Spiritwalità

Lectio Divina



IS-SELLUM LI JGĦAQQADNA M'ALLA

Il-Lectio DivinaL-eżerċizzju tal-Lectio Divina huwa l-għarfien u t-twettieq bl-għemil tar-rieda ta' Alla permezz tal-Kotba Mqaddsa. It-terminu Lectio Divina jfisser qari tal-Kelma ta' Alla. Imma dan l-eżerċizzju mhux sempliċi qari tal-Bibbja. Ifisser li wara qari attent tal-Kelma ta' Alla, wieħed jimmeditaha, jitlob permezz tagħha u jikkontemplaha, b'tali mod li jħalliha taħdem fih, fi ħsibijietu, xewqatu, għemilu, u jħalliha tagħġnu kif trid hi, hekk li jsir ħaġa waħda mar-rieda ta' Alla.

It-taħrig tal-Lectio Divina għandu l-bidu tiegħu mat-twelid tal-Knisja. Fit-Testment il-Ġdid insibu diversi eżempji: Atti 4, 23-31, l-Apokalissi, id-diversi kantiċi mxerrdin 'l hawn u 'l hinn fil-vanġeli u fl-ittri ta' San Pawl. Dan il-mod ta' talb insibuh ukoll għal qalb il-Missirijiet tal-Knisja u l-monaċi. Għal dawn ta' l-aħħar, il-Lectio Divina, flimkien mal-liturġija u x-xogħol manwali, hija s-sinsla tar-Reguli tagħhom. Il-metodu li jintuża f’dan l-eżerċizzju tal-Lectio Divina kien introdott madwar is-sena 1150 mill-monaku ċertożin Guigo II, li fl-opra tiegħu "Ittra lil Fra Ġervazju dwar il-ħajja kontemplattiva", magħrufa wkoll bħala "Is-sellum tal-ġenna", jispjega b’mod sistematiku dak li kien prattikat mill-monaċi, jiġifieri il-metodu tal-Lectio Divina.  Huwa jqabbel dan l-eżerċizzju ma’ sellum b'erba' skaluni li mill-art iwassal għas-sema: Lectio (qari), Meditatio (meditazzjoni), Oratio (talb) u Contemplatio (kontemplazzjoni). Tajjeb ngħidu li dan mhuwiex biss metodu imma stil ta’ ħajja mibni fuq il-Kelma ta’ Alla.

Huwa f'dan l-ambjent spiritwali tal-Lectio Divina li twieled l-Ordni Karmelitan. Għalhekk Albertu, il-Patrijarka ta' Ġerusalemm, lill-Karmelitani ma setax ma jagħtihomx Għamla ta' Ħajja (Regula) li ma tkunx mibnija fuq il-Kelma ta' Alla. Infatti huwa jħeġġeġ lill-eremiti biex fil-ħajja tagħhom ta' kuljum il-Lectio Divina jkollha l-ewwel post: kull wieħed joqgħod f'kamartu "lejl u nhar jaħseb fuq il-Liġi tal-Mulej u jishar fit-talb" (par. 10). Fi żmien Sant'Albert, il-kelma "jaħseb" (jimmedita) kienet tfisser li wieħed jaqra u jerġa' jaqra b'vuċi li tinstema' l-Kotba Mqaddsa sakemm kważi jitgħallem is-silta bl-amment, hekk li l-Kelma tasal fil-qalb, fejn tinbidel f'talba u fi djalogu m'Alla.

F'paragrafu 11 ir-Regula Karmelitana titlob biex dawk li jafu jaqraw, jgħidu t-talb tas-Sigħat mal-kjeriċi. Din tat-"talb tas-Sigħat" hija waħda mit-tibdiliet li għamel il-Papa Innoċenzu IV. Albertu kiteb ir-Regula lil grupp ta' eremiti lajċi. Għaldaqstant ma setax jobbligahom li jgħidu l-Uffiċċju Divin (il-Liturgija tas-Sigħat) għax dan kien karatteristika tal-membri ta' ħajja reliġjuża u klerikali. L-Ordni Karmelitan ħaddan il-ħajja klerikali meta sab ruħu fl-Ewropa u kellu jadatta ruħu għaċ-ċirkostanzi l-ġodda. Bħalma kienet it-tradizzjoni fost l-eremiti, Albertu ħeġġeġ lill-eremiti ta' l-Għolja tal-Karmelu biex jitolbu permezz tas-salmi, u dan jagħmlu meta kitbilhom biex "kull wieħed.... lejl u nhar jaħseb fuq il-Liġi tal-Mulej u jishar fit-talb". Għaldaqstant, meta jitkellem mis-salmi, Albertu ried ikompli juri kif il-Karmelitan għandu jgħaddi l-ħin fil-kamra tiegħu: jaħseb, jishar fit-talb u jitlob is-salmi, jiġifieri jagħmel il-Lectio Divina. Barra din il-forma ta' talb individwali, ir-Regula titlob ukoll li jkun hemm is-smigħ komunitarju tal-Kelma ta' Alla fl-Ewkaristija u bil-qari tal-Kotba Mqaddsa waqt l-ikel (par. 7,14).

Għal Sant'Albert u l-ewwel ġenerazzjonijiet tal-Karmelitani l-kelma jaħseb (jimmedita) kienet tfisser proprju dan: li l-Kelma ta' Alla "tgħammar bil-kotra fil-fomm u fil-qalb" (par. 18) ta' kull wieħed minnhom. Fil-kmamar tagħhom il-Karmelitani jixtarru bla waqfien il-Kotba Mqaddsa u jgħozzuhom f'qalbhom. Dan l-eżerċizzju tal-Lectio Divina għandu skop preċiż: li wieħed isir midħla tal-Kelma ta' Alla u jħalliha titlaħħam f’ħajtu. Jidher li l-Karmelitani taż-Żminijiet tan-Nofs imxew fuq din it-tradizzjoni u tassew għamlu l-Kelma ta' Alla ċ-ċentru ta' ħajjithom.

L-erba' skaluni tal-Lectio Divina

a) Lectio (Qari)

Huwa l-qari bil-mod, bl-attenzjoni u b'vuċi li tinstema' ta' silta mill-Kotba Mqaddsa, filwaqt li tħalliha tidħol f'moħħok u f'qalbek sa ma kważi titgħallimha bl-amment. Hawn tajjeb tiftakar li hu Alla li qed ikellmek permezz ta' din is-silta. U qiegħed ikellmek fis-sitwazzjoni konkreta li tinsab fiha. Għaldaqstant aktar milli taqra trid tisma' x’għandu xi jgħidlek Alla.

b) Meditatio (Meditazzjoni)

L-iskop tal-meditazzjoni hu li wieħed jikxef u jsib il-verità moħbija tat-test bibliku. Għalhekk wara li tkun qrajt trid tibda tħaffer u tinżel fil-fond tas-silta sa ma ssib it-tezor moħbi. Dan tasal għalih billi:
- tipprova tifhem sew it-test fih innifsu: billi tfittex il-messaġġ ta' Alla fit-test; billi teżamina l-azzjonijiet, is-sentimenti, l-ambjent, eċċ.; billi tieqaf fuq kull sentenza, fuq kull kelma (jekk ikun il-każ) u tifliha bir-reqqa bil-ħsieb li taqbad it-tifsira sħiħa tas-silta;
- iġġib f'moħħok (u jekk ikun meħtieg taqra) siltiet oħra mill-Kotba Mqaddsa li għandhom x'jaqsmu mat-test li tkun qrajt, biex tifhmu aħjar fid-dawl ta' siltiet oħra. Jekk is-silta li għażilt tkun mit-Testment il-Qadim fittex fiha l-Wiċċ ta’ Kristu moħbi fis-silta;
- tfittex x'messaġġ għandu Alla għalik permezz tas-silta li qrajt. X'qegħda tgħidlek fuq ħajtek jew fuq l-ambjent li tgħix fih? Forsi qed titolbok tibdel xi ħaġa fil-ħajja tiegħek jew tqanqlek biex tagħmel xi ħaġa?
Huwa importanti li fl-eżerċizzju tal-lectio divina wieħed isegwi dawn it-tliet punti li semmejna wara xulxin u li jagħtihom ħin biżżejjed.

c) Oratio (Talb)

S'issa kien Alla li kellmek permezz tal-qari u tal-meditazzjoni. Issa huwa l-waqt li titkellem int, li twieġeb għall-Kelma tiegħu. Il-Kelma ta' Alla tista' tnissel fik diversi sentimenti: tifħir, radd il-ħajr, tnehid, xewqat, sogħba ta' dnubietek, eċċ... F'dan il-mument tkellem ma'Alla fuq dak li jkun qallek, fuq il-Kelma tiegħu. Jekk jista' jkun uża' xi salm li jesprimi dak li tkun qiegħed tħoss f'dan il-mument. Hekk tkun qed titkellem ma' Alla bi kliemu stess!

d) Contemplatio (Kontemplazzjoni)

F'dan il-waqt erġa' aqra s-silta u iggustaha bil-mod il-mod fid-dawl ġdid li ksibt fuqha waqt il-Lectio Divina. Il-kontemplazzjoni hija grazzja ta' Alla. Għaldaqstant, meta jrid u kif irid, Alla jaf idewwqek il-ħlewwa tal-preżenza tiegħu fil-Kelma tiegħu. U int, bil-għajnuna tal-grazzja tiegħu, aktar ma taqra u titlob il-Kelma ta' Alla, aktar issir ħaġa waħda miegħu, aktar tibda tara l-affarijiet u l-ġrajjiet ta' madwarek bl-għajnejn ta' Alla. Bħala frott tal-Lectio Divina, ma tkunx aktar int li tgħix imma Kristu li jgħix fik (Gal 2,20).

"Il-Kelma hi qribek sewwa, f'fommok u f'qalbek, sabiex tagħmilha" (Dt 30,14). L-iskop tal-Lectio Divina hu li wieħed jisma' l-Kelma ta' Alla u jpoġġiha fil-prattika. Għalhekk tista' tagħlaq din il-laqgħa tiegħek mal-Mulej billi żżomm f'moħħok kelma jew sentenza mill-Kelma tiegħu biex tmexxik matul il-jum. Hekk il-Lectio Divina tkunlek ta' għajnuna biex tirritorna lejn il-ħajja tiegħek ta' kuljum u tkompli taqdi dmirek b'qawwa ġdida. - AC

NB: Fuq dan il-websajt jinsabu ftit eżempji ta' Lectio Divina bil-Malti li jidhru f'kull ħarġa ta' Il-Karmelu. Imma min jixtieq jagħmel il-Lectio Divina aktar spiss, fuq il-websajt ta' l-Ordni Karmelitan tidher waħda kull ġimgħa dwar l-evanġelju tal-Ħadd fi tlett ilsna: Ingliz, Taljan u Spanjol.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage