PredikazzjoniOmelija
IL-KARMELU U L-EWKARISTIJA
“Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu.” Din il-Kelma li tħabbritilna mill-Evanġelju skond san Ġwann, għandha tifsira profonda għalina li qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu. Iżda din is-sena dan il-kliem iktar u iktar jieħu tifsira partikulari minħabba li ninsabu fis-Sena ta’ l-Ewkaristija (2005). X’inhi l-Ewkaristija jekk mhux li bħal Marija n-nisrani, jieqaf ħdejn is-salib ta’ Ġesù? In-nisrani fl-Ewkaristija jieħu sehem mis-sagrifiċċju tal-Kalvarju biex jgħix f’ġismu u laħmu il-misteru ta’ l-Għid ta’ Ġesù li qalilna: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. In-nisrani iżda ma jiqafx waħdu taħt is-salib tal-Mulej, huwa jinġabar taħt din is-siġra tal-ħajja flimkien mad-dixxipli l-oħra li bħalu jimxu wara Kristu. L-Evanġelju ta’ llum jgħidilna li “Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u Mirjam ta’ Magdala […] u d-dixxiplu l-maħbub wieqaf ħdejha”. Taħt is-salib ta’ Ġesù kien hemm miġbura l-fdal li minnu nbniet il-Knisja, il-poplu l-ġdid ta’ Alla, magħmul mid-dixxipli ta’ Ġesù, dawk li jinġabru flimkien ma’ Marija taħt is-salib tiegħu. F’dan il-jum ta’ festa Marija tiġi ppreżentata lilna bħala dik li kienet wieqfa taħt is-salib imsieħba ma’ binha Ġesù fl-offerta tiegħu lil Alla. Minn hemmhekk Marija ssir omm id-dixxipli ta’ Ġesù. U minn dakinhar hija kellha tkun tieqaf ħdejn kull wieħed u kull waħda mid-dixxipli miġbura fit-talb, fil-qsim tal-ħobż u fl-għoti tal-karità. Kif jirrakkuntawlna l-Atti ta’ l-Appostli, fil-Knisja tal-bidu, fl-ewwel xirka nisranija, nsibu lil Marija timxi pass pass mal-Knisja fil-bidu tagħha magħquda fit-talb u fil-qsim tal-ħobż. Hija l-Ewkaristija li tgħaqqad il-Knisja u hija l-Knisja li tagħmel l-Ewkaristija. Meta aħna nieħdu sehem fil-Quddiesa, aħna nkunu qegħdin nieħdu sehem fl-offerta kollha mħabba li Ġesù jagħmel tiegħu nnifsu lil Alla u lilna l-bnedmin. Din l-offerta fil-ħajja ta’ Ġesù ssib l-espressjoni l-aktar għolja tagħha fis-sagrifiċċju tal-Kalvarju. Hemmhekk, fuq is-salib Ġesù jibqa’ fidil għall-missjoni li l-Missier afdalu, u ma jerġax lura minnha quddiem il-mewt imma joffri lilu nnifsu. Fuq is-salib Ġesù jibqa’ fidil ukoll lejna l-bnedmin. Hu li ġie fid-dinja biex jurina l-istess imħabba ta’ Alla, meta jara li l-bniedem idur kontrih huwa ma jirribellax imma jġib ruħu bl-istess imħabba u manswetudni u jagħżel li jerħi ruħu f’idejn il-ħżiena biex lilna jurina li l-imħabba kapaċi tegħleb kull ħruxija u ebusija tal-qalb. Meta aħna nieħdu sehem fl-Ewkaristija, aħna nkunu qegħdin ngħixu dan kollu. Fl-Ewkaristija aħna nħallu lil Ġesù jdaħħalna f’din l-offerta. Fl-Ewkaristija aħna nkunu qegħdin ninpenjaw ruħna u nuru li l-ħajja tagħna hija kollha kemm hi mogħtija lil Alla u lill-proxxmu fl-imħabba. Dak il-ħobż li aħna niksru fuq l-altar u dak l-inbid li aħna nxerrdu fil-kalċi, huma Ġesù li jinqasam u jixxerred biex jagħtina lilu nnifsu. Għalhekk meta aħna nersqu lejn din il-mejda ewkaristika aħna nkunu qegħdin nuru lil Alla u lil xulxin li ħajjitna, jum wara jum, trid issir bħall-Ġisem tal-Mulej offrut fuq is-salib u bħad-Demm għażiż tiegħu mxerred. Meta nieħdu sehem fl-Ewkaristija, nkunu qegħdin ninġabru bħal Marija taħt is-salib ta’ Ġesù, nisimgħuh ikellimna u nħalluh jagħtina lilu nnifsu. Bħala Karmelitani dan għandu tifsira partikulari għalina lkoll. Ir-Regula tagħna tistedinna nieħdu sehem kuljum fl-Ewkaristija (par. 14), biex aħna li ħajjitna offrejniha lil Alla, nieħdu dik is-saħħa li mingħajrha ma nistgħux noffru lilna nfusna lil Alla u lill-bnedmin. Din l-offerta ta’ ħajjitna aħna nagħmluha flimkien ma’ Marija, l-ewwel dixxiplu tal-Mulej. L-ewwelnett Marija setgħet toffri ħajjitha lil Alla għax kienet tagħti widen għall-Kelma ta’ Alla. Nistgħu ngħidu li kienet titqarben bil-Kelma ta’ Alla hija u tisimgħu jkellimha. Mis-smiegħ tal-Kelma mbagħad hija setgħet tlaħħam din il-Kelma ġewwa fiha u tilqa’ lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fil-ġuf tagħha. Bħala Karmelitani aħna nħarsu lejn Marija u minnha nitgħallmu nagħtu widen għall-Kelma li Alla jwasslilna hekk li nħalluh jitnissel fina. Wieħed mill-ewwel kummentaturi tar-Regula Karmelitana, jgħallimna li Marija hija l-Karmelitana perfetta għaliex kienet il-“Mara Ewkaristika”, li miġbura fiċ-Ċenaklu ma’ l-Appostli u d-dixxipli, magħhom kienet tmur fit-tempju u magħhom tieħu sehem fil-qsim tal-ħobż. Il-Qaddej ta’ Alla, il-Papa Ġwanni Pawlu II ukoll isejjaħ lil Marija “Mara Ewkaristika”, mhux biss għax hija tisma’ l-Kelma u tlaħħam fiha lill-Iben ta’ Alla, imma wkoll għax ħajjitha offrieta lil Alla u għax illum tidher quddiemna bħala dik li tagħtina wkoll lilha nnifisha billi tieħu ħsiebna u tħobbna bl-imħabba tagħha ta’ Omm u għalliema spiritwali tagħna. Aħna wkoll li b’mod speċjali llum ninsabu miġbura fit-talb u fil-qsim tal-ħobż flimkien ma’ Marija, jeħtieġ niftakru li l-quddiesa trid tagħmilna bnedmin Ewkaristiċi, jiġifieri bnedmin li ħajjithom hija mibdula f’Ewakristija, f’offerta lil Alla u lill-bnedmin. L-Ewkaristija, il-ħajja ta’ Ġesù, mhijiex qegħdha biex ngħalquha ġo tabernaklu, sabiħ kemm hu sabiħ! L-Ewkaristija, jiġifieri il-ħajja ta’ Ġesù, trid issib it-tabernaklu ġewwa fina, fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnha biex tibdel il-ħajja tagħna fil-ħajja ta’ Ġesù. Marija tiddi quddiemna llum bħala dik li ħalliet il-ħajja tagħha tinbidel fil-ħajja ta’ Ġesù. Nitolbu mela lil Alla llum jagħtina din il-grazzja li nkunu bnedmin ewkaristiċi fil-familja, fix-xogħol u fl-impenji tagħna, fil-qadi ta’ dmirijietna, fl-għoti tal-karità u l-opri tal-ħniena. Jekk aħna erwieħ ewkaristiċi mill-bieb ‘il barra tal-knisja, nistgħu nersqu lejn il-mejda tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Fuq l-eżempju ta’ Marija inħallu il-Kelma ta’ Alla tinżel f’qalbna, biex tibdilna, ħalli l-Ġisem u d-Demm tal-Mulej li nirċievu jkun jista’ jħalli l-frott hekk li aħna nsiru dejjem iktar Kristu ieħor preżenti fid-dinja ta’ llum. |