PredikazzjoniPaneġierkuGĦELUQ IL-MITT SENA MILL-INKURUNAZZJONI TAL-KWADRU TA’
I. Si levi a Maria O dolce Regina, O Madre benigna Għaddew mitt sena minn meta dan il-kliem fawwar mill-qalb tal-Poeta tal-Madonna, il-poeta Karmelitan P. Anastasju Cuschieri, u beda jbaqbaq fil-qlub ta’ nisel wara ieħor ta’ Bormliżi li kantawh għall-ewwel bit-Taljan u mbagħad bil-Malti u bin-noti sbieħ tiegħu mlew il-ħitan ta’ dan is-santwarju u t-toroq ta’ din il-belt ta’ l-Immakulata. Għalik, o Marija, Bik l-anġli jitgħaxxqu, O Omm l-aktar ħelwa, Għaddew mitt sena. Ma kenitx sena bħall-oħrajn dik is-sena. Kienet l-isbaħ sena fil-ġrajja tal-belt Cospicua, għax kienet sena marbuta ma’ l-aqwa żewġ teżori tagħha. Kien f’dik is-sena, sewwa sew fit-18 ta’ Ġunju 1905, mitt sena ilu, li fuq iz-zuntier tal-knisja ta’ S. Margerita, fejn l-Aħwa ta’ Marija jgħixu fil-qalb tal-Knisja, taħt il-ħarsien u fuq ix-xebh tal-Verġni bla tebgħa, il-Bormliżi tefgħu ħarsithom għall-ewwel darba fuq l-istatwa titulari tal-Kunċizzjoni msawra mill-ġdid fuq disinn ta’ Abram Gatt. U dik ix-xbieha saħħret lil missirijietna u daħlet f’qalbhom u baqgħet sal-lum issaħħarna bi ġmielha, ħjiel ċkejken tal-ġmiel bla nikta ta’ Dik li l-Poeta sejħilha “Safa bla qjies”. Kien propju dak inhar li żżanżan l-innu li P. Cuschieri kien kiteb bit-Taljan għall-parroċċa ta’ Bormla. Si levi a Maria U ġimgħa wara, fil-25 ta’ Ġunju 1905, sewwa sew bħal dalgħodu mitt sena, wara tħejjijiet u stennija, dan is-santwarju mtela daqs bajda għal okkazzjoni unika, l-Inkurunazzjoni ta’ Marija Immakulata tal-kwadru tal-kor mill-Kardinal Domenico Ferrata, Legat tal-Papa San Piju X. Dak il-kwadru kien ilu biss madwar tmenin sena li tpitter, u terġa’, għal diversi raġunijiet, dam sal-1850 biex tqiegħed fil-kor. Imma fi ftit żmien kulħadd kien beda jqisu bi kwadru speċjali.
Dak il-kwadru ma ħariġx biss mill-pinzell ta’ pittur ta’ ħila, Pietru Pawl Caruana, li pittru fl-1828, imma ħareġ fuq kollox mill-qalb u l-moħħ ta’ qassis li kien teologu u poeta, Dun Ludovik Mifsud Tommasi, devot kbir tal-Madonna. It-teologu ħaseb, il-poeta ħolom, u l-pittur firex fuq it-tila dik id-dehra armonjuża li tqattar is-sliem fil-qalb ta’ min iħares lejha. Kemm hu sabiħ Alla fil-kobor tal-maestà tiegħu, li flok ma jregħxek, iħajrek tiġri ġo ħoġru u titħannen fi ħdanu. Hu x-Xiħ fil-Għomor, kif isejjaħlu l-profeta Danjel, mhux għax qdiem, imma għax hu minn dejjem ta’ dejjem, Missier il-ħolqien kollu. U għax jibqa’ għal dejjem, dejjem joħloq u jagħti l-ħajja, huwa wkoll iż-Żagħżugħ ta’ Dejjem. Idu mifruxa tixhed is-setgħa li joħloq u jħares. Qed joħloq lis-Sinjura ta’ l-univers, kif isejħilha Dun Ġorġ, il-kapulavur ta’ ħidmitu ħallieqa. Joħloqha u jħarisha biex tkun mill-bidu u tibqa’ dejjem sabiħa u bla ebda tikmixa. U f’idu l-oħra ġa lestilha kuruna għax hi sultana rebbieħa, l-ewwel frott tal-fidwa li ġabilna Dak li ħareġ rebbieħ biex ikompli jirbaħ f’dawk li jimxu warajh bi lbiesi twal bojod. Ruħ il-Qodos, l-Ispirtu ta’ Alla l-Għoli, dak l-Ispirtu li fil-bidu tal-ħolqien kien jittajjar fuq l-ilmijiet tax-xejn u l-qerda, dak l-Ispirtu li Alla jibgħat biex jinħolqu l-ħlejjaq u jiġġedded wiċċ l-art, ġa firex ġwenħajh biex meta tasal il-milja taż-żminijiet jixħet id-dell tiegħu fuq il-Verġni, u joħloq fiha l-Bidu tal-ħolqien il-ġdid. Moħbi - għall-għajn li ma tafx tħares - qalb l-anġli ta’ Alla, il-Verb Etern fis-sura ta’ tfajjel ċkejken li se jieħu mix-Xebba, iħares lejna bi ħniena, idejh marbuta fit-talb qisu qed jgħid lil Missieru, “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija. Arani ġej, o Alla, biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lh 10, 5.7). U qisu jrid itir biex jieħu l-ġisem fil-ġuf ta’ Dik li bħalu jdejha marbuta fit-talb għax hi Eva l-ġdida li bl-ubbidjenza tagħha ħallet id-diżubbidjenza ta’ Eva u saret is-sieħba tat-tieni Adam. Hemm hi, ħierġa minn ħdan Alla l-Għoli u riesqa lejna b’pass ħafif. Ħarsitha ħelwa tarmi d-dija, mitfugħa fuq Adam u Eva mkeċċija mill-ġenna ta’ l-art, jiġġerrew fid-dlamijiet u f’dell il-mewt. Imma hi, tiddi fi bjuda li tgħammex, qisha liebsa x-xemx għax hi l-mimlija bil-grazzja, imlibbsa b’Alla nnifsu u msawra fuq ix-xbieha ta’ Dak li wiċċu jiddi bħax-xemx u lbiesu abjad bħas-silġ. “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej; B’libsa bajda u faxxa kaħla. Sewwa sew kif kellha tarha Bernardette Soubirous ġewwa l-għar ta’ Massabielle, fir-raħal ta’ Lourdes, tletin sena wara li pittirha Caruana. Mhux forsi dan parti mill-misteru tas-seħer ta’ dan il-kwadru? Ilbiesha mtajjar, mhux tant mir-riħ li jiżfen ma’ mixjitha regali, imma sinjal tal-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu li tlibbisha biex Ruħ il-Qodos isir, sa mill-ewwel waqt ta’ l-eżistenza tagħha, il-mutur waħdieni li jħarrek ħsibijietha, xewqatha u għemilha. U hi tiżfen miegħu ż-żifna ta’ doċilità sħiħa għal kull ċaqliqa u ispirazzjoni tiegħu. “Kemm huma sbieħ riġlejk fis-sandli tiegħek, ja bint il-prinċpijiet!” (Għan 7, 2). Bla sforz ta’ xejn, riġilha jisħaq ras “id-Dragun il-kbir, is-serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Dimonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha” (Apok 12, 9). Għax il-qawwa li tegħlbu mhix ġejja minnha nfisha, imma minn dik l-id setgħana mifruxa fuqha biex tħarisha. U taħt riġilha l-ieħor għandha l-qamar, l-imnara ż-żgħira li trieġi l-lejl u hi sinjal għat-tqassim taż-żminjiet, tal-jiem u s-snin. Għax għalkemm għexet fi żmien partikulari, din il-bint ta’ Alla l-Għoli taħkem fuq iż-żminijiet kollha: hi kienet mill-bidu f’moħħ Alla, xewqa tal-ħolqien minn dejjem; għexet qabel twelidha fil-ħolm ta’ ġensha mxennaq għall-Messija; u wara mewtha ġiet igglorifikata għal kollox ma’ Binha b’mod li ġa daħlet fl-eternità ta’ Alla. “Kollok kemm int sabiħa... Bik l-anġli jitgħaxqu, U kemm tixirqilha lix-Xebba Immakulata l-kuruna li bħal dal-ħin mitt sena ilu l-Kardinal Domenico Ferrata qegħdilha fuq rasha! Forsi kienet il-ġrajja ta’ l-Inkurunazzjoni li nebbħet lill-poeta P. Cuschieri biex fl-innu tiegħu isejjaħ lill-Madonna sultana. O dolce Regina, Imma - nistaqsi jien dalgħodu - kienet biss konvenjenza li Cushieri rabat ir-regalità ta’ Marija mat-tnissil tagħha bla tebgħa, jew hemm xi rabta oħra bejniethom? Iva, hemm fuq li hemm. Marija hi sultana għax hi l-Immakulata. Fuq dan nixtieq nitkellem magħkom dalgħodu, aħna u nikkontemplaw imsaħħrin ix-xbieha ta’ l-Immakulata Inkurunata f’dan iċ-ċentinarju tagħha. II. “Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ!” (S 97, 1). Il-poplu tar-Rabta l-Qadima, imdawwar kif kien minn ġnus kbar immexxija minn slaten qawwija, kien iqis lil Alla bħala s-Sultan tas-slaten kollha. Għax kien Hu li ħalaq is-sema u l-art u kulma fihom u kollox iżomm bil-kelma setgħana tiegħu. “Waqqaf il-Mulej it-tron tiegħu fis-sema / u s-saltna tiegħu fuq kollox taħkem” (S 103, 19). Hu s-Sid tal-ħolqien kollu u l-ħlejjaq kollha “jagħmlu l-ordni tiegħu malli jisimgħu leħen il-kelma tiegħu” (S 103, 20). Alla mhux biss is-Sid u s-Sultan tal-ħolqien. Huwa wkoll is-Sid u s-Sultan ta’ ġrajjet il-bniedem. Il-ħakma tiegħu tinfirex fuq il-popli kollha u ħadd ma jista’ jieqaf lill-kobor tiegħu. Imma fost il-popli kollha Alla għażel lil Iżrael, għamel patt miegħu u fil-Liġi li tah irrivelalu r-rieda qaddisa tiegħu biex Iżrael jagħmilha u hekk isir “saltna ta’ qassisin u ġens qaddis” (Eż 19, 6). Idealment, il-poplu ta’ Iżrael kellu jkun poplu li jgħix b’mod li jirrifletti għal kollox u jirrealiżża l-pjan ta’ Alla għall-bnedmin u għall-ħolqien kollu. Hekk is-saltna ta’ Alla kienet isseħħ fih, għax is-saltna ta’ Alla tfisser li kollox joqgħod għar-rieda ta’ Alla u jimxi skond il-pjan tiegħu. Sewwa sew kif nitolbu fil-Missierna: “Tiġi saltnatek / ikun li trid int.” Is-salmista jfisser is-sejħa u l-missjoni tal-ħbieb ta’ Alla, ta’ dawk li jimxu fuq ir-rieda tiegħu, meta jgħid “Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, Din kellha tkun il-missjoni ta’ Iżrael. Kellu jirrealiżża għal kollox il-pjan ta’ Alla għall-bnedmin u hekk isir sinjal u tħabbira tas-Saltna ta’ Alla, li permezz tiegħu kellha tinfirex sa truf l-art kollha: “Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha, Imma fl-esperjenza storika tiegħu l-poplu tal-Patt il-Qadim baqa’ ’l bogħod ħafna minn dan l-ideal. Is-slaten tiegħu li kellhom jirrapreżentaw lil Alla f’nofsu u jmexxuh fil-fedeltà lejn il-patt, iktar kienu ta’ tfixkil milli ta’ għajnuna. Warrbu lil Alla, il-glorja tagħom, u biddluh ma’ xbiehat ta’ ġebel u bronż. Fi żmien it-tiġrib fittxew il-kenn fl-alleanzi mal-popli qawwija ta’ żmienhom, flok ma straħu għal kollox fuq il-Blata li minnha biss setgħet tiġihom l-għajnuna. Għakksu liż-żgħar biex jogħlew huma u serqu lill-fqar biex jistagħnu huma. Hekk, il-fqar tal-Mulej, dawk it-twajbin li baqgħu jittamaw fih, waslu biex qatgħu qalbhom għal kollox li l-Poplu ta’ Alla seta’ qatt jirrealiżża l-proġett tas-Saltna ta’ Alla, “saltna ta’ verità u ħajja, saltna ta’ qdusija u grazzja, saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem” (Prefazju ta’ Kristu Sultan). Huma bdew jittamaw li l-Mulej innifsu jwaqqaf is-Saltna tiegħu b’tisfija mill-qiegħ li biha jġedded għal kollox lil Iżrael. Il-profeti kebbsu fi qlubhom din l-stennija ħerqana, li fuq fommhom saret tħabbira kollha tama. Hekk ħabbar Sofonija: “Int ma tibqax imħawda dakinhar Fi ħsieb il-kittieba sagri dan it-tiġdid sħiħ ta’ Iżrael li bih il-poplu seta’ jirrealiżża l-proġett ta’ Alla, is-Saltna tiegħu, beda jsir dejjem iżjed xi ħaġa lil hemm mill-esperjenza storika u jintrabat ma’ Jum il-Mulej, il-jum definittiv li jibda żminijiet għal kollox ġodda. Għall-profeta Danjel dawn iż-żminijiet kellhom jiġu wara li Alla jkun qered is-saltniet kollha ta’ l-art, saltniet mibnija fuq il-maqlub tal-proġett tiegħu. Imbagħad il-qaddisin ikunu jistgħu jirrealiżżaw il-proġett ta’ Alla bil-libertà kollha u tibda saltna li tibqa’ għal dejjem. “Is-saltna u s-setgħa u l-kobor Din is-saltna tkun saltna universali, kif ħabbar il-profeta Żakkarija, “il-Mulej imbagħad ikun sultan fuq l-art kollha; dakinhar il-Mulej ikun wieħed u ismu wieħed” (Żak 14, 9). Meta beda l-ministeru tiegħu max-xatt tal-Baħar tal-Galilija, il-profeta ta’ Nażaret beda jxandar: “Iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna ta’ Alla waslet. Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba” (Mk 1, 15). Iż-żminijiet ġodda mħabbra mill-profeti tal-qedem kienu waslu. F’Ġesù Alla kien qed joffri l-possibiltà ta’ bidu ġdid, mibni fuq il-proġett ta’ Alla, fuq il-valuri tas-Saltna, il-valuri li Ġesù jniedi fid-diskors tal-muntanja u li, kif juri fil-beatitudnijiet, huma sewwa sew il-maqlub ta’ dak li fuqu tibni saltnatha d-dinja. Alla wettaq il-predikazzjoni ta’ Ġesù bis-sinjali tat-tiġdid li kienu taw il-profeti u għalhekk lid-dixxipli ta’ l-Għammiedi li kien bagħat jistaqsih huwiex il-Messija mwiegħed Ġesù seta’ jweġibhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw; l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiequ, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-Bxara t-Tajba qegħda titħabbar lill-fqar” (Mt 11, 4-5). U lill-Fariżin li staqsewh meta kienet se tiġi s-Saltna ta’ Alla, qalilhom: “Is-Saltna ta’ Alla fostkom qegħda!” (Lq 17, 20). Bil-miġja tas-Saltna ta’ Alla, il-ħakma tax-Xitan, tad-dnub u tal-mewt kienet waslet fit-tmiem u kienet qegħda żżernaq umanità ġdida, imqegħda kollha kemm hi taħt is-setgħa u l-ħakma ta’ Alla u mibnija fuq il-proġett tiegħu. Ġesù identifika s-Saltna ta’ Alla miegħu nnifsu. Li tħalli kollox minħabba s-Saltna u li tħalli kollox minħabba fih huma l-istess ħaġa. Is-Saltna ta’ Alla jsejħilha kemm is-Saltna tal-Missier u kemm is-Saltna ta’ Bin il-Bniedem. Imma matul ħajtu dejjem evita li jitqies bħala sultan, li ma jmurx jiftiehem ħażin. Meta ġew biex jeħduh bil-forza ħalli jagħmluh sultan, ħarab lejn l-għoljiet. Għax kif stqarr quddiem Pilatu, “is-Saltna tiegħi m’hijiex ta’ din id-dinja” (Ġw 18, 36). Imma wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu fehmu f’liema sens Ġesù kien tabilħaqq Sultan. Huma ntebħu li s-Saltan ta’ Alla, ir-realiżżazzjoni sħiħa tal-proġett tiegħu għall-bnedmin, kienet kollha kemm hi preżenti f’Ġesù. Hu kien il-bidu ta’ umanità ġdida, it-tieni Adam li bl-ubbidjenza sħiħa tiegħu xejjen id-diżubbidjenza ta’ Adam. L-ikel tiegħu kien li jagħmel ir-rieda ta’ min bagħtu u fih, veru bniedem, ma kien hemm xejn, propju xejn, li jeħodha kontra Alla jew b’xi mod itellef il-ħidma tiegħu. F’Ġesù Alla jsaltan tassew għax fih hemm biss Alla u l-proġett tiegħu. Bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, huwa rebaħ id-dnub u l-mewt u qagħad maġemb Missieru, fuq it-tron tiegħu (ara Apok 3, 21), “Sultan tas-slaten u Sid tas-Sidien” (Apok 19, 16). Lill-merħla ċkejkna li ħalla warajh, Ġesù kien irrivelalha l-misteri tas-Saltna u iffurmha fil-valuri tas-Saltna, biex tkun iż-żerriegħa żgħira tas-Saltna li tikber bil-mod il-mod sa ma hu jerġa’ jiġi u “jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan ‘sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh’” (1 Kor 15, 24-25). Inroddu ħajr lill-Missier li għamilna denji li nissieħbu “fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. Hu ħelisna mill-ħakma tad-dlam u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub” (Kol 1, 12-13), li “ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu u għamilna Saltna u Qassisin għal Alla tiegħu Missieru” (Apok 1, 5-6). Imma sakemm għadna nterrqu f’din id-dinja, minkejja li aħna wlied is-Saltna u għandna fina l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu, aħna għadna nitniednu fina nfusna waqt li nistennew il-fidwa ta’ ġisimna (ara Rum 8, 23). Għax ġo fina hemm żewġ forzi jaħdmu kontra xulxin, kull waħda minnhom tiġbidna biex taħkimna u tmexxina hi. Kif jgħid l-Appostlu Pawlu: “Inħoss din il-liġi ġewwa fija, meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiem il-ħażin. Skond il-bniedem ta’ ġewwa togħġobni l-liġi ta’ Alla; iżda nilmaħ fil-membri ta’ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta’ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi” (Rum 7, 21-23). Aħna bħal maqsuma fina nfusna, imsejħa biex insaltnu ma’ Kristu, imma għadna niġġieldu kontra s-saltna tad-dlamijiet.
X’nifhmu mela, meta lil Marija nsejħulha u nqimuha bħala l-Immakulata? Lilna lkoll Alla għażilna fi Kristu, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba. Iddestinana minn qabel li nkunu uliedu adottivi, permezz ta’ Ġesù Kristu, li fih imliena bil-grazzja (ara Ef 1, 4-6). Din il-grazzja oriġinali taħdem fina bħala influss pożittiv ġej minn Alla nnifsu li bih ninfetħu għal Alla u nirrealiżżaw il-pjan li hu fassal għalina. Imma fina m’hemmx biss l-influss pożittiv tal-grazzja oriġinali. Fina hemm jaħdem ukoll id-dnub oriġinali. Aħna lkoll, kif smajna lill-Appostlu Pawlu jgħidilna, u kif tgħallimna wkoll l-esperjenza tagħna, aħna lkoll, irridu jew ma rridux, inġarrbu influssi negattivi li ma jħalluniex ninfetħu kollna kemm aħna għal Alla, noqgħodu għar-rieda tiegħu, u nirrealiżżaw il-proġett tiegħu għalina. Dawn l-influssi negattivi qegħdin ġo fina stess u qegħdin fl-ambjent li fih nitwieldu u nikbru u ngħixu. Huma l-frott tad-dnub, ta’ kull dnub, ibda minn dak ta’ l-ewwel bniedem u kompli b’kull dnub ieħor li ġie warajh u li kompla jħassar in-natura umana tagħna, idgħajjifha, u jagħmilha inkapaċi li toqgħod għar-rieda ta’ Alla, bil-ħila tagħha waħidha. Ilkoll kemm aħna nitwieldu f’din l-inkapaċità radikali li ninfetħu għal Alla u din tfixkel il-ħidma tal-grazzja ta’ Alla li hi wkoll taħdem fina. Imma bi grazzja speċjali, minħabba li kellha tkun Omm il-Feddej, u bis-saħħa tal-fidwa li ġabilna Hu, Marija kienet miżmuma ħielsa mid-dnub oriġinali. Dan ifisser li għalkemm Marija bħala bniedma daħlet f’dinja mħassra bid-dnub, f’dinja li minha nfisha mhix kapaċi tilqa’ lil Alla u toqgħod għalih, dawk l-influssi negattivi li lilna tant ifixkluna, lilha ma missewhiex u ma fixkluha xejn milli toqgħod kollha kemm hi taħt is-setgħa ta’ Alla u tirrealiżża għal kollox il-pjan tiegħu għaliha. Fit-taqbida bejn it-tajjeb u l-ħażin li kull wieħed minna jiġġieled fil-qalba ta’ ruħu, Marija kienet imħarsa mill-influss tal-ħażin u mqegħda għal kollox taħt l-influss tal-grazzja, biex bi grazzja speċjali ta’ Alla, tirbaħ dik l-oppożżizzjoni għal Alla li qegħda fina ħtija tad-dnub. Sa mill-ewwel waqt ta’ l-eżistenza tagħha, hija kienet kollha kemm hi miftuħa għal Alla u għall-ħidma tal-grazzja tiegħu fiha, u Alla, billi ma sab fiha ebda reżistenza jew oppożizzjoni, seta’ jħaddem fiha l-qawwa kollha tal-grazzja tiegħu li ssalva u jaħdem id f’id magħha biex tieħu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, li bħala Binha kellu jissawwar minnha, imma bħala Mulej u Feddej tagħha kellha tissawwar fuqu u ssir l-aktar waħda li tixbhu. Dan mhux bil-ħila tagħha, imma bi grazzja, biex tkun għamara xierqa għal Bin Alla. U fl-istess ħin biex tilma quddiemna bħala frott sħiħ tal-fidwa, sinjal ta’ dak li l-grazzja ta’ Alla kapaċi tagħmel fejn issib koperazzjoni sħiħa. Il-grazzja oriġinali li ħadmet ħielsa f’Marija għax ma kenitx imxekkla mill-preżenza tad-dnub oriġinali nisslet fiha bħal dispożizzjoni radikali għal Alla, li biha hija ikkoperat mal-grazzja ta’ Alla b’libertà l-aktar sħiħa. Ħadd qatt ma kien liberu daqs Marija, għax waqt li aħna irridu t-tajjeb, imma l-influssi negattivi li għandna jaħdmu fina jimbuttawna biex nagħżlu l-ħażin li ma rridux, hi, imħarsa mill-influssi negattivi kollha, kienet sultana tar-rieda tagħha għax setgħet tagħżel dejjem dak biss li bil-qawwa ħielsa tar-rieda tagħha riedet tassew. Jgħallimna d-Duttur Mistiku San Ġwann tas-Salib li l-Imqaddsa Verġni Marija “qatt ma kellha stampata f’qalbha l-forma ta’ xi kreatura li kienet tmexxiha, imma kull ċaqliqa tagħha kienet dejjem immexxija mill-Ispirtu s-Santu” (It-Telgħa, 3, 2.10). Din hi l-Immakulata. Ħadd u xejn ma kien imexxiha biex taħseb, tixtieq, trid, tgħid u tagħmel xi ħaġa ħlief l-Ispirtu s-Santu. Ħadd daqsha qatt ma qagħad għat-treġija tiegħu u hu taha ħakma sħiħa fuqha nfisha, biex taħseb, tixtieq, tgħid u tagħmel dak biss li tassew riedet u r-rieda tagħha kienet dejjem u f’kollox l-istess rieda ta’ Alla. Waqt li aħna maqsumin fina nfusna, imħarrkin u mkaxkrin minn motivazzjonijet kontra xulxin u minn passjonijiet li jġorruna magħhom u jitfgħuna daqqa ’l hemm u daqqa ’l hawn, hi, l-Immakulata, tilma quddiemna bħala sultana tal-motivazzjonijiet u l-passjonijiet tagħha, li bil-qawwa tar-rieda tassew ħielsa tagħha, ħielsa minn kull influss negattiv, setgħet tindirizza l-motivazzjonijiet u l-passjonijiet kollha tagħha fuq Alla waħdu. Biex nieħdu eżempju wieħed, jekk lilna l-passjoni tal-korla ġġegħlna niżblu għal kull ħaġa ta’ xejn u ddawarna kontra min imerina, hi b’kontroll sħiħ fuqha nfisha, tindirizza l-korla tagħha biex tobgħod biss id-dnub, l-istess bħal Alla. Hekk l-Immakulata tidher quddiemna bħala l-mara li mhix imtajra ’l hemm u ’l hawn, issa tixtieq lil Alla u issa ddur fuqha nfisha u l-egoiżmu tagħha, imma hi iffukata kollha kemm hi fuq Alla, hi l-bniedma tassew integrata, sħiħa u magħquda ħaġa waħda fiha nfisha u kollha kemm hi ta’ Alla. Għalhekk hi Sultana l-Immakulata, għax għandha ħakma sħiħa fuqha nfisha u torbot id-dimensjonijiet kollha tal-persuna tagħha f’armonija sħiħa. Għalhekk hi Sultana l-Immakulata, għax tlaħħam fiha l-proġett li Alla għandu għal kull bniedem u għall-umanità kollha. Hi r-realiżżazzjoni sħiħa tas-Saltna ta’ Alla, tal-ħakma tiegħu, fejn kollox jitqiegħed taħt is-setgħa tiegħu u jikkorrispondi perfettament għall-pjan tar-rieda tiegħu. Hi ż-żernieq u l-milja ta’ l-umanità mġedda, mera safja ta’ l-umanità awtentika, hekk kif ħolomha Alla fil-bidu u kif ġeddidha fi Kristu. Hi l-ħolma ta’ Alla, nostalġija tal-ġenna mitlufa, antiċipazzjoni tal-ġenna miksuba mill-ġdid. Hekk tidher quddiemna dalgħodu l-Immakulata fil-ġmiel tal-kwadru tal-kor, hija u tittajjar ħielsa bla xejn ma jxekkilha, mixjitha ħafifa u regali, u tirfes taħt riġlejha dak kollu li seta’ qatt ibegħdha minn Alla u l-proġett tiegħu għaliha. Tixirqilha tassew dik il-kuruna li bħal dalgħodu mitt sena ilu qegħdilha fuq rasha l-Kardinal Ferrata f’isem il-Papa San Piju X u f’isem il-poplu tal-belt Cospicua. Tixirqilha għax hi tassew Sultana. Hi Sultana għax hi l-Immakulata. Bik l-anġli jitgħaxxqu, Għalik, o Marija, III.
U aħna, li qegħdin nagħmlu festi kbar f’għeluq il-mitt sena mill-Inkurunazzjoni, irridu nagħrfuha għal darba oħra bħala Sultana tagħna lil Marija Immakulata? Il-motto li ntagħżel għal dan iċ-ċentinarju “Mitt sena nkurunata f’qalbna” huwa fil-fatt stedina biex inġeddu l-Inkurunazzjoni tal-Madonna. Imma xi jfisser eżatt “Mitt sena nkurunata f’qalbna”? Ifisser żgur ir-rabta mill-qalb li maż-żmien intisġet bejn l-Immakulata u l-Bormliżi, rabta li tant hi qawwija li l-Bormliżi ġarrewha magħhom kull fejn marru, meta l-ħerba tal-gwerra jew ħtiġijiet oħra familjari u personali ġegħluhom iħallu l-kenn ta’ dawn is-swar u jmorru jgħixu f’inħawi oħra tal-gżira, u għaddewha lil uliedhom u wlied uliedhom. Tidher din ir-rabta ta’ mħabba fid-dawl li jixgħel fl-għajnejn għall-isem biss ta’ l-Immakulata. Tidher fl-istennija ħerqana ta’ kull sena għall-festa tagħha. Tidher din l-imħabba f’dak is-serbut sieket ta’ nies li kmieni filgħodu fl-ewwel jiem ta’ Diċembru, minkejja l-kesħa u jum xogħol se jibda, iħalli l-kenn ta’ daru f’Bormla jew barra minnha u jserrep mat-toroq u t-turġien tal-belt ta’ l-Immakulata u jibqa’ dieħel hawn fis-santwarju għan-novena. Tidher din ir-rabta ta’ qalbkom magħha fil-kant sabiħ li jakkumpanja lil Marija Immakulata fil-purċissjoni u fl-entużjażmu li bih tintlaqa’ lura fil-palazz tagħha: Għalik, o Marija, Sinjali sbieħ dawn. Imma jeħtieġ li ma jkunux entużjażmu tal-mument, sentiment li jbaqabaq fil-qalb u ma jħalli xejn fil-ħajja konkreta li ngħixu ta’ kull jum, matul is-sena kollha. Mela kif se ssaltan tassew fi qlubna Marija Immakulata? Il-qalb fil-ħsieb bibliku hija wisq iktar mis-simbolu sentimentali li tfisser għalina. Il-qalb fil-Bibbja hija s-sede tal-ħsieb, tar-riflessjoni, tad-dixxerniment, tal-għażla, tar-rieda. Marija ssaltan fi qlubna jekk niddeċiedu li rridu u li nagħżlu dak li riedet u għażlet hi. Hi riedet u għażlet li toqgħod għal kollox taħt is-setgħa ta’ Alla, li tikkorrispondi perfettament mar-rieda tiegħu, li tagħmel lil Alla ċ-ċentru ta’ ħajjitha, il-fus li miegħu jduru ħsibijietha, xewqatha, kliemha u għemilha. Għalhekk issaltan Marija, għax hi l-Immakulata. U jekk tassew irridu li tkun inkurunata f’qalbna jeħtieġ li niddeċiedu li nieħdu bis-serjetà l-proġett ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minnha, għall-umanità u għall-ħolqien kollu. Ma nistgħux nippretendu li l-Immakulata tkun inkurunata f’qalbna jekk ma neħdux bis-serjetà l-valuri tas-Saltna ta’ Alla. Ma nistgħux nippretendu li l-Immakulata tkun inkurunata f’qalbna u ma nissotomettux ruħna għall-Verità irrivelata minn Alla, għax is-Saltna ta’ Alla hi saltna ta’ verità. Ma nistgħux nippretendu li l-Immakulata tkun inkurunata f’qalbna u ma nirrispettawx il-ħajja umana mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha, għax is-Saltna ta’ Alla hi saltna ta’ ħajja. Ma nistgħux nippretendu li l-Immakulata tkun inkurunata f’qalbna u nibqgħu ngħixu skond il-kapriċċi tagħna, bla ma nqisu s-sejħa għolja li għandna li nsiru qaddisa u bla tebgħa quddiem Alla fl-imħabba, għax is-Saltna ta’ Alla hi saltna ta’ qdusija u grazzja. Ma nistgħux nippretendu li l-Immakulata tkun inkurunata f’qalbna u nħallu l-ġlied, il-mibgħeda u l-inġustizzja jbejtu fi qlubna, għax is-Saltna ta’ Alla hi saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem. Ma nistgħux nippretendu li l-Immakulata tkun inkurunata f’qalbna u ma nagħtux każ tal-problemi tad-dinja, għax is-Saltna ta’ Alla tinfirex fuq il-bnedmin kollha. Ma nistgħux nippretendu li l-Immakulata tkun inkurunata f’qalbna u ma nagħmlux ħilitna biex inħarsu l-ħolqien, għax is-Saltna ta’ Alla, il-pjan tiegħu, tħaddan fiha l-ħolqien kollu. Ma jkollux sens dan iċ-ċentinarju jekk dalgħodu, kif aħna miġburin għall-Ewkaristija madwar ir-Ragħaj tagħna, ma nħossux id-dmir li nġeddu dak li għamlu missirijietna mitt sena ilu u li tennew uliedhom ħamsin sena wara. Irridu aħna wkoll nagħrfu lil Marija Immakulata bħala Sultana tagħna. M’aħniex se nqegħdulha fuq rasha kuruna oħra, imma rridu naħilfu solennement li ninkurunawha f’qalbna billi nagħmlu tagħna l-valuri tas-Saltna ta’ Alla li kienu l-valuri tagħha u nixxenqu li nsiru nixbhu lil Dik li fiha naraw irrealiżżat għal kollox il-proġett ta’ Alla. Fiha bħal f’mera bla nikta, aħna naraw iseħħ għal kollox dak li aħna lkoll imsejħin li nkunu. Ix-xbieha sabiħa tagħha ssaħħarna għax – forsi bla ma nintebħu – tqanqal mill-ġdid ġo fina x-xenqa għal Alla, l-ogħla ġmiel, u ġġegħelna nħossuna miġbuda lejn dik is-safa oriġinali li nilmħu fiha u li fil-qalba ta’ qalbna hemm nostalġija għaliha. Saltan fi qlubna, Marija Immakulata. Iġbidna warajk, Verġni bla tebgħa. Ħajjarna bi ġmielek, għax il-ġmiel tiegħek, l-armonija tal-persuna tiegħek integrata għal kollox u iffukata fuq Alla waħdu, huwa l-ġmiel li għalih aħna lkoll imsejħin. Succurre miseris. Dawwar dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena lejna, ulied Eva, li għandna l-ewwel frott ta’ l-Ispirtu, imma għadna niġġieldu u nissieltu biex nirrealiżżaw fina dik is-Saltna ta’ Alla li fiha inti ġa Sultana, għax int l-Immakulata. Bik l-anġli jitgħaxxqu, O Omm l-aktar ħelwa, Għalik, o Marija, VIVA L-IMMAKULATA! |