PredikazzjoniNovenaLILL-MADONNA TAL-KARMNU
NB: Ta’ min jgħid li dawn l-iskemi kienu miktuba għall-ħabta ta’ l-1975. Għaldaqstant, filwaqt li t-tagħlim ippreżentat għadu validu, wieħed huwa mħeġġeġ jara wkoll d-dokumenti li ħareġ l-Ordni Karmelitan dwar il-Labtu, id-diversi diskorsi li fihom il-Papa Ġwanni Pawlu II tkellem dwar id-devozzjoni tal-Labtu Mqaddes, u wkoll id-dokumenti tal-Knisja li jitkellmu dwar il-Verġni Marija u ħarġu matul dawn l-aħħar snin. WERREJ • L-ewwel jum: Min hi Marija? L-EWWEL JUM: MIN HI MARIJA? Marija u l-fidwa tal-bniedem • Il-Konċilju Vatikan II jitħaddet fuq il-Madonna bħala “Il-Verġni Omm Alla fil-Misteru ta’ Kristu u l-Knisja”. Il-Konċilju jsemmi lill-Madonna meta jitkellem fuq il-Knisja għal żewġ raġunijiet: Fl-istess waqt li Alla ħaseb biex isir bniedem, Alla għażel lil Marija bħala Ommu. • Il-kotba tat-Testment il-Ġdid: • Fil-Kredu ngħidu: “Twieled minn Marija Verġni u sar bniedem.” Madankollu, il-Missier Etern ried il-kunsens tal-Madonna qabel ma Ibnu jsir bniedem, għaliex kif mara kellha sehem biex iġġib il-mewt fid-dinja kien jixraq li Mara oħra tgħin biex terġa’ ġġib il-ħajja. • L-għaqda ta’ Marija ma’ Binha Ġesù: • Il-ħajja publika ta’ Kristu: • Wara li Kristu tela’ s-Sema: Marija hi Omm Alla San Bennard: Alla seta’ jaħlaq muntanji iżjed għoljin, bnedmin aktar perfetti mill-qaddisin, Anġli aktar sbieħ, imma ma setagħx jagħmel Omm aqwa minn Marija. Il-mara tal-Vanġelu: “Hieni il-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt.” (Lq 12,27) Il-Vanġelu fir-rakkont: tat-tħabbira tal-Anġlu; taż-żjara lil Eliżabetta; tat-twelid ta’ Ġesù. Alla ried jibgħad lil Ibnu biex isir bniedem, għalhekk ħatar lil Marija biex tkun Ommu. Fis-sena 431, sar il-Konċilju ta’ Efesu, taħt il-Papa Ċelestinu. Kien hemm 153 Isqof, immexxijin mill-kbir Ċirillu ta’ Lixandra. F’dan il-Konċilju ġie iddikjarat bħala domma tal-Fidi, li l-Madonna hi Omm Alla. Marija hi Omm Kristu Il-Konċilju Vatikan II: Marija għenet lil Kristu b’mod speċjali fil-fidwa tal-bnedmin, bl-ubbidjenza, fidi, tama u karità kbira. Kollox il-kontra ta’ dak li għamlet Eva. Imma Kristu dejjem ġab ruħu mal-Madonna bħala iben li jħobb u jobdi ‘l ommu. ● Imħabba: Kristu wera bl-imġieba tiegħu l-imħabba li għandu lejn il-Madonna: ● Ubbidjenza: S. Luqa kiteb l-Evangelju tiegħu minn dak li sema’ mingħand il-Madonna. Ħalla miktuba l-ġrajjiet l-aktar importanti ta’ Ġesù tfajjel. Imma żgur li l-Madonna qaltlu lil S.Luqa kif Ġesù tfajjel kien jgħaddi l-ġurnata: jaħdem, jobdi u jitlob. L-Evangelista ġabar kollox f’żewġ kelmiet: “Ġesù kien jobdi f’kollox lil Ġużeppi u Marija”. (ara Lq 2,51) Il-Labtu tal-Karmnu hu sinjal ta’ l-imħabba tal-Madonna lejna. Il-Madonna ħabbet lil Kristu bħala binha. Għalhekk għamlitlu u tagħtu libsa - libsa li kienet sinjal ta’ dmir ta’ omm - dmir ta’ mħabba lejn binha. U din il-libsa li l-Madonna tat lil Ġesù kienet tagħmel mirakli u għeġubijiet: “Mqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq” (Mt 9,21). Aħna nġibu l-Labtu tal-Karmnu għax nemmnu fis-setgħa tal-Madonna, għax inħobbuha u rridu nħobbuha f’kollox kif kien iħobba u jobdiha Ġesù. IT-TIENI JUM: MARIJA OMM TAGĦNA L-BNEDMIN Fil-ħolqien kulħadd għandu omm. Alla ħalaq l-ewwel omm b’att ta’ mħabba u ried li l-ħajja tibqa’ sejra mill-omm għall-ulied, b’att ta’ mħabba. Kif il-Madonna hija omm Lill-Madonna nsejħulha Omm, mhux biss b’sinjal ta’ rispett u qima, iżda għaliex tħobbna bħala omm. Għaliex il-Madonna hija ommna Il-Madonna hija omm Kristu. Ġesù Kristu hu fuq kollox il-Feddej. L-Anglu qal lil San Ġużepp: “Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1,21). Bħal Iben t’Alla kien it-Tieni Persuna tas-Ssma. Trinità; bħala bniedem kien jissejjah Ġesù, jiġifieri Salvatur, Feddej tal-bnedmin. Ġesù hu l-kap tal-Ġisem Mistiku. Ġesù meta sar bniedem sar il-kap, ir-ras li jirrappreżenta lill-bnedmin kollha. Il-bnedmin huma membri tal-Ġisem Mistiku tiegħu. Hu, waħdu, miet għalina. Fih u permezz tiegħu ġejna mifdijin. Il-bnedmin kollha jinġabru f’ġisem wieħed – Kristu. Ġesù sar feddej u kap tal-Ġisem Mistiku meta sar bniedem. Fil-ġuf safi u bla tebgħa li fih Kristu ħa l-ġisem ta’ bniedem, ġie wkoll imsawwar il-ġisem spiritwali ta’ dawk kollha li kellhom jemmnu fih. Marija tat il-ħajja lil Kristu, Binha; u tat ukoll il-ħajja tar-ruħ lil dawk kollha li kellhom jiġu mifdijin minn Kristu stess. Għalhekk aħna lkoll ningħaqdu fi Kristu, aħna membri ta’ l-istess ġisem, demm minn demm Kristu. Bir-raġun, mela, nistgħu nsejħu lill-Madonna ommna, għax tatna l-ħajja fir-ruħ, il-grazzja li hu Kristu. Hi Ommna lkoll. Marija kienet li kellha tkun Omm tagħna l-bnedmin. Il-Madonna kienet taf li Binha Ġesù kellu jifdi l-bnedmin kollha. Meta aċċettat li tkun l-Omm ta’ Kristu, hi aċċettat li taqdi l-missjoni li Alla ħatarha biex twettaq. B’hekk, fl-istess waqt li saret Omm il-Feddej, saret ukoll Omm il-bnedmin kollha għaliex waqt li lil Kristu tagħtu l-ħajja u l-ġisem u qdiet miegħu d-dmirijiet ta’ Omm, hi kellha tagħti flimkien ma’ Binha l-ħajja tal-grazzja lill-bnedmin kollha mifdijin minn demm Binha li kien l-istess demm tagħha. Il-Madonna hi ommna tassew għax ħadet sehem fil-fidwa tagħna. Din il-fidwa bdiet malli l-Madonna qalet “Iva” lill-Anġlu, biex issir l-Omm t’Alla. Il-Madonna wettqet quddiem id-dinja kollha d-dmir tagħha ta’ Omm fuq il-Kalvarju. Il-fidwa mibdija f’Nazaret meta l-Anġlu ħabbar lill-Madonna li se ssir Omm t’Alla ġiet imwettqa sa l-aħħar fuq is-salib. U Kristu stqarr u wera li Marija hi Omm ta’ dawk li kienu mifdija b’demmu meta ħares lejn id-dixxiplu u qalilha: “Mara, hawn hu ibnek” (Gw 19,26). Barra minn hekk, il-Madonna għenet ukoll fil-fidwa tal-bnedmin kollha bil-merti li hi qalgħet għalina. Il-Madonna batiet u sofriet ma’ Kristu. Hi għenet lil Kristu biex jifdi l-bnedmin. Kristu seta’ waħdu, mingħajr għajnuna ta’ ħadd, jifdi lill-bnedmin kollha. Imma għax ried hu, u hekk għoġbu, ried li l-Madonna tkun miegħu fil-fidwa. Ma’ dan ta’ min iżid li din kienet ir-rieda ta’ Alla: li kif Kristu, l-awtur tal-ħajja, ġie mogħti lilna permezz ta’ Marija, hekk ukoll il-ħajja tar-ruħ nilqgħuha permezz ta’ Marija. Lilha nsejħu Omm għax hi tatna l-ħajja. Il-Madonna hi Omm il-bnedmin kollha Kull nisrani li jagħraf lil Kristu jagħraf lil Marija bħala Ommu. Marija hi Omm kulħadd. IT-TIELET JUM: MARIJA OMM IL-KNISJA Il-Konċilju Vatikan II jitkellem fuq il-Madonna meta jitħaddet fuq il-Knisja. Il-Madonna hi Omm Kristu. Malli ġabitu fi ħdana hi ingħaqdet Miegħu bħala l-kap, ir-ras tal-Ġisem Mistiku li hu l-Knisja. Kristu għażel il-Knisja bħala għarusa tiegħu – bla tebgħa, bla ħtija - biex togħġbu f’kollox. Il-Madonna għenet fil-kitba tal-Vanġeli li huma l-ħajja tal-Knisja. Kienet iżżomm f’moħħha u f’qalbha l-kliem u l-għemil kollu ta’ Kristu u qalet kollox lill-appostli u lill-Evanġelista San Luqa. Il-Madonna tiġbed ħafna erwieħ lejn Kristu: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Gw 2,5). IR-RABA’ JUM: IL-QIMA LEJN IL-MADONNA Il-Knisja tħobb u tagħti qima lill-Madonna għax il-Knisja tħobb u tagħti qima lil Kristu. Il-Knisja matul is-sena tfakkarna fil-misteri tal-ħajja ta’ Kristu: it-Twelid, il-Ħajja, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu. Għalhekk il-Knisja tqim b’mod speċjali lill-Madonna li għandha rabta qawwija mal-misteri kollha tal-ħajja ta’ Kristu. Il-Knisja tħares bil-qima lejn il-Madonna għax ħadd daqs Marija ma’ hu magħqud ma’ Kristu; xbieha tal-għaqda qaddisa li l-Knisja u kull ruħ tajba tixtieq ikollha ma’ l-Iben t’Alla. Fl-aħħar Konċilju l-Knisja tatna dan it-tagħlim. L-insara jerfgħu għajnejhom lejn il Madonna, li tiddi bħala eżempju ta’ qdusija, quddiem l-għaqda kollha tal-qaddisin. Meta aħna nqimu u nfaħħru lill-Madonna, hi tiġbidna lejn Binha Ġesù, għas-sagrifiċċju u l-imħabba t’Alla. (ara LG 65) Il-Knisja tadura lil Alla biss. Imma l-Knisja tagħti lill-Madonna qima wisq akbar minn dik li tagħti lill-qaddisin kollha, għax hi biss Omm Alla u għax hi ħadet sehem fil-misteri tal-ħajja ta’ Kristu. Meta aħna nħobbu, infaħħru u nagħtu qima lill-Madonna, aħna nkunu qed nagħrfu, inħobbu u nagħtu ġieħ lil Binha Ġesù u nimxu fuq it-tagħlim tiegħu. Min jagħti qima lill-Madonna kif jixraq m’hemmx għalfejn jemmen u jagħti importanza lil stejjer, mirakli jew viżżjonijiet li l-Knisja ma tgħidilna xejn fuqhom. Fil-qima lill-Madonna l-importanti hu l-imħabba ta’ ulied lejn l-Omm ħanina u setgħana, magħquda ma’ ħeġġa sinċiera biex f’kollox nimxu fuq l-eżempju tagħha. (ara LG 67) Lill-Madonna kulħadd iħobbha. Kultant nies li mhumiex insara jagħtuha qima wkoll. Il-Konċilju Vatikan II iħeġġeġ lill-insara kollha biex jagħtu ġieħ lill-Madonna. Jekk wieħed igħarbel sew kliem il-Vatikan II ma jistax ma jarax is-siwi tal-Labtu tal-Karmnu fil-qima lejn il-Madonna. Fid-Digriet fuq l-Appostolat tal-Lajċi (n.4), il-Konċilju jgħid ċar u tond li dawk il-lajċi li msejħin minn sejħa speċjali huma miktubin f’xi għaqda jew istitut approvat mill-Knisja, għandhom jagħmlu ħilithom biex inisslu fihom il-qdusija li għaliha huma mwaqqfa dawn l-għaqdiet. Min hu miktub fil-Labtu tal-Karmnu huwa magħqud mal-Ordni Karmelitan, għandu sehem fil-Familja Karmelitana, il-Familja tal-Madonna; magħhom jaqsam l-istess privileġġi spiritwali u dmirijiet: dmir li jħobb, iqim u jagħti ġieħ lill-Madonna bħala Omm u padruna setgħana tal-mifdijin kollha bid-demm ta’ Kristu u t-tama ta’ l-insara kollha. U hawn qiegħda l-importanza u s-siwi tal-Labtu tal-Karmnu ghax hu: Min jimxi wara l-Madonna jimxi wara Kristu biex jingħaqad miegħu. Il-Madonna hi l-aħjar eżempju ta’ din l-għaqda ma’ Kristu, għax hi l-akbar fost il-qaddisin, l-aktar li kienet mimlija bil-grazzja t’Alla u mxiet fil-ħajja spiritwali. Il-Madonna wkoll, Reġina ta’ l-Appostli, l-aktar li ħadmet ma’ Kristu fuq din l-art biex issalva lill-bnedmin kollha. Il-Labtu għalhekk, waqt li jġibilna quddiem għajnejna l-Madonna, ifakkarna fid-dmir li għandna li nagħmlu li nistgħu biex ningħaqdu aktar ma’ Kristu u li naħdmu għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ ħutna l-bnednin, kemm ta’ qrabatna u kemm ta’ ħutna oħra li qegħdin f’artijiet imbiegħda. Il-Labtu jfakkarna wkoll li l-Madonna anke fis-sema tieħu ħsiebna, tieqaf magħna, imsejkna bnedmin, biex magħha naslu fil-glorja ta’ dejjem. Għaldaqstant aħna għandna nqimuha għax hi sellum li jwassalna mill-art għas-sema. Il-Labtu hu sinjal li min jittama fil-Madonna jsib is-saħħa ta’ dejjem. Għalhekk l-Ordni Karmelitan ħadem u jibqa’ jaħdem biex ixerred ma kullimkien il-qima lejn il-Madonna permezz tal-Labtu. L-insara kollha huma aħwa, familja waħda. Il-Labtu jfakkarna li aħna wlied l-istess Omm li bkiet, batiet bħalna, li tridna ninħabbu u ngħixu familja waħda. Min jilbes il-Labtu tal-Karmnu u jilbsu bil-fidi u t-tama fil-Madonna għandu jħobb lill-Madonna, iħobb lill-proxxmu u jkun paċi ma’ kulħadd. IL-ĦAMES JUM: ID-DEVOZZJONI TAL-LABTU TAL-KARMNU Il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu huwa għamla ta’ ġieħ u qima lejn Marija Ssma. Din il-qima lejn il-Madonna hija mibnija fuq it-twemmin nisrani tal-kobor tal-privileġġi ta’ Marija. Meta Alla għażel lill-Madonna bħala Omm ta’ Kristu, Hu għollieha għad-dinjità li ebda bniedem jew anġlu ma jista’ qatt ikollu. U għaliex Omm Alla u sieħba ġeneruża mill-aktar eċċezzjonali tal-Feddej divin (LG 61). Marija hija wkoll l-Omm tagħna l-bnedmin, il-Medjatriċi tal-grazzja u s-Sultana tas-sema u ta’ l-art. Ġesù Kristu għamel is-sebgħa sagramenti bħala għejjun biex iqassam il-kobor tal-grazzji tiegħu. Is-sagramenti huma bħala sinjal tal-ħniena t’Alla li jfissru u jagħtu l-grazzja (Konċilju ta’ Trento, sess.7, kan.6). Is-sagramenti jagħmlu l-bniedem ħabib t’Alla, jagħtuh setgħa li jissejjaħ iben (adottiv) ta’ Alla u jieħu sehem mill-ħajja t’Alla stess, għall-merti li Kristu qala’ permezz tal-fidwa. Is-sagramentali huma differenti mis-sagramenti: Il-Labtu tal-Karmnu hu magħdud fost is-sagramentali, li x’uħud, f’sens wiesa’, isejħulu “Is-sagrament ta’ Marija” , għax il-Labtu huwa sinjal ta’ l-għajnuna u l-grazzji li tagħtina l-Madonna. Għalkemm mhux kulħadd jaqbel li nsejħulu hekk, b’danakollu l-Labtu jibqa’ tassew sinjal tal-ħniena tal-Madonna lejn il-bnedmin, u l-Knisja tilqa’ u xxerred fost l-insara kollha din id-devozzjoni tal-Labtu tal-Karmnu. Il-Knisja temmen u tgħallem li permezz ta’ dan il-Labtu aħna nistgħu naqilgħu ħafna grazzji mis-sema. X’inhu l-Labtu tal-Karmnu? a) Huwa libsa mqaddsa: Il-Papa Piju XII, fl-okkażżjoni tas-seba’ ċentinarju tal-Labtu (1951), bagħat ittra lill-Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan (Neminem profecto latet) fejn, fost affarijiet oħra, qallu “li l-Labtu Mqaddes, bħala l-libsa ta’ Marija, huwa żgur sinjal u rahan ta’ l-għajnuna u tal-ħelsien ta’ Omm Alla fuqna”. Dan l-istess ħsieb tal-Labtu bħala libsa mqaddsa, libsa ta’ Marija, insibuh ukoll fil-formula ta’ meta s-saċerdot ilibbisna l-Labtu, u f’isem il-Knisja jgħidilna: “Ħu dan il-Labtu (li bih tidħol fil-Konfraternità tal-Familja ta' l-Imqaddsa Verġni Marija ta' l-Għolja tal-Karmelu). Qalbek qawwija fl-imħabba ta' Omm hekk kbira, fittex li tgħix fuq l-eżempju tagħha u f'għaqda sħiħa magħha. Żommu fuqek bħala sinjal tal-preżenza ta' Marija f'ħajtek, int u titħabat biex ta' kuljum tilbes lil Ġesù Kristu u turiH b'mod ħaj lil kulħadd għall-ġid tal-Knisja u tal-bnedmin kollha, u għat-tifhir tat-Trinità Mqaddsa.” Il-Labtu tal-Karmnu huwa libsa qaddisa li ġġibilna ħafna grazzji. Il-Madonna lestiet libsa lil Ġesù tarbija; u kif kellha lil Ġesù f’idejha, il-Madonna libbsitu u geżwritu fil-ħrieqi. L-Omm tlibbes lil uliedha, għax tħobbhom u tieħu ħsiebhom. L-ilbies li nilbsu juri wkoll min aħna: il-fqir u l-għani ħafna drabi jidhru minn ilbieshom. Is-suldat, il-pulizija, il-nurse u l-impjegat, ħafna drabi tagħrafhom mil-libsa li jġibu fuqhom. Il-libsa turi wkoll xi drabi, li l-bniedem huwa mogħti lil Alla u għall-ħidma tal-ġid tal-erwieħ, bħat-tonka li jilbsu l-patrijiet u s-sorijiet, u l-ilbies sagru li jilbes is-saċerdot fuq l-altar. b) Huwa libsa ta’ Ordni Reliġjuż: Minn żminijiet l-aktar imbiegħda, sa mill-bidu tal-Monastiċiżmu, kienet użata għamla ta’ libsa li tfisser id-dmirijiet li ħafna jindaħlu għalihom għall-imħabba ta’ Kristu. Dan l-ilbies kien għalihom bħala tifkira dejjem ħajja li huma ma m’humiex tad-dinja imma ta’ Kristu. Il-Labtu kien jintuża minn ħafna Ordnijiet Reliġjużi, u kien jagħmel sehem minn din l-għamla ta’ lbies. Xi drabi kien jittieħed bħala sinjal ta’ dan l-ilbies, jiġifieri jfisser il-libsa jew it-tonka kollha. Fiż-żminijiet tan-Nofs imbagħad, fi żmien il-Fewdaliżmu, meta żviluppaw ruħhom il-Monastiċiżmu u l-Ordnijiet Mendikanti, l-għamla tal-libsa kienet tfisser ukoll rabta bilaterali bejn sid u qaddej. Il-foqra kienu jintefgħu b’ruħhom u ġisimhom għas-servizz ta’ l-għonja u dawn jaħsbulhom għall-għajxien tagħhom u jaqbżu għalihom. Imma qabel kienet issir bħal speċi ta’ ċerimonja, il-wegħda min-naħa l-waħda u l-għotja ta’ libsa min-naħa l-oħra. Lil min kien iwiegħed f’riġlejh li lest li jaqdih f’kollox, is-sid kien jagħtih libsa, bħal speċi ta’ uniformi li kienet tagħażlu u turi lil liema sid jappartieni. Din iċ-ċerimonja ntirtet ukoll mill-Ordnijiet Reliġjużi. Huma l-voti li jagħmlu n-novizzi f’riġlejn is-superjur quddiem l-artal u l-libsa jew it-tonka li hu jagħtihom. Il-libsa isservi biex tagħżel u tipproteġi lil min jissieħeb f’dak l-Ordni u fl-istess ħin tfakkar u turi li hu mogħti kollu kemm hu lill-Mulej. Għalhekk il-Labtu huwa parti mil-libsa mqaddsa ta’ Ordni Reliġjuż u bosta drabi, b’metonimija, jintuża bħala sinjal jew minflok il-libsa kollha. c) Libsa ta’ Ordni dedikat lill-Madonna: Il-Karmelitani wkoll kienu jilbsu l-Labtu; kien parti essenzjali mil-libsa tagħhom. Min kien iġib il-libsa ta’ l-Ordni Karmelitan kien jixhed fil-beraħ li hu membru tal-Familja Karmelitana u, għalhekk, lest li jaqdi ‘l Alla u lill-Madonna bit-talb u l-ħidma għall-erwieħ skond l-ispirtu ta’ dan l-Ordni. Id-devozzjoni ta’ l-Ordni Karmelitan lejn il-Madonna hija fatt storiku. Sa minn meta l-ewwel eremiti Karmelitani bdew jinġabru fuq l-għolja tal-Karmelu, fl-Art Imqaddsa, huma bnew kappella f’ġieh il-Verġni Marija. Fiha kienu jinġabru biex jitolbu u jfaħħru lill-Madonna bħala Omm Alla u Omm il-bnedmin kollha. Għalhekk min kien jilbes il-libsa Karmelitana kien jingħaqad f’din il-familja reliġjuża biex magħhom ifaħħar ‘l Alla u l-Omm Imqaddsa tieghu. Ta’ min ikun jaf li, fiż-żminijiet tan-Nofs li semmejna, it-titular ta’ knisja, jiġifieri lil min tkun iddedikata, kien meqjus bħala s-sid jew is-sidt ta’ dik il-knisja. Għalhekk l-isem tal-knisja kien iservi biex jagħżel u jispeċifika Ordni minn ieħor u l-għaqdiet reliġjużi minn xulxin. Billi allura l-Karmelitani kienu ddedikaw il-kappella tagħhom lill-Madonna, għalhekk Marija kienet meqjusa bħala s-sidt jew il-patruna tagħhom. Mhux għalxejn mela, mhux darba u tnejn seħqu fuq Marija biex turi tabilħaqq li hi Sidthom u taqbeż għalihom fit-tiġrib bla għadd li ltaqgħu miegħu, l-aktar meta bdew jixterdu fl-Ewropa. Dokumenti ġenwini ta’ dak iż-żmien jixhdu ċar u tond li l-Karmelitani kienu jqisu lil Marija bħala Patruna tagħhom (fis-sens fewdalistiku li semmejna) u li waqqfu l-Ordni tagħhom proprju f’ġiehha. Il-Papiet ma naqsux li jagħarfu t-titlu marjan ta’ dan l-Ordni u saħansitra jagħtu indulġenzi lil min isejjaħ lill-Karmelitani “Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija”. Min-Naħa tagħha Marija dejjem għenithom. Bħala Omm ħanina u Sidt segħtana hija dejjem ħelsithom u ħarġithom rebbieħa fuq l-għedewwa tagħhom. Bir-raġun għalhekk il-Karmelitani ma sabuhiex bi tqila li jemmnu fid-dehra ta’ Marija lil San Xmun Stock meta l-Ordni, imdawwar minn kullimkien bl-għedewwa, kien donnu f’xifer il-qerda u t-tmiem tiegħu. Kien att ta’ protezzjoni ta’ din il-Patruna tagħhom, li lilha kienu ddedikaw l-Ordni tagħhom u lilhom infushom. U la darba l- libsa kienet ir-rahan ta’ għajxien u l-protezzjoni li s-sid jew il-patrun kien jagħti lill-qaddejja tiegħu, għalhekk huma emmnu li permezz tal-libsa mqaddsa tagħhom, il-Labtu, Marija toħroġhom rebbieħa. Id-dehra tal-Madonna lil San Xmun Stock mhix ħlief konferma ta’ dan it-twemmin tagħhom. Waqt li b’qalbu magħfusa u kollu ħeġġa kien qiegħed jitlobha bl-akbar ħrara l-għajnuna tagħha għall-Ordni li skond il-liġi kien jappartieni lilha, billi kienet is-Sidt u Patruna tiegħu, hi tgħidlu li l-Labtu kellu jkun is-sinjal tal-ħelsien tagħhom mit-tiġrib. Hi mhix se tonqos minn kelmtha. B’hekk mela Marija wriet lil dan il-Qaddis u lil kulħadd, li l-libsa Karmelitana, il-Labtu, hija sinjal l-aktar żgur ta’ għajnuna tagħna u ta’ ħelsien mit-tiġrib, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mar-ruħ. Għeluq Il-Karmelitani u l-ħbieb tagħhom ħabbew u għożżew dejjem il-libsa tal-Madonna. Il-Labtu hu sinjal li l-Madonna magħna u aħna magħha. Ħafna nsara daħlu fil-Familja Karmelitana u libsu l-Labtu tal-Karmnu b’turija ta’ mħabba u qima lejn il-Madonna. Erwieħ tajba u qaddisa, kull xorta ta’ nsara, kbar u żgħar, għonja u foqra, papiet u slaten, libsu l-Labtu tal-Karmnu u l-Madonna għanithom bil-grazzji, ħarsithom mit-tiġrib, u żammithom marbuta fl-imħabba ta’ Kristu. Għax kif is-sagramenti huma għejjun tal-grazzja, hekk ukoll il-Labtu tal-Karmnu huwa l-għajn tal-ħniena tal-Madonna. Is-sagramenti huma sinjal tal-fidwa u tal-merti ta’ Kristu; il-Labtu huwa sinjal tat-tqassim tal-grazzji akkwistati b’dawn il-merti. F’idejn Ommu Marija Ġesù reħa t-taqssim tagħhom, jiġifieri jgħaddihom lilna permezz tagħha. U għaliex Marija hija l-Omm spiritwali tagħna u l-Medjatriċi tal-grazzji, lilna li nilbsu l-Labtu tagħha, tagħrafna bħala wlied speċjali tagħha u dejjem tieqaf magħna fil-ħajja u fil-mewt, sa ma naslu f’dirgħajha għal dejjem, bħala wlied f’dirgħajn ommhom l-għażiża. IS-SITT JUM: IL-LABTU TAL-KARMNU U L-KONSAGRAZZJONI Il-konsagrazzjoni lill-Madonna hija għamla ta’ devozjoni mogħtija lil Marija u rrikmandata ferm mil-Papiet. Għalhekk qabel ma naraw xi tfisser sew il-konsagrazzjoni, jaqbel li ngħarblu ftit it-tifsira u l-ħtieġa tad-devozzjoni. Id-Devozzjoni Ir-reliġjon hija dik il-kwalità jew virtù morali li biha nagħtu ‘l Alla l-qima li tistħoqlu minħabba l-kobor bla tarf tiegħu. L-att ewlieni ta’ din il-virtù hija d-devozzjoni, li mhix ħaġ’oħra għajr att tar-rieda tagħna li naqdu ‘l Alla bil-ħeġġa kollha. Din l-għamla ta’ devozzjoni hija meħtieġa ferm fil-ħajja nisranija. Mingħajrha ma nistgħux naqdu sewwa ‘l Alla. Dwarha jitkellem il-Papa Ljun XIII, fl-Enċiklika “Libertas praestantissimum” (20 ta’ Jannar 1888). Igħid, li fost id-dmirijiet kollha tal-ġeneru uman, bla dubju ta’ xejn l-ogħla u l-iżjed qaddis hu dak li jġiegħel lill-bnedmin iqimu ‘l Alla bl-imħabba u d-devozzjoni. Barra din ix-xorti ta’ devozzjoni (essenzjali), hemm dik l-oħra sensibbli, li biha nħossu ċertu pjaċir u ħlewwa, meta naħsbu f’Alla. Is-siwi tagħha hu li tgħinna u tħeġġiġna biex lil Alla naqduh aħjar. Fi kliem ieħor tagħmlilna d-devozzjoni essenzjali wisq aktar ħafifa. Kull devozzjoni għandha bħala għan ewlieni tagħha lil Alla, ukoll meta nagħtu qima lill-Madonna jew lill-Qaddisin. Lit-tnejn li huma nagħtuhom qima, għaliex huma ħbieb ta’ Alla u jgħinuna biex nersqu aktar lejh. Il-qima mbagħad lejn Alla, il-Madonna u l-Qaddisin, tista’ tintwera f’ħafna għamliet differenti, bħalma huma talb, egħmejjel ta’ karità, eċċ. Huma dawk li nsejħulhim devozzjonijiet, jiġifieri dawk id-diversi atti konkreti li bihom nuru d-devozzjoni, l-imħabba tagħna. Id-Devozzjonijiet lejn il-Madonna Ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu, li d-devozzjoni lejn il-Madonna hija ġejja minn Alla stess. Fis-sewwa Ġesù Kristu jaf ġismu u demmu lil Marija, għax kienet hi li nisslitu u wellditu. Mhux biss, imma wkoll kien marbut ħaġa waħda magħha bl-imħabba kbira u l-ubbidjenza li kellu lejha, bħal kull iben tajjeb lejn ommu. Ġesù għalhekk huwa l-isbaħ eżempju ta’ kif għandha tkun il-qima tagħna lejn il-Madonna. Id-devozzjonijiet marjani nistgħu nħarsu lejhom minn tliet naħat: min-naħa tal-Madonna, min-naħa tagħna u min-naħa tat-tixrid tagħhom. Il-Konsagrazzjoni Għamla permanenti tad-devozzjoni marjana rikkmandata mill-Knisja hija proprju dik tal-konsagrazzjoni. X’inhi l-konsagrazzjoni? Tikkonsagra tfisser, tagħamel xi ħaġa qaddisa billi tagħtiha b’mod speċjali ’l Alla. Għalhekk ngħidu li r-reliġjużi jew is-saċerdoti huma kkonsagrati lil Alla, għax huma mogħtijin b’mod speċjali lilu. L-istess ħaġa nifhmu meta nitkellmu minn konsagrazzjoni ta’ kalċi jew ta’ knisja, jiġifieri li dawn il-ħwejjeġ iservu jew huma riservati biss għal Alla, għall-qima tiegħu. Il-konsagrazzjoni ssir ‘l Alla biss, għax huwa waħdu s-sid assolut ta’ kollox. Tagħmel sehem mill-kult jew qima ta’ adorazzjoni; hija sinjal jew espressjoni tagħha. Għalhekk, billi l-adorazzjoni tista’ tingħata biss lil Alla, il-konsagrazzjoni issir biss lilu. Il-konsagrazzjoni ssir dejjem permezz ta’ xi talb. Jekk imbagħad il-konsagrazzjoni tkun ta’ xi persuna, mogħnija kif inhi bid-dehen, flimkien mat-talb jenħtieġ li jkun hemm il-fehma u r-rieda li żżomm u twettaq dak kollu li ġġib magħha l-konsagrazzjoni. Kulma jiġi kkonsagrat irid iservi għal Alla biss, dejjem skond il-ħaġa li tkun. Jekk, ngħidu aħna, tkun kalċi, knisja jew oġġett sagru ieħor, dawn ma jistgħux iservu għal użu ieħor ħlief għall-qadi ta’ Alla. Imma jekk tkun persuna, din bl-intelliġenza tagħha għanda dejjem tħabrek li tagħraf x’titlob minnha l-konsagrazzjoni u tagħmel ħilitha biex tgħix din il-konsagrazzjoni. Għaliex Ġesù kien ikkonsagrat lill-Missier Etern, kien kollu mogħti lilu: dehen, qalb u rieda. Hekk ukoll Marija għax kienet ikkonsagrata jew mogħtija kollha kemm hi lil Alla. Il-Konsagrazzjoni lill-Madonna Din il-għamla ta’ qima lill-Madonna, il-konsagrazzjoni, hija llum użata ħafna. Saħansitra rrikmandata mill-Papiet. U kien Piju XII stess (fl-1942) li kkonsagra d-dinja lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija. Ta’ min isemmi wkoll, bħala eżempju, il-konsagrazzjoni ta’ l-Italja lil Marija - imġedda fil-Kungress Ewkaristiku ta’ Katanja - u l-konsagrazzjoni ta’ Malta, lill-Qalb ta’ Ġesù u ‘l Qalb ta’ Marija, li saret madwar tletin sena ilu. Imma hija ħaġa sewwa u tista’ ssir il-konsagrazzjoni lill-Madonna? M’għidniex li l-konsagrazzjoni tista’ ssir biss lil Alla? Jekk aħna naraw x’nifmu b’din il-konsagrazzjoni lil Marija, insibu li m’hemm xejn ħażin u li kull ma għidna huwa minnu. Bil-konsagrazzjoni lill-Madonna nifhmu, li bħalma Alla ried isir bniedem u jiġi fostna permezz tagħha, hekk ukoll aħna nisgħtu ningħataw kollna kemm aħna lil Alla permezz tagħha. Il-konsagrazzjoni lill-Madonna tfisser li wieħed iwiegħed li jagħmel ħiltu biex jimxi fuq l-eżempju ta’ Marija, mera tal-qdusija ta’ Alla, speċjalment fl-imħabba tagħha lejn il-proxxmu, it-talb bla heda u r-rabta qawwija tagħha mar-rieda ta’ Alla. Il-Labtu tal-Karmnu sinjal ta’ Konsagrazzjoni lill-Madonna Il-Labtu tal-Karmnu jġib miegħu u jfisser li min jilbsu huwa kkonsagrat jew mogħti kollu kemm hu lill-Madonna, skond kif għadna kif fissirna. B’xhieda ta’ din l-istqarrija nsemmu lil Piju XII u lil Suor Luċija. Żmien wara, fil-15 ta’ Awissu 1950, Luċija qalet lil wieħed reliġjuż Karmelitan: “M’hemm l-ebda dubju, u stqarru wkoll il-Papa, li l-Labtu tal-Karmnu huwa sinjal ta’ konsagrazzjoni lill-Madonna”. Kif il-Labtu hu sinjal ta’ din il-konsagrazzjoni? Il-Labtu tal-Karmnu (kif diġa’ għidna qabel), hu l-libsa ta’ l-Ordni Reliġjuż mogħti għal kollox lill-Madonna; huwa l-Ordni Karmelitan. Ma jistax jonqos għalhekk, li Marija ma tagħtix lil dan l-Ordni kull xorta ta’ għajnuna u grazzji tas-sema. Kull Ordni Reliġjuż, flimkien ma’ virtujiet oħra jfittex li jikkopja u jħares bl-akbar reqqa’ xi virtù speċjali tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. Hekk naraw il-Franġiskani jimitaw il-faqar tiegħu, is-Selesjani l-imħabba lejn it-tfal u d-Dumnikani l-ħeġġa lejn il-predikazzjoni. Il-Virtù karatteristika jew speċjali tal-Karmelitani hi dik li jfittxu jixbħu lil Ġesù Kristu fl-imħabba tiegħu lejn Ommu l-għażiża. Issa li tilbes il-Labtu jew il-libsa ta’ Ordni Reliġjuż ifisser li trid timxi fuq l-eżempju u tilħaq l-għan ta’ dak l-Ordni. Ifisser għalhekk, li trid timita l-Virtujiet, u b’mod speċjali l-virtù karatteristika, li dak l-Ordni għażel li jwettaq b’egħmilu. Mela li tilbes il-labtu tal-Karmnu jfisser li trid taqbad triq speċjali li twasslek biex tilħaq l-għan li għalih ġie mwaqqaf l-Ordni Karmelitan. Fi kliem ieħor, ifisser li trid timita l-virtujiet flimkien ma’ dik speċjali ta’ dan l-Ordni. Għalhekk, meta tilbes dan il-Labtu, flimkien mad-dinjità tieħu wkoll fuq spallejk id-dmir li għandu l-Ordni Karmelitan, jiġifieri li twettaq il-virtujiet u l-aktar dik karatteristika: l-imitazzjoni ta’ l-imħabba ta’ Kristu lejn Ommu Marija. Din hi l-konsagrazzjoni lill-Madonna li jfisser il-Labtu tal-Karmnu. L-att tal-konsagrazzjoni jsir fil-vestizzjoni, jiġifieri f’dak il-waqt li nirċievu għall-ewwel darba l-Labtu. Meta mbagħad inġibuh fuqna, kif suppost li nġibuh dejjem, aħna nuru quddiem kulħadd li għandna devozzjoni partikulari lejn il-Madonna. Fl-istess waqt lilna jfakkarna li aħna mogħtijin lill-Madonna u nappartienu lilha. Għalhekk għandna nitħarġu f’dawk il-virtujiet mitlubin mil-Labtu, jiġigieri mill-konsagrazzjoni tagħna permezz tal-Labtu tal-Karmnu. Liema huma l-virtujiet mitluba minn dawk li jġibu fuqhom il-Labtu, insibuhom imsemmija f’dan il-kliem ta’ Piju XII. Igħid, “L-Karmelitani u dawk kollha li b’mod jew ieħor huma mseħbin fil-familja tal-Verġni Marija, jiftakru li l-Labtu huwa għalihom sinjal u tifkira ta’ l-umiltà u safa. Fl-istess għamla tiegħu għandhom tagħlim fil-qosor tal-modestja u s-sempliċità. Billi mbagħad għandhom iġibuh fuqhom lejl u nhar, għalhekk il-Labtu huwa simbolu tat-talb bla heda li huma għandhom igħollu lil Alla biex jiksbu l-għajnuna tiegħu. Fl-aħħarnett, f’dan il-Labtu għandhom xhieda tal-konsagrazzjoni tagħhom lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija” (Neminem profecto latet). Mela l-virtujiet li fihom ifakkarna l-Labtu tal-Karmnu huma: l-umiltà, is-safa, il-modestja u s-sempliċità, it-talb u l-konsagrazzjoni. Il-konsagrazzjoni hija l-quċċata ta’ dawn il-virtujiet mgħixin fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk min iġib fuqu l-Labtu hu fid-dmir li jitħarreġ f’dawn il-virtujiet, li tagħhom il-konsagrazzjoni hija bħallikieku s-sultana. Għeluq Min dan li għidna jidher biċ-ċar li l-Labtu tal-Karmnu ma jfissirx biss privileġġi, u li l-Madonna għandha tgħinna bil-grazzji tagħha la darba nġibu fuqna l-libsa tagħha. Dan huwa kunċett żbaljat. Irridu naħdmu aħna wkoll. Hija t-twissija jew it-twiddiba f’waqtha li jagħmlilna Piju XII, b’dan il-kliem ta’ S. Pawl: “Dawk li jilbsu l-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu xejn ma għandhom x’jaħsbu li b’daqshekk biss se jiksbu l-ħajja ta’ dejjem. Jenħtieġ ukoll li jaħdmu u mhux jitgħażżnu, bħalma jwissi S. Pawl: “Ħabirku għas-salvazzjoni tagħkom bil-biża’ u t-tregħid” (Filip 2,12). F’din id-dinja kulħadd irid jaqdi wieħed ‘l ieħor jew jitjassar għal xi ħadd jew xi ħaġa. Inkunu qaddejja tajba tal-Madonna, naqduha f’kollox, u hi żgur ma tonqosx li tiftakar fina. Tgħinna nilħqu l-għan li għalih ġejna maħluqa billi tiksbilna l-għajnuna biex inwettqu dmirijietna, u wara mmorru ngawdu magħha l-ħajja ta’ dejjem. IS-SEBA’ JUM: IL-LABTU TAL-KARMNU ĠABRA TA’ VIRTUJIET Il-qdusija jew il-perfezzjoni nisranija hi dmir ta’ kulħadd. Kulħadd mingħajr ebda għażla hu mitlub minn Ġesù Kristu biex ikun tajjeb u perfett: “Kunu perfetti, bħal ma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5,48). Ġesù u Marija l-aqwa żewġ merat tal-qdusija Niksbu l-perfezzjoni jekk kemm-il darba aħna ngħixu bir-reqqa kollha fl-imħabba ta’ Alla, billi nimitaw bil-fedeltà u l-ġenerożità kollha ‘l Ġesù Kristu. Hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, u ħadd ma jista’ jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu (Ġw 14,6). Ġesù mexa fit-triq taċ-ċaħda u tas-salib, imma l-qofol tal-ħidma tiegħu kien jikkonsisti fir-rabta tar-rieda tiegħu ma’ dik ta’ Alla l-Missier: “Jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu” (Ġw 8,28); “Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Lq 22,42) Wara Kristu, il-Madonna hi l-aqwa mera tal-qdusija.Hi twassalna għand Ġesù, l-aktar billi turina fil-prattika li aħna wkoll bħalha nistgħu nagħmlu dak li ordnalna Binha. Il-Labtu tal-Karmnu jfakkarna fil-qdusija ta’ Marija • Il-Labtu tal-Karmnu, kif diġa rajna, huwa libsa tal-Madonna. Għalhekk l-ewwelnett ifakkarna f’Marija. Ma jistax jonqos mela li ma jġibilniex quddiem għajnejna ż-żewġ virtujiet kbar tagħha: l-umiltà u s-safa, li minħabba fihom ġiet magħżula biex tkun Omm Alla. Dawn is-sitt virtujiet huma dawk li mar jara fil-Labtu tal-Karmnu Piju XII. Lil dawk li jġibu l-Labtu wissiehom biex dejjem iżommu quddiem għajnejhom id-dmir tagħhom li josservaw b’mod speċjali dawn il-virtujiet: umiltà, safa, modestja, sempliċità, talb u konsagrazzjoni. Bir-raġun għalhekk nistgħu nsejħu l-Labtu tal-Karmnu damma jew ġabra ta’ virtujiet. Umiltà u Safa Kienu dawn iż-żewġ virtujiet ta’ l-umiltà u s-safa ta’ Marija, li minħabba fihom hija sabet grazzja quddiem Alla u ġiet magħżula minnu biex tkun Omm Ibnu. (i) Umiltà: (ii) Safa: Qima speċjali tal-Karmelitani lejn il-purità ta’ Marija Il-Madonna ġiet mogħnija minn Alla b’żewġ privileġġi kbar li għandhom x’jaqsmu mal-virtù tas-safa tagħha. Huma t-tnissil tagħha ningħajr ħtija u li qatt ma setgħet taqa’ fl-ebda dnub; il-Konċepiment Immakulat tagħha u l-Impekkabilità. Għalhekk Marija kienet kollha kemm hi safja. L-Ordni Karmelitan dejjem ħares b’qima speċjali lejn din il-purità ta’ Marija. Modestja u Sempliċità Il-Labtu tal-Karmnu mhuwiex xi ħaġa ta’ lussu. L-anqas ma fih komplikazzjonijiet. Hu sempliċi kemm jista’ jkun: biċċa drapp ċkejkna, mingħajr l-ebda tiżjin jew tlellix. Għalhekk adattat ħafna biex ifakkarna li fil-ħajja spiritwali jenħtieġ li nkunu żgħar u sempliċi, li ngħixu ta’ umli u ċkejknin bħal meta konna tfal, li ma nkkomplikawx l-affarijiet, għaliex il-ħajja nisranija hija għal kollox sempliċi. Billi kulħadd huwa msejjaħ għall-ħajja nisranija, kbar u żgħar, għonja u foqra, għorrief jew imjoranti, bilfors li din il-ħajja trid tkun sempliċi u mhux komplikata, biex ikunu jistgħu jiksbuha u jgħixuha anki dawk li huma ċkejknin fiż-żmien, fil-mezzi tal-għajxien, fid-dehen.... Għeluq Marija kienet mimlija b’kull virtù. Fuq l-eżempju tagħha, dawk li jiġibu fuqhom il-Labtu għandhom igħaqqdu mal-modestja l-virtù l-oħra tas-sempliċità. Għalkemm jeħtieġ li nkunu għaqlin bħas-sriep, iżda sempliċi bħall-ħamiem (ara Mt 10,16). Ma ninsewx kliem Ġesù, li jekk ma nkunux (sempliċi) bħat-tfal iż-żgħar ma nidħlux fis-saltna tas-smewwiet (ara Mt 18,3; 19,14; Mk 10,15; Lq 18,17). IT-TMINN JUM: IL-LABTU TAL-KARMNU U T-TALB F’għeluq is-seba’ Ċentinarju tal-Labtu Piju XII bagħat ittra lill-Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan. Fiha, fost ħwejjeġ oħra, igħid li l-Karmelitani kollha (reliġjużi, terzjarji, miktubin fil-Labtu) għandhom fil-libsa li jġibu fuqhom sinjal, li jfakkarhom lejl u nhar fit-talb li bih isejħu l-għajnuna ta’ Alla. Bla biżgħa li niżbaljaw, jidhrilna li nistghu nsostnu li min iġib fuqu il-Labtu tal-Karmnu jista’ jwettaq aktar bill-ħeffa l-amar tal-Mulej: “Jenħtieġ li dejjem titlobu” (ara Lq 18,1). L-għaliex, jekk aħna ngħixu skond il-vera devozzjoni tal-Labtu, inkunu f’kuntatt bla heda ma’ Alla. U dan hu sewwa sew it-talb. It-talb huwa refgħa tal-ħsieb tagħna lejn Alla, jiġifieri l-kuntatt tagħna miegħu, biex infaħħruh bħala s-Sid tal-ħolqien kollu, il-Feddej tagħna l-bnedmin u l-hena tagħna fil-ħajja ta’ dejjem. Ta’ din il-virtù tat-talb il-Labtu tal-Karmnu huwa sinjal effikaċi, għax mhux biss ifakkarna fid-dmir tagħna li ntolbu bla heda imma wkoll jgħinna biex naqdu dan id-dmir. It-talb huwa dmir Ġesù ried igħallimna d-dmirijiet tagħna lejn Alla mhux biss bil-kliem, imma wkoll u qabel xejn bl-eżempju tiegħu. Il-kelma tqanqal, imma l-eżempju jkaxkar. Għalhekk mhux biss kellimna mit-talb, imma wkoll talab l-ewwelnett hu stess. It-talb huwa meħtieġ Biex naraw kemm tabilħaqq it-talb huwa meħtieġ nagħmlu xi paraguni: Il-Labtu u t-talb Wara li rajna d-dmir u l-ħtieġa tat-talb, jixraq issa nitkelmu fuq ‘il-min għandna nitolbu u x’sehem għandu l-Labtu tal-Karmnu fit-talb. Mid-defenizzjoni stess tat-talb jidher li l-ewwelnett għandna nitolbu lil Alla. It-talb mhux għajr ir-refgħa tal-ħsieb tagħna lejn Alla biex nadurawh, niżżuh ħajr u nitolbuh maħfra u dak kollu li neħieġu. B’hekk aħna ngħixu f’kuntatt miegħu, nitkellmu miegħu. Tant hu hekk, li hawn min hu tal-fehma li t-talb huwa taħdita bejn tnejn: il-bniedem u Alla. Imma hija ħaġa sewwa wkoll li nitolbu lill-qaddisin, li huma l-ħbieb ta’ Alla. Fihom naraw rifless tal-Wiċċ ta’ Alla, tal-Qaddis. U fost il-qaddisin tiġi l-ewwel Marija, Omm Alla. Mhux biss minħabba fil-kobor tal-maternità divina tagħha, imma wkoll għaliex Marija hija l-Medjatriċi tagħna. Għalkemm Alla huwa l-bidu u t-tmiem ta’ kollox u Ġesù Kristu l-Medjatur waħieni tagħna (1Tim 2,5-6), imma minħabba l-għotja tagħha fil-pjan tal-fidwa tagħna, il-Madonna hija wkoll il-Medjatriċi tal-grazzji kollha. Alla ried li aħna nirċievu l-grazzji kollha permezz tagħha. Nimitaw it-talb ta’ Marija IL-Labtu tal-Karmnu mhux biss ifakkarna fid-dmir tagħna li nitolbu, imma wkoll, bħala libsa ta’ Ordni dedikat lill-Madonna, igħallimna li għandna nimitaw il-virtù tat-talb ta’ Marija. Jekk it-talb igħaqqadna ma’ Alla u jagħtina l-għajnuna biex ngħixu fil-grazzja tiegħu, min daqs Marija kien magħqud ma’ Alla u mimli bil-grazzja? Għalhekk bilfors li t-taħditiet tagħha ma’ Alla kienu għeżież u ta’ tjieba u ħlewwa liema bħalha. U dan qabel ma saret Omm Alla. Wara mbagħad, minn mindu seħħ fiha dak li kien ħabbrilha l-anġlu, hija kienet aktar magħquda ma’ Alla u ssuktat tikber fil-grazzja. It-talb mhux qiegħed biss biex naqilgħu l-grazzji, imma huwa wkoll u fuq kollox biex naduraw lil Alla, infaħħruh u rroddulu ħajr. Għalhekk ta’ min iġib hawnhekk quddiem għajnejh lill-Madonna tadura u tqim lil Bin Alla, moħbi fil-ġuf bla tebgħa tagħha, hija u għaddejja mit-toroq u l-għoljiet tal-Ġudea: miġbura, ħsieba biss fil-Verb ta’ Alla li jgħix fiha, mingħajr xejn ma jista’ jtajrilha minn moħha d-dehra interna tiegħu. Dawl ċkejken ta’ din il-ġabra tagħha li jagħtina xi ħjiel tal-fond u l-għoli tat-talb tagħha huwa l-Kantiku tal-Magnificat: “Ruħi tfaħħar lill-Mulej....”. Xi ngħidu mbagħad għaliha fit-twelid ta’ Ġesu Bambin, fil-qadi tad-dmirijiet tagħha lejh bħala Omm, fir-rabta sħiħa tagħha miegħu f’żgħuritu u żgħużitu, matul il-ħajja moħbija tiegħu, il-Kalvarju...? Titlob ifisser li tkun magħqud ma’ Alla. U min kien magħqud ma’ Alla aktar minn Marija? Mhux biss ma’ Binha bħala Ommu, imma hija kienet ukoll magħquda mal-Missier bħala l-aktar bint għażiża tiegħu, u ma’ l-Ispirtu s-Santu bħala l-għarusa tiegħu. Il-Karmelitani dejjem ħarsu lejn il-Madonna bħala l-għalliema tagħhom fil-ħajja tat-talb. Qatt ma nsew it-tagħlim tagħha li ħallitilna fil-Magnigicat, lanqas dak li jgħidilna l-Vanġelu, li kienet iżżomm f’qalbha kull kelma li kienet toħroġ minn fomm il-Mulej (Lq 2,52). Baqgħu wkoll dejjem jiftakru fit-tbatijiet tagħha ħdejn is-Salib (Ġw 19,25; LG n.61) u t-talb tagħha fiċ-Ċenaklu (Atti 1,14; LG n.59). Il-Karmelitani ħassew li għandhom ikollhom devozzjoni speċjali lejn il-Lunzjata, għaliex l-anġlu (skond it-tradizzjoni) sabha weħidha miġbura fit-talb meta ħabbrilha l-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u tal-Maternità divina tagħha. Għalhekk, għall-ewwel huma kienu jgħixu ħajja ta’ eremiti u jiddedikaw il-knejjes tagħhom lil-Lunzjata, ukoll meta xterdu fl-Ewropa. Flimkien ma’ din il-ħajja ta’ talb, huma riedu jimitaw il-virtujiet kbar ta’ Marija tal-verġinità u l-purità, biex aktar ikunu magħqudin ma’ Alla u ħsiebhom biss fil-ħwejjeġ tiegħu, jiġifieri kif jogħġbu lilu (Kor. 7, 32-34). L-għaliex, kif igħidilna Ġesù stess, “henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla” (Mt 5,8). Mhux ta’ b’xejn mela li l-Karmelitani kellhom qima kbira lejn Marija kollha kemm hi safja u pura. Ir-Regula u l-Qaddisin Karmelitani fuq it-talb Jekk mit-teorija tal-ħtieġa tat-talb ninżlu għall-prattika, naraw kemm tabilħaqq il-Karmelitani, fuq l-eżempju ta’ Marija, għożżew it-talb u tħarġu fih. Bħala eżempju, insemmu r-Regula u l-Qaddisin ta’ dan l-Ordni. Għeluq It-talb mhux, kif jaħsbu xi wħud, kantaliena bla sens. It-talb huwa serħan u faraġ tar-ruħ fi Kristu, l-Imgħallem divin. Igħina wkoll biex negħelbu d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom. Il-Beata Eliżabetta tat-Trinità, lil waħda ħabiba tagħha kitbitilha hekk: “Ipprova ibni bħali ċella ċkejkna fil-qalb tiegħek. Aħseb li Alla jinsab hemm... Meta tħossok nervuża, imdejqa..., idħol malajr fiha u afda kollox f’Ġesù. Jekk inti tagħarfu ftit, it-talb ma jdejqikx iżjed. It-talb huwa mistrieħ, serħan, il-mawra tagħna bis-sempliċità kollha għand dak li aħna nħobbu. Noqogħdu ħdejh bħalma tfajjel joqgħod f’dirgħajn ommu u jħalli ‘l qalbu ssir ħaġa waħda ma’ tagħha”. Dan hu l-messaġġ tal-Labtu tal-Karmnu, li jgħodd ukoll għas-seklu tagħna: li nitolbu lil Marija, imma li fuq kollox nimitawha fl-għaqda tagħha ma’ Alla. Hekk għamlu l-Qaddisin Karmelitani u dawk kollha li għexu ta’ veri devoti tal-Madonna tal-Karmnu. Fil-Labtu huma sabu mezz siewi u qawwi biex jingħaqdu ma’ Alla u mal-Madonna. ID-DISA’ JUM: IL-LABTU TAL-KARMNU RAHAN TAS-SALVAZZJONI Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u Ġesù Kristu ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd (1 Tim 1,4-7). Il-Labtu tal-Karmnu hu rahan ta’ din is-salvazzjoni. Il-Perseveranza Finali Qabel ma s-saċerdot ilibbisna l-Labtu tal-Karmnu, huwa jitlob ‘l Alla, biex aħna li se ningħataw lill-Verġni Marija permezz tal-Labtu Mqaddes nintelqu fl-imħabba tagħha, u wara li nkunu għexna fuq il-passi ta’ Ġesù Kristu nidħlu fil-hena ta’ dejjem. Mela l-Labtu tal-Karmnu huwa rahan tal-perseveranza finali u għalhekk tas-salvazzjoni: “Min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar dan isalva” (Mt 24,13). Imma ma ninsewx dak li diġà għidna qabel, li l-Labtu tal-Karmnu huwa wieħed mis-Sagramentali. Dawn iħallu l-effetti tagħhom fina mhux minnhom infushom, iżda skond il-Knisja li waqqfithom u d-dispożizzjoni ta’ min jirċevihom. Għalhekk il-Labtu tal-Karmnu huwa rahan tas-salvazzjoni mir-rieda tal-Knisja u mid-dispożizzjoni (ta’ twemmin u talb), ta’ min iġibu fuq sidru. Jekk tonqos xi waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet l-effett ma jseħħx. Min-naħa tal-Knisja żgur li m’hemm l-ebda tfixkil jew diffikultà dwar il-Labtu. Hi titlob għalina, għall-merti ta’ Ġesù Kristu u ta’ Ommu Marija, biex tiksbilna l-grazzja li twegħedna meta permezz tas-saċerdot hi tlibbisna l-Labtu. Imma mbagħad jiddependi minna wkoll. Għalhekk, biex il-Labtu jkun għalina tabilħaqq rahan tas-salvazzjoni, jenħtieġ li aħna nixtiequ u rridu tassew niksbu s-salvazzjoni u naħdmu għaliha, billi nwettqu dak kollu li jitlob minna l-Labtu tal-Karmnu. Il-ħajja ta’ dejjem hija l-aktar ħaġa importanti. X’jistwielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbgħad jitlef ħajtu? (Mt 16,25). Mhux ta’ bxejn mela, li Piju XII iħeġġiġna biex infittxu mod żgur li bih nistgħu niksbuha, bħalma hu l-Labtu (Ara l-Ittra Neminem profecto lateo, 1950). Kemm hi kbira l-grazzja tal-perseveranza finali li tagħha l-Labtu tal-Karmnu huwa rahan! Il-Privileġġ Sabbatin Barra li jsalva, kulħadd jixtieq ukoll li jmur igawdi ‘l Alla mill-aktar fis. Il-Labtu tal-Karmnu huwa mezz effikaċi biex naraw din xewqitna mitmuma. Żgur li waħda mir-raġunijiet tal-qima kbira lejn il-Madonna tal-Karmnu, huwa l-hekk imsejjaħ “Privileġġ Sabbatin”. B’drgriet tas-sena 1613, il-Knisja tat is-setgħa lill-Karmelitani li jxandru dan il–Privileġġ li, skond ċerti storiċi, il-Madonna tat lil dawk kollha li jilbsu l-Labtu (Ara Bullarium Carmelitanum I,62; II,610). Hija dehret lill-Papa Ġwanni XXII u għarfitu li jekk imutu fil-grazzja ta’ Alla u matul ħajjithom ikunu ġiebu fuq sidirhom il-Labtu, lil dawk id-devoti tagħha tal-Karmnu li jkunu għexu s-safa skond l-istat tagħhom u li kienu jgħidu ċertu talb jew josservaw ċertu sawm, hi mill-aktar fis u speċjalment l-ewwel Sibt fuq mewthom teħlishom mill-Purgatorju. Is-sisien tal-Privileġġ Sabbatin huwa t-tagħlim fuq il-medjazzjoni universali ta’ Marija. Tabilħaqq id-digriet li semmejna jgħid: “Il-Madonna tgħin lill-imseħbin fil-Labtu tal-Karmnu, billi tindaħal għalihom (quddiem Binha Ġesù) bit-talb u l-merti tagħha, u billi tagħtihom protezzjoni speċjali”. Minnu li l-Medjatur waħdieni tagħna quddiem Alla huwa Ġesù Kristu: “Ma hemmx ħlief Alla wieħed, wieħed biss hu l-Medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù, li għal kulħadd ta lilu nnifsu bħala rahan” (2 Tim 2,5-6). Waħdu hu biżżejjed. Imma l-unika medjazzjoni tal-Feddej ma teskludix il-medjazzjoni ta’ Marija. Għaliex kull għajnuna ta’ influwenza tal-Verġni mbierka lejn il-bnedmin, ma tqumx minn bżonn, iżda mir-rieda ta’ Alla u toħroġ mill-merti sovrabbondanti ta’ Ġesù Kristu. Għalhekk bl-ebda mod ma ddallam jew tnaqqas il-medjazzjoni unika ta’ Kristu, iżda turi kemm tiswa. La tnaqqas u lanqas iżżid mad-dinjità u l-effikaċja tiegħu ta’ Medjatur waħdieni. Hija funzjoni subordinata għal dik ta’ Kristu. U l-Knisja ma tiddubitax li tagħrafha bil-miftuħ, tħossha u tirrikmandaha lill-fidili, biex miżmumin minn din l-għajnuna ta’ omm, ikunu aktar marbutin fil-qrib mal-Medjatur u l-Feddej (LG, nn. 60, 62). Il-Madonna, bħal Kristu, qabżet għalina meta kienet fuq din l-art. Hija għenet fil-fidwa tagħna billi aċċettat li ssir Omm il-Feddej, ġabitu fid-dinja, kabbritu, ippreżentatu lill-Missier fit-Tempju u batiet miegħu huwa u jmut fuq is-Salib (LG, n. 61). Fis-Sema wkoll, bħal Kristu, hi ma tonqosx li tissokta din il-funzjoni ta’ fidwa. Bl-interċessjoni tagħha tkompli tiksbilna l-grazzji tas- saħħa ta’ dejjem. U bħala omm tassew, tieħu ħsiebna sakemm twassalna fis-saltna tas-Sema (LG, n. 62). Fil-fehema ta’ S. Bernard, Alla jrid li naqilgħu kollox minn għandu permezz ta’ Marija. La darba Ġesù ġie fid-dinja permezz tagħha, hija ħaġa xierqa li niksbu permezz tagħha l-frott tal-fidwa li hu wettaq għalina. Billi mbagħad ikkoperat, kif għedna, b’mod l-aktar speċjali fl-opra tal-Feddej, jixraq għalhekk li hija jkollha sahem fit-tqassim tal-merti u l-grazzji tas-saħħa ta’ dejjem. Diversi huma l-modi li bihom il-Madonna wettqet dan l-uffiċċju matul iż-żmienijiet. Għalhekk hi msejħa mill-Knisja bit-titli ta’ Avukata, Awżiljatriċi u Medjatriċi (LG n.62). Wieħed minnhom hu dak tal-Labtu tal-Karmnu, il-“libsa marjana, sinjal u rahan tal-protezzjoni ta’ Omm Alla”. Il-medjazzjoni ta’ Marija tinfirex ukoll fil-Purgatorju, għaliex hija r-rieda ta’ Alla li hi, bl-imħabba tagħha ta’ omm, tibqa’ tieħu ħsieb l-aħwa ta’ Binha sa ma twassalhom fis-Sema (LG n.62). Mela ta’ dawk ukoll li jmutu fil-grazzja ta’ Alla u jiġu ppurifikati sabiex jiġu meħlusa minn ħtijiethom (LG, nn. 49, 50). L-erwieħ tal-Purgatorju jissaffew minn ħtijiethom b’żewġ modi: bit-tbatija u bis-suffraġi. It-tbatija hija kkaġunata miċ-ċaħda temporanja tal-viżjoni ta’ Alla. L-idea ċentrali tal-Purgatorju hija l-imħabba. Issa l-imħabba tikkaġuna tbatija u sofferenzi f’min ma jkunx jista’ jingħaqad għal xi żmien mal-persuna maħbuba, u iktar ma jtul iż-żmien iktar tikber it-tbatija. L-istess nistgħu ngħidu mill-erwieħ li jkunu qegħdin jissaffew minn ħtijiethom. Is-suffraġi mbagħad għandhom ukoll is-siwi tagħhom fil-purifikazzjoni ta’ l-erwieħ tal-Purgatorju. Il-Knisja, fil-Konċilju ta’ Firenze u Trento, tgħallimna li, l-insara li għadhom ħajjin jistgħu jgħnu bis-suffragi tagħhom, jiġifieri bit-talb, bil-karità u bl-atti l-oħra tal-ħniena, speċjalment bil-quddies, lil dawn l-erwieħ biex ifittxu jissaffew minn ħtijiethom (ara DS,*1304, 1820). Kif Marija tgħin lill-erwieħ tal-Purgatorju bl-interċessjoni tagħna? B’aktar minn mod wieħed, bħalma huma: Għeluq Aħna nemmnu li l-Madonna, waqt li tħares id-drittijiet mitlibin mill-qdusija ta’ Alla li l-ebda ruħ ma tista’ tidħol fis-saltna tas-Sema jekk ma tkunx ippurifikata għal kollox minn ħtijietha, hija tgħin lil uliedha kollha li jinsabu fil-Purgatorju u b’mod speċjali lid-devoti tagħha, bħalma huma dawk li f’ħajjithom libsu kif jixraq il-Labtu tal-Karmnu. Ma jistax jonqos li Marija, bħala Omm il-Ħniena, ma tgħinx lil dawn uliedha batuti la darba hija tista’. Din hi t-tama u l-fidi li aħna għandna fil-Madonna tal-Karmnu u fil-Labtu tagħha, li hi lil dawn id-devoti tagħha ddaħħalhom mill-aktar fis fil-hena ta’ dejjem. Infittxu għalhekk li nkunu wlied veri ta’ Marija. Dawk li jgħixu ta’ veri wlied tal-Madonna ma jistgħux jintilfu (ċertezza morali). Inġibu fuqna l-Labtu mqaddes bħala sinjal ta’ l-għotja sħiħa tagħna nfusna, jiġifieri tal-konsagrazzjoni tagħna, lil Marija u nwettqu d-dmirijiet mitlubin minna. Jissokta jsaħħaħ it-tama tagħna dan il-kliem ta’ Piju XII: “L-Omm qaddisa tagħna, żgur li ma tħallix li wliedha, li jkunu qegħdin ibatu għal dnubiethom fil-Purgatorju, ma jfittxux jidħlu mill-aktar fis fis-Sema pajjiżhom. Dan tagħmlu bl-interċessjoni tagħha, skond l-hekk imsejjaħ Privileġġ Sabbatin mgħoddi lilna mit-tradizzjoni” (l-ittra “Neminem profecto latet” 1950). |