Predikazzjoni

Omelija


TRANŻLAZZJONI TAR-RELIKWA TAL-MADONNA

Omelija ta' P. Anthony Cilia, O.Carm., fl-okkazjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa tal-Balluta, 2003.

Hija użanża Maltija li lejlet il-festa tal-Patrun jew Patruna tagħna nagħmlu dik li aħna nsejħulha “it-Tranżlazzjoni”. Xi tkun din “it-Tranżlazzjoni”? X’tifsira għandha għalina, aħna li qed niċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Karmnu?

Qabel xejn ngħidu li l-kelma “Tranżlazzjoni” tfisser “il-ġarr, it-trasferiment ta’ xi ħaġa minn post għall-ieħor”. Fil-kas tagħna, it-“Tranżlazzjoni” hija l-ġarr solenni tar-relikwa tal-Madonna mis-sagrestija għall-knisja biex tingħata l-qima li jixirqilha mid-devoti tagħha f’jum il-festa. Din l-użanża għandha l-oriġini tagħha fis-seklu 8 w.K. F’dawk iż-żminijiet, fl-Ewropa ta’ Fuq kienu qed isiru ħafna invażjonijiet mill-barbari (Sassoni, Saraċini, Longobardi u Normanni). Minħabba f’hekk, biex tħares il-fdalijiet qaddisa tal-martri, il-Knisja ħasset il-bżonn li taqlagħhom mill-oqbra tagħhom, li kienu jinsabu barra mill-belt, u tpoġġihom f’postijiet aktar żguri, fil-knejjes li kienu jinsabu ‘il ġewwa mis-swar tal-belt. U hekk bdew it-“Tranżlazzjonijiet”, jiġifieri l-ġrarr jew it-trasferiment tal-fdalijiet qaddisa tal-martri minn post għall-ieħor.

Jista’ jkun li xi ħadd minna jistaqsi: Hemm xi relazzjoni bejn l-użanża tat-“Tranżlazzjoni” u s-silta tal-vanġelu li smajna ftit ilu? (Ġw 19,25-27)

Ilkoll kemm aħna nafu x'għamel Ġesù matul l-aħħar tliet snin tal-ħajja pubblika tiegħu, kif iddedika lilu nnifsu: biex jgħallem u jfejjaq, biex iqawwi l-qlub tal-foqra u tal-batuti, kif fl-Aħħar Ċena ħallielna lilu nnifsu fl-Ewkaristija. Issa Ġesù kien jinsab fuq is-salib, abbandunat kważi minn kulħadd. Ħaġa waħda kien fadallu: lil ommu Marija, li b'imħabba kbira, għal 33 sena, baqgħet tieħu ħsiebu u timxi warajh anke fl-aktar mumenti diffiċli. Minn fuq is-salib Ġesù ried iħallielna lill-Ommu bħala ommna. Iħares lejha u jgħidilha: "Mara hawn hu ibnek." Imbagħad qal lid-dixxiplu: "Hawn hi ommok." Eżattament wara din il-frazi l-evanġelista jgħidilna: “U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu”! Fi kliem ieħor, hawn għandna t-tranżlazzjoni, it-trasferiment ta’ Marija mid-dar tagħha għad-dar ta’ Ġwanni. F’sens aktar profond għandna t-trasferiment ta’ “Marija Omm Ġesù” għal “Marija Omm Ġwanni”, għal “Marija Omm il-bnedmin”. Għax kif tgħallimna l-Knisja Mqaddsa, f'dak il-waqt San Ġwann l-evanġelista kien qed jirrappreżenta lill-bnedmin tad-dinja kollha. Fuq kmand ta' Ġesù, Ġwanni ħa lil Marija bħala Ommu, u hekk ukoll għamlu l-bnedmin ta' kull nazzjon, razza u lewn. Hekk ukoll għamlu missirijietna u laqgħuha fil-gżejjer u l-familji tagħhom.

Il-parroċċa tagħna wkoll laqgħet lil Marija u llum qed nagħmlulha festa taħt t-titlu tal-Madonna tal-Karmnu. Minn fejn ġie dan it-titlu li aħna nagħtu lil Ommna Marija? L-istorja toħodna fis-seklu 13, meta xi nies twajba mill-Ewropa marru fl-Art Imqaddsa (illum il-Palestina u Israel) biex iżuru l-postijiet għeziez li fihom Kristu, il-feddej tagħna l-bnedmin, twieled, għex, miet u rxoxta. Filwaqt li xi wħud minn dawn il-pellegrini, meta lestew mill-vjaġġ tagħhom irritornaw lejn pajjiżhom, oħrajn għażlu li jibqgħu jgħixu hemm, b'ħajja ta' talb u penitenza. Wieħed mill-postijiet l-aktar preferuti minn dawn in-nies kienet l-Għolja tal-Karmelu, li tinsab fin-naħa ta' fuq ta' Israel, fuq il-port ta' Ħajfa.

Dawn il-pellegrini għall-ewwel bdew jgħixu bħala eremiti, kull wieħed għal rasu. Imma jum fost l-oħrajn ftehmu li jibdew jgħixu flimkien. Għalhekk talbu lill-Patrijarka ta' Ġerusalemm, Sant'Albert, li kien l-isqof tal-post, biex jiktbilhom Regula ħalli jkunu jistgħu jgħixu skond ix-xewqa tagħhom. U hekk għandna l-bidu ta’ l-ewwel komunità ta' “patrijiet Karmelitani”, li ħadu isimhom mill-post fejn bdew, jiġifieri mill-Għolja tal-Karmelu.

Fost l-oħrajn, fir-Regula tiegħu, Sant'Albert kitbilhom li għandu jkollhom kappella fejn jiltaqgħu għat-talb ta' kuljum. Fil-ħeġġa kbira tagħhom lejn Marija, Omm Ġesù, l-ewwel Karmelitani ddedikaw din il-kappella lill-Madonna u b’hekk għażluha bħala l-Patruna tagħhom. Meta imbagħad fis-seklu 13 is-Seraċini ħabtu għall-Art Imqaddsa, il-Karmelitani, kontra qalbhom, kellhom iħallu l-post fejn twieldu. U hekk xterdu ma’ l-Ewropa kollha. F’din il-ġrajja, li minn naħa waħda nistgħu inqisuha bħala diżgrazzja, minn naħa l-oħra naraw kemm it-toroq tal-Mulej huma differenti minn dawk tagħna, għax permezz t’hekk għandna t-tranżlazzjoni, it-trasferiment, mill-Għolja tal-Karmelu għall-Ewropa, u aktar tard mad-dinja kollha, tad-devozzjoni li l-Karmelitani għandhom lejn Marija.

Ħafna drabi, meta aħna nsemmu l-Madonna tal-Karmnu ma jiġux f'moħħna dawn il-fatti storiċi li għadna kemm semmejna. X’aktarx niftakru fi ġrajja oħra li skond it-tradizzjoni Karmelitana seħħet ukoll fis-seklu 13: meta S. Xmun Stock, li kien Pirjol Ġenerali ta' l-Ordni Karmelitan, waqt li darba fost l-oħrajn kien miġbur jitlob b'ħerqa kbira lill-Madonna biex tħares lil ħutu l-Karmelitani mill-persekuzzjoni, hija tatu l-Labtu mqaddes bħala sinjal ta' mħabbitha, u qaltlu li kull min ikun devot tagħha, billi jilbes u jgħix il-virtujiet tagħha, hija tagħtih grazzi kbar u s-salvazzjoni eterna.

Matul din ir-riflessjoni tagħna tkellimna fil-qosor dwar:
- it-tranżlazzjoni, it-trasferiment ta’ Marija mid-dar tagħha għad-dar ta’ Ġwanni, jew aħjar: mit-trasferiment ta’ “Marija Omm Ġesù” għal “Marija Omm il-bnedmin kollha”;
- tkellimna dwar it-tranżlazzjoni li għamlu ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ popli meta laqgħu għandhom lil Marija bħala Ommhom;
- tkellimna wkoll dwar it-tranżlazzjoni tad-devozzjoni karmelitana minn fuq l-Għolja tal-Karmelu lejn diversi pajjizi Ewropej;
- u wkoll dwar it-tranżlazzjoni tal-Labtu mingħand Marija għal għand San Xmun Stock bħala sinjal ta’ protezzjoni.
Jonqos issa t-tranżlazzjoni, it-trasferiment tad-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna fl-ambjent fejn ngħixu: fil-familja, fil-post tax-xogħol u fil-postijiet fejn niddevertu. Fi kliem ieħor, issa jmiss lilna li dik id-devozzjoni kbira li aħna writna mingħand missirijietna ngħadduha lil ta’ warajna.

Imma hawn rridu noqgħodu attenti li lil uliedna ngħaddulhom devozzjoni li hija awtentika u soda, u mhux sempliċiment folklor. Il-festa esterna hija tajba u importanti, imma din trid tkun espressjoni ta’ dik id-devozzjoni li aħna ngħixu s-sena kollha, ġurnata b’ġurnata. Jekk ma jkunx hekk, uliedna u l-barranin li jiġu għall-festa tal-Patruna tagħna, jindunaw mill-ewwel li ċ-ċelebrazzjoni tagħna, il-festa tagħna, hija vojta, għax filwaqt li b’fommna ngħajtu “Viva l-Madonna tal-Karmnu”, qalbna tkun ‘il bogħod minn dak li l-Madonna tal-Karmnu titlob minna.

Il-Labtu li tatna u l-wegħda li għamlitilna l-Madonna huma żewġ sinjali ta' l-imħabba kbira li l-Verġni Marija għandha lejna bħala wliedha. Jixraq għalhekk li aħna wkoll nuruha mħabbitna billi fil-festa li qed nagħmlulha, inwegħduha li se nieħdu bis-serjetà d-dmirijiet tagħna ta’ nsara. Dan nagħmluh billi bħal Marija nimxu dejjem wara binha Ġesù, fil-ferħ u fin-niket, u bħalha wkoll infittxu li nagħmlu dejjem ir-rieda ta' Alla għalina.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage