Predikazzjoni

Omelija



QUDDIESA TA' L-INKURUNAZZJONI

Omelija ta' P. Jurgen Cucciardi, O.Carm., li saret fil-15 ta' Lulju 2005 fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta.

Is-sena 1951 kienet sena importanti għall-familja Karmelitana mxerrda madwar id-dinja. Kienet is-sena li, permezz ta’ ċelebrazzjonijiet kbar, ġie mfakkar is-700 anniversarju tal-Labtu tal-Karmnu. F’Malta wkoll saru ċelebrazzjonijiet li ma setgħu jintesew qatt. Imma biex żgur dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jibqgħu mnaqqxin fil-qalb u l-moħħ tal-poplu Malti – l-aktar dawk tal-ġejjieni – kien maħsub biex issir bolla postali bix-xbieha għażiża tal-Verġni Marija meqjuma fis-Santwarju tagħna. Imma donnu kien hemm xi ħaġa stramba. Pajjiżna kien taħt il-ħakma barranija Ingliża. Il-bolol postali kien ikollhom fuqhom ix-xbieha stampata ta’ min kien jaħkem fuq artna, jew is-simbolu tiegħu. Imma ma setax ikun li fuq l-istess bolla postali ċkejkna jieħdu posthom tnejn min-nies li t-tnejn għandhom il-ġieħ ta’ slaten ... Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, tneħħiet waħda mix-xbihat, u tħalliet biss li tiġi stampata l-Omm u l-Ġmiel tal-Karmelu.

Bdejt b’din il-ġrajja għall-fatt li llum qegħdin niċċelebraw il-ġrajja għażiża ta’ meta 124 sena ilu, l-aħwa Karmelitani u l-poplu Malti qiegħdu fuq l-irjus tal-Madonna u l-Bambin ta’ din ix-xbieha għażiża tagħna żewġ kuruni. Ma jfissrux li konna daqshekk prużuntużi li konna aħna li għamilnihom Sultan u Sultana ... hekk kienu diġà! Imma dan il-ġest żgħir u kbir fl-istess ħin fisser affarijiet oħrajn. Prinċiparjament tnejn: l-ewwel: li minn dak il-mument ‘il quddiem, fi qlub il-poplu Malti se jkun hemm Ġesù u Marija. It-tieni: li kif huma jinsabu fil-milja tal-glorja, hekk aħna, għada pitgħada, meta jasal il-waqt, nissieħbu magħhom f’din l-istess glorja.

Iva, qegħidna l-kuruni fuq ras il-Madonna u l-Bambin għax għażilna lilhom, minn qalb ħakmiet dinjin oħrajn, li jsaltnu fi qlubna. Qegħidna l-kuruni fuq rashom għax biex isaltnu fi qlubna kien meħtieġ li nagħtuhom il-qlub tagħna lkoll. Qegħidna l-kuruni fuq rashom għax għarfu missirijietna, għarafna u nibqgħu nagħrfu aħna u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, li l-ħajja tagħna fiha biss sens jekk qlubna jkunu f’idejhom ... jew aħjar, qlubna fi qlubhom!

Meta ninkurunaw ix-xbihat tal-Madonna u tal-Mulej Ġesù nkunu qegħdin nagħrfu fid-dawl tal-fidi tagħna li huma jinsabu tassew fil-milja tal-glorja. Nagħrfuhom bħala dawk li t-triq tal-ħajja mxewha diġà bit-tlugħ u bl-inżul tagħha. Imma ħajjithom – issa ħajja ġdida – hija ħajja fil-glorja dejjimija. Dan hu dak li wegħidna l-Mulej Ġesù: Immur u nħejjilkom fejn toqogħdu, biex fejn inkun jien, tkunu intom ukoll (Ġw 14,l3). Aħbar tajba! Il-Mulej, is-Sultan tal-glorja (Salm 24,7), jistieden biex jidħlu jgħammru fl-għamara tiegħu ta’ dejjem lil dawk b’qalbhom mimlija mħabba għalih u għal ħuthom. F’din l-għamara, li l-Mulej Ġesù mar u ħejjielna fejn noqogħdu (Ġw 14,3), tidħol, l-ewwel fost l-aħwa, l-Verġni Marija, l-ewwel dixxiplu perfett tal-Mulej, il-mara għaqlija li, għax għarfet is-sehem it-tajjeb, inxteħtet f’riġlejn il-Mulej tisma’ l-Kelma tiegħu (Lq 10,38-42), u l-mara bil-għaqal li qallbet kemm felħet fost ħwejjiġha biex issib id-drakma għażiża għaliha! (Lq 15,8-9)

Imma jekk lill-Verġni Marija libbisniha l-kuruna ta’ sultana, u nagħrfuha wkoll bħala s-Sultana tal-Ħolqien kollu, l-Verġni Marija m’hijiex Sultana bħall-oħrajn! M’hijiex dik li toqgħod fil-palazz kollha formalitajiet u ’l bogħod minn ġensha! M’hijiex dik li toħroġ minn kamritha biex tippożha ma’ min hu tal-qatgħa tagħha. Imma hija waħda minna, l-istess bħalna, anzi, l-ewwel ma’ tersaq fuq min tassew jeħtieġha. Għalhekk, mhux ta’ b’xejn li oħtna ċ-ċkejkna fil-Karmelu Tereża tal-Bambin Ġesù għarfet tgħid li l-Verġni Marija hija aktar Omm milli Sultana! U fl-aħħar nota tagħha, miktuba bir-rogħda fil-mard, fl-aħħar anniversarju tal-professjoni reliġjuża tagħha, l-istess oħtna ddur fuq Marija u fil-ħeġġa ta’ mħabbitha lejha tgħidilha: O Marija, li kieku jien kont is-Sultana tas-Sema, kont irrid inkun Thérèse biex inti tkun tista’ tkun is-Sultana tas-Sema!!!...

B’dan l-ispirtu ta’ wlied, induru lejk, Omm, Oħt u Patruna tagħna! Induru lejn din ix-xbieha għażiża tiegħek li sawwbet mijiet ta’ grazzji u barkiet fuq il-poplu tagħna. Induru lejha li fis-skiet tagħha għarfet tkellem il-qlub ta’ bosta! Kemm hi ħelwa l-preżenza tiegħek fiha. Mhux ta’ b’xejn li fiż-żmien li din ix-xbieha tiegħek ma kinitx fostna, tnikktna u ħassejna santwarju kiesaħ, vojt ... int kont tlaqtna għal ftit, biex nagħrfu dejjem aktar kemm tiswa l-preżenza tiegħek. Tlaqtna għal ftit biex erġajna lqajnik fostna bl-imħabba. Tlaqtna sabiħa, imma ġejt lura isbaħ milli kont!

Mara sabiħa. Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. (Apok 112,1) Kemm inti sabiħa, o Verġni Marija! (Liturġija Karmelitana – l-Ewwel Għasar fis-16 ta’ Lulju). Verġni mdella mill-Ispirtu li ġie fuqek ... il-qawwa ta’ l-Għoli għattietek! (Lq 1,35)

Nistħajjel lil dawk iż-żewġ anġli jittajjru u jitbandlu bil-ħlewwa fuq rasek sabiex jagħtuk il-qima tagħhom u jxiddulek il-ġieħ ta’ Sultana tas-Sema, u Sultana tagħhom.

Is-sħab li tinsab fuqu jinsab kburi li jilqa’ fuqu lis-Sinjura tas-Sema, il-post fejn soltu jittajjar u jagħti l-ħajja lill-art bix-xita li tinżel minnu, bħall-Kelma ta’ Alla li tagħti l-frott u bħat-tajjar jitħalla jitgħaffeġ biex joffrilek post komdu.

Il-qaddisin Xmun u Agata jħarsu lejk donnhom f’misteru. Jaraw fik l-Omm ta’ Alla, l-Omm ta’ dak li lanqas is-smewwiet u l-art ma jesgħuh, imma int ġarrejtu f’ġufek għal disa’ xhur sħaħ ... tabernaklu ta’ Alla l-Għoli! Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom (Apok 21,3). Din hi d-Dar ta’ Alla u l-Bieb tas-Sema! (Ġen 28,17) Mhux ta’ b’xejn li l-mara minn qalb il-folla għajjtet quddiem Ibnek: Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt! Imma tassew, aktar hienja dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha! (Lq 11,27-28).

L-erwieħ ukoll iħarsu mibluha. Jaraw fik il-mara li Kristu ssawwar fik, u ħalliek issir tixbhu. Huma wkoll jistennew li jgħaddu miż-żmien tal-prova sabiex jissaffew minn dak kollu li fid-dinja ma ħallihomx jintrabtu għal kollox ma’ Ibnek Ġesù. Iħarsu lejk mhux b’għira jew għax qlubhom maqtugħin, imma għax jafu li int mhux biss tħarisna tul il-mixja tagħna f’din il-ħajja, imma wkoll waqt li nkunu se ngħaddu għall-milja tal-glorja ta’ dejjem (Ġwanni Pawlu II, Ittra f’għeluq is-750 sena tal-Labtu tal-Karmnu, par.5).

U għax l-imħabba ma tistax tiġi mfissra bil-kliem, jitkellmu s-sinjali u s-simboli. Tnewwel bil-ħlewwa l-labtu mqaddes, sinjal ta’ mħabbtek għalina, sinjal li sa mill-bidu ta’ l-Ordni tagħna, int ħarist lil kull wieħed u waħda minna, ħutek l-għeżież, u dan għadek tagħmlu sal-lum.

Imma taħsibx li nsejt lil dak li hu l-iżjed importanti, Ibnek Ġesù. Tħaddnu miegħek bil-ħlewwa, u hu juri li inti tassew l-Omm tiegħu. Għalik huwa importanti, mhux biss għax huwa Ibnek u inti Ommu, imma wkoll għax l-għan ta’ ħajtek kien hu, u hu biss!

Verġni Karmelitana, ħares lejna hawnhekk quddiemek hekk kif qegħdin nagħmlu festa lilek u mhux lilna nfusna, waqt li nġeddu l-jum għażiż ta’ meta tajnik imħabbitna permezz tal-kuruni li qegħidna fuq rasek u fuq dik ta’ Ibnek Ġesù. Nagħmlulek festa b’radd ta’ ħajr għal dak kollu li għamilt tul il-mixja taż-żmien magħna, l-aħwa tiegħek Karmelitani u mal-poplu tagħna.

Missirijietna, aktar minn ħamsin sena ilu, għoġobhom jistampaw fuq il-karta-bolla postali x-xbieha tiegħek. Imma llum, aħna nitolbuk biex tkun int li tistampa fi qlubna x-xbieha tiegħek, għax ix-xbieha tiegħek hija mxebbha ħafna ma’ dik ta’ Ibnek Ġesù. Stampa fi qlubna x-xbieha tiegħek, biex kull ħin madwarna, kull fejn inkunu, nkomplu mexjin it-triq li għandna quddiemna, nkunu nies qalbiena li nkomplu nibnu fid-dinja tagħna s-Saltna ta’ Ibnek Ġesù!

Ibqa’ fostna, ja Sidtna!
O Marija, aħna nfittxu l-kenn tagħna fi ħdanek;
jeħtieġ li l-Omm tibqa’ ma’ wliedha,
l-Għalliema qalb id-dixxipli tagħha,
is-Sinjura qalb il-qaddejja tagħha,
il-prijura mal-patrijiet tagħha. (Talba ta’ Arnoldu Bostio, O.Carm.)

Ibqa’ magħna, sakemm Kristu jissawwar fina (Lq 24,29; Gal 4,19). U kif dan Ibnek sieħbek miegħu fil-glorja tiegħu, agħti lilna lkoll l-għajnuna u l-ħarsien tiegħek, biex meta jasal il-waqt, aħna wkoll nissieħbu magħkom, u bil-kliem meħud mit-talba għażiża tal-Flos Carmeli insellmulek:
Inti għalina
bieb u muftieħ tal-ġenna;
agħmel, Omm tagħna,
li niġu ħdejk fejn qiegħda,
inkurunuta!


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage