SpiritwalitàIr-Regula KarmelitanaKUMMENTARJU
Illum, l-awturi kollha jaqblu li l-kariżma Karmelitana ppreżentata fl-għamla ta' ħajja hija mibnija fuq tliet valuri fundamentali: ħajja ta' talb, ħajja komunitarja, u ħajja appostolika. Fi kliem ieħor dan ifisser li fir-Regula nsibu l-istrutturi ewlenin biex wieħed ikun jista' jgħix din il-ħajja u l-mezzi meħtieġa għall-konverżjoni kontinwa li fuqhom tistrieħ il-kariżma Karmelitana (kontemplazzjoni - fraternità - qadi tal-Knisja). 1. Għajnuniet strutturali F'paragrafi 1-9, 12-15 u 22-23 insibu xi wħud mill-kwalitajiet u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed jgħix l-ideal Karmelitan. L-ewwel disa' paragrafi jittrattaw il-ħajja komunitarja mill-aspett leġislattiv u ambjentali tagħha; paragrafi 12-15 jitħaddtu fuq il-ħajja ekonomika, liturġika u amministrattiva; filwaqt li paragrafi 22 u 23 jitkellmu dwar il-ħajja ċenobitika (jiġifieri mill-ħajja ta' flimkien). Dawn il-paragrafi jitolbu li fi ħdan l-ewwel grupp ta' Karmelitani (Brokard u l-eremiti l-oħra li jgħixu taħt l-ubbidjenza tiegħu), ikun hemm ċerta stabilità fl-affarijiet meħtieġa għall-ħajja komunitarja billi jiġu determinati l-elementi essenzjali għat-twaqqif u għat-tmexxija ta' ħajja ordnata. Tul il-paragrafi kollha r-Regula Karmelitana ssejjaħ lil dawk kollha li daħlu għal din l-għamla ta' ħajja bħala "aħwa". Ma tagħmel ebda distinzjoni fl-istat tal-membri (għax ilkoll huma msejħa biex jgħixu f'ubbidjenza lejn Ġesù Kristu), imma biss fl-uffiċċji u fix-xogħol tagħhom li jridu jsiru għall-ġid u l-iżvilupp ta' l-istess komunità. Paragrafu 4 jitlob li l-komunità għandu jkollha pirjol, jiġifieri wieħed li jmexxiha u li jkun magħzul mill-aħwa. Il-fatt li l-komunità għandha tkun immexxija mill-pirjol u mhux mill-abbati kienet xi ħaġa ġdida għal dawk iż-żminijiet. Ir-relazzjoni ta' l-abbati mas-sudditi tiegħu hija relazzjoni vertikali, ta' missier ma' uliedu, filwaqt li r-relazzjoni tal-pirjol ma' l-aħwa l-oħra hija orizzontali, jiġifieri ta' bejn l-aħwa jew indaqs. Il-pirjol tal-komunità, kif jidher fir-Regula, huwa magħzul biex jaqdi u mhux biex jaħkem. B'dan kollu paragrafi 4, 22 u 23 jitolbu li bejn il-pirjol u l-aħwa jkun hemm rispett reċiproku mibni fuq id-djalogu u l-fraternità evanġelika. Ta' min jinnota wkoll li paragrafi 5 u 6, jiġifieri dwar id-deċiżjoni ta' fejn għandu jkun il-kunvent u dwar l-għoti tal-kmamar, ir-Regula tkompli tisħaq fuq l-ugwaljanza tal-membri meta tgħid li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu mill-pirjol flimkien ma' l-aħwa. Minn dawn il-paragrafi (u wkoll 4 u 15) wieħed jasal biex jifhem l-importanza ta' kull individwu u tal-parteċipazzjoni attiva tiegħu fi ħdan il-komunità Karmelitana. Meta titkellem dwar il-postijiet fejn jgħixu l-Karmelitani, ir-Regula tgħid li jistgħu jgħixu kemm fl-eremitaġġi u wkoll fl-ibliet (par. 5). B'danakollu mhux kull post hu tajjeb għalihom, imma dak biss li hu adatt biex jilħqu l-ideal tar-Regula. Din l-enfasi, dwar "post adattat", kienet reazzjoni kontra l-ħajja reliġjuża ta' xi wħud mill-monaċi ta' dawk iż-żminijiet. Il-Karmelitani ma kellhomx jinsew li huma għandhom l-għeruq tagħhom fuq l-Għolja tal-Karmelu fejn kienu pellegrini-eremiti, foqra u bla setgħa, f'mixja kontinwa wara Kristu f'ħajja kontemplattiva. Wara li jitkellem mill-għażla tal-pirjol u tal-post, Sant'Albert jgħaddi għall-kmamar ta' l-eremiti u l-oratorju. Jitlob li kulħadd għandu jkollu kamra għalih (par. 6) u li ħadd mill-aħwa m'għandu jibdel il-kamra tiegħu mingħajr il-permess tal-pirjol (par. 8). F'paragrafu 9, Sant'Albert jagħti ċerta importanza lir-relazzjoni li tgħaddi bejn il-kamra tal-Pirjol u dik ta' l-eremiti. Jgħid li l-kamra tal-pirjol għandha tkun fid-daħla tal-post fejn joqogħdu. L-idea wara din il-ħaga kienet biex il-viżitaturi u l-membri l-ġodda jkunu milqugħa minnu, u mhux mill-eremiti individwali. Fil-persuna tal-pirjol għandna r-rappreżentant tal-komunità u dak li jħares l-identità tagħha (ara wkoll par. 8, 12 u 23). Imbagħad f'paragrafu 14, ir-Regula titkellem dwar fejn għandu jkun l-oratorju. Dan il-post, fejn l-aħwa jiltaqgħu ta' kuljum, għandu jinbena f'nofs iċ-ċelel, bħala ċ-ċentru ta' ħajjithom. Dwar l-għixien ta' kuljum, ir-Regula tħeġġeġ lill-aħwa biex jingħataw għax-xogħol u ma jkunu ta' pis għal ħadd (par. 20). F'paragrafu 7 titlobhom ukoll biex dak li jaqilgħu għall-ikel jaqsmuh bħall-aħwa bejniethom f'refittorju wieħed. U tkompli tisħaq fuq dan l-istil ta' ħajja f'paragrafu 12 fejn titlob li ħadd ma jkollu xi ħaġa tiegħu imma kollox ikun ta' kulħadd u kollox jitqassam skond il-ħtiġijiet ta' kull wieħed minn idejn il-pirjol jew xi ħadd imqabbad minnu. Din il-ħaġa tat lill-eremiti Karmelitani l-ideal ta' ħajja fraterna u komunitarja. F'dawn il-paragrafi r-Regula tippreżenta x-xogħol u l-qsim tal-ġid li għandhom jew jaqilgħu l-aħwa bħala parti integrali mill-ideal Karmelitan. F'paragrafu 15, Sant'Albert jitlob li darba fil-gimgħa, jew meta jkun meħtieġ, l-aħwa għandhom jiltaqgħu biex jiddiskutu l-osservanza ta' l-ordinament tal-ħajja u tas-salvazzjoni tar-ruħ. Dan l-eżerċizzju mhux responsabbiltà tal-pirjol waħdu imma ta' l-aħwa kollha. Ilkoll huma mitluba jagħtu sehemhom fl-iżvilupp totali ta' l-aħwa, kemm bħala individwi u wkoll bħala membri tal-komunità. Dan il-paragrafu jwassalna biex nifhmu l-importanza tad-djalogu miftuħ u sinċier fil-ħajja Karmelitana u li jkun hemm relazzjonijiet tajba bejn l-aħwa kollha. Dwar il-ħajja appostolika r-Regula ma ssemmi ebda ħidma speċifika li għandhom jagħmlu l-aħwa. Il-ħajja Karmelitana rat il-bidu tagħha f'ambjent u strutturi sempliċi li jiffavorixxu s-solitudni u t-talb, iżda minkejja dan kollu hija ma teskludix l-appostolat. L-ewwel grupp ta' Karmelitani ma kellux biss l-esperjenza tal-ħajja eremitika (tad-deżert u tas-solitudni) imma wkoll l-esperjenza tal-pellegrinaġġ (konverżjoni personali flimkien mal-qadi tal-Knisja bit-twaqqif tas-Saltna ta' Kristu f'artu stess permezz ta' l-"armi spiritwali" u bl-opri ta' karità). Hawn ta' min iżid li l-post fejn kienu jgħixu l-eremiti Latini Wadi es-Siah (li jfisser: Wied il-pellegrini jew Wied l-eremiti) barra li kien joffri għerien għall-ħajja solitarja, kien ukoll f'nofs triq bejn il-portijiet ta' Akri u ta' Ċesarija, u biex ngħidu hekk waqfa ta' mistrieħ obbligatorja għall-pellegrini ta' dawk iż-żminijiet. Dawn iż-żewġ raġunijiet iġegħluna naħsbu li l-ewwel Karmelitani kellhom xi forma ta' appostolat (bħal per eżempju: jilqgħu fosthom u jgħinu b'kull mod lill-pellegrini), tant li r-Regula tippermetti li l-Karmelitan ma jibqax fil-kamra tiegħu minħabba "fi ħwejjeġ oħra ta' siwi" (par. 10). 2. Għajnuniet spiritwali It-tislima ta' Sant'Albert (par. 1) tippreżenta r-Regula bħala għamla ta' ħajja adatta biex wieħed jgħix il-Kelma ta' Alla. Hemm diversi għamliet ta' ħajja reliġjuża imma din ir-Regula tagħti lill-Karmelitani mod karatteristiku biex jilħqu l-ideal tagħhom, jiġifieri li "..... kull wieħed ..... jgħix f'ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u fedelment jaqdih b'qalb safja u b'kuxjenza tajba.....". Din is-sentenza hija ċ-ċentru tar-Regula kollha kemm hi. Il-paragrafi kollha li jiġu wara saru biex il-Karmelitani jkunu jistgħu jaqdu lil Ġesù Kristu, il-Medjatur waħdieni bejn Alla u l-bnedmin, it-triq li twassal għand il-Missier. Bħala għajnuna biex jgħixu ħajja ta' għaqda m'Alla, f'Ġesù Sidna, Sant'Albert jirrikmanda: il-meditazzjoni tal-Liġi tal-Mulej - Lectio Divina (par. 10), ir-reċita tas-salmi u t-talb liturġiku (par. 11), il-quddiesa ta' kuljum (par. 14), il-penitenza (par. 16, 17), l-użu ta' l-armi spiritwali (par. 18, 19, 21), il-ħarba ta' l-għażż b'ħidma fil-kwiet, b'dak is-skiet li jżejjen il-ħidma b'ekwilibrju u b'għerf (par. 20, 21), u d-dixxerniment li "jmexxi kull virtù" (par. 24). Il-ħajja Karmelitana hija mibnija fuq is-smiegħ tal-Kelma ta' Alla (par. 10). Wieħed jisma' u jobdi l-Kelma divina meta jimmeditaha u jagħmilha ħaġa waħda miegħu, hekk li ħsibijietu u għemilu jkunu maħkuma u mmexxija mill-istess Kelma ta' Alla. It-terminu tekniku ta' dan l-eżerċizzju huwa Lectio Divina, li ma jfissirx biss il-qari tal-Kotba Mqaddsa, imma wkoll li wieħed ikollu qalbu miftuħa għall-Kelma ta' Alla u jagħmel dak li titolbu. Permezz tal-Lectio Divina wieħed jasal biex: jagħraf is-sinjali taż-żminijiet, isir sensittiv għall-preżenza tal-Kelma fl-istorja, bħal Kristu jidħol f'solidarjetà mal-ġrajjiet ta' niket u mat-tamiet tal-bnedmin, u jagħti sehmu ħalli l-ħajja ta' madwaru tkun taqbel mar-rieda tal-Missier. L-istess paragrafu (10) jirrikkmanda li l-Karmelitan għandu jitlob f'kamartu. Is-solitudni materjali, jiġifieri li wiehed ikun maqtugħ għalih waħdu f'kamartu, ma tiswa xejn mingħajr is-solitudni interjuri. Il-kamra hija simbolu ta' l-interjorità, fejn il-moħħ għandu jirritorna meta hu distratt. Is-solitudni hija meħtieġa biex wieħed isib u jagħraf dejjem iżjed lilu nnifsu u biex jikkomunika ma' l-oħrajn. Hekk, filwaqt li jikber fl-awtenticità tiegħu jinfetaħ għall-bnedmin l-oħra. Il-ħajja reliġjuza hija mixja bla waqfien wara Kristu, li ċaħad lilu nnifsu biex jifdi lill-bnedmin. Fuq il-passi ta' l-Imgħallem, il-Karmelitan irid jgħakkes il-ġibdiet tiegħu biex jgħix skond il-qalb ta' Alla. Ispirat mill-ħeġġa tal-kavallieri nsara ta' żmienu, Sant'Albert jippreżenta l-ħajja tal-bniedem bħala ġlieda bla serħan li wieħed għandu jiġġieled permezz ta' l-armi spiritwali kontra dak kollu li jbaxxi l-umanità tal-bniedem. Dawn l-armi huma: is-safa, il-ħsibijiet qaddisa, il-ġustizzja, l-imħabba, il-fidi u t-tama tas-salvazzjoni (par. 19). Paragrafi 16 u 17 jitkellmu fuq is-sawm u l-astinenza, jiġifieri fuq il-ħtieġa tal-penitenza bħala mezz li jwassal lill-Karmelitan biex jikkontrolla lilu nnifsu u jgħix f'konverżjoni kontinwa, hekk li jkun jista' jaqdi lil Ġesù Kristu bla tfixkil. It-tliet voti, l-ubbidjenza, is-safa u l-faqar (par. 4), huma wkoll preżentati bħala kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed jgħix l-ideal Karmelitan. Infatti l-Karmelitan iwiegħed l-ubbidjenza tiegħu lill-pirjol bħala r-rappreżentant ta' Kristu u tal-komunità (par. 23). Il-vot tas-safa huwa mifhum bħala sinjal tal-ħajja futura: filli wieħed ikun kollu kemm hu disponibbli għal Alla u għall-qadi tal-bnedmin (par. 18). Il-qsim tal-ġid, muri fil-vot tal-faqar, huwa impenn biex wieħed jgħix bħall-foqra, billi jaqsam ma' l-oħrajn dak li għandu u jitlob dak li jonqsu (par. 12). Billi l-mudell ispirattiv tal-komunità Karmelitana huwa mibni fuq l-ewwel komunità ta' Ġerusalemm, il-Karmelitani jfittxu li l-ewwel u qabel kollox ikunu "qalb waħda u ruħ waħda" bejniethom, billi jgħixu kif jixraq il-ħajja komunitarja fil-qadi ta' xulxin (par. 22, 23), ikunu fidili għall-ħajja ta' flimkien, u jkunu rikonċiljati ma' xulxin fl-ispirtu ta' l-imħabba ta' Kristu (par. 15). Dawn il-valuri tal-fraternità huma murija u msaħħa fil-Kelma ta' Alla, fl-Ewkaristija u fit-talb ta' flimkien (Atti 2,42; par. 7, 10, 11, 14). Mimlijin bil-Kelma ta' Alla u msaħħin bil-ħajja fraterna, il-Karmelitani jaraw ix-xbieha ta' Alla mhux biss f'ħuthom li qed jgħixu taħt l-istess saqaf magħhom imma wkoll fil-qalba tad-dinja, f'dawk il-bnedmin li huma batuti minħabba l-mard, il-faqar, l-inġustizzji. Meta r-Regula titkellem fuq il-fatt li l-Karmelitani jistgħu jkunu jivjaggaw (par. 17), hija tindika l-ħajja evanġelika u appostolika ta' l-Ordnijiet mendikanti. Għaldaqstant, imqanqlin mill-Ispirtu tal-Mulej li mexxiehom għal din l-għamla ta' ħajja, il-Karmelitani jfittxu li jaqdu ġenerozament lill-Knisja u lis-socjetà. B'din il-ħidma tagħhom "fost il-poplu", mibnija fuq il-ħbiberija u l-fraternità, il-Karmelitani jfittxu li jgħixu s-sejħa profetika għall-ġustizzja u l-paċi fost il-bnedmin u jwasslu kelma ta' tama u ta' salvazzjoni lil kulħadd. Minn din il-ħarsa ħafifa li tajna lejn ir-Regula Karmelitana wieħed jasal biex jagħraf l-għana bla qies li fihom dawn il-paragrafi. Kienu ħafna l-kawżi storiċi tas-sekli tnax u tlettax (l-eremitiżmu, il-pellegrinaġġi, is-sistema fewdali, il-kruċjati lejn l-Art Imqaddsa, eċċ.) li taw sehemhom fit-tifsila tar-Regula Karmelitana, b'danakollu l-ideal fundamentali tagħha jogħla 'l fuq minnhom ilkoll. Ir-Regula tesprimi verità evanġelika, jiġifieri ubbidjenza sħiħa u qadi fidil lejn Ġesù Kristu. Dan huwa ideal kristoċentriku preżentat b'mod oriġinali mill-awtur Sant'Albert u li l-ewwel grupp ta' eremiti Karmelitani fittxew li jilħquh fuq l-eżempju tal-Profeta Elija u l-Verġni Marija. - AC |