mil-bogħod u l-bniet tiegħek merfugħa fuq id-dirgħajn." (Is 60,4) u l-Lhud kienu jemmnu li dan kellu jseħħ fi żmien il-Messija meta Ġerusalemm-omm tnissel mill-ġdid il-Poplu t'Alla. F'għajnejn Ġwanni dan seħħ taħt is-salib ta' Ġesù fil-persuni ta' Marija u tad-dixxiplu l-maħbub. Dan jirrapreżenta lil ulied Iżrael li jiffurmaw madwar ommhom il-poplu ġdid ta' Alla. U Marija tirrapreżenta lil Ġerusalemm-omm li laħqet il-perfezzjoni tagħha u weldet il-poplu tal-Messija. It-tnejn li huma jirrapreżentaw il-Knsija: Marija l-Knisja nfisha bħala omm, id-dixxiplu l-maħbub, id-dixxipli wieħed wieħed li flimkien jiffurmaw il-Knisja. Imma Marija taħt is-salib mhix biss figura, simbolu tal-Knisja-omm. (Ġesù jirrevela formula ta' rivelazzjoni dak li Marija hi: omm il-membri tiegħu. Hi ommna sa mit-tħabbira u mhux saret fuq is-salib.) Hi nfisha, omm Ġesù r-ras tal-Knisja, issir omm il-Knisja, omm il-membri tal-ġisem ta' Binha, li dak il-ħin kienu kollha rappreżentati fid-dixxiplu l-maħbub. U hawn qiegħed il-qofol tad-devozzjoni karmelitana lejn il-Madonna. Għalina l-ewwel u fuq kollox hi ommna, Omm il-Karmelu. B'daqshekk aħna ma nippretendux li hi ommna aktar milli hi omm ta' l-insara l-oħra, imma nagħrfu li l-istorja tagħna bħala familja reliġjuża fi ħdan il-Knsija, hi eżempju u sinjal ċar ta' xi tfisser il-maternità spiritwali ta' Marija, x'ifisser li Marija hi Omm il-Knisja. Bħala omm Marija welditna fuq il-għolja tal-Karmelu u ma tehda qatt tieħu ħsiebna. It-tliet funzjonijiet tal-maternità spiritwali ta' Marija skond il-Lumen Gentium: Forsi l-akbar sinjal ta' din il-maternità hu proprju l-labtu, il-libsa ta' l-Ordni. Hi l-funzjoni ta' l-Omm li tlibbes lil uliedha, u hekk tagħmel Marija magħna. Imma l-libsa li trid tlibbisna biha Marija mhix biċċa drapp. Il-Libsa li trid tlibbisna biha Marija hu Ġesù. Hi tridna nilbsu l-bniedem il-ġdid imfassal fuq Kristu. U aħna ma nistgħux inkunu tassew uliedha qabel ma nsiru nixbhu lil Ġesù, li meta tħares lejna tara lilu. Kif igħid Origne: "Marija m'għandix ulied oħra ħlief Ġesù. Meta Ġesù qal lil ommu: "Dan hu ibnek" u mhux "Dan ir-raġel ukoll hu ibnek," kien donnu qed igħidilha: "Dan hu Ġesù li int nissilt." U fil-fatt kull minn jilħaq il-perfezzjoni ma jkunx hu li jgħix imma Kristu jgħix fih, u proprju għax Kristu jgħix fih, lil Marija jingħad "Hawn hu ibnek," jiġifieri Kristu" (In Johannem 1, 4 (23): 5c 120,71.73). Marija għax hi Omm Ġesù u Ommna tnissel lil Kristu fina u ma toqgħodx kwieta qabel tarana mibdula għal kollox fih. U meta nsiru Kristu ieħor allura nibdew inħobbuha kif iħobbha Hu. U dan hu dmir ewlieni tagħna l-karmelitani fil-Knisja, skond il-ħsieb tal-Venerabli Mikiel ta' San Wistin. Bħala Karmelitani aħna msejħin biex inkomplu fuq l-art l-imħabba ta' Ġesù lejn Ommu, biex fina u bina Ġesù jibqa' jħobb lil Ommu. Imma dan nistgħu nagħmluh biss kemm il darba Ġesù jkun tassew igħix fina. Hekk biss tkun ferħana bina l-Madonna meta tarana mlibbsin b' Dak li Hu l-għaxqa ta' qalbha, Binha Ġesu'. |