Predikazzjoni

Paneġierku


“SLIEM GĦALIK SULTANA, OMM TAL-ĦNIENA;
ĦAJJA, ĦLEWWA, TAMA TAGĦNA, SLIEM GĦALIK”

Paneġierku ta' P. Martin Borg, O.C.D., fl-okkazjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta, 16 ta’ Lulju 2004.

Wisq Reverendu Patri Provinċjal, ħuti fis-Saċerdozju u fil-Karmelu, devoti lkoll ta’ Sidna Marija tal-Karmnu.

Din hija t-tislima ta’ tifsir l-aktar għoli u kbir li biha l-Knisja ta’ Kristu ilha ssellem lill-Verġni Marija sa mis-seklu għaxra, u għalhekk hija l-antifona tal-Madonna l-aktar antika fit-talba sabiħa tas-Salve Regina.

Din hija l-antifona ewlenija tat-talba ta’ għeluq il-jum fil-liturġija tas-sigħat kif diġa’ kienet tingħad mill-Ordnijiet Mendikanti sa mis-seklu tlettax u hekk hija l-antifona tal-Madonna l-aktar universali fit-talb liturġiku tal-Knisja.

Din hija l-antifona tal-Madonna l-aktar popolari matul is-sekli hekk li f’ħafna knejjes bdiet titkanta b’mod solenni ta’ kull filgħaxija l-aktar fil-Ħdud u l-festi ewlenin hekk li biex tingħata solennita’ akbar daħlet id-drawwa tal-Barka Sagramentali wara l-kant tagħha.

Imma din, fuq kollox, saret l-Antifona Marjana l-aktar għażiża ta’ l-Ordni Karmelitan, mhux biss għax il-Karmelitani kienu jgħiduha f’kull siegħa tal-Liturġija iżda għax fiha kienu jsibu l-espressjoni ta’ mħabbithom lejn is-Sultana tas-sema. U hekk is-Salve Regina hija t-talba mqaddsa bid-demm tal-patrijiet Karmelitani maqtula mis-Saraċeni fl-1291 waqt li kienu qed ikantawha fuq l-Għolja tal-Karmelu, u kantata mill-ġdid mis-Sorijiet Karmelitani Skalzi martri ta’ Compiegne fl-1792 waqt li qatluhom bil-giljottina waħda wara l-oħra fi żmien ir-rivoluzzjoni Franċiża.

Għalhekk, il-Karmelu, flimkien mal-Knisja kollha ta’ Kristu, waqt li jemmen li l-kobor kollu ta’ Marija Verġni huwa ġej mill-grazzja waħdanija tal-Maternità Divina tagħha bħala Omm Alla tassew u Sultana tal-ħolqien kollu, idur lejha u bil-ħeġġa tat-twemmin tiegħu fis-setgħa ta’ din l-Omm ta’ Alla u Omm tagħna bnedmin isellmilha u jgħidilha b’ħeġġa kollha kemm hi tiegħu:”Sliem għalik Sultana, Omm tal-ħniena; ħajja, ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik”.

Iva, il-Karmelu, fi ħdan il-Knisja u mal-Knisja, f’Marija Verġni jagħraf lil dik is-Sultana rebbieħa f’nisilha fuq is-saltna tad-dlamijiet - lill dik il-mara mwegħda tal-Proto Evanġelju fil-ktieb tal-Ġenesi, il-mara li fin-nisel tagħha, li hu Kristu u aħna lkoll magħqudin miegħu, kellha tisħaq darba għal dejjem ras is-serpent infernali sabiex f’kull naħa tad-dinja u f’kull waqt ta’ l-istorja tkun il-għajnuna tal-Insara, ir-Reġina tal-Vittorji, is-Sultana li tilqa’ t-tislima ta’ uliedha: ”Sliem għalik Sultana, Omm tal-ħniena”.

Iva, il-Karmelu fi ħdan il-Knisja u mal-Knisja, f’Marija Verġni jqim lil dik l-Omm ħanina u setgħana ta’ Kristu fil-glorja kbira tagħha – lil dik il-mara Mbierka tad-dehera Apokalittika ta’ San Ġwann Appostlu, il-mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha u fuq rasha kuruna ta’ tnax il-kewkba li kellha tkun is-sinjal il-kbir fis-sema, sabiex f’kull waqt ta’ l-istorja tkun il-faraġ, il-qawwa u t-tama ta’ l-istess Knisja, l-Omm li tilqa’ t-tislima mħeġġa ta’ uliedha: “ħajja, ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik”.

Huti, it-twemmin nisrani tagħna jinġabar fil-verita’ fundamentali tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla sabiex ikun il-Feddej tal-bnedmin kollha, fil-verita’ kbira li Alla ried jindaħal direttament fl-istorja tal-bniedem billi Hu jsir bniedem bħalna ħalli lilna jagħtina sehem mill-ħajja Divina tiegħu. Iżda fil-ħsieb etern ta’ Alla dan il-pjan divin għas-salvazzjoni tal-bniedem kellu jġib miegħu l-missjoni materna tal-Madonna.

Għax għalkemm Alla seta’ qabad u ħalaq umanità perfetta f’ġisem ta’ bniedem, sabiex jgħaqqadha man-natura divina fil-persuna ta’ l-Iben, għalkemm seta’ jsib xi mezz ieħor li aħna lanqas biss noħolmu biħ, Huwa ried li Kristu Feddej ikun tassew bin il-bniedem, wieħed mir-razza umana tassew, billi fi kliem San Pawl ”Jitwieled minn mara, jitwieled skond il-liġi”, mir-razza ta’ David , fil-fatt minn Marija Verġni, hekk li San Mattew seta’ jikteb fil-vanġelu tiegħu: ”U minnha jitwieled Ġesù li jissejjaħ Kristu.”

Għax għalkemm Alla seta mexa’ mod ieħor fil-kobor tas-setgħa tiegħu bla tarf, għalkemm seta’ sawwar il-ġisem ta’ Kristu mingħajr il-koperazzjoni ħielsa tal-bniedem, Huwa ried li Kristu Feddej jitnissel f’Marija u minn Marija bl-opra ta’ l-Ispirtu Divin, imma mhux qabel l-Iva ħielsa u qaddisa tagħha, hekk li mal-Fiat tagħha lill-Arkanġlu Gabriel, il-Ġisem ta’ Kristu ħa l-ħajja fi ħdanha sabiex bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu laħmu u demmu ta’ Bniedem ikunu tnisslu minnha u fiha f’natura umana li Alla l-Iben għaqqad man-natura Divina tiegħu sabiex Hu jitwieled minnha fiż-żmien u Hi tkun l-Omm t’Alla fit-tifsir kollu tal-kliem, hekk li San Tumas ta’ Aquino jgħidilna: ”Fit-tħabbira ta’ l-Anġlu, Alla qagħad jistenna l-kunsens tal-Verġni Imberka f’isem, b’xi mod, tal-bnedmin kollha”.

Mhux ta’ xejn mela, Marija tidher quddiemna bħala Omm il-ħajjin kollha fis-Saltna ta’ Binha Ġesù, bħala Omm il-grazzja divina fil-Fidwa ta’ Binha Ġesù, għax hija l-Omm ta’ Alla magħmul Bniedem għalina li bir-rieda ħielsa tagħha saret is-sieħba ewlenija tiegħu bħala Feddej u Salvatur universali, hekk li Fih u Biħ lilna lkoll twasslilna l-grazzji kollha ta’ Alla.

U dan ħuti huwa minnu, għax skond ir-rieda ta’ Alla sa minn dejjem, huwa biss bis-saħħa ta’ Ommu Marija li Kristu Ġesù seta’ jġibilna u jagħtina l-ħajja ġdida ta’ wlied Alla, il-ħajja sopranaturali tal-grazzja, il-ħajja li qatt ma tintemm fil-għaqda ta’ Mħabba tagħna ma l-istess Alla - għax hija din l-istess Verġni Imbierka li lil Kristu Feddej tatu l-ġisem tad-demm u l-laħam bħal tagħna, il-ġisem ta’ bniedem li biħ u fiħ biss seta’ jbati u jsofri, imut u jindifen, iqum mill-imwiet u jitla’ s-sema biex ikun il-medjatur waħdieni bejnna u bejn Alla l-Missier, il-Vittma Eterna tas-Saċerdozju tiegħu.

Jekk Kristu, u Kristu biss huwa l-Feddej u l-Medjatur tagħna quddiem Alla l-Missier, is-Saċerdot Etern u waħdieni tagħna, hekk li mingħandu biss irridu nirċievu kull grazzja u sliem, hija din l-Imbierka fost in-nisa kollha li tagħtu l-mezz tal-Fidwa, l-għodda u l-istrument tal-ħlas f’isimna quddiem Alla l-Missier, dak li sata’ jħallas biħ u fiħ, il-ġisem tan-natura umana tagħna, hekk li Sidtna Marija lilna l-Bnedmin nisslitna u wellditna lkoll għal ħajja tal-grazzja, il-ħajja spiritwali imma vera u tassew, meta nisslet u welldet fl-umanità lill-Iben ta’ Alla bħala l-Kristu Feddej, l-ewwel wieħed fost ħafna aħwa li aħna aħna.

Bir-raġun kollu, mela, aħna nduru lejn Ommna Marija u mhux biss insellmulha u ngħidulha: “Sliem għalik Sultana, Omm tal-ħniena,” imma malajr inżidu wkol fil-ħeġġa tat-twemmin tagħna fil-maternità spiritwali tagħha fuqna lkoll: ”ħajja, ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik”.

Iva Marija Verġni hija l-istess ħajja tagħna għax hija Omm Sid il-ħajja, Omm l-opra kollha tal-Fidwa ta’ Binha Ġesù. Hija l-istess ħlewwa tagħna għax hija l-oħt l-aktar qaddisa tagħna, għax l-isbaħ, l-aqwa u l-ogħla frott ta’ l-istess opra tal-Fidwa, is-Sultana kollha glorja ta’ l-umanità Hija l-istess tama tagħna għax hija l-perfezzjoni diġa’ milħuqa tal-Knisja f’dak li aħna nemmnu, nistennew u nittamaw li nkunu fi Kristu u bi Kristu.

Iva, Marija Verġni hija l-istess ħajja tagħna, l-istess ħlewwa tagħna, l-istess tama tagħna, għax imnissla bla tebgħa ta’ ħtija ta’ dnub, mimlija bil-grazzja u mbierka minn Alla fost in-nisa, hija tiddi quddiemna bħala l-għola mudell ta’ kull qdusija, bħala l-isbaħ xempju ta’ kull virtu’, bħala l-aqwa ġieħ ta’ l-umanità: Il-Madonna mhux biss hija l-Qaddisa tal-Qaddisin, għax kollha safja u nadifa f’ruħha u gisimha, f’moħha u f’qalbha, imma hija hekk bħala l-Omm Immakulata tal-Fidwa fil-predestinazzjoni tagħha minn Alla għall-Maternita’ Divina, hekk li teżisti biss sabiex tkun OMM, Omm Alla, Omm Kristu Feddej, Omm il-bnedmin kollha. Għax Omm naturali ta’ Kristu Ġesù hija Omm il-Ġisem Mistiku tiegħu kollu, Omm il-Knisja.

Tassew sbieħ huma l-ħsiebijiet tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Enċikklika tiegħu Redemptor Hominis u fil-bulla tas-sena straordinarja tal-ġublew tal-fidwa, meta jfisser kif Alla ried li l-Omm Vergni tal-Feddej tkun fit-triqat kollha tal-Knisja, sabiex bil-preżenza materna tagħha tiżgura lill-knisja li qed tgħix tassew il-ħajja ta’ l-Imgħallem u l-Mulej Ġesù fil-profondita’ tal-fidwa, qalb kull tfixkil u tiġrib fl-istorja imqallba tagħha.

Jgħidilna l-Papa li l-Maternita Divina ta’ Marija mhux biss hija dinjita’ waħdanija u ta’ darba fl-istorja kollha tal-bniedem, imma, dak li aktar jgħodd, hija unika fil-profondità u fil-firxa ta’ l-azzjoni tagħha tul iż-żmienijiet kollha bħala sehem ħaj u parteċipazzjoni attiva tal-Madonna fil-pjan kollu tas-salvazzjoni tal-bniedem permezz tal-misteru kbir ta’ l-Inkarnazzjoni Redentiva ta’ l-Iben Divin.

Propju minħabba f’hekk, kif iżjed ifissrillna l-Papa, il-misteru tal-Fidwa nistgħu ngħidu li beda jseħħ u jissawwar fil-Qalb bla tebgħa tax-xbejba Qaddisa ta’ Nażareth, l-Immakulata, meta hija qalet l-IVA tagħha lil Alla, hekk li din il-qalb verġinali u materna kull ħin u bla heda ġġedded u ttenni l-IVA tagħha lil Alla waqt li dejjem tħabbat bl-akbar taħbit ta’ mħabba għall-opra kollha tal-fidwa f’kull ruħ li temmen fil-misteru tal-knisja kollha. Mela llum ukoll ħadd aktar minn Marija Ommna ma jista’ jdaħħalna fid-dimensjoni Divina u Umana tal-misteru tal-Fidwa, għax ħadd aktar minnha ma ġie mdaħħal hekk bis-sħiħ minn Alla nniffsu f’misteru hekk għoli u kbir.

Għalhekk lilha u lilha biss l-Arkanġlu Gabriel seta’ jsellem u jgħid: ”Sliem għalik, ja mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”, u mbagħad iżid, ”Inti sibt grazzja quddiem Alla”, waqt li jgħidilha li is-saltna ta’ binha Ġesù ma kienx se jkollha tmiem. Lilha u lilha biss Eliżabetta setgħet tistqarr bħal Omm Sidha li jista’ kollox waqt li tinfexx fil-għajta kbira tagħha: ”Imbierka Inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek.”

U Marija biss setgħet toħroġ bil-għajta sabiħa tal-Magnificat bħala t-talba perfetta taż-żminijiet messjaniċi li tiċċelebra l-akbar inizzjattiva ta’ Alla l-Ħaj fl-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben Divin bl-Opra ta’ l-Ispirtu s-Santu Alla. Fil-Magnificat, hija Marija nnifisha li tinfexx fl-għola kantiku ta’ ferħ għall-Mulej biex tfaħħar il-ħniena kollha mħabba ta’ Alla li fl-aqwa waqt ta’ l-istorja tal-bniedem u fil-quċċata l-aktar għolja tad-djalogu bejn id-divinità tal-kbir Alla u l-umanità tal-bniedem imsejken ried li hija tkun EVA L-ĠDIDA bħala Omm il-ħajjin kollha fi Kristu u bi Kristu Binha.

Iva fil-għanja sabiħa tal-Magnificat Sidtna Marija uriet biċ-ċar li hija kienet fehmet sewwa li bħala Omm Kristu li kellu jġib il-ħelsien u s-salvazzjoni ta’ Alla bħalma kien imwiegħed fl-imgħoddi, hi kellha tkun Omm il-Feddej tal-bnedmin kollha, Omm spiritwali tal-bnedmin kollha mifdija minn Binha, u hekk l-IVA tagħha lil Alla fil-kliem tassew qaddis: ”Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek”, baqgħet sejra f’ħajjitha kollha sa f’riġlejn is-Salib meta tidher bħala l-Verġni fidila li toffri l-istess Bina lill-Missier għall-ġid veru u dejjiemi tal-umanità. Anzi, l-IVA tagħha lil Alla, Marija kienet diġa’ qalitha sa mill-bidu għax kienet laqgħet f’moħha u f’qalbha l-Kelma ta’ Alla qabel ma nisslitha u wellditha fiż-żmien.

Huwa propju għalhekk li l-Knisja kollha ferħana għall-kobor u l-Qdusija tagħha f’għajnejn Alla bis-sehem kbir u speċjali li ried jagħtiha fl-opra kollha tal-Fidwa, iddur lejha u tgħidilha kull ħin: ”Sliem għalik Sultana, Omm tal-ħniena; ħajja, ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik”.

Iżda fuq kollox dalgħodu, f’din l-għodwa glorjuża tal-festa Solenni ta’ Sidna Marija tal-Karmnu, f’dan is-Santwarju ġdid u antik, f’dan l-ewwel Bażilika Santwarju li jixhed u juri l-imħabba tal-Maltin lejn din l-Omm tagħna tas-Sema, hawn, f’riġlejn din l-ewwel xbiha nkurunata b’mod solenni fil-gżejjer tagħna mija u tlieta u għoxrin sena ilu, wehedha toħroġ minn qalbna t-tislima speċjali tagħna : Ave Regina Carmeli, Ave Mater Carmeli, Ave Decor Carmeli.

Iva, aħna nsellmulha bħala s-Sultana speċjali tal-Karmelu, għax hija l-Padruna u s-Sidt ewlenija tagħna fit-tifsir veru tal-kliem, għax aħna nsellmulha bħala l-Omm speċjali tal-Karmelu għax hija nnifisha għoġobha taħtarna b’uliedha fis-sejħa tagħna bħala l-ikkonsagrati kollna kemm aħna lilha u permezz tagħha lill-Binha Gesù . Aħna nsellmulha bħala “Ġmiel il-Karmelu”, għax hija il-ġieħ ewlieni ta’ din il-għolja qaddisa ta’ Alla, il-warda l-aktar tfuħ ta’ ġnien il-Karmelu fuq din il-għolja mistika ta’ Alla, il-kewkba l-aktar tlellex ta’ sema l-Karmelu fuq din il-għolja tal-perfezzjoni ta’ Alla.

Għax jekk il-Għolja tal-Karmelu fi ħdan il-Knisja dejjem fissret il-quċċata tal-qdusija fil-ħajja interjuri ta’ talb u ta’ sagrifiċju f’għaqda sħiħa ta’ mħabba ma Alla, kif fisser aktar minn kullħadd San Ġwann tas-Salib fil-kotba tiegħu, Marija bħala s-sultana ta’ din il-għolja hija l-Mudell perfett ta’ kull ruħ li tixtieq u trid issir ħaġa waħda ma Alla fi Kristu.

Mela, jekk il-Papa Pawlu VI fil-Marialis Cultus ħeġġiġna nistudjaw u nwasslu lill-poplu l-fundament bibliku teoloġiku tad-devozzjoni Marjana sabiex f’Marija nagħrfu l-Omm dejjem magħquda ma Binha Feddej, il-fundament liturġiku ta’ kull devozzjoni popolari sabiex f’Marija nilmħu l-Oħt l-aktar għolja fil-grazzja u fil-qdusija, il-fundament antropoloġiku sabiex f’Marija naraw il-mudell ta’ kull bniedem fid-dinja tal-lum, aħna ngħiduh b’wiċċna minn quddiem, dan hu li għamlu l-Karmelitani ġenwini matul iż-żmienijiet, ħabbew lil Sidtna Marija tal-Karmnu bħala l-Omm, l-Oħt u l-Mudell speċjali tagħhom.

Għax il-Madonna tal-Karmnu hija l-istess Madonna Omm Ġesù kif ħarsu lejha, qimuha u ħabbewha l-Karmelitani bħala Ordni kollu kemm hu tagħha, kif emmnu fiha, ittamaw fiha, intelqu f’idejha l-Karmelitani kollha matul il-medda taż-żmien.

U mill-istorja joħroġ ċar daqs il-kristall, b’mod li ħadd ma jista’ jmerih li jekk kif jgħidilna l-Konċilju Vatikan II, Marija hija l-Omm ħanina tal-Bnedmin kollha, l-Omm setgħana tal-Knisja, il-Mudell ta’ kull ruħ fil-grazzja u tal-Knisja nnifisa, hija iżjed u iżjed l-Omm u l-Mudell perfett tal-Karmelu fit-tifsir mistiku li kiseb matul is-sekli fi ħdan l-istess knisja.

Jekk fl-ordni tal-grazzja, fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba teologali, Marija hija l-figura tal-Knisja anzi l-perfezzjoni tal-Knisja diġà milħuqa li lejha jridu jersqu l-insara kollha, hija qabel xejn il-Figura kollha dija tal-Karmelu bħala l-perfezzjoni Spiritwali tat-tagħlim tiegħu, li lejha trid tersaq kull ruħ Karmelitana fl-Ispirtu. Jekk Imtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem hija s-sinjal ta’ tama ċerta u ta’ faraġ qawwi għall-poplu kollu ta’ Alla fi triqtu lejn is-sema, hija aktar u aktar il-kewkba li ddawwal l-għamla ta’ ħajja mariaformi fl-ispiritwalita’ karmelitana.

Jekk fi kliem il-Papa Pawlu VI, Marija hija l-ħabiba tagħna, l-Avukata tagħna, il-Għajnuna tagħna, l-Alleata żgura tagħna, il-Padruna u s-Sidt tagħna, it-Tama kollha tagħna fil-missjoni materna tagħha ta’ ħniena u mħabba, ta’ interċessjoni u ħarsien għal kull nisrani, hija dan kollu b’mod kollu kemm hu speċjali fil-protezzjoni singulari tagħha fuq il-Karmelitani li jikkonsagraw ħajjithom kollha kemm hi lilha f’qadi sħiħ u totali.

Jekk il-Madonna hija s-Sultana tal-Qaddisin kollha, kif tassew hi, hija bla dubju ta’ xejn Ġieħ, Glorja u Sebħ, Omm u Reġina ta’ l-erwieħ kollha li fetħu għall-qdusija l-aktar għolja fil-ġnien għammiel tal-Karmelu.

Mela bir-raġun, il-Karmelu, b’ħeġġa kollha kemm hi tiegħu, b’titlu speċjali u b’imħabba partikulari jdur lejn Marija u jgħidilha kull ħin: ”Sliem għalik Sultana, Omm tal-ħniena; ħajja, ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik”. Dan tixhdu l-istorja twila tiegħu fir-rapporti kollha kemm huma speċjali, rapporti ta’ mħabba bejn l-Omm għażiża u l-ulied devoti, bejn l-Oħt il-kbira u l-aħwa maħbuba, bejn is-Sultana glorjuża u s-sudditi kkonsagrati għall-qadi tagħha, rapporti li dejjem deheru fl-aqwa tagħhom bejn Marija u l-Karmelitani ta’ kull żmien.

Kif jammetti kullħadd u kif stqarrew kemm il-darba l-Papiet: Totus Marianus est Carmelus = Kollu kemm hu Marjan huwa l-Karmelu = għax fit-tradizzjoni ġenwina Karmelitana, il-Madonna hija l-Omm setgħana li ssir l-Oħt għażiża, il-Patruna glorjuża li ssir il-ġieħ l-aktar għoli, is-Sultana rebbieħa li ssir il-mudell perfett, is-sidt ta’ kull setgħa li ssir il-Qdusija li lkoll nistgħu nħobbu u nimitaw.

L-istess Labtu tal-Karmnu li nġibu fuqna bid-devozzjoni jrid ifsser u jixhed dan kollu fi stqarrija pubblika, f’xhieda esterna, f’turija minn barra, bħala l-bandiera u l-istandard li jxandru rrapporti l-aktar intimi tagħna ma’ Marija, bħala t-talba li bla heda titla minn fuqna għall-ħarsien tagħha, bħala l-akbar titlu ta’ ġieħ - mottiv ta’ faraġ u qima ta’ imitazzjoni fil-ħajja spiritwali tagħna, għax il-Labtu Mqaddes huwa d-distintiv ċar ta’ wlied Marija, l-uniformi sabiħa tas-sudditi ta’ Marija, is-simbolu glorjuż tar-rabta ta’ mħabba li tgħaddi bejnna u bejn Sidtna Marija, it-toqol ħelu li jsir sintesi u ġabra ta’ l-ispiritwalita’ marjana li hija l-karatteristika ewlenija u speċifika tal-Karmelu.

Iva kollu kemm hu Marjan huwa l-Karmelu u dan sa fl-ibgħat żmienijiet fuq l-istess għolja qaddisa tiegħu, imma wkoll fiż-żmienijiet tan-nofs fit-tixrid tiegħu fl-Ewropa kif ukoll fi żminijiet eqreb lejna u llum stess. Fit-tifkiriet Bibbliċi sbieħ tagħha, il-Għolja tal-Karmelu hija l-aktar magħrufa għar-rabta speċjali tagħha ma’ Elija l-Profeta, li mar jilmaħ dik is-sħaba żgħira tielgħa mill-baħar li l-għorrief tal-Knisja u l-Karmelitani raw fiha l-figura minn qabel tal-Verġni bla tebgħa, l-Omm li kellha tniżżel fuq id-dinja x-xita tal-grazzji tas-sema fl-Iben Divin tagħha.

Għalhekk Marjan il-Karmelu fil-Missier Spiritwali tiegħu, il-Profeta tan-nar Elija li mill-Ispirtu tiegħu tnisslet l-Iskola tal-Profeti b’qima lejn l-Omm futura tal-Messija, li mill-ispirtu tiegħu ta’ talb u ta’ ġabra xxettlet il-ħajja eremitika f’dawk li nġabru flimkien fuq il-għolja qaddisa tal-Karmelu ħdejn il-għajn tiegħu bħala dixxipli ta’ Kristu fl-imitazzjoni u l-Imħabba tagħhom lejn Ommu Marija.

Marjan mela l-Karmelu fis-sekli bikrin tal-kristjaneżmu, meta dawn l-irħieb u eremiti, aktarx pellegrini mill-Ewropa li riedu jgħixu fl-art Imqaddsa, xterdu ma’ l-inħawi tal-Palestina u saru magħrufa bħala L-Aħwa tal-Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu, kif sal-lum għadu l-isem uffiċċjali tal-Ordni Karmelitan fi ħdan il-Knisja.

U minħabba din it-tradizzjoni antika marjana tiegħu, ukoll wara l-bidu ġuridiku ta’ l-Ordni Karmelitan bil-għoti tar-Regula minn Sant’Albert Patrijarka ta’ Gerusalem fil-bidu tas-seklu tlettax u bl-approvazzjoni definittiva tiegħu mill-Papa Innoċenzu IV fl-1247, Marjan fuq li Marjan baqa’ l-Karmelu meta l-Karmelitani xterdu fl-Ewropa u xettlu u kabbru ma kullimkien devozzjoni l-aktar tenera lejn Marija bħala Omm u Padruna assoluta ta’ l-Insara.

Anzi kien propju minħabba f’hekk li f’dan l-istess seklu XIII, mat-tislima sabiħa tas-Salve Regina marret tiżdiet it-talba ħerqana tal-Karmelu lil Marija fil-kliem tal-Flos Carmeli li sal-lum għadha l-Antifona ewlenija tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, għax turi biċ-ċar il-fiduċja sħiħa tagħna fl-uffiċċju matern tagħha u l-ħarsien speċjali tagħha fuqna lkoll fl-Ordni kollu kemm hu tagħha.

Iva, Marija, fil-kliem sabiħ tal-Flos Carmeli, hija l-fjur l-aktar sabiħ tal-Karmelu fil-quċċata ta’ kull perfezzjoni fuq din il-għolja mistika tal-Knisja. Marija hija d-dielja għammiela ta’ ġnien il-Karmelu bħala x-xebba safja li kellha ssir Omm, u Omm l-istess Alla magħmul bniedem għalina. Marija hija d-Dija glorjuża ta’ sema, il-Karmelu fis-sbuħija tal-virtu’ u l-grazzja l-aktar għolja u singulari tagħha. Marija hija l-waħdanija bħala Omm l-aktar ħelwa u l-Verġni li ġmielha qatt ma ttabba’ hekk li tidher tilma u tlellex fil-Karmelu bħala l-kewkba tal-Baħar li teħlisna minn kull tfixkil fil-mixi tagħna lejn il-port tas-salvazzjoni, l-aktar permezz tal-Iskapular imqaddes li riedet tagħtina.

Dawn huma t-titli mogħtija lill-Madonna fil-Flos Carmeli, titli li juru fejn jinsab il-kobor veru ta’ Marija Verġni, titli fuq kollox li juru l-fiduċja ta’ l-Ordni Karmelitan sar-rebħa tiegħu fuq l-għedewwa li sab fl-Ewropa fis-seklu tlettax meta ma rieduhx ikun meqjus u magħdud ma’ l-Ordnijiet ċenobitiċi u mendikanti, titli għalhekk li jqanqlu kull ruħ Karmelitana tassew sabiex tinfexx fil-karba glorjuża: Carmelitis da Privilegia - “Lill-Karmelitani għatihom rahan ta’ mħabba”. U niżlet mis-sema jew ma niżlitx, deheret mod jew ieħor lil dan jew lil dak, huwa fatt li Marija wieġbet bi protezzjoni għolja u speċjali għat-talba ħerqana tal-Ordni Karmelitan. Tabilħaqq dan hu Miraklu tas-sema. Iva, il-Karmelitani lil Marija bħala Omm speċjali ta’ l-Ordni tagħhom, kważi fundatriċi tas-sema, riedu jsellmulha u jgħidulha b’ħeġġa speċjali: ”Sliem għalik Sultana, Omm tal-ħniena; ħajja, ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik.”

Imma fil-ħeġġa ta’ mħabbithom lejn din l-Omm u Patruna tagħhom, lejn din l-oħt u l-mudell tagħhom, il-Karmelitani bdew iħossu li, le, ma kienx biżżejjed li jiċċelebraw b’mod solenni l-festi ewlenin tagħha, l-aktar dik tal-Immakulata Kunċizzjoni, u li jagħżu waħda minnhom bħala titular ta’ l-Ordni, li le, ma kienx biżżejjed li kull nhar ta’ Sibt iqimuha b’ċerta solennita, li ta’ kuljum fl-uffiċċju divin jagħmlu t-tifkira tagħha u kull meta kienu jistgħu, iqaddsu l-quddiesa tagħha. Bdew iħossu l-ħtieġa li jiċċelebrawlha tifkira solenni ta’ kull sena b’festa apposta, sabiex il-Karmelu jiżżiha ħajr ta’ dak kollu li għamlet miegħu, tal-grazzji kbar li dejjem xerrdet fuqu, l-aktar fil-għoti tal-Labtu Mqaddes.

U hekk bil-mod il-mod, daħlet il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu li bil-ferħ qegħdin niċċelebraw illum, il-festa maġġuri ta’ l-Ordni Karmelitan bħala kommemorazzjoni ta’ kull sena tal-Madonna. Maż-żmien din it-tifkira solenni bdiet issir fis-16 ta’ Lulju u xterdet mhux biss ma’ l-Ordni Karmelitan kollu bħala l-Festa Titulari iżda wkoll mal-Knisja kollha, l-aktar meta bdiet titqies bħala l-Festa tal-Labtu Mqaddes.

U hawn tassew li marjan fuq li marjan huwa l-Karmelu meta fit-tixrid ta’ din il-festa u tad-devozzjoni tal-labtu li tiġbor fiha u ġġib magħha kellu nfluwenza tassew kbira fit-tkattir tad-devozzjoni marjana fi ħdan il-poplu kollu ta’ Alla. Dan ammettieh il-Papa Pawlu VI meta fil-Marialis Cultus stqarr li propju għalhekk, wara r-riformi liturġiċi tal-Konċilju Vatikan II li riedu jneħħu mil-kalendarju universali l-festa marbuta ma xi post, il-knisja riedet tħalli l-Madonna tal-Għolja tal-Karmelu bħala Tifkira Universali l-waħdanija mħollija minn fost dawn marbuta ma familja reliġjuża partikulari.

U aħna l-Karmelitani b’din il-festa bħala s-solennità prinċipali u ewlenija ta’ l-Ordni, irridu nġeddu b’mod pubbliku r-rapporti l-aktar intimi li jgħaddu bejn il-Karmelu min-naħa u l-Madonna mill-oħra, fit-tifkira glorjuża u ċ-ċelebrazzjoni għażiża tal-patrimonju tradizzjonali marjan li jġib konferma l-aktar sabiħa u espressjoni ta’ tifsir l-aktar kbir fid-don tal-Labtu Mqaddes li nġibu fuqna bħala l-Libsa ta’ Marija.

Dan kollu kellha f’moħħha Tereża l-Kbira, Santa Tereża ta’ Ġesù meta fis-seklu sittax daħlet għax-xogħol iebes tar-riforma glorjuża tagħha. Hija nnifisha tistqarr aktar minn darba fil-kitba tagħha, l-aktar fl-ittri tagħha, li dak li għamlet għall-Ordni għamlitu fuq kollox sabiex turi mħabbitha lejn Marija Verġni li fuqna nġibu l-libsa tagħha, sabiex fil-kunventi karmelitani titħares bir-reqqa kollha r-Regula Primittiva ta’ l-Imperatriċi Marija, sabiex il-kunventi ta’ dan l-Ordni kollu kemm hu tagħha jkunu tassew id-djar ta’ Marija fejn uliedha u ħutha jgħixu magħha u għaliha bħala l-merħla ċkejkna tagħha.

Dan hu kliem il-Qaddisa riformatriċi ta’ Avila, l-ewwel mara Duttur tal-Knisja li ma tgħejja qatt issejjaħ lill-Madonna bħala l-Imperatrici u Patruna, is-Sultana u s-Sinjura, l-Omm Verġni u l-istess Pirjura ewlenija ta’ l-Ordni Karmelitan, l-Oħt qaddisa li kull ruħ karmelitana trid tħobb u timita fil-virtu’ sa ma titla’ t-telgħa tal-qdusija li twassalha fil-quċċata tal-Karmelu, fejn isaltan fil-glorja tiegħu Iben Marija, Ġesù Kristu, kif ifisser wisq tajjeb is-sieħeb ewlieni tagħha fir-riforma San Ġwann tas-Salib.

Għax għal dan id-duttur mistiku tal-Knisja, il-Madonna hija x-xempju perfett tar-ruħ magħquda ma’ Alla fil-perfezzjoni ta’ l-unjoni mistika li tirrapreżenta l-Għolja tal-Karmelu fil-quċċata tagħha, għax hemm hija tiddi u tlellex quddiemna bħala dik li dejjem u f’kollox hija mmexxija mill-Ispirtu Divin waħdu u biss, hekk li dak kollu li għamlet, dak kollu li ħasbet u qalet, hija għamlitu għax hekk ried Alla minnha għax qatt ma kellha stampat f’ruħha xi xbieha ta’ xi ħaġa maħluqa. Hija tassew id-dawl maħluq li juri l-istess dawl ta’ mħabba mhux maħluq li huwa Alla nniffsu.

Għalhekk iva Marjan fuq li Marjan baqa’ l-Karmelu fiż-żewġ Ordnijiet tiegħu kif jixhdu l-Karmelitan P. Mikiel ta’ Santu Wistin u l-Karmelitan Skalz il-Venerabbli Ġiovanni ta’ Ġesù Marija, li propju fis-seklu 17 ħarġu ż-żewġ trattati Marjani qosra tagħhom, il-wieħed dwar il-ħajja Mariaforme f’Marija u għal Marija u l-ieħor dwar l-imħabba u l-qima lejn is-Sultana tas-sema.

U Marjan fuq li Marjan baqa’ l-Karmelu fiż-żewġ Ordnijiet tiegħu fiż-żmienijiet eqreb lejna bil-ksib mill-ġdid tal-Għolja tal-Karmelu mill-Ordni Karmelitan Tereżjan u t-tiġdid ta’ l-isbaħ tron ta’ Grazzja li Marija riedet li jkun is-Santwarju Bażilika ewlieni tagħha taħt it-titlu tal-Madonna tal-Karmnu, u bil-ksib mill-ġdid tal-fdalijiet ta’ Aylesford fl-Ingilterra mill-Ordni Karmelitan u t-tiġdid tat-tradizzjoni glorjuża ta’ dan il-post fil-qima u d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu u l-Labtu mqaddes tagħha.

Bħalma Marjan baqa’ l-Karmelu fil-Qaddisin tiegħu! Biżżejjed insemmu ċ-ċkejkna qaddisa tal-ward, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li tistqarr li Marija ħatritha bħala bintha b’mod l-aktar perfett meta qalgħetilha l-grazzja kbira tal-vokazzjoni karmelitana biex b’hekk ġibditha taħt il-mant tagħha ta’ Omm u ħawlitha bħala l-fjur għażiż ta’ Binha Ġesù fl-art għammiela tal-Karmelu. U l-qaddisin kollha karmelitani li jżejjnu l-kuruna prezzjuża fuq ir-ras tal-Verġni Marija Omm u ġmiel tal-Karmelu.

Iva l-Karmelu matul iż-żmienijiet kollha seta’ jinfexx fil-għajta ta’ mħabba li turi fejn jinsab il-qofol tal-vokazzjoni speċifika tiegħu fi ħdan il-Knisja u jsellem lill-Verġni Mbierka: ”Sliem għalik Sultana, Omm tal-ħniena; ħajja, ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik”; U hekk għadu llum il-Karmelu, kollu kemm hu ta’ Marija, u lil Marija aktar minn kullħadd isellmilha llum ukol bħala Omm u Sultana, ħajja ħlewwa u tama tiegħu.

Għalhekk wara d-deheriet ta’ Lourdes li għalqu fil-Festa tal-Madonna tal-Karmnu, u wara d-deheriet ta’ Fatima li għalqu bis-Sultana tad-dawl liebsa l-Libsa tagħna tal-Karmnu, waqt il-miraklu taż-żifna tax-xemx, l-istess Papa Piju XII, fis-seba ċentinarju ta’ l-Iskapular, mar juri kif l-Iskapular tal-Madonna tal-Karmnu huwa llum ukoll, l-istqarrija bil-miftuħ, ix-xhieda pubblika, is-sinjal estern, tal-konsagrazzjoni nterna tagħna lill-Qalb bla Tebgħa tal-Verġni Immakulata, il-Libsa Marjana per eċċellenza li tixhed il-ħeġġa tal-poplu nisrani lejn il-Madonna.

Imma fuq kollox Marjan fuq li Marjan il-Karmelu llum fil-konferma min-naħa tal-Maġisteru għoli tal-Knisja ta’ dak kollu li għallem u xehed matul iż-żmienijiet dwar is-setgħa ta’ din l-Omm ħanina u l-ħniena ta’ din is-Sultana ta’ kull setgħa MARIJA, konferma ta’ tagħlim il-Karmelu meta ħares lejn Marija bħala Omm li qatt ma tista’ tinfired mill-opra ta’ binha Ġesù għall-fidwa u s-salvazzjoni tal-bnedmin, bħala l-Oħt li turi sa liema kobor ta’ qdusija tista’ twassal il-grazzja tal-Fidwa ta’ binha Ġesù, bħala l-Mudell li jixhed u juri l-perfezzjoni diġà milħuqha ta’ l-istess Knisja ta’ Binha Ġesù.

U ħuti, aħna għandna l-grazzja li missierijietna fehemu sewwa dan kollu u mija u tlieta u għoxrin sena ilu, hawn f’dan is-Santwarju Bażilika stqarrew dan it-twemmin tagħhom fis-setgħa ta’ Marija. Iva fl-ewwel Inkurunazzjoni Solenni ta’ xi Xbieħa tal-Madonna fl-istorja tal-gejjer Maltin, hawn, f’dan l-inkien qaddis, f’riġlejn dan il-kwadru antik, missierijietna ħalfu li Sultana u Reġina tagħhom kienet biss il-Verġni Omm Alla taħt it-titlu glorjuż tal-Karmelu, Ħalfu li bil-Labtu tal-Karmnu fuqhom riedu jixhdu l-konsagrazzjoni sħiħa tagħhom infushom lilha għax huma riedu jkunu tagħha u tagħha biss sabiex jogħġbu lill-Binha Ġesù.

Il-Karmelitani kienu ilhom Malta fiż-żgur sa mill-bidu tas-seklu ħmistax u mill-Knisja tal-Lunzjata barra r-Rabat ta’ Malta kienu diġà tferrxu mal-gżira tagħna, imma rridu niftakru li hawn, fejn qegħdin illum, kien il-post magħżul għat-tieni knisja karmelitana f’Malta sa mill-bidu tal-bini tad-djar f’din il-belt ġdida li bdew jibnu l-Kavallieri wara l-Assedju l-Kbir. Hekk, din hija l-ewwel knisja ta’ reliġjużi fil-Belt Valletta, knisja li fiha Marija riedet twaqqaf it-tron ewlieni tagħha fil-gżejjer tagħna, bħala Omm u Sultana tal-Karmelu.

Għalhekk iva, bir-raġun kollu ngħidu li jekk Marija taħt it-titlu ta’ Omm u Sultana tal-Karmelu, riedet qabel xejn tagħżel it-tron tagħha fil-Bażilika Santwarju ta’ fuq il-għolja tal-Karmelu fil-Palestina, minn fejn minkejja kull tfixkil u kull xorta ta’ persekuzzjoni matul il-medda taż-żmien, għadha sal-lum issaltan bħala l-Patruna ewlenija ta’ kull ruħ karmelitana fl-Ispirtu, u jekk Hija riedet tagħżel ukoll bħala tron ġdid tagħha l-kappella għażiża ta’ Aylesford, fl-Ingilterra, minn fejn, minkejja kull tħarbit li ġabet magħha l-hekk imsejħa riforma protestanta, illum qed ixxerred il-grazzji tagħha f’devozzjoni mxettla mill-ġdid. Huwa propju hawn li hija għażlet it-tron ewlieni tagħha fil-gżejjer Maltin sabiex issaltan fuq il-poplu kollu tagħna, li dejjem mar iqiegħed it-tama sħiħa tiegħu fil-ħarsien u l-protezzjoni qawwija tagħha.

Iva, jekk it-tislima tagħna lill-Marija toħroġ minn kull santwarju Marjan, b’mod speċjali minn kull knisja karmelitana fid-dinja u f’Malta, b’liema ħeġġa ta’ mħabba u entużjażmu ta’ ferħ ma għandiex toħroġ minn moħħna u minn qalbna llum f’dan is-santwarju għażiż, u illum, hawn, it-tislima tagħna tkun dik tradizzjonali tal-Karmelu: ”Sliem għalik Sultana, Omm tal-ħniena; ħajja, ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik.”

Din il-ħalfa, din il-għajta ta’ qalbna fit-twemmin glorjuż tagħna jridu jixhdu l-kuruni tad-deheb fuq ras Ġesù Bambin u Ommu Marija: iridu jixhdu t-twemmin tagħna fis-saltna ta’ Kristu u ta’ l-Omm Verġni tiegħu, iridu jistqarru pubblikament il-fiduċja qaddisa tagħna fl-opra tal-fidwa ta’ Kristu u s-sehem ewlieni ta’ Marija fl-istess fidwa bħala Omm u sieħba tal-Feddej. Iridu juru lill-kullħadd l-imħabba totali tagħna lejn Ġesù u Marija bħala ulied u sudditi li jridu jaqduhom u ningħataw kollna kemm aħna lilhom. Irridu, iva, inġeddu kull hin il-ħalfa ta’ missierijietna li Ġesù u Ommu Marija huma dejjem il-kollox tagħna.

U hawn ħuti ma nistax ma niftakarx fil-poeta ewlieni tal-Madonna fl-ilsien malti, il-Karmelitan Anastasju Cuschieri, li quddiem dan il-kwadru għażiż dejjem sab il-mistrieħ tiegħu u t-tnebbieħ ta’ l-isbaħ versi. F’sena minnhom f’din il-festa tal-lum idur lejn Marija u jgħidilha:

Sliem għalik Omm tal-Karmelu
inti l-għaxqa tal-Maltin
Minn tfulitna sal-mewt tagħna
b’qalbna miegħek marbutin.

Iżda l-poeta Karmelitan beda jara diġa’ matul ħajtu s-sinjali qerrieda ta’ żminijiet koroħ ġejjin fuq Malta, u waqt li jfakkar li għal missierijietna:

Alla l-ewwel u fuq kollox
u warajħ dritt il-Madonna,

joħroġ bil-karba ta’ mħabba lil Sidtna Marija li jiena dalgħodu nagħmilha tiegħi fiż-żmienijiet li għaddejjin minnhom:

M’għadekx mela sabiħa
m’għadekx mela qawwija?
Mela tfiet il-qawwa tiegħek
mela ntilfet is-sbuħija?

Mhux int aktar il-moħħ t’Alla?
Mhux int aktar il-Qalb tiegħu?
U mhux minnek jgħaddi kollox
u mhux int torbotna miegħu?

Għaliex mela ja Marija
mhux kulħadd iħobbok sħiħ?
Għaliex huti l-Maltin wiċċek
ma għadhomx jaraw sabiħ?

Imma fil-poeżiji kollha tiegħu dan il-poeta tal-Madonna juri kif it-tama kollha tiegħu baqgħet f’Marija Ommna kif għandha tibqa’ fina lkoll.

Għalhekk jistqarr li, li kieku kien warda kollha fwieħa, jew għanja li qatt ma tiskot, u leħen ta’ qampiena, jew sħaba lewn il-fidda, u kewkba kollha dija, ħadd u xejn ma kien ibiegħdu minn Marija jew mit-tlissin ta’ l-isem ħelu tagħha hekk li jgħidilha:

Omm ta’ kull ħniena
isma t-talb tagħna
ħares lill-Malta
ieqaf int magħna
Fik kollha t-tama
qiegħeda tan-nies,
Omm ta’ kull ħniena
Qawwa bla qjies.
Int li wċċek jitkellem
u kliemu kliem il-ħlewwa
Int li xejn ma tiċħad
lil min jitolbok sewwa,
Verġni li tista kollox
Għax Alla dejjem miegħek
ismagħna u fuqna xerred
il-kbira ħniena tiegħek.

Waqt li nagħmlu tagħna dawn il-ħsibijiet hekk għolja, dawn is-sentimenti hekk sbieħ, induru lejn Ommna Marija Sultana tal-Karmelu u ngħidulha: ”Sliem għalik Sultana, Omm tal-ħniena; ħajja, ħlewwa, tama tagħna, Sliem għalik.”

Hekk konvinti mis-setgħa tagħha nitolbuha u ngħidulha:

Int O Madonna, tassew li int l-istess ħajja tagħna, l-istess ħlewwa tagħna, l-istess tama tagħna, fil-mixi tagħna wara Kristu Ibnek bħala t-triq, is-sewwa u l-ħajja ta’ kull min jemmen il-kelma ta’ Alla = dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena, itfa’ fuqna l-ħarsa ħelwa tiegħek ta’ Omm u Patruna ewlenija tagħna, sabiex tgħinna ngħixu kif jixraq it-twemmin tagħna f’Ibnek Ġesù = Idħol għalina int, O Marija, sabiex din il-fidi tagħna fl-opra u l-kelma ta’ Ibnek Ġesù, mhux biss qatt ma tiġi nieqsa, imma miegħu u bħalek, trebbaħħna d-dinja bl-Imħabba u fl-Imħabba.

Dawwalna Int, ja Omm ħelwa u Sultana tagħna, sabiex nifhmu li llum il-verita’ ta’ kliem Ibnek u l-grazzja ta’ l-opra tiegħu bħala Feddej tista’ twassalhomlna BISS il-Knisja tiegħu, il-Knisja Mqaddsa li f’idejha Alla ried jafda l-milja tar-rivelazzjoni u l-qawwa tas-salvazzjoni li jinsabu miġbura fil-Persuna u l-Kelma ħajja ta’ l-Iben Divin imnissel u mwieled minnek biex ikun is-Salvatur tal-Bnedmin kollha.

Mexxina int O Madonna tal-Karmnu, fit-triqat imwiegħra tal-ħajja u bħala l-Kewkba tal-Baħar wassalna sal-port tas-Salvazzjoni fl-għaqda sħiħa ta’ mħabba ma’ Alla hanin.

Dan kollu nitolbuhulek bħala NSARA, dan kollu nitolbuhulek bħala MALTIN, imma fuq kollox dan kollu aħna l-KARMELITANI nitolbuħ bil-ħeġġa kollha ta’ qalbna lilek bħala Omm u Sultana tal-Karmelu, mudell u xempju ta’ kull ruħ Karmelitana, Sidt u Patruna tagħna fil-għoti sħiħ u l-konsagrazzjoni tagħna nfusna lilek u permezz tiegħek lill-Ibnek Ġesù.

Iva minn dan is-Santwarju glorjuż li jrid jixhed imħabbitna lejk, nitolbuk: Ibqa saltan fuqna, ibqa qaddisna f’Ibnek, ibqa ħarisna bħala l-ulied speċjali tiegħek. U fil-kliem tal-FLOS CARMELI: illum ukoll agħtina rahan ta’ mħabbtek, sabiex il-KARMELU f’Malta u fid-dinja jibqa’ dejjem kollu kemm hu tiegħek u Int O MARIJA, tibqa’ l-Ġieħ u l-glorja tiegħu, bħala l-isbaħ warda mistika tiegħu, issa u għal dejjem. Amen.

VIVA L-MADONNA TAL-KARMNU!

Laus Deo, Virginique Carmeli Matri


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage