Predikazzjoni

Tridu


TIFKIRA SOLENNI TAL-MADONNA TAL-KARMNU (2)

Tridu ta' P. Jurgen Cucciardi, O.Carm., bi tħejjija għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa tal-Balluta 2005.

L-EWWEL JUM

Marija Patruna tal-Karmelu

Nimmaġina li kulħadd jaf li l-isem ta’ l-Ordni Karmelitan u t-titlu tal-Madonna tal-Karmnu nibtu mill-għoljiet tal-Karmelu f’Israel. Kien sewwa sew f’dan il-post li lejn l-aħħar tas-seklu tnax, grupp ta’ eremiti li min-naħa tal-Punent marru pellegrinaġġ lejn l-Art Imqaddsa – l-Art li l-Mulej Ġesù għex fiha u saqqa b’demmu – u stabilixxew irwieħhom f’dawn l-għoljiet b’rabta ta’ tradizzjoni Biblika mal-Profeta Elija, li għammar fuq l-istess għoljiet u hemmhekk ukoll wera min hu l-veru Alla. Huma riedu jagħtu ħajjithom kollha lis-Sid ta’ l-Art li kienu qegħdin jgħammru fiha, il-Mulej Ġesù, li riedu b’qalbhom kollha jimxu warajh u jaqduh b’qalb safja u b’kuxjenza tajba (2 Kor 10,5; 1 Tim 1,5; Regula Karmelitana, 2).

Ta’ bnedmin li kienu, dawn l-aħwa qaddisa ma setgħux jaslu għall-għan tagħhom waħidhom, għalhekk xtaqu kieku jkollhom mudell biex jimxu fuqu. Aħseb u ġib lil min jaħseb, u raw li m’hemmx mudell aqwa mill-persuna li għexet b’mod perfett il-ħajja ta’ dixxiplu, il-ħajja fejn wieħed jinxteħet f’riġlejn l-Imgħallem, jisma’ l-Kelma tiegħu u jħalliha tgħammar bil-kotra f’fommu u f’qalbu (Kol 3,17; Regula Karmelitana 19). Dawn l-aħwa-eremiti, raw fil-Verġni Marija, Omm il-Feddej, il-mudell perfett li fuqha jistgħu jwasslu ħajjithom, sakemm jaslu sal-perfezzjoni, sakemm isiru jixbhu lil Binha u lil Ħuhom, il-Mulej Ġesù.

Meta l-ewlenin Karmelitani għażlu lill-Verġni Marija bħala l-mudell tagħhom, riedu jagħmlu xi ħaġa iżjed minn hekk. Kienu diġà taw ħajjithom lis-Sid u l-Patrun ta’ l-Art, il-Mulej Ġesù. F’din il-mixja tagħhom fuq l-art, riedu li ħajjithom tkun mogħtija wkoll lis-Sidt, lis-Sinjura li ħassew li kienu qegħdin jgħixu fl-art tagħha.

Kienet is-sistema fewdali taż-żminijiet tan-nofs, dak li b’Malti mfarrak insejjħulu l-Medjuevu. Is-sid kien jagħti l-art lill-qaddej tiegħu, u l-qaddej ried ikun lest li jagħti l-ħlas tajjeb lis-sinjur tiegħu. Kien mistenni mill-qaddej li jġib rispett u mħabba lejn is-sid, u s-sid min-naħa tiegħu kien jintrabat li jħares u jagħti dak li hu meħtieġ għall-qaddej tiegħu.

L-ewwel Karmelitani mxew fuq l-istess mudell. Għarfu lill-Verġni Marija bħala s-Sidt u s-Sinjura tal-post li kienu qegħdin jgħammru fih. Wegħduha mħabbithom u ntrabtu magħha li jgħixu bħalha u flimkien magħha. Hi, min-naħa tagħha, wiegħdet il-ħarsien u l-imħabba tagħha fuq dawn l-aħwa li hi ħaddnet magħha. Hekk sar patt bejn Marija u l-Karmelitani. Patt li ġie mġedded f’kull żmien ta’ l-istorja tal-Karmelu. U meta l-kliem m’huwiex biżżejjed biex jispjega l-imħabba – għax l-imħabba mhux la kemm wieħed jispjegaha – nużaw is-simboli u s-sinjali. Is-sinjal li l-Verġni Marija ħarset fil-passat, għada tħares fil-preżent, u tibqa’ fil-futur, huwa dak tal-Labtu Mqaddes, għax il-Verġni Marija, kif jitlob minnha l-patt li sar darba fuq il-Karmelu, ħarset, għada tħares u se tibqa’ tħares lil dawk fdati taħt il-ħarsien tagħha.

* * *

Meta l-patrijiet Karmelitani aktar minn mitt sena ilu ġew biex iwaqqfu l-kunvent tagħhom f’din il-bajja tal-Balluta, u fit-twaqqif tal-knisja, li aktar tard saret parroċċa, riedu b’xi mod jerġgħu jwettqu dan il-patt li kien sar fuq il-Karmelu. Riedu jagħmluh mill-ġdid f’dan il-post, fil-waqt li għoġobhom isieħbu magħhom lin-nies li kienu jgħixu u kellhom jgħixu f’dan il-post.

Kif għamlu l-aħwa Karmelitani, l-parroċċa tal-Balluta għażlet lill-Verġni Marija biex tkun il-Patruna waħdanija tagħha. Dan ma sarx biex il-parroċċa tagħna jkollha Patruna għax hekk is-soltu jsir. L-għażla tal-Verġni Marija tal-Karmnu bħala Patruna ta’ din il-parroċċa jfisser li aħna kontinwament qegħdin nagħrfu l-għajnuna u l-ħarsien tal-Verġni Marija fil-ħajja tagħna, imma fl-istess ħin, irridu kontinwament nagħrfu dak li hu mistenni minna lkoll. Jeħtieġ li l-ħajja tagħna tkun tixraq tassew lil nies li nxteħtu darba għal dejjem taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija. Il-ħajja tagħna, trid tkun tidher minn ġewwa u minn barra li aħna qegħdin ngħixu bħala dixxipli ta’ l-Imgħallem, kif tixtieq minna l-Verġni Marija.

Aħna u niċċelebraw il-preparazzjoni li se twassalna għall-festa tal-Madonna fil-parroċċa tagħna, ejjew induru lejn il-Verġni Marija u nroddulha ħajr talli bħala Patruna tagħna dejjem uriet fedeltà lejn il-patt ta’ mħabba li jeżisti bejnha u bejnna. Ejjew induru lejha u nitolbuha tkompli tgħinna, tqawwilna qlubna u tagħmlilna kuraġġ biex min-naħa tagħna qatt ma nerġgħu lura mit-triq li qiegħda turina hi, dik it-triq li twassalna għand Binha Ġesù.

Induru lejha, u ngħaqqdu leħinna u qlubna ma’ dawk ta’ bosta Karmelitani ta’ l-imgħoddi u tal-preżent, u b’talba antika li ħarġet mill-qalb u l-pinna ta’ Arnoldu Bostio, nitolbuha:
Ja Omm imbierka!
Kemm stennejnik,
Lilek, li waqqaft l-Ordni tagħna,
u ffurmajtu b’għaqal kbir.
Mixħutin f’riġejk ja Omm waħdanija
u kollok qdusija tal-Familja Karmelitana!
Aħna lkoll li ngħammru fuq din l-għolja
naqtgħu l-għatx ta’ qlubna mill-għejjun tiegħek
u nagħrfu li aħna mmexxijin bil-qawwa ta’ driegħek,
imsaħħin mill-għajnuna tiegħek,
imdawwlin bid-dawl tiegħek.
Ibdilna fik u ħajjitna f’tiegħek.
Ibqa’ fostna, ja Sidtna!
O Marija, aħna nfittxu l-kenn tagħna fi ħdanek;
jeħtieġ li l-Omm tibqa’ ma’ wliedha,
l-Għalliema qalb id-dixxipli tagħha,
is-Sinjura qalb il-qaddejja tagħha,
il-prijura mal-patrijiet tagħha.


IT-TIENI JUM

Marija Omm il-Karmelu

Awtur Karmelitan antik jgħid li l-ordnijiet reliġjużi kollha kemm huma għandhom missjoni partikulari x’jaqdu fi ħdan il-Knisja. Meta niġu għall-għan ta’ l-Ordni Karmelitan, l-istess awtur jgħid li l-Karmelu huwa preżenti fid-dinja biex ikompli fid-dinja tagħna tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada dik l-imħabba ta’ Iben li Ġesù kien jagħti lil ommu, l-Verġni Marija. Għalhekk, kull Karmelitan, għandu jħoss fuqu d-dmir li jħobb lill-Verġni Marija – ommu – b’dik l-istess imħabba li biha kien iħobbha Binha Ġesù.

Il-figura tal-mara-omm hija figura importanti ħafna fil-ħajja tal-bniedem. Hija l-figura li timxi magħna – u aħna magħha – mill-ewwel waqtiet ta’ l-eżistenza tagħna u nibqgħu nġorruha ħajjitna kollha. Min hija l-omm jekk mhux dik li tiġi tiġri lejna ma’ kull għajta u bikja tagħna? Min hija l-omm jekk mhux dik li terfagħna fuq dirgħajha kull darba li rridu l-għajnuna u l-ħarsien tagħha?

Jekk l-omm naturali tagħna ta’ din id-dinja tagħmel kull ma hu meħtieġ għall-ħajja tagħna, l-istess tagħmel l-Omm tagħna l-Verġni Marija. Ma’ kull tnehida tagħna, ma’ kull waqgħa u bikja tagħna, naraw lil din l-Omm l-aktar ħelwa tnewwlilna jdejha.

Il-Karmelu jħares lejn il-Verġni Marija u jsellmilha bħala l-Omm l-aktar ħelwa. Imma dan mhux biss għax hija Omm Alla, kif iddikkjaraha solennement il-Konċilju ta’ Efesu, imma għax hija wkoll Omm dawk kollha li jemmnu, Omm il-Knisja, kif għarafha mill-ġdid u ddikkjaraha l-Konċilju Vatikan it-tieni.

Mara qawwija u mara tat-tama, l-Verġni Marija baqgħet sħiħa fil-fidi tagħha. Għalhekk, is-sejħa tagħha kienet waħda li twettaq u tqawwi l-qlub ta’ dawk li ma kinux daqshekk sħaħ u qawwijin. Fiċ-ċenaklu, wara l-Qawmien u t-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, lill-Verġni Marija narawha miġbura flimkien ma’ l-Appostli u d-dixxipli tistenna l-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu. Il-preżenza tagħha f’dan il-post imqaddes kienet waħda ta’ inkoraġġament lil dawk kollha miġbura fit-talb (Atti 1,14).

Il-Karmelitani, sa mill-bidu tagħhom, dejjem raw lilhom infushom bħala komunità miġbura madwar il-Verġni Marija. F’kull waqt ta’ l-istorja, kull Karmelitan dejjem ħass li huwa tassew bin Marija, imma fl-istess ħin, dejjem ħass li Marija hija Ommu. Kull Karmelitan, iħoss li l-Verġni Marija hija dik li fiż-żmien tal-ferħ u tan-niket, jista’ jintefa’ fi ħdanha, u għax hija Ommu, tħobbu u tieħu ħsiebu. Il-Verġni Marija hija tassew preżenti kull fejn jgħammru l-Karmelitani, imma m’hijiex preżenti biss fix-xbihat. Hija preżenti fl-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna. Hija preżenti f’dak kollu li ngħaddu minnu fil-ħajja tagħna, u għax hija l-Omm l-aktar ħelwa tal-Karmelu, hija kontinwament tara x’jonqosna fil-ħajja tagħna u turina dejjem aktar li rridu nagħżlu s-sehem it-tajjeb (Lq 10,42).

* * *

Żgur li l-membri kollha ta’ din il-parroċċa tal-Balluta, mhux darba u tnejn ħassejna l-preżenza materna ta’ din l-Omm l-aktar ħelwa. Min jaf kemm drabi, tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani rsaqna lejn il-Verġni Marija biex nitolbuha tħarisna bħala l-Omm tagħna lkoll! Min jaf kemm drabi ħarisna lejn ix-xbieha għażiża tagħha meqjuma f’din il-knisja u ressaqna quddiemha t-tnehid tagħna ta’ wlied! Min jaf kemm-il darba d-dmugħ ġelben minn għajnejna u tlabniha b’ħerqa!

U l-Verġni Marija, ta’ Omm li hi, qatt ma dawwret il-ħarsa tagħha minn fuqna. Qatt ma rsaqna quddiemha u saddet widnejha għat-tnehid tagħna. Qatt ma ridna nistkennu fi ħdanha u hi għalqet qalbha għalina. Anzi, kull darba li nagħtuha jdejna, hi tagħtina tagħha. Kull darba li nressqu n-niket tagħna quddiemha, hi tara kif tagħmel biex dan in-niket iddawwarulna f’ferħ. Kull darba li nkunu rridu xi ħaġa, hija tagħtina iżjed milli nitolbuha, għax kif omm taf tagħti ħwejjeġ tajba lil uliedha (Lq 11,13), l-Verġni Marija tagħtina kontinwament l-aktar ħaġa għażiża li għandha. Il-Verġni Marija tagħtina kontinwament lil Ġesù.

Il-festa li ta’ kull sena niċċelebraw lill-Patruna tagħna, hija okkażjoni li fiha nduru lejn il-Verġni Marija ftit aktar mis-soltu, u forsi aktar mill-jiem l-oħrajn tas-sena, nħossu aktar il-preżenza tagħha fostna, nħossu l-imħabba tagħha ta’ Omm. Imma ma rridux ninsew li din l-Omm l-aktar ħelwa qiegħda kontinwament tgħix magħna, tieħu ħsiebna u tħarisna.

Ejjew nieħdu l-okkażjoni tal-festa biex inġeddu l-impenn tagħna ta’ vera wlied lejn din l-Omm li hija dejjem magħna. Ejjew induru lejha u nitolbuha sabiex kull darba li ninsew li hija Ommna, tfakkarna hi.

Oħtna ċ-ċkejkna fil-Karmelu Tereża tal-Bambin Ġesù, ħasset tul ħajjitha kollha l-preżenza materna tal-Verġni Marija. Ma’ din iċ-ċkejkna oħtna, nduru lejn il-Verġni Marija permezz tal-kliem meħud mill-aħħar poeżija li kitbet:
Jiena u nistenna s-Sema, o Ommi l-għażiża,
Miegħek nixtieq ngħix, warajk nimxi f’kull jum.
Waqt li nikkontemplak, ja Omm, f’hena ta’ seħer nintilef
Għax f’qalbek abissi ta’ mħabba quddiemi nsib.
Ħarstek ta’ omm kull biżgħa lili tkeċċili
Għax nibki tgħallimni u nifraħ tgħallimni.
Minflok ma tistmell il-ferħat safja u qaddisa,
Jogħġbok tberikhom u tixtieq li fihom sehem tieħu
(par.18).


IT-TIELET JUM

Marija Oħt tal-Karmelitani

Il-ħajja tal-Karmelitan hija mixja li twassalna xi mkien. Ħafna drabi, fit-tradizzjoni Karmelitana, din il-mixja ġiet imxebbha mat-telgħa ta’ l-għolja, li malli naslu fil-quċċata tagħha, hemmhekk niltaqgħu mal-Mulej tagħna Ġesù u ninbidlu fih.

Ilkoll kemm aħna, għalhekk, ninsabu mexjin u telgħin. Imma aħna t-triq ma nafuhiex bl-amment. Jekk insuqu l-karozza, inħarsu lejn is-sinjali tat-traffiku. Jekk inkunu mexjin, irridu nużaw il-mappa. Jekk nitilgħu xi għolja jew muntanja, nsegwu s-sinjali. F’din it-telgħa ta’ l-għolja, għandna bżonn l-għajnuna ta’ xi ħadd li jurina t-triq, xi ħadd li jmexxina. Imma m’għandniex għax naqtgħu qalbna. F’din it-telgħa iebsa ta’ l-Għolja tal-Karmelu, m’aħniex waħidna; il-Verġni Marija, Oħtna fit-triq tal-fidi, tissieħeb magħna u tagħmlilna l-qalb, bħala Omm u Għalliema tagħna (Ratio Institutionis Vitae Carmelitanae, par.2).

Minn dan joħroġ ċar li hemm ċerta familjarità intima bejn il-Karmelitan u l-Verġni Marija. Huwa għalhekk li l-Karmelitani mhux biss isejjħu lill-Verġni Marija bħala Omm, imma wkoll bħala Oħt. Għax hija sewwa sew waħda minna. Tgħix magħna fis-sabiħ u fl-ikrah tal-ħajja. Il-ħajja tan-nisrani, ta’ kif jgħix in-nisrani, tafha diġà, għax għexitha qabilna. Fuq kollox, kienet hi l-ewwel waħda li mxiet b’mod perfett il-mixja tagħha wara l-Mulej Ġesù. Kienet hi l-persuna li għax imxiet qabilna fit-triq tal-fidi, din it-triq tafha sew. Il-Karmelitani raw fiha l-persuna li m’hijiex se tidħaq bihom u tiġri quddiemhom għax it-triq tafha aħjar, jew inkella se tħallihom jaqbdu xi mogħdija b’oħra hekk li jistgħu jintilfu. Raw fiha dak is-sinjal li se jwassalhom u se jwassalna żgur f’mergħat kollhom ħdura (Salm 23,2). Wara kollox, dik kienet is-sejħa ta’ Marija, li mhux biss tkun Omm Alla, imma waqt li tagħti lil Ġesù lid-dinja, turihulna bħala t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja (Ġw 14,6). Is-sejħa ta’ Marija hija dik li twassalna għand Binha Ġesù.

B’dan il-mod, il-Verġni Marija turina li m’hijiex waħda li kollox idur magħha, tkun hi ċ-ċentru ta’ l-attenzjoni. Imma minflok, il-Verġni Marija turina kontinwament li hi tinsab preżenti mhux għaliha nnifisha, imma aktar minn hekk, għal Binha Ġesù. Il-Mulej Ġesù kien u hu l-għan tal-Verġni Marija, u għalhekk, issa kontinwament qiegħda turih lilna. Turina lil Ġesù biex aħna wkoll ngħaddu mill-istess esperjenza tagħha, dik li nħallu lil Kristu jissawwar fina (Gal 4,19) biex aħna wkoll, bil-ħajja tagħna nkunu nistgħu ngħadduh lill-oħrajn, inwasslu l-preżenza tiegħu ta’ mħabba f’dinja li hija nieqsa mill-imħabba.

Imma jidhirli li nkunu qegħdin nonqsu jekk aħna li ninsabu f’din il-bajja tal-Balluta, nsejjħu biss lill-Verġni Marija bħala Oħtna l-kbira, u Oħtna fit-triq tal-fidi. Xieraq li nsellmulha bħala l-Kewkba tal-Baħar. Il-kewkba tal-baħar kienet tintuża mill-baħħara biex tmexxihom hi sakemm jaslu fil-port li jridu. Għalina, aħna li ninsabu għaddejjin u nbaħħru fil-mewġ tal-ħajja, l-Kewkba tal-Baħar hi l-Verġni Marija, għax jekk hija dik li turina t-triq fit-telgħa ta’ l-Għolja, hija wkoll il-Kewkba li twassalna fil-port tas-salvazzjoni, Kristu l-Mulej. Il-Verġni Marija hija dik il-kewkba li d-dawl li tarmi m’huwiex tagħha, imma huwa rifless minn xemx akbar. Il-Verġni Marija tirrifletti d-dawl li tarmi x-xemx vera, l-Mulej Alla tagħna.

* * *

F’din il-parroċċa, misjuba sewwa sew fil-bajja tal-Balluta, l-Verġni Marija hija verament il-kewkba tleqq u tilma fid-dalma tal-lejl. Il-Verġni Marija, għal din il-parroċċa, jeħtieġ li tkun dak is-sinjal li jidher, sinjal jixgħel fid-dlam. Il-Verġni Marija hija dik li tħares lill-membri ta’ din il-parroċċa fis-sigħat mudlama tal-ħajja tagħhom, u toffrilhom li jaraw id-dawl veru. Toffrilhom lil Binha Ġesù.

Il-parroċċa tal-Balluta, jekk l-għan tagħha huwa verament dak li kulħadd jasal għand il-Mulej Ġesù, jeħtieġ li kontinwament niftakru li l-Verġni Marija, Patruna tagħna, qiegħda timxi magħna f’din l-istess triq li mexjin fiha aħna. Irridu niftakru l-ħin kollu li ma nistgħux naqbdu t-triq u nitilqu għal rasna, nkella se nintilfu żgur. Inkunu ċerti minn din il-preżenza ħelwa ta’ Oħtna Marija u nħalluha tmexxina hi u turina t-triq hi. Hekk, bħalha u flimkien magħha, nkunu nistgħu naslu bħala aħwa għand dak li qiegħed isejjħilna biex ningħaqdu miegħu.

Ejjew induru lejn il-Verġni Marija, u kif hi qiegħda turina lil Ġesù, nitolbuha l-għajnuna u l-ħarsien tagħha biex inkunu nistgħu nagħrfuh tassew bħala dak li rridu nimxu warajh, u dak li hu verament l-għan waħdieni tal-ħajja tagħna, hekk li mingħajru xejn ma jkun jiswa. Induru lejha, u b’talba ħierġa mill-qalb insellmulha:

Ommna għaqlija
fid-dlam tal-lejl, mexxina
bid-dawl tas-sema;
f’kull għawġ li jqum għalina,
kun faraġ tagħna.

Omm l-aktar ħelwa,
Sinjura tal-Karmelu,
fawwar ’l uliedek,
b’dik l-istess hena bnina
li tfawwar minnek.

Inti għalina
bieb u muftieħ tal-ġenna;
agħmel, Omm tagħna,
li niġu ħdejk fejn qiegħda
inkurunata
(mill-Flos Carmeli).


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage