PredikazzjoniOmelija
IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA MTELLGĦA FIS-SEMA
Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Amen. Hekk nitolbuha lill-Verġni Marija fit-talba għażiża tal-Qaddisa għax nafdaw fil-ħarsien tagħha mhux biss fil-waqt ta’ issa, imma wkoll fis-siegħa tant importanti li fiha aħna niġu biex ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem. Għaliex nagħmluh dan? Nagħmluh għax Marija għexet dan il-mument hekk importanti fil-ħajja ta’ kull bniedem, u għexitu b’serenità kbira. U ma setax ikun mod ieħor! Għax hi li għexet il-waqtiet kollha ta’ ħajjitha f’għaqda sħiħa ma’ Alla, tant li saret Omm l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, hekk issa il-mewt tagħha għal din il-ħajja, kienet għaliha s-siegħa li fiha kellha tiltaqa’ ma’ Dak li ħabbha sa minn dejjem. Għalhekk, għall-Verġni Marija, il-passaġġ minn din il-ħajja għal ħajja oħra, ma kienx mument ta’ biża’, imma mument ta’ telqa kollha serenità fiduċjuża f’idejn Alla. Għalhekk aħna lil Marija nitolbuha tieqaf magħna fis-siegħa ta’ mewtna, kif waqfet ma’ Kristu fis-siegħa ta’ mewtu fuq is-salib, ħalli meta tasal is-siegħa tagħna wkoll, aħna ngħaddu għall-ħajja ta’ dejjem b’serenità kbira. L-ewwel Insara, żammew b’għożża kbira, it-tifkira ta’ jum il-mewt tal-Verġni Marija. Kull sena, nhar il-15 ta’ Awissu, l-Insara ta’ Ġerusalemm kienu jinġabru għat-talb fuq il-qabar vojt ta’ Marija waqt li l-Insara ta’ Efesu kienu jinġabru fid-dar ta’ Marija biex jiċċelebraw id-daħla tagħha fis-sema. Il-mewt tal-Madonna kienet tissejjaħ, id-dormizzjoni, jew ir-raqda ta’ Marija, għax għan-nisrani, il-mewt mhijiex it-tmiem tal-ħajja, imma raqda ħelwa li fiha aħna ngħaddu minn din il-ħajja għall-oħra. Ġesù stess isejjaħ il-mewt bħala raqda. Niftakru x’qal fuq Lazzru “ħuna Lażżru raqad” u fuq it-tifla ta’ Ġajru: “mhix mejta, imma rieqda”; u San Pawl ukoll fl-ewwel qari tal-quddiesa ta’ llum isejjaħ lil Kristu bħala “l-ewwel fost dawk li raqdu”. Il-festa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija hija l-iktar festa antika tal-Madonna, it-tifkira tat-twelid tagħha għas-sema, it-tifkira tat-tisħib sħiħ ta’ Marija fil-misteru ta’ l-Għid ta’ Ġesù. Għalhekk missirijietna kienu jsejħu din il-festa bħala l-Għid ta’ Marija u kienu jħejju ruħhom għaliha bi ħmistax-il jum ta’ sawm u talb, dak li nsejħulu r-Randan tal-Madonna jew inkella l-Kwindiċina. Fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Awissu, missirijietna kienu jagħmlu wkoll il-Visti tas-Seba’ Santa Marijiet, l-istess bħalma kull sena jsiru l-Visti tas-Seba’ Knejjes fil-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira. U dan kienu jagħmluh biex juru li Marija ssieħbet bis-sħiħ fil-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu. San Pawl fit-tieni qari tal-quddiesa ta’ llum ikellimna fuq il-mewt tal-bnedmin u fuq il-mewt ta’ Kristu u jgħidilna: “Bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ukoll jiksbu l-ħajja fi Kristu, l-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu” sakemm jinqered l-aħħar għadu, il-Mewt.” Illum aħna nħarsu lejn Marija meħuda fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem, jiġifieri, lejn Marija salvata kollha kemm hi, fil-persuna kollha tagħha, u waqt li nħarsu lejha u nistgħaġbu bil-ħwejjeġ kbar li għamel magħha is-Setgħani, niftakru li dak li seħħ fiha, għad iseħħ fina. Aħna wkoll, għad naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ, aħna wkoll għad inkunu salvati minn ħalq il-Mewt mhux biss fir-ruħ imma wkoll fil-ġisem li, kif jgħallimna San Pawl, jinżera’ fl-art dgħajjef u msejken biex Kristu jqajjmu fl-aħħar jum u jibdlu fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu mingħajr taħsir. Marija llum tidher quddiemna bħala dik li ssieħbet ma’ Kristu fir-rebħa tiegħu fuq il-Ħażin, fuq il-Mewt u fuq id-Dnub. Hija s-sinjal il-kbir li jidher fis-sema, il-mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha, dik li l-qawwa tad-Dragun, ix-Xitan, ma għelbithiex, anzi għelbitha hi bil-qawwa tal-Messija. Marija hija rebbieħa għax hija laqgħet il-Kelma ta’ Alla, ħarsitha f’qalbha u emmnet f’dak kollu li ntqalilha min-naħa tal-Mulej. Li tilqa’ l-Kelma ta’ Alla, li tħarisha f’qalbek u li temmen f’din il-Kelma, ma jfisser xejn aktar ħlief li timxi ma’ din il-Kelma u twettaq ir-rieda ta’ Alla fil-ħajja tiegħek. Bħal Marija n-nisrani huwa msejjaħ biex jgħix bil-Kelma ta’ Alla u jkun marbut bis-sħiħ ma’ dak li jogħġob lil Alla. Hemmhekk jinsab is-serħan tagħna li jkeċċi minna kull biża’, saħansitra l-biża’ tal-Mewt. Jekk aħna mmutu ma’ Kristu kuljum għad-dnub u ngħixu minn issa l-ħajja l-ġdida, is-siegħa tal-mewt tagħna wkoll tkun siegħa ta’ paċi u sliem bħalma kienet għal Marija. Peró qabel, jeħtiġilna nitqabdu mal-ħażin, u niċħduh billi ngħażlu li nagħmlu dejjem dak li hu tajjeb u sewwa. L-Għid ta’ l-Assunta huwa għalina l-Maltin festa għażiża għax tfakkarna wkoll li fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, missirijietna magħfusin minn kullimkien, bil-ġuħ u bil-għatx, qabdu f’idejhom il-kuruna tar-Rużarju u talbu fuq li talbu biex Marija tidħol għalihom u twassal fil-port l-ikel meħtieġ għall-ħajja. U talbhom instema’. Fi żmienna wkoll, bħala nsara, aħna u l-valuri ta’ l-Evanġelju, ninsabu attakkati minn kullimkien. Nitolbu lil Marija twassal fil-port tal-qalb tagħna l-ikel tal-Kelma ta’ Alla, tant meħtieġ għall-ħajja nisranija tagħna. Nitolbu lil Marija tgħallimna hi kif inkunu dixxipli ta’ Kristu, inħallu lilha tgħallimna ngħixu ta’ nsara b’konvinzjoni u b’ħeġġa, ħalli flimkien magħha aħna wkoll jistħoqqilna nkunu rebbieħa fis-saltna tas-sema. Nitolbuha flimkien u ngħidu: Sliem għalik Marija... |