PredikazzjoniOmelija
KURUNA TA’ TIFĦIR F’ĠIEĦ
Stramba l-ħaġa kif f’jum ta’ festa nisimgħu s-silta mill-Evanġelju skond San Ġwann li titkellem dwar il-mewt ta’ Ġesù! M’hijiex ħaġa komuni! Imma jekk nidħlu sewwa fil-qalba tal-festa li l-Ordni Karmelitan ifakkar u jiċċelebra fis-16 ta’ Lulju ta’ kull sena, u f’dan il-jum li fih il-parroċċa tagħna tiċċelebra lill-Omm u l-Ġmiel tal-Karmelu, naraw li din is-silta tixħet dawl qawwi fuq is-sehem tal-Verġni Marija fil-ħajja tal-Knisja u fil-ħajja ta’ l-Ordni Karmelitan. L-Evanġelista Ġwanni, meta jitkellem dwar il-figuri tal-Verġni Marija u tad-dixxiplu l-maħbub taħt is-salib ta’ l-Iben ta’ Alla, ma jimpurtahx wisq mill-identità storika tagħhom, daqs kemm jinteressah mis-simboliżmu qawwi li jġorru. Jidwi sabiħ il-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju skond San Mark: Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti u ommi (Mk 3,35; ara wkoll Mt 12,49-50). F’dak li għadna kif smajna llum, skond San Ġwann, naraw lil Ġesù, li qiegħed jaħli l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu, jħalli lil Ommu bħala omm id-dixxiplu, u d-dixxiplu jsir binha. Mela ladarba d-dixxiplu sar bin Marija, u Ġesù huwa bin Marija, allura d-dixxiplu jsir ħu Ġesù. Ġesù waqqaf komunità ta’ dixxipli, u taħt is-salib, isir it-twelid tal-Knisja - komunità li tieħu l-ħajja mis-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla u miċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija. Dak li ġara fuq u taħt is-salib sar ukoll b’mod parallel fil-Karmelu. Jekk minn fuq is-salib Ġesù ried iħalli warajh komunità ħajja li tisma’ l-Kelma ta’ Alla, fuq il-Karmel, nies imqanqlin mill-Ispirtu ta’ Alla għażlu li huma wkoll jisimgħu b’mod attent il-Kelma ta’ Alla, bl-istess mod kif semgħetha qabilhom il-Verġni Marija, li ma waqfitx hemm, imma ħarsitha f’qalbha u tatha lid-dinja. Sa mill-bidu ta’ l-eżistenza tiegħu, l-Ordni Karmelitan dejjem wera familjarità mal-Verġni Marija. L-ewwel eremiti Karmelitani, lejn tmiem is-seklu tnax u fil-bidu tas-seklu tlettax, fil-wied fuq l-għoljiet tal-Karmel fejn kienu jgħammru, għalkemm bħala eremiti kienu jgħixu ħajja ta’ talb bla waqfien b’mod individwali, kienu jiltaqgħu f’ħin wieħed tal-jum - mas-sebħ - għaċ-ċelebrazzjoni l-aktar importanti li kellha tagħti l-ħajja lil kull jum, iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija. Il-post fejn kienu jiltaqgħu, ma kienx xi post ’il bogħod li kien diffiċli biex jilħquh, imma bil-maqlub ta’ hekk, dan il-post kien sewwa sew f’nofs iċ-ċelel tagħhom, u dawn iċ-ċelel kienu mdawwrin ma’ din il-kappella fejn ta’ kuljum kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija (ara Regula Karmelitana 14). Dan il-post tant għażiż kien il-post li kellu jagħti identità lil dawn l-aħwa qaddisa li riedu jagħtu ħajjithom kollha kemm hi lil Alla. Riedu jimxu b’qalb sħiħa wara l-Mulej Ġesù. Il-Mulej Ġesù kien dak li fuqu riedu jsawwru ħajjithom. Fittxew triq li tagħmilhom jixbhuh. U billi ħafna d-drabi t-tfal ikunu jixbhu lill-ġenituri tagħhom, raw li l-Verġni Marija kienet dik li fasslet il-ħajja tagħha fuq dik ta’ Binha. Ġara bil-maqlub ... mhux Ġesù ħareġ jixbah lil ommu, imma ommu saret tixbhu mhux mill-fattizzi, imma fil-ħajja u fil-qdusija. Minħabba f’hekk, il-Verġni Marija dehret għall-ewwel Karmelitani mudell tajjeb li jistgħu jħarsu lejh fil-mixja tagħhom wara Ġesù. U b’sinjal ta’ dan, iddedikaw il-post qaddis fejn kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija lill-Verġni Omm Alla. B’hekk fissru li mhux biss iddedikaw il-kappella lilha, imma aktar minn hekk riedu jfissru li l-Karmelu huwa tagħha. Riedu jfissru li hija l-Patruna waħdanija ta’ l-Ordni li tħares bi mħabba kontinwa lejn l-ulied għeżież tagħha. Huwa għalhekk li l-Verġni Marija tidher tippreżentalna l-labtu mqaddes. Għax il-labtu jiġbor fih is-sens tal-ħarsien tal-Verġni Marija fuq l-aħwa u l-ulied għeżież tagħha. Meta nsemmu l-ġrajja tal-labtu, ma nfissrux li kien hemm mument fl-istorja ta’ l-Ordni Karmelitan li fih il-Verġni Marija ħarset lill-Ordni tagħha, imma l-labtu jfisser il-ħarsien kontinwu tal-Verġni Marija fil-pellegrinaġġ tagħna f’din il-ħajja, u wkoll waqt li nkunu se ngħaddu minn din il-ħajja għall-oħra. Fl-Atti ta’ l-Appostli naqraw li l-ewwel dixxipli ta’ l-Imgħallem kienu lkoll qalb waħda, jitolbu flimkien ma’ Marija Omm Ġesù (ara Atti 1,14). Il-komunitajiet li bdew jinbtu fi ħdan il-Knisja biex jgħixu l-ħajja kkonsagrata lil Alla kellhom f’moħħhom dan il-mudell tal-ħajja nisranija kif tinsab fl-istess Atti. Il-Karmelitani, waqt li ddedikaw il-kappella u l-Karmelu lilha, ħassew li huma qegħdin jgħixu f’dak l-istess spirtu mħeġġeġ, ħajja ta’ talb, flimkien ma’ Marija Omm Ġesù. Il-familjarità tal-Karmelitani mal-Verġni Marija tinħass fil-fatt li naraw lill-Verġni Marija bħala dik li timxi magħna, u tinsab magħna fid-djar u l-kunventi tagħna, fil-knejjes tagħna, fil-waqtiet ta’ ferħ u ta’ niket li ngħaddu minnhom, u fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħna. Għax hija Omm il-Knisja u Omm dawk kollha li jemmnu, l-Verġni Marija hija preżenti l-ħin kollu magħna. Huwa frott ta’ din il-familjarità li l-Verġni Marija tidher liebsa bil-libsa Karmelitana. Għax hija waħda minna, bħalna. Għax fil-Verġni Marija aħna naraw dak li nittamaw u li nixtiequ li nkunu (mill-Prefazju tat-Tifkira Solenni tal-Madonna tal-Karmnu – Missal Karmelitan). F’din is-Sena ta’ l-Ewkaristija, li waslet biex tintemm fis-Sinodu ta’ l-Isqfijiet li qiegħed jiġi ċċelebrat bħalissa f’Ruma, l-Verġni Marija tidher għalina bħala l-Mara ta’ l-Ewkaristija, kif sejjħilha bil-qalb kollha l-Papa Ġwanni Pawlu II, il-mara li tul ħajjitha kollha kienet mara ‘Ewkaristika’. Il-Knisja, hi u tħares lejn Marija bħala mudell tagħha, tħoss li hija msejjħa biex issir tixbaħha wkoll fir-rabta tagħha mal-Misteru mqaddes (Ġwanni Pawlu II, Ecclesia de Eucarestia, 53). Iva, l-Verġni Marija ssieħbet b’mod sħiħ mal-misteru ta’ l-Ewkaristija tul ħajjitha kollha, imma l-mument ċentrali ta’ dan it-tisħib, huwa sewwa sew meta kienet wieqfa ħdejn is-salib (Ġw 19,25). Hija u tħejji ruħha jum wara l-ieħor għall-ġrajja tal-Kalvarju, Marija qisha għexet l-Ewkaristija minn qabel, bħallikieku kienet tagħmel ‘tqarbina spiritwali’ tax-xewqa u ta’ l-offerta li kienet se tilħaq il-quċċata tagħha bis-sehem li ħadet ma’ Binha fil-passjoni tiegħu, u mbagħad wara l-Għid urietha bis-sehem li kienet tieħu fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika li l-Appostli kienu jippresiedu għaliha bħala ‘tifkira’ tal-passjoni (Ġwanni Pawlu II, Ecclesia de Eucarestia, 56). Dan ifakkarna li f’kull ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, dak kollu li sar fuq is-salib jerġa’ jsir preżenti b’mod ħaj għalina. U ma rridux ninsew li fuq is-salib, Ġesù ta lil Ommu lid-dixxiplu li kien iħobb. Kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija għalhekk, irridu nisimgħu lil Ġesù jgħid lil kull wieħed u waħda minna: Hawn hi ommok (Ġw 19.27). Dan ifisser li lkoll kemm aħna rridu nieħdu l-eżempju tad-dixxiplu l-maħbub u nilqgħu għandna u nżommu magħna lill-Verġni Marija. Li nilqgħu dan id-don ifisser [...] li aħna għandna nsiru nixbhu lil Kristu billi mmorru fl-iskola ta’ Marija u nħallu lilha tmexxina (Ġwanni Pawlu II, Ecclesia de Eucarestia, 57). Ma nistax nagħlaq dawn il-kelmtejn ta’ dal-għodu bla ma ndawwar il-ħarsa tiegħi lejn il-Verġni Marija, li ma nkunx qiegħed niżbalja jekk ngħid li aħna lkoll li niffirmaw parti mill-familja Karmelitana - patrijiet, sorijiet, lajċi, u wkoll il-membri ta’ parroċċa mmexxija mill-Karmelitani - aħna lkoll kburin biha. Iva, Verġni Karmelitana, aħna kburin bik għaliex sa mit-twaqqif ta’ l-Ordni tagħna xħett il-ħarsien tiegħek fuqna u frixt il-kappa bajda tiegħek fuqna, b’sinjal tal-patroċinju u l-protezzjoni tiegħek. Kemm drabi fil-mumenti ta’ ħajjitna - sbieħ u koroħ - inxtħetna f’riġlejk u quddiemek ressaqna t-tnehid ta’ qlubna. Għax bir-raġun, fik naraw waħda bħalna li għaddiet mis-sabiħ u l-ikraħ tal-ħajja, imma fl-istess ħin mara qawwija tat-tama. Bqajt sħiħa fil-fidi tiegħek u bqajt temmen li dak li ġarrejt f’ġufek u fuq driegħek għamel miegħek ħwejjeġ kbar (ara Lq 1,49). Kull darba li niġu niċċelebraw l-Ewkaristija flimkien, urina għal darba oħra lil Ġesù. Fakkarna kontinwament li lejh biss jeħtieġ li nħarsu l-jiem kollha ta’ ħajjitna, kif ħarist lejh inti, bqajt miexja warajh mill-maxtura sas-salib. Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, kun magħna biex kif għamilt il-qalb lid-dixxipli fil-komunità tal-Knisja tal-bidu, hekk ukoll tqawwi u tħeġġeġ il-qlub tagħna biex nemmnu fil-misteru moħbi fix-xbihat tal-ħobż u ta’ l-inbid. Fit-triq tal-ħajja tagħna, kun magħna bħala Omm u Għalliema tagħna. Kif inti smajt il-Kelma ta’ Alla, għożżejtha f’qalbek u tajtha lid-dinja, għallimna ngħixu tassew din is-sejħa tagħna fi ħdan il-Knisja, u aħna wkoll inkunu dixxipli li nisimgħu verament il-Kelma tal-Ħajja. Fil-Karmelu, fil-ġnien tal-Mulej, ħallina lkoll infaħħru lil Alla, bħalek u miegħek, iżda fl-istess ħin, int li int l-isbaħ warda tal-ġnien ta’ Alla, kompli ogħla ’l fuq mill-bqija tal-ward u l-ġilji, u kun għalina warda tax-xemx li l-ħarsa tiegħek iddawwarha lejn ix-Xemx vera, l-Mulej Alla (ara Titu Brandsma, O.Carm., Il-Ħajja Mistika Karmelitana, konferenza nru.4). Fil-parroċċa tagħna, kompli kun għalina Oħtna fit-triq tal-fidi, sabiex għada pitgħada, flimkien miegħek infaħħru l-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tagħna jifraħ f’Alla s-Salvatur tagħna (ara Lq 1,46-47). Kun għalina l-mudell kif ngħixu l-ħajja nisranija tagħna. Ommna għaqlija, fid-dlam tal-lejl mexxina bid-dawl tas-sema; f’kull għawġ li jqum għalina, kun faraġ tagħna (mill-Flos Carmeli). Imma qabel ma nagħlaq, Verġni Karmelitana, nitolbok sabiex tidħol għalina quddiem il-Mulej u nitolbuk biex tbierek bl-imħabba tiegħek ta’ Omm lill-membri kollha tal-parroċċa tagħna, b’mod speċjali dawk li qegħdin isibuha diffiċli jgħixu l-ħajja kif qiegħed jitlob minnhom Ibnek. Nitolbuk sabiex mill-parroċċa tagħna tkun mudell mill-aqwa ta’ ħajja nisranija, turi lil Ġesù lil tant persuni, u Ġesù min-naħa tiegħu jixħet ħarsa ta’ mħabba (ara Mk 10,21) fuq persuni li jkunu lesti jingħaqdu fil-familja tiegħek u tiegħi Karmelitana. U mhux għax se tinsa, għax din hi s-sejħa tiegħek, imma nħoss li għandi ngħidhielek. Kif il-lejla ddur il-parroċċa tagħna, kull darba li nersqu quddiemek, u l-aktar fl-aħħar mument ta’ ħajjitna fuq l-art, urina lil Ġesù, frott imbierek tal-ġuf tiegħek, o ħanina, o pija, o ħelwa, Verġni Marija! (mis-Salve Regina). |