Predikazzjoni

Paneġierku



OMM IL-KARMELU

Paneġierku li P. Karm Ferrante, O.Carm., għamel fil-Knisja Santwarju Sta. Tereża ta' B’Kara fis-17 ta’ Lulju 2005.

Ifraħ, Malta, qawwi qalbek,
Biex ikollok dak li trid,
Biex ma’ dak li miegħek għamlet
L-Omm tal-ħniena aktar iżżid;
F’dan il-jum mis-sema niżlet
Għajn ta’ grazzji u ta’ kull ġid.

(Patri Anastasju Cuschieri, O.Carm,
Il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu 1909)

Wisq Revdu. P. Provinċjal,
Sagri Ministri u Ħuti Karmelitani,
Għeżież membri tal-Familja Karmelitana, u devoti tal-Madonna.

Daħla

B’dan il-kliem meqjus, il-poeta Karmelitan li bix-xieraq jissejjaħ il-Poeta tal-Madonna, jistedinna biex nagħmlu festa - festa lill-Madonna tal-Karmnu. Minħabba li l-Imqaddsa Marija tgawdi rokna speċjali fil-qalb ta’ kull nisrani, isiru ħafna festi biex jingħatalha ġieħ; għax din il-Verġni Mbierka, bil-qamar taħt saqajha u bi tnax-il kewkba madwar rasha, inkurunata mit-Trinità Qaddisa bħala Reġina tas-sema u ta’ l-art, mhix qegħda hemm fis-sema l-bogħod minna, sempliċiment biex tilqa’ l-istima tagħna biss. U żgur li dan kollu jixraq, għax fi kliemha stess: “Il-Mulej għamel miegħi ħwejjeg kbar… …il-ġnus kollha għad isejħuli Beata…”.

Minfejn qiegħda quddiem it-Tron t’Alla, Marija għadha tibqa’ tinteressa ruħha fil-ġid u s-salvazzjoni tagħna l-bnedmin; Hija dejjem tieħu ħsiebna u tfittex li tressaqna qrib Binha Ġesù, u allura tressaqna dejjem aktar lejn Alla nnifsu.

Madonna tal-Karmnu

Ħafna mill-festi li jsiru f’ġieħ il-Madonna x’aktarx li nibtu bħala ringrazzjament minħabba l-interċessjoni tagħha, jew inkella minħabba xi grazzji partikolari li nqalgħu permezz ta’ l-Imqaddsa Marija.

Imma l-festa solenni li biha nagħtu ġieħ u qima lill-Madonna tal-Karmnu taħt dan it-titlu, ma nagħmluhiex sempliċiment għax il-Madonna tatna xi grazzja jew xi privileġġ speċjali. Dan żgur li niżżuha ħajr għar-rigal li tatna fil-labtu tagħha, imma jkolli naqbel mal-Karmelitan minn Napli, Andrea Mastelloni, li sekli ilu stqarr li: “Il-Festa li aħna nagħmlu f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu hija ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr għall-imħabba partikolari u l-ħniena kbira li Marija għandha lejn dawk kollha li jqimuha bħala l-Omm tal-Karmelu, u li allura jilbsu b’devozzjoni kbira l-Labtu tagħha, sinjal ta’ konsagrazzjoni lejha.”

Mela taħt it-titlu Madonna tal-Karmnu nifirħu u nagħmlu festa lill-Imqaddsa Marija għal dak li hija u li tfisser għalina. Irrid nifhem u ngħid li taħt dan it-titlu – Madonna tal-Karmnu – inqimu lil-Marija bħala Omm Alla, Immakulata, Imtellgħa fis-sema bir-Ruħ u l-Ġisem, Omm il-Knisja ta’ Kristu, Omm il-Bnedmin kollha, u partikolarment u mhux b’inqas bħala Omm u Reġina tal-Karmelu. Għalhekk aħna ma nsejħux lill-Madonna bħala tal-Labtu tal-Karmnu jew inkella bħala tal-Labtu l-Kannella. Hemm qiegħda d-differenza: fil-waqt li meta nqimuha bħala Madonna tal-Karmnu nkunu qegħdin niġbru f’dan it-titlu dak kollu li hija u li tfisser Marija; wisq nibża’ li taħt titli oħra, ngħidu aħna, tad-Dutrina, taċ-Ċintura, u saħansitra sempliċiment tal-Labtu, inkunu qegħdin nillimitaw ruħna – ftit jew wisq – għal xi grazzja jew xi sinjal partikolari li jkun waslilna permezz ta’ Marija.

It-titlu li nagħtu lill-Madonna bħala tal-Karmnu huwa titlu ġeografiku bħalma huma ta’ Lourdes, Fatima, u ta’ Guadalupe. It-titlu tal-Karmnu jaf il-bidu tiegħu lill-muntanja tal-Karmelu: il-muntanja li fuqha għexu l-profeti Elija u Eliżew, il-muntanja li fuqha wlied il-profeti mxew fuq il-passi taż-żewġ profeti kbar, il-muntanja li fuqha – kif tgħid tajjeb l-istess Santa Tereża ta’ Ġesù – tnissel u nibet l-Ordni Karmelitan minn dawk il-missirijiet qaddisa li fittxew fl-akbar solitudni, it-teżor, il-ġawhra l-aktar prezzjuża tal-ħajja ta’ talb u adorazzjoni lil Alla.

Marija Omm Alla

Issa nħoss li hija ħaġa naturali u loġika li nistaqsu: min hija fis-sewwa u l-verità, din Marija li aħna sejrin inqimu b’mod daqshekk sħiħ? U l-ewwel fir-risposta tagħna huwa l-fatt storiku li Marija hija omm; hija omm għax welldet iben. Imma l-ommijiet fid-dinja ma jingħaddux, u dawk li uliedhom għamlu isem huma bil-bosta!

Dak li jagħmel lill-Madonna ogħla minn-nisa kollha tad-dinja, dak li fiha kollox jiddependi minnu, huwa l-fatt teoloġiku li Marija hija Omm Alla. Meta Alla, fil-Ġnien ta’ l-Eden, ħabbar it-twelid fil-ġejjieni ta’ Feddej għall-bnedmin u bassar gwerra qalila bejn il-mara u n-nisel tagħha u l-Ħażin, huwa kellu f’moħħu sa mill-eternità lil Marija. Kien lil Marija li fil-milja taż-żminijiet, lilha tħabbar mill-Anġlu tal-Mulej it-tnissil fi ħdanha bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu; kien lilha li l-Anġlu Gabrijel ħabbar li hija kienet il-magħżula biex tnissel fi ħdanha lill-istess Iben ta’ Alla bħala bniedem. Fi kliem ieħor, Marija kienet dik ix-Xebba, imwiegħda minn Alla u mħabbra mill-Profeti, li bil-ħidma ta’ l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla tat in-natura umana lill-Iben ta’ Alla nnifsu, dak li aħna nistqarruh: Alla minn Alla. Alla veru minn Alla veru.

B’dan irridu nifhmu, ngħidu u nemmnu li l-Imqaddsa Marija hija Omm Alla għax kienet hi l-Magħżula minn Alla sa mill-eternità biex bil-proċess naturali tal-maternità, imma bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu… allura filwaqt li baqgħet verġni…, hija tat natura sħiħa umana - ġisem u ruħ – lil dak li sa mill-eternità kien diġa Alla. Hekk mela filwaqt li Bin Marija baqa’ Alla bin-natura divina tiegħu, huwa żied magħha n-natura umana li wiret mingħand Marija.

Minħabba li l-Iben ta’ Alla ħa n-natura umana u twieled minn Marija Verġni, il-Madonna hija Ommu bħala bniedem; fil-waqt li l-Iben ta’ Alla, għalkemm sar bniedem imma kien u baqa’ Alla, allura il-Madonna hija u għandha tiġi meqjuma wkoll bħala Omm Alla.

Marija Immakulata

Għiduli intom, għeżież ħuti, kieku kellna l-ħila li nagħżlu lil ommijietna, ma konniex nagħmlu l-almu tagħna biex nagħżlu l-isbaħ u l-aħjar? Alla għax jista’ kollox, seta’ jagħmel dan u hekk għamel. Kien xieraq u assolutament meħtieg li għax Marija kellha tkun Omm l-istess Qdusija, qatt ma seta’ jkun li xi darba jew oħra setgħet kienet taħt il-madmad ta’ l-għadu ddikjarat ta’ Alla; qatt ma seta’ jkun li hija tiċċappas bil-ħtija tad-dnub. Dan kien prinċipalment dak li wassal biex fis-sena 1854, il-Papa Piju IX jiddikjara solennement permezz ta’ l-Ineffabilis Deus, li l-Imqaddsa Verġni Marija. “sa mill-ewwel ħin tal-konċepiment tagħha, bi grazzja sħiha u privileġġjata ta’ Alla u bil-merti ta’ Ġesù Kristu, is-Salvatur tal-ġeneru uman, kienet ġiet ippreservata intatta minn kull tebgħa tad-dnub tan-nisel.”

Marija kienet Immakulata. Marija hekk iddikjarat lilha nnifisha meta ftit snin wara dehret lil Bernardette fil-grotta ta’ Massabielle: “Jiena jien l-Immakulata Kunċizzjoni”.

L-Immakulat Konċepiment tal-Madonna ma jfissirx biss li l-Madonna ma kellha l-ebda dnub, imma kif iddikjara l-Papa Piju IX, hija kienet dejjem fil-grazzja t’Alla. Kien għalhekk li Marija tħawdet meta Gabrijel sellmilha: Mimlija bil-grazzja. Marija kienet fil-grazzja ta’ Alla saħansitra sa mill-ewwel ħin tal-konċepiment tagħha fl-imħabba tal-ġenituri tagħha.

Marija Mtellgħa fis-Sema

Kien għalhekk bħala konsegwenza ta’ dan li għedna s’issa li fl-1950, il-Papa Piju, XII fil-Kostituzzjoni Appostolika Munificentissimus Deus, iddikjara bħala domma tal-fidi li: “L-Immakulata Omm Alla, il-Verġni Marija, wara li temmet il-mixja tagħha f’din il-ħajja, kienet meħuda fil-glorja tas-sema bir-ruħ u l-ġisem.”

It-tlugħ fis-sema tal-Madonna bir-ruħ u l-ġisem kien ir-riżultat tar-relazzjoni intima u qaddisa li Marija kellha mat-Trinità Qaddisa. Hija ħaġa naturali li iben ifittex il-preżenza ta’ ommu; hekk ukoll l-omm tfittex li dejjem tkun qrib ta’ binha. Marija qatt ma naqset fl-imħabba tagħha lejn Binha u lejn Alla, u għalhekk hija tieħu postha qrib Alla l-Missier, l-Iben magħmul bniedem, u l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla.

Konsegwenza

Il-Maternità Divina, L-Immakulat Konċepiment u t-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija huwa konsegwenza tar-relazzjoni speċjali tagħha ma’ l-Iben ta’ Alla. Ġesù, il-Kristu tal-Mulej, huwa ċ-ċentru tal-ħajja tal-Madonna. Malli Marija qalet iva għall-istedina tal-Mulej, il-kelma ta’ Alla saret Bnieden fi ħdanha u hekk l-Iben ta’ Alla daħal f’relazzjoni intima u storika mal-bniedem. Ir-relazzjoni bejn il-Madonna, Binha Ġesù u l-bnedmin tħeġġiġna biex aħna nfittxu li nersqu aktar lejn Ġesù permezz ta’ Marija, infittxu li Kristu Ġesù jkun għalina wkoll iċ-ċentru ta’ ħajjitna.

Issa nistgħu ngħidu li nafu xi ftit aħjar lil min qegħdin nagħmlu festa taħt it-titlu tal-Madonna tal-Karmnu. Żgur li dawn kienu l-ewlenin raġunijiet li wasslu lill-Karmelitani biex jagħżlu lill-Marija bħala Patruna u Mudell ta’ l-ispiritwalità tagħhom; fil-waqt li l-Madonna għażlithom bħala wliedha speċjali, huma l-anqas stmerrew li jkunu u jissejħu wliedha.

Minn Elija għal Marija

L-ispirazzjoni biex il-Familja Karmelitana tħares minn din il-lenti lejn Marija, tradizzjonalment ġejja mill-profeta Elija u l-muntanja tal-Karmelu li kien jgħix fuqha.

L-istess idejal reliġjuż karmelitan, bl-għeruq tiegħu fit-talb u l-kontemplazzjoni, huwa meqjus bħala kontinwazzjoni tal-kariżma li kienet il-ħeġġa għal Alla l-Ħaj tal-profeta Elija. Hija din l-istess kariżma li ssawwab fil-Karmelitani d-devozzjoni lejn il-Madonna, devozzjoni li mhix marbuta biss ma’ dik il-kappella li l-kruċjati eremiti kienu bnew u ddedikaw lill-Madonna fuq il-muntanja tal-Karmelu!

Niftakru, maħbubin ħuti, li l-profeta Elija kien bassar nixfa fuq l-art ta’ Iżraël minħabba l-idolatrija tal-poplu. Għaddew is-snin, u kien wasal l-waqt li l-kastig jitneħħa. Kemm il-darba Elija kien bagħat lill-qaddej tiegħu biex jara hemmx xi ħjiel tax-xita fuq ix-xefaq..; fl-aħħar dak qal lil Elija li kien ra sħaba daqs keffa ta’ id tielgħa mill-baħar.

Fi żmien il-Medju Evu, kienet drawwa komuni li jiġu interpretati s-sinjali li kienu jinstabu fil-Kotba Mqaddsa. F’dik is-sħaba ċkejkna l-interpreti raw iffigurata lil dik li kellha tagħti lid-dinja l-Feddej tagħha. Bħalma dik is-sħaba wriet l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla għall-poplu wara dik in-nixfa kollha, hekk Marija kienet dik li permezz tagħha twieled il-Feddej li kellu jeħles lill-bniedem min-nixfa tad-dnub.

Illum, l-istudjużi ma tantx jaħlu ħin għal interpretazzjonijiet bħal dawn, imma l-verità hija u tibqa’, li għal sekli sħaħ, l-ispiritwalità u d-devozzjoni marjana fil-Karmelu hi msejsa fuq dan it-twemmin. Ir-rabta bejn Elija u Marija hija ċara għall-Karmelitani. Il-Madonna hija l-istess ħajja u ħeġġa tal-familja Karmelitana. Hija tradizzjoni antika li tgħid li l-ewlenin karmelitani kienu ltaqgħu ma’ Marija f’diversi nħawi. Hekk huma xehdu li kienu jafu lil Marija personalment, u għalhekk id-devozzjoni marjana mnissla fihom mhux biss kienet teoloġika, imma saħansitra wkoll storika għax kellha bħala bażi esperjenzi u laqgħat personali mal-Madonna.

Il-Ħajja u Mħabba infinita li l-qaddisin qegħdin igawdu, ġġiegħlhom jinteressaw ruħhom u jinfluwenzaw il-ħajja tagħna li għandna f’din id-dinja. Huma persuni li waqt li qegħdin igawdu lil Alla wiċċ’imbwiċċ, jixtiequ li aħna wkoll ikollna l-istess xorti. Issa Marija mhux biss hija Qaddisa, imma hija l-aqwa u l-ikbar fost il-qaddisin kollha!

Qegħdin taraw mela, għeżież devoti, x’kien li saħħaħ lill-Karmelitani kollha fit-twemmin li Marija kienet u għadha dejjem magħhom u fosthom?

Omm il-Karmelu

Iż-żewġ fergħat tal-Ordni Karmelitan – dik antika u dik reformata – kienu ddedikaw is-sena 2001 lill-Madonna, il-Fjur tal-Karmelu. Dik ukoll kienet is-750 sena li l-Madonna kienet tat il-Labtu lil San Xmun Stock. Il-Qaddej ta’ Alla, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien kiteb ittra liż-żewġ Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan fejn fakkar fil-missjoni unika ta’ Marija. Jgħidilna wkoll li minn ħdejn it-Trinità Qaddisa, il-Madonna tifrex il-mant tal-ħarsien tagħha fuq uliedha li għadhom fi triqthom lejn il-għolja mqaddsa tal-glorja. Dan huwa dak li tabilħaqq ħajjar lill-Karmelitani jagħżlu lil Marija bħala Patruna u Omm spiritwali tagħhom. Huma għarfu li hija tista’ tmexxi u twassal lil kulħadd għall-għarfien sħiħ u l-imitazzjoni ta’ Kristu.

Il-Papa kien kompla jisħaq f’dik l-ittra, li għall-membri tal-Familja Karmelitana, il-Verġni Marija mhux biss hija mudell li fuqu l-Karmelitani għandhom ifasslu ħajjithom, imma hija wkoll dik il-preżenza ħelwa: Omm u Oħt li jistgħu jafdaw fiha.

Omm Tajba

L-omm tibqa’ dejjem omm. Omm tajba dejjem tixtieq li wliedha jkunu fis-sod fil-ħajja. Marija, Omm il-Karmelu, twieżen lil dawk kollha li jistqarru: “Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija”.

Bħala omm li tixtieq tassew l-akbar ġid għal uliedha, hija terfa’ r-responsabbiltà biex turina li Ġesù huwa l-vera muntanja li twassalna għall-glorja. Ukoll meta ma nsibu l-għajnuna ta’ ħadd li jgħinna fid-diffikultajiet u problemi tagħna, hija dejjem lesta li tagħtina kull għajnuna! Serrħu raskom, ħuti; il-Madonna qatt ma sejra twarrab jew tinsa’ lil uliedha li jqimuha u jistqarruha bħala Omm il-Karmelu! Niftakru x’jgħidilna San Bernard: “Qatt ma nstama’ li xi ħadd talbek il-għajnuna u int ma smajtux!” Aħseb u ara kemm l-Imqaddsa Marija kienet ser tiċħad it-talb ta’ wliedha maħbubin!

Kienu ppersegwitati fil-Palestina, fejn uħud minnhom anke nqatlu mis-saraċini waqt il-kant tas-Salve Reġina. Telqu lejn l-Ewropa, imma hawn ukoll xi prinċpijiet kattoliċi u saħansitra xi awtoritajiet tal-Knisja, ma ħallewhomx kwieti! Kienu waqtiet minn dawn fi żmien il-Ġeneral qaddis Xmun Stock. Il-Karmelitani rrikorrew lejn ommhom twajba u ħanina bit-talba li fiha nsibu l-elementi tan-natura kif kienu jarawhom fuq il-muntanja tal-Karmelu mwaħħdin ma’ spirtu teoloġiku: Flos Carmeli, Vitis Florigera… …

Fjur tal-Karmelu, Dielja bil-frott mogħnija.
Dija tas-Sema, Int waħdek Omm u Xebba;
Lill-Karmelitani uri ħarsien u mħabba;
Kewkba tal-baħar.

Rigal minn Marija

Omm il-Karmelu wieġbet lil uliedha mnikkta. Offriet lil uliedha l-Labtu mhux biss bħala sinjal ta’ ħarsien mill-perikoli tar-ruħ u tal-ġisem, imma xtaqet u riedet li dan ikun sinjal ta’ konsagrazzjoni lejha. Il-konsagrazzjoni tal-membri tal-familja Karmelitana bil-Labtu tal-Madonna tfisser li huma jkunu tassew qegħdin iwiegħdu: Nimxu warajk kull fejn teħodna Verġni Marija. B’dan il-Labtu li tatna, aħna nintelqu f’idejn il-Madonna, Omm il-Karmelu, waqt li min-naħa tagħha hija twegħedna ħarsien fil-ħajja u fil-mewt. Marija Ommna, turina li hija tassew l-iStella Maris – il-kewkba tal-baħar – li ddawlilna u tmexxina fit-triq li twassal lejn il-port tas-salvazzjoni.

Hawnhekk noqogħdu attenti, maħbubin ħuti. Titqarrqux! Mhux biżżejjed li nfaħħru lil Marija jew li nilbsu l-Labtu tagħha; jeħtieġ li nagħmlu dak li għamlet hi – nfittxu li Ġesù jkun iċ-ċentru f’ħajjitna u ta’ ħajjitna. Ġesù fetħilna għajnena: “…imberkin dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha.” Jeħtiġilna nimxu fuq il-Liġi ta’ Alla bla riservi, infittxu l-ġustizzja, u li ngħixu allura, fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. Marija tkompli dejjem tgħidilna: “Agħmlu dak li jgħidilkom tagħmlu hu”. Il-Labtu tal-Karmnu huwa rigal li tathulna Marija, minn qalbha u għax riedet, għax tħobbna. Żgħir kemm hu żgħir, fqir kemm ikun fqir, kull rigal jikber skond mingħand min nirċevuħ. Il-Labtu tal-Karmnu jikber bil-bosta fil-valur sentimentali, reliġjuż u teoloġiku, proprju għax tagħtulna il-Madonna stess Omm Alla u Omm il-Karmelu.

Għeluq

O Mqaddsa Marija, issa li nsiġna tifħirek mill-aħjar li stajna minn qalbna karmelitana, ħalli nitfgħu ħarsitna f’għajnejk! F’dik il-ħarsa ħelwa ta’ għajnejk qegħdin nilmħu l-ħniena, it-tjieba u l-imħabba li int għandek għalina, uliedek. Nistqarru, o Madonna Omm tagħna, li mhux dejjem imxejna ta’ wliedek tassew, u nqasna lilek u lil Ibnek Ġesù. Imma int, ja Omm twajba tagħna, int qatt ma ċħadtna; għadirtna, u meta waqajna, newwiltilna jdejk u erfajtna fuq saqajna. Għalhekk qiegħda toffrilna u tnewlilna l-Labtu tiegħek – trid tfakkarna fil-ħarsien tiegħek, imma fuq kollox trid turina li għadek tħobbna.

B’Ġesù tarbija f’idejk qiegħda tfakkarna li kont int li ġibtilna fid-dinja tagħna lill-Feddej, u issa trid li tressaq lilna lejh, Alla tagħna; qiegħda tgħidilna, ja Omm maħbuba tagħna, li mingħajrek u mingħajru ħajjitna ma jkun fiha l-ebda skop!

Nitolbuk, Imqaddsa Omm Alla, żomm taħt il-mant tiegħek lilna u l-familji tagħna; bierek u ħares lil din l-art li tatna isimha minn kull deni u tiġrib; u lilna, il-Familja Karmelitana, ulied speċjali tiegħek, ibqa’ urina ħarsien u mħabba, Kewkba tal-Baħar.

Niżżuk ħajr, Madonna tal-Karmnu, u nsellmulek bil-kliem li bih patri Anastasju Cuschieri temm il-poeżija li biha tajna bidu għal dan it-tifħir:

Int il-egħżeż ħaġa tagħna,
Int id-dawl minn ta’ għajnejna,
Il-muftieħ ta’ qalbna f’idek,
Qatt bogħ’d minna, dejjem ħdejna;
Fommna jfaħħar dejjem lilek,
Patt etern ta’ mħabba bejnna.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage