Predikazzjoni

Tridu



MARIJA OMM IL-MULEJ U L-EWKARISTIJA

Tridu ta' P. Ivan Scicluna, O.Carm., bi tħejjija għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa tal-Fgura 2005.

L-EWWEL JUM

Marija Omm Ġesù u Ġesù fl-Ewkaristija

1. Waħda mill-inizjattivi li ħa l-Qaddej t’Alla l-Papa Ġwanni Pawlu II tul l-aħħar sena tal-pontifikat tiegħu hija s-Sena ta’ l-Ewkaristija. Permezz ta’ din is-sena ddedikata lill-Ewkaristija, il-Papa stedinna lkoll biex nimpenjaw ruħna ħalli ngħixu aħjar dan il-misteru1, dan is-sagrament li, sa minn żmien l-ewwel komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, huwa dejjem fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja.

2. Fost il-ħafna kitbiet u diskorsi li l-Papa Ġwanni Pawlu II kiteb dwar l-Ewkaristija hemm l-enċiklika ferm sabiħa li ħareġ sentejn ilu: Ecclesia de Eucharistia. Ta’ Papa Marjan li kien, huwa ddedika l-aħħar kapitlu ta’ din l-Enċiklika lir-rabta intima li teżisti bejn Marija u l-Ewkaristija. Ladarba bejn Marija u l-Ewkaristija hemm relazzjoni daqshekk speċjali, min daqsha jista’ jgħinna nirriflettu fuq dan is-sagrament? Min iktar minnha jista’ jgħallimna niċċelebrawh aħjar u ngħixuh b’mod li jħalli effett tassew fil-ħajja tagħna ta’ kuljum2?

3. F’dawn it-tlett ijiem ta’ tħejjija għall-festa tal-parroċċa tagħna f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu, li din id-darba taħbat matul din is-Sena Ewkaristika, jixraq mela li nieħdu l-okkażjoni ħalli nilqgħu l-istedina tal-Papa Ġwanni Pawlu II biex nidħlu fl-iskola ta’ Marija, li l-istess Papa jsejħilha bit-titlu ta’ Mara Ewkaristika3. F’dawn it-tlett ijiem se nikkontemplaw il-misteru Ewkaristiku flimkien ma’ Marija u se nħarsu lejn Marija fid-dawl ta’ l-Ewkaristija. Il-lum se naraw ftit il-pedament li fuqu hi mibnija r-relazzjoni bejn Marija u l-Ewkaristija. Għada se nħarsu lejn Marija il-Mara Ewkaristika, bħala mudell ta’ ħajja Ewkaristika għalina l-Insara. Fl-aħħar jum se naraw kif Marija hija preżenti magħna waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.

4. Fuqhiex jinbena r-rapport bejn Marija u l-Ewkaristija? Jinbena fuq il-fatt li Marija hija Omm Ġesù. Marija saret Omm Ġesù dakinhar li hija lissnet l-iva tagħha għall-pjan ta’ Alla meta dehrilha l-anġlu. Mill-mument li nisslet l-Iben t’Alla f’ġufha bħala bniedem, Marija saret Ommu, u tibqa’ Ommu darba għal dejjem. Marija hija Omm Ġesù hija u tnisslu fi ħdanha u twelldu fil-għar ta’ Betlem. Hija Omm Ġesù hija u tippreżentah fit-tempju u hija tfittxu b’qalbha maqsuma meta tilfitu ta’ 12-il sena f’Ġerusalemm; hija Omm Ġesù huwa u juri l-glorja tiegħu fit-tieġ ta’ Kana u wkoll meta narawha wieqfa taħt is-Salib waqt is-siegħa l-aktar importanti ta’ ħajtu; Marija hija Omm Ġesù mqajjem mill-imwiet u mtellgħa fis-sema fejn jinsab fuq il-lemin tal-Missier; hija Omm Ġesù fi ħdan l-ewwel komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm. Fl-aħħarnett, hija Omm Ġesù li jagħti lilu nnifsu lilna bħala ikel u bħala xorb fl-Ewkaristija4.

5. Il-konvinzjoni tal-Knisja li l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu preżenti fl-Ewkaristija huma l-istess Ġisem u Demm li rċieva meta tnissel fil-ġuf ta’ Marija, għalkemm issa huma glorifikati wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, insibuha mfissra tajjeb f’innu Ewkaristiku antik magħruf bħala l-Ave Verum. F’dan l-innu, il-Knisja ssellem lill-Ġisem u d-Demm Ewkaristiċi ta’ Ġesù b’dawn il-kliem: Ave, verum corpus natum de Maria virgine, vere passum, immolatum, in cruce pro homine5.

6. Dak li nirċievu fl-Ewkaristija huwa l-frott imbierek tal-ġuf ta’ Marija, Ġesù. Il-ġuf verġinali ta’ Marija huwa l-art li minnha nibet Dak li hu l-Ħobż tal-ħajja, Dak li jgħidilna: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb” (Ġw 6, 54-55).

7. Marija hija l-Omm li twellidna għall-ħajja ta’ dejjem proprju għax tatna lil Ġesu, il-frotta li minn jiekol minnha, mhux imut, bħalma ġralhom Adam u Eva meta kielu mill-frott tas-siġra li Alla ma riedhomx jieklu minnha, imma jgħix għal dejjem. San Pier Damiani jgħid li, filwaqt li Eva kielet ikel li bih ikkundannatna għall-sawma eterna, Marija pproduċiet ikel li bih tinfetħilna beraħ id-daħla għall-mejda abbundanti li hemm imħejjija għalina fis-sema6.

8. Il-parroċċa tagħna hija parroċċa Karmelitana u hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. L-Ewkaristija u l-Verġni Marija t-tnejn għandhom post speċjali u importanti fil-ħajja tal-Karmelitani. L-ewwel Karmelitani riedu jgħixu ħajjithom f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu, u għażlu lil Marija bħala l-Patruna tagħhom, bħala Sidthom, minħabba r-relazzjoni speċjali tagħha ma’ Ġesù, is-Sid li kienu qegħdin jgħixu fuq l-art tiegħu, l-art imqaddsa bl-istess Demm għażiż tiegħu. M’għandix dubju li huma kienu konxji li hemm rabta speċjali bejn Marija Omm Ġesù u Ġesù fl-Ewkaristija. Bħal f’kull komunita Nisranija oħra, l-element li jibni u jgħajjex ’il-komunità Karmelitana huwa l-Ewkaristija. Ir-Regula Karmelitana, li nkitbet kważi tmien mitt sena ilu, titlob li f’nofs iċ-ċelel tal-patrijiet għanda tinbena kappella ħalli fiha jiċċelebraw il-quddiesa flimkien kull filgħodu7. Il-fatt li l-ewwel Karmelitani ddedikaw din l-ewwel kappella tagħhom proprju lil Marija juri li huma riedu jgħixu l-quddiesa, iċ-ċelebrazzjoni sagramentali tal-misteru ta’ l-Għid ta’ Ġesù, fl-iskola u fl-ispirtu ta’ Marija, il-Mara kollha kemm hi Ewkaristika.

9. Fl-antifona antika Flos Carmeli, li hi tant għażiża għall-Karmelitani, huma jsejħulha Vitis Florigera8. Marija hija d-dielja li l-frott bnin u mbierek tal-ġuf tagħha huwa Ġesù, l-istess Ġesù li nirċievu fl-Ewkaristija taħt ix-xbihat tal-Ħobż u l-Inbid, Ġesù li hu l-ikel u x-xorb li jtuqna, jisqina u jsaħħaħna aħna u mexjin lejn is-sema pajjiżna.

10. Għandu tassew raġun jgħid S. Pier Damiani li aħna midjunin bil-kbir lejn il-Verġni Marija. Wara Alla, lilha nafu l-opra tal-fidwa tagħna li tiġi preżenti fostna kull darba li niċċelebraw il-quddiesa, għax hija hi li tat ġisem uman lill-Iben t’Alla biex ikun jista’ joffri lilu nnifsu lill-Missier għalina. Qatt ma nistgħu infaħħru lil Marija biżżejjed, jew inroddulha lura d-dejn li għandna magħha9. Hi, minn naħa tagħha, ħaġa waħda tistenna minna: li ngħożżu dan id-don ta’ l-Ewkaristija u nħalluh jagħmel fina frott għall-ħajja ta’ dejjem.

Noti:

1. Ara, Ġwanni Pawlu II, Mane Nobiscum Domine. Lettera apostolica all’episcopato, al clero e ai fedeli per l’Anno dell’Ewkaristia ottobre 2004 – ottobre 2005, Milano 22004, nri 1-5.
2. Ara, Ġwanni Pawlu II, Ecclesia de Eucharistia. Lettera enciclica ai vescovi, ai presbiteri e ai diaconi alle persone consacrate e a tutti i fedeli laici sull’Eucaristia nel suo rapporto con la Chiesa, Milano 22003, nri 53-58.
3. Ecclesia de Eucharistia, nri 53-58.
4. Ara, Giuseppe Crocetti, Maria e l’Eucaristia nella Chiesa, Bologna 2001, 12, 16.
5. Bil-Malti: “Is-sliem, Ġisem veru mwieled minn Marija Verġni, Ġisem li tassew bata, li tassew ġie offrut fuq is-Salib għall-bniedem” (traduzzjoni ta’ l-awtur). Ara, Giuseppe Crocetti, 177-179.
6. San Pier Damiani, Sermo 45, 6, f’Giuseppe Crocetti, 25.
7. The Rule of St Albert, nru 14n; Joseph Chalmers, O.Carm., Mary the Contemplative, Rome 2001, 91.
8. “Dielja bil-frott mgħobbija”. Ara Liturġija tas-Sigħat ta’ l-Ordni ta’ l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija tal-Karmnu, Malta 1983, 90.
9. San Pier Damiani, Sermo 45, 6, f’Giuseppe Crocetti, 25.


IT-TIENI JUM

L-atteġġjamenti Ewkaristiċi ta’ Marija

1. Il-Konċilju Vatikan it-Tieni jgħallimna li f’Marija l-Knisja tara “bħallikieku fi xbieha l-aktar safja, dak li hi tixtieq u tittama li tkun”1. F’Marija l-Knisja tara l-ogħla, l-isbaħ u l-iktar mudell perfett tagħha. Marija hija l-ewwel u l-aqwa dixxiplu ta’ Ġesù, u għalhekk il-Knisja, li hi l-komunità tad-dixxipli ta’ Ġesù, tħares lejha biex timitaha fil-mixja tagħha wara Kristu.

2. Il-Karmelitani wkoll iħarsu lejn Marija bħala l-mudell perfett ta’ ħajja magħquda m’Alla li fuqu l-Karmelitan għandu jfassal ħajtu. Għalhekk il-Karmelitani jħobbu jsejħulha l-Verġni l-aktar safja, il-Ġmiel tal-Karmelu, l-Għalliema Spiritwali tagħna, Oħtna u saħansitra jsejħulha wkoll Verġni Karmelitana, għax l-ideal tagħhom li jkunu mimlijin b’Ġesù jarawh inkarnat fiha. Wieħed Karmelitan, il-Ven. Mikiel ta’ S. Wistin, baqa’ magħruf għal trattat li kiteb dwar il-Ħajja Marijaformi, jiġifieri dwar il-ħajja Nisranija u Karmelitana mfassla fuq dik ta’ Marija u mgħixha f’Marija2.

3. Kif għedna l-bieraħ, matul dawn it-tlett ijiem tat-tridu se niffokaw ftit flimkien ma’ Marija fuq is-Sagrament ta’ l-Altar, ħalli f’din is-Sena ta’ l-Ewkaristija l-festa tagħna, li l-qofol tagħha dejjem għandha tkun il-quddiesa, tieħu xejra iktar Ewkaristika.

4. Issa, ladarba Marija hija l-mudell perfett tan-Nisrani u tal-Karmelitan, hija wkoll l-aqwa eżempju għalina ta’ kif għandna ngħixu l-quddiesa, kemm flimkien bħala komunità, kif ukoll fuq livell personali. Huwa għalhekk li l-Papa Ġwanni Pawlu II, huwa u joffrielna r-riflessjonijiet tiegħu fuq l-Ewkaristija, jistedinna noqgħodu fl-iskola ta’ Marija, l-Għalliema Spiritwali tagħna, għax Marija hija l-Mara Ewkaristika, Mara kollha kemm hi indirizzata lejn l-Ewkaristija fi stil ta’ ħajja kollu kemm hu Ewkaristiku. Biex jgħinna nidħlu f’din l-iskola ta’ Marija l-Mara Ewkaristika, Ġwanni Pawlu II fis-Sena tar-Rużarju daħħal it-Twaqqif ta’ l-Ewkaristija, is-Sagrament tal-Misteru ta’ l-Għid, bħala l-aħħar wieħed fost il-ħames misteri tad-Dawl3. Ejjew mela nitgħallmu minn Marija kif nagħmlu mill-quddiesa stil ta’ ħajja, mod ta’ ħajja Ewkaristiku, u mhux sempliċiment xi devozzjoni privata, drawwa jew rutina mekkanika, li tokkupalna nofs siegħa mill-ġurnata bla ma tibdel il-ħajja tagħna f’dik ta’ Ġesù.

5. L-ewwel atteġġjament li tgħallimna Marija, atteġġjament Karmelitan ħafna, huwa dak tas-smiegħ attent tal-Kelma t’Alla. Fil-quddiesa Ġesù ma jagħtiniex lilu nnifsu fil-Ħobż u l-Inbid ikkonsagrati biss, imma wkoll fil-Kelma tiegħu, għax Ġesù huwa preżenti realment fl-Iskrittura mqaddsa wkoll. Il-quddiesa tikkonsisti f’żewġ imwejjed: dik tal-Kelma, u dik tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Ma ninsewx li, kif jgħidilna Santu Wistin, jekk Marija saret Omm Ġesù, dan għax l-ewwel kienet dixxiplu tiegħu, lejl u nhar timmedita l-Kelma tiegħu (ara Salm 1). Qabel laqgħet lill-Verb t’Alla f’ġufha, hija kienet ġa laqgħetu f’moħħha u f’qalbha fil-Kelma tiegħu4. Anke aħna, qabel nilqgħu lil Ġesù Ewkaristija fina, jeħtieġ li l-ewwel inkunu veri dixxipli tiegħu u nilqgħuh f’moħħna u f’qalbna fil-Kelma tiegħu. Ma ninsewx ukoll li meta Ġesu qal lin-nies li Ġismu u Demmu huma tassew ikel u xorb, ħafna nies għaddewh b’miġnun u telquh, u proprju għax ma laqgħuhx f’din il-kelma tiegħu, lanqas irċevewh fihom fis-Sagrament (ara Ġw 6, 60-69).

6. Atteġġjament fundamentali li tgħallimna Marija huwa l-fidi. Meta jkun se jqarbinna, il-presbiteru jew ministru jgħidilna li dak li se jagħtina huwa l-Ġisem ta’ Kristu, mhux biċċa ħobż. U aħna nwieġbu: Amen, kelma li tfisser: “jiena nemmen li hekk hu tassew”. Din l-Amen jeħtieġ li ngħiduha bl-istess fidi li biha Marija lissnet l-iva tagħha lill-anġlu meta ħabbrilha li dak li kienet se tnissel f’ġufha bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu kien l-istess Iben t’Alla. Anke aħna jeħtieġ li nemmnu li Dak li nilqgħu ġewwa fina taħt ix-xbihat tal-Ħobż u l-Inbid huwa l-istess Iben t’Alla u ta’ Marija.5 Din il-fidi biss tista’ tegħleb it-tendenza li l-quddiesa ssir rit monotonu u mekkanizzat. Din il-fidi biss tista’ twassalna biex, kif jgħid Ġwanni Pawlu II, nistagħġbu6 quddiem it-teżor kbir ta’ grazzja moħbi fl-Ewkaristija. Ftit jirrealizzaw li l-Ewkaristija hija l-Ġenna fl-art. In-nies li moħħhom biex jeħilsu l-quddiesa, ma jiġux il-knisja libsin xieraq, iwieġbu bla ma jafu x’qegħdin jgħidu, juru nuqqas kbir ta’ fidi f’dan is-Sagrament ta’ l-għaġeb.

7. Atteġġjament ieħor lejn l-Ewkaristija li nitgħallmu minn Marija huwa dak ta’ tabernaklu, spazju xieraq li fih jgħammar l-Iben t’Alla. Marija hija proprju l-ewwel tabernaklu ta’ l-istorja li ġarret ġewwa fiha lil Ġesù7. Il-Karmelitana S. Maria Maddalena de’ Pazzi, li sentejn oħra (2007) se niċċelebraw ir-raba’ ċentinarju mill-mewt tagħha, tgħid li Marija hija t-tempju tal-veru Salamun, li hu Ġesù. Tgħid li l-art tat-tempju hija l-umiltà tagħha, l-erba’ ħitan huma l-virtujiet kardinali li hi mżejna bihom8, l-altar huwa r-rieda tagħha offrutha lil Alla, it-terħa ta’ l-altar hija x-xbubija safja tagħha, iċ-ċiborju huwa qalbha, u s-seba’ msiebaħ huma s-seba doni ta’ l-Ispirtu s-Santu li kienu kollha kemm huma preżenti fiha. Maria tgħallimna li l-Ġesù Ewkaristija jrid isib ġewwa fina tabernaklu, tempju xieraq fejn jista’ jgħammar9.

8. Atteġġjament ieħor Ewkaristiku huwa r-radd il-ħajr. Il-kelma Ewkaristija tfisser proprju radd il-ħajr. F’Marija naraw eżempju ta’ radd il-ħajr lil Alla b’mod speċjali hija u tkanta l-Magnificat. Fil-Magnificat, l-istess bħalma nagħmlu fl-Ewkaristija, Marija trodd ħajr lill-Missier bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu preżenti f’ġufha, u tiċċelebra u tfakkar il-ħwejjeġ kbar li għamel magħha biex isseħħ l-opra tal-fidwa, u tkanta r-rebħa ta’ Alla fiċ-ċkejknin li għad tidher fil-milja tagħha meta Kristu Rxoxt jerġà jidher fil-glorja10.

9. Fl-aħħar nett, żewġ kwalitajiet indispensabbli għalina biex nieħdu sehem fl-Ewkaristija b’mod li jħalli frott fina huma l-imħabba u l-offerta tas-sagrifiċċju. Dawn ukoll narawhom jilmaw fil-ħajja kollha ta’ Marija. Insemmu xi eżempji. L-imħabba ta’ Marija lejn Ġesù narawha hija u tikkontmepla u tgħannaq magħha lil Ġesù tfajjel, frott imbierek tal-ġuf tagħha. Is-sagrifiċċju narawh hija u toffri lil Ġesù tarbija fit-tempju u tisma’ lil Xmun jgħidilha li sejf għad jinfdilha qalbha. Il-profezija ta’ Xmun u s-sagrifiċċju ta’ Marija narawhom jilħqu l-milja tagħhom aħna u nikkontemplaw lil Marija wieqfa ħdejn is-Salib fuq il-Golgota, msieħba fl-offerta ta’ Binha lill-Missier. Fil-quddiesa aħna wkoll, bħal Marija, nissieħbu ma’ Ġesù huwa u joffri lilu nnifsu lill-Missier, b’mod li bħal Ġesù nsiru sagrifiċċju li jogħġob lil Alla, sagrifiċċju li jrid jidher ukoll fil-ħajja ta’ kuljum fl-għemejjel ta’ mħabba li nagħmlu ma’ l-oħrajn11.

10. Ħuti, jekk irridu nagħmlu minn ħajjitna Ewkaristija waħda, m’għandniex ħlief inħarsu lejn Marija, lejn il-Mara Ewkaristika per eċċellenza, il-Mara tal-Magnificat. Nitolbuha sabiex tlibbisna l-atteġġjamenti Ewkaristiċi tagħha, ħalli ħajjitna, bħal tagħha, tkun imsieħba fl-offerta ta’ Ġesù, l-unika offerta tassew tfuħ u li togħġob lil Alla.

Noti:

1. Kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa “Sacrosanctum Concilium”, nru 103, f’Id-Dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Malta 1982, 26.
2. Ara, Ven. Mikiel ta’ Santu Wistin O.Carm., Ngħixu f’Marija. It-Trattat “De vita Mariae-Formi et Mariana in Maria propter Mariam”, maqlub għal Malti minn P. Charló Camilleri, O.Carm., Malta 1998.
3. Ara, Rosarium Virginis Mariae, nru 21, www.vatican.va u Ecclesia de Eucharistia, nru 53.
4. Ara, Santu Wistin, Sermo 25, 7-8, fil-Liturġija tas-Sigħat skond ir-Rit Ruman, iv, Malta 1994, 1508-1509. Din is-silta ta’ S. Wistin tinsab fl-uffiċċju tal-qari tat-Tifkira tal-Preżentazzjoni tal-Verġni Marija li tiġi ċċelebrata nhar il-21 ta’ Novembru.
5. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nru 55; u Stefano de Fiores, Maria donna eucaristica. Un commento al capitolo VI dell’enciclica “Ecclesia de Eucharistia”, Milano 2005, 14.
6. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nri 5, 6, 48 u Mane Nobiscum Domine, nru 29.
7. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nru 55; u Stefano de Fiores, Maria donna eucaristica, 15.
8. L-erba’ virtujiet kardinali huma l-għaqal, il-ħaqq, il-qawwa u l-qjies.
9. Ara, S. Maria Maddalena de’ Pazzi O. Carm., Amate l’Amore, Pensieri raccolti da Iole Ciarmatori, Roma, 84.
10. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nru 58; u Stefano de Fiores, Maria donna eucaristica, 15-16.
11. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nru 56; u Stefano de Fiores, Maria donna eucaristica, 16-17.


IT-TIELET JUM

Il-Preżenza ta’ Marija waqt iċ-Ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija

1. Fl-enċiklika tiegħu Ecclesia de Eucharistia, il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħidilna dan il-kliem: “Marija hija preżenti, mal-Knisja u bħala Omm il-Knisja, f’kull ċelebrazzjoni Ewkaristika tagħna”1. Kemm għall-Knisja, kif ukoll għall-Karmelitani, Marija m’hijiex biss mudell, kif rajna l-bieraħ; m’hijiex biss eżempju mill-passat, imma hi wkoll preżenza ħajja fostna l-lum, b’mod speċjali bħalissa stess, aħna u niċċelebraw din l-Ewkaristija.

2. L-erba’ evanġelji ma jgħidu xejn dwar jekk Marija kienetx preżenti fl-Aħħar Ikla ta’ Ġesù meta waqqaf l-Ewkaristija. Imma fl-Atti ta’ l-Appostli San Luqa jurina lil Marija preżenti f’nofs l-ewwel komunità Nisranija, magħquda fit-talb ma’ l-Appostli u mad-dixxipli ta’ Binha Ġesù wara li tela’ s-sema. Minn hawn Ġwanni Pawlu II jikkonkludi li Marija ma setgħetx tonqos milli tkun preżenti waqt iċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi ta’ l-ewwel dixxipli li, kollhom ħeġġa jgħidilna San Luqa, kienu “jaqsmu l-ħobż fi djarhom” (ara Atti 1,14; 2,46)2. Il-Papa jimmaġina x’setgħu kienu s-sentimenti ta’ Marija hija u tisma’ lill-Appostli jlissnu l-kliem ta’ Ġesù: “Dan hu Ġismi… Dan hu Demmi”, l-istess Ġisem u Demm li hija nisslet fil-ġuf tagħha bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Il-Papa jgħid li meta Marija kienet titqarben, kienet bħal tilqa’ mill-ġdid lil Ġesù ġewwa fiha, u terġa’ tgħix dak li għaddiet minnu ħdejn is-Salib tiegħu fuq il-Kalvarju3.

3. Din il-preżenza ta’ Marija fil-Knisja u waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ma waqfitx ħesrem mat-tlugħ ta’ Marija fis-sema bir-ruħ u l-ġisem. Anzi issa, ladarba hi msieħba ma Binha Ġesù fil-glorja, m’hijiex iktar marbuta bil-limiti taż-żmien u ta’ l-ispazju f’ħin u f’post wieħed. Il-Konċilju Vatikan II jgħidilna li “għalkemm ittellgħet fis-sema… [Marija] għadha tidħol għalina b’kull mod biex Alla jagħtina l-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni ta’ dejjem”4.

4. Il-Konċilju jgħidilna li bejn il-Knisja li għadha pellegrina fuq l-art, u l-Knisja tal-qaddisin fis-sema teżisti għaqda intima, komunjoni spiritwali fi Kristu. Il-Konċilju jgħallimna li din l-għaqda bejnna li għadna fuq l-art, u l-Verġni Marija u l-qaddisin fis-sema, isseħħ b’mod l-iżjed għoli waqt li nkunu qed niċċelebraw il-liturġija, u l-aktar waqt l-Ewkaristija. Il-quddiesa mela, mhux biss tibni l-għaqda u l-komunjoni ta’ bejnietna li għadna fuq l-art, imma tgħaqqadna wkoll mal-Verġni Marija u l-qaddisin li daħlu qabilna jfaħħru lil Alla fis-sema. Il-quddiesa hija realtà spiritwali li tegħleb il-limiti taż-żmien u ta’ l-ispazju, u għalhekk tgħaqqadna mal-qaddisin fis-sema, l-ewwel fosthom, Omm Ġesù5.

5. Huwa għal din ir-raġuni li, proprju fil-qalba tal-quddiesa, waqt it-talba Ewkaristika, barra li nitolbu għall-Knisja fid-dinja billi nsemmu lill-Papa, l-Isqof tagħna, il-ministri u l-poplu kollu, kuljum inġeddu wkoll it-tifkira tal-glorjuża dejjem Verġni Marija, Omm Alla u Sidna Ġesù Kristu, u tal-qaddisin6. Għalhekk ma nistgħux nippermettu li l-quddiesa niċċelebrawha ta’ kaf kaf u ejja ħa mmorru, għax il-quddiesa hija tieqa fuq is-sema, hija komunjoni mas-sema, hija l-ġenna fl-art. Fl-Ewkaristija, minn issa, diġà nduqu l-hena ta’ Marija u l-qaddisin fil-ġenna. Mhux ta’ b’xejn li wieħed mill-aħħar beati li għamel Ġwanni Pawlu II, il-Beatu Ġużeppi Marija Cassant, monaku Trappista li miet ta’ 25 sena tmien xhur biss wara l-ordinazzjoni presbiterali tiegħu, kien jgħid: “l-Ewkaristija hija l-hena waħdanija tagħna fuq l-art” 7 u: “ Meta ma nkunx nista’ nqaddes iktar, Ġesù jista’ jeħodni minn din id-dinja”8.

6. Ġwanni Pawlu II jispjegaha hekk il-preżenza ta’ Marija waqt l-Ewkaristija: Marija hija marbuta intimament u b’mod inseparabbli kemm ma’ Kristu, kif ukoll mal-Knisja. Għalhekk hija wkoll magħquda ma’ Kristu u mal-Knisja anke fil-qalba tal-liturġija, li hija ċ-ċelebrazzjoni sagramentali tas-salvazzjoni, għall-glorja t’Alla u għat-tqaddis tal-bnedmin9. Marija hija magħquda ma’ Kristu u mal-Knisja fil-liturġija wkoll, għax hi, mill-mument li qalet iva lill-Anġlu, saret Omm Kristu r-Ras u Omm il-Knisja l-Ġisem tiegħu darba għal dejjem.

7. Ikompli jgħidilna l-Papa li Marija hi preżenti magħna aħna u nfakkru l-fidwa tagħna waqt l-Ewkaristija, proprju għax hija u sseħħ il-ġrajja tal-fidwa tagħna, hija kienet hemm: “Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu…” (Ġw 19, 25) Iva, Marija hija dejjem hemm: kemm fil-ġrajja tas-salvazzjoni, kif ukoll fit-tifkira liturġika ta’ din il-ġrajja10.

8. Tajjeb niftakru hawnhekk li, fl-Ewkaristija, m’għandniex biss il-preżenza tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, imma wkoll il-preżenza ta’ l-opra tal-fidwa, ta’ dak kollu li Ġesù għamel waqt il-Passjoni u l-Mewt tiegħu biex isalvana, ħalli hekk, aħna wkoll, elfejn sena wara, kif ukoll il-bnedmin ta’ kull żmien, inkunu nistgħu niksbu l-frott tal-fidwa daqs li kieku konna hemm. Waqt il-quddiesa, aħna nkunu qed nassistu għas-sagrifiċċju ta’ Ġesù Msallab fuq il-Kalvarju, sagramentalment preżenti fostna fuq l-altar.

9. Issa, wieħed mill-għemejjel li għamel Ġesù fuq is-Salib kienet l-għotja ta’ Marija bħala Omm lid-dixxiplu l-maħbub, u l-għotja tad-dixxiplu bħala iben lil Marija: “Mara, hawn hu ibnek… Hawn hi ommok” (Ġw 19, 26-27). Din l-għotja ta’ Marija lilna bħala Ommna minn Ġesù fuq is-Salib hija wkoll b’xi mod preżenti waqt il-quddiesa. Ġwanni Pawlu II jgħidilna għalhekk li, f’kull ċelebrazzjoni Ewkaristika, Ġesù jagħtina lil Marija bħala Ommna. Is-sehem tagħna fil-quddiesa jfisser ukoll li, kontinwament, bħad-dixxiplu l-maħbub, jeħtieġ nilqgħu lil Marija mingħand Ġesù bħala Ommna, biex tissieħeb magħna fit-triq u tkun l-Għalliema Spiritwali tagħna li tgħallimna nimxu wara Binha Ġesù11.

10. X’tgħallimna, x’tgħidilna din l-Omm u l-Għalliema Spiritwali tagħna? Xejn ħlief dak li qalet lill-qaddejja waqt it-tieġ ta’ Kana, meta l-festa kienet se tisfratta minħabba n-nuqqas ta’ nbid: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). U hu x’jgħidilna? Jgħidilna: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22, 19). Ġwanni Pawlu II jistħajjel lil Marija tgħidilna: “Toqgħodux ittellgħu u tniżżlu. Afdaw fil-kelma ta’ l-Iben tiegħi. Hu, li kien kapaċi jbiddel l-ilma f’inbid, hekk ukoll kapaċi jbiddel il-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm tiegħu. Hekk, f’dan il-misteru, huwa jħalli lil dawk li jemmnu fih it-tifkira ħajja ta’ l-Għid tiegħu, biex jagħmel minnu nnifsu ‘l-Ħobż tal-ħajja’” 12.

11. “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu”. Il-lum, fl-aħħar jum ta’ tħejjija għall-festa li sejrin nagħmlu f’ġieħha taħt it-titlu tal-Karmelu, Marija qed ittenni dan il-kliem b’mod speċjali lilna. Għaddew 60 sena mindu l-Karmelitani ġew fil-Fgura (1945), u 40 mindu l-Fgura saret parroċċa taħt il-ħarsien tal-Madonna tal-Karmnu (1965). Il-ġarar tagħna għadhom iħammru bl-inbid tajjeb li jagħtina Ġesù, jew inkella mimlijin bl-ilma bla togħma tal-bruda, tan-nuqqas ta’ ħeġġa, tan-nuqqas ta’ fedeltà lejn il-Vanġelu fil-mixja tagħna wara Ġesù bħala komunità Nisranija u Karmelitana? Anke jekk il-ġarar tagħna mimlija biss bl-ilma, ma naqtgħux qalbna. Inqumu, nitrejqu b’konvinzjoni mill-Mejda tal-Kelma u tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej fl-Ewkaristija, għax twila t-triq li hemm quddiemna u fadlilna x’nimxu.

12. “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu”. Dan il-kliem Marija ttenieh ukoll lill-koppji miżżewġa li l-lum, f’dan it-tielet jum tat-tridu, qegħdin niċċelebraw l-anniversarju taż-żwieġ tagħhom. Il-ġarar tagħkom għadhom iħammru bl-inbid bnin li Ġesù biss jista’ jagħtikom? Marija, għax tħobbkom b’imħabba ta’ Omm, tgħidilkom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Għixu ż-żwieġ tagħkom skond il-Qalb ta’ Ġesù, ibnu l-familji tagħkom madwar l-Ewkaristija, u l-inbid tal-ferħ ma jonqos qatt fi djarkom.

13. Ħuti għeżież, x’jista’ jimla’ l-ħajja tagħna bil-ferħ iktar mill-Ewkaristija, il-ġenna fl-art?! Ħdejn dan il-misteru ta’ dawl u mħabba li hu l-Ewkaristija, xejn iktar m’għandu valur veru fid-dinja. Ejjew ngħixu l-Ewkaristija fl-ispirtu ta’ Marija, il-Mara Ewkaristika, il-Mara tal-Magnificat, ħalli ħajjitna kollha sal-mewt tagħna tkun, bħal tagħha, Ewkaristija waħda, sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr lil Alla għal dak kollu li jagħmel magħna.

14. Ġesu Ewkaristija, Bin il-Missier u Bin Marija, inti biss f’dan l-eżilju li ninsabu fih f’din id-dinja ddewwaqna l-ferħ tas-Sema:

Ave, verum
Corpus natum
de Maria Virgine!
Vere passum
immolatum
in cruce pro homine.
Cuius latus perforatum
fluxit aqua et sangue.
Esto nobis
praegustatum
mortis in examine.
O Jesu dulcis!
O Jesu pie!
O Jesu, fili Mariae!13  

Noti:

1. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nru 57.
2. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nru 53; u Stefano de Fiores, Maria Donna Eucaristica, 18-19.
3. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nru 56; u Stefano de Fiores, Maria Donna Eucaristica, 19-20.
4. Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja “Lumen Gentium”, nru 62; f’Id-Dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Malta 1982, 92-94.
5. Lumen Gentium, nri 49, 50.
6. Ara, Lumen Gentium, nru 62; u t-talbiet ewkaristiċi tal-quddiesa.
7. Frère Jean-Christophe O.C.S.O., L’instinct du bonheur. Frère Marie-Joseph Cassant, Mesnil Saint-Loup – Franza 2004, 34.
8. Frère Jean-Christophe O.C.S.O., L’instinct du bonheur, 52.
9. Ecclesia de Eucharistia, nru 57.
10. Ara, Ġwanni Pawlu II, Angelus, 12 ta’ Frar 1984, www.vatican.va; Giuseppe Crocetti, Maria e l’Eucaristia nella Chiesa, 172; u Stefano de Fiores, Maria Donna Eucaristica, 27-28.
11. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nru 57; u Stefano de Fiores, Maria Donna Eucaristica, 28.
12. Ara, Ecclesia de Eucharistia, nru 54.
13. Is-sliem, Ġisem veru mwieled minn Marija Verġni, ġisem li tassew bata, offrut fuq is-Salib għall-bniedem, li mill-ġenb tiegħu minfud nixxew demm u ilma. Ħallina nduquk minn qabel waqt il-prova tal-mewt tagħna. O Ġesù ħelu! O Ġesu twajjeb! O Ġesù, Iben Marija! (traduzzjoni ta’ l-awtur).


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage