SpiritwalitàIr-Regula Karmelitana800 SENA MILL-GĦOTI TAR-REGULA KARMELITANADaħla Ir-Regula Karmelitana hija Regula li tiddistingwi ruħha minn Regoli ta’ Ordnijiet Reliġjużi oħra għax hija Regula li twieldet bl-inizjattiva ta’ grupp ta’ lajċi u għax l-Ordni Karmelitan għandu Regula miktuba direttament għalih. Dawn iż-żewġ ħwejjeġ jidhru ċari fl-istess tifsila tar-Regula. Ir-Regula ġiet mogħtija lil grupp ta’ nsara li kienu diġa’ qed jgħixu fuq l-Għolja tal-Karmelu, fl-Art Imqaddsa, madwar is-sena 1206–1214. Dawn l-insara kienu pellegrini li marru fl-Art Imqaddsa biex jgħixu fil-post fejn twieled, għex, miet u qam mill-imwiet il-Mulej Ġesù u li kienu qed jitħabtu biex jgħixu f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu fuq il-mudell ta’ l-ewwel komunità ta’ nsara kif inhi mfissra fl-Atti ta’ l-Appostli 2, 44–47.
Ir-Regula fiha madwar mitt kwotazzjoni u riferenza għall-Iskrittura. Dan juri kemm Sant’Albert kien familjari mal-Bibbja u min-naħa l-oħra dan juri wkoll li għalkemm ir-Regula Karmelitana tħeġġeġ għal għamla ta’ ħajja ġdida, hija f’kontinwità mat-Testment il-Ġdid u mat-tradizzjoniet tal-ħajja reliġjuża. Ir-Regula ġiet approvata b’mod finali mill-Papa Innoċenz IV fl-1247. Hija l-iċken Regula fost ir-Regoli li jeżiżtu, imma mimlija b’ħafna ċitazzjonijiet bibliċi u b’tagħlim mill-aqwa. Hija fehma ġenerali li r-Regula toffri struttura tajba biex wieħed ikun jista’ jgħix il-kariżma karmelitana. L-għamla ta’ ħajja hija mibnija fuq tliet valuri fundamentali: ħajja ta’ talb, ħajja komunitarja u ħajja appostolika. L-istedina ewlenija tar-Regula Karmelitana hija li l-Karmelitan jgħix f’ “ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u fedelment jaqdih b’qalb safja u b’kuxjenza tajba.” Din hija ċ-ċentru tar-Regula kollha. Il-ħsibijiet kollha li nsibu wara, saru, biex jispjegaw kif il-Karmelitan jista’ jaqdi fedelment lil Ġesù Kristu. Bħala għajnuna biex jgħixu din l-għaqda ma’ Alla, Sant’Albert iħeġġeġ biex il-Karmelitani jagħmlu l-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, jirreċitaw is-Salmi u t-talb liturġiku, jinġabru għall-Quddiesa ta’ kuljum, jagħmlu l-penitenza, jużaw l-armi spiritwali, jaħarbu l-għażż b’ħidma fil-kwiet, bi skiet li jżejjen il-ħidma bilanċjata u b’għerf u b’dixxerniment li “jmexxi kull virtù”. It-tliet voti reliġjużi, tas-safa, l-faqar u l-ubbidjenza, fil-bidu, huma wkoll preżentati bħala kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed jgħix l-ideal Karmelitan. Fuq il-mudell ta’ l-ewwel komunita’ ta’ Ġerusalemm, il-Karmelitani jfittxu li jkunu qalb waħda u ruħ waħda bejniethom, jgħixu fil-qadi ta’ xulxin u jgħixu bi ftehim bejniethom fl-ispirtu ta’ l-imħabba ta’ Kristu. Għalhekk fil-kliem ta’ Sant’Albert insibu l-mezzi li bhiom ser jaslu għal dan il-għan: l-Ewkaristija u t-talb flimkien. Barra minn hekk, bħala Ordni Mendikanti, il-Karmelitani setgħu jivvjaġġaw u r-Regula tinnotah dan u turi li kellhom ħajja evanġelika u appostolika. Permezz ta’ l-għixien ta’ din l-għamla ta’ ħajja, il-Karmelitani jaqdu l-Knisja u lis-soċjetà b’ħidma fost il-poplu, jgħixu b’ħidma favur il-ġustizzja u l-paċi fost il-bnedmin u jwasslu kelma ta’ tama u salvazzjoni lil kulħadd. Ir-Regula Karmelitana tippreżenta ideal ibbażat fuq il-mixja ta’ ubbidjenza u servizz fidil lejn Ġesù Kristu. L-ewwel Karmelitani għamlu minn kollox biex jgħixu dan l-ideal duq l-eżempju tal-Profeta Elija u tal-Verġni Marija. IR-REGULA KARMELITANA: TIBDA U TISPIĊĊA BI KRISTU Ir-Regula Karmelitana hija dokument li jibda u jispiċċa bi Kristu. Dan il-fatt nistgħu narawh aħjar jekk nagħtu ħarsu lejn ir-Regula b’temi marbuta ma’ Kristu. B’dan nifhmu dawk is-siltiet li juru rabta ma’ Kristu. Ir-Regula kollha hija dokument li juri kif għandha tkun il-mixja wara Kristu. Ngħixu fuq il-passi ta’ Ġesù Kristu
Din l-istess mixja, il-Karmelitani komplewha meta kellhom jemigraw għall-Ewropa, billi żammew din il-fedeltà tagħhom lejn Ġesù Kristu u żammew l-armi spiritwali li bihom kellhom jgħixu u jikbru f’din il-mixja. L-ubbidjenza lejn Ġesù Kristu setgħu jgħixuha wkoll billi jħarsu lejn il-Pirjol bħala dak li jmexxiehom: waqt li jisimgħu minnu u jobduh, ikunu qed jobdu lil Ġesù Kristu. Ir-Regula tipproponi li din il-mixja wara Kristu ssir permezz ta’ tliet għajnuniet kbar: it-talb magħqud mal-Kelma ta’ Alla, it-taqbida spiritwali u l-istennija tat-tieni miġja ta’ Ġesù. a) It-Talb:Il-metodu tat-talb użat ħafna f’dawk iż-żminijiet huwa t-talb magħqud mal-Kelma ta’ Alla. Il-Kelma ta’ Alla kienet ta’ sostenn kontinwu għat-talb. Il-mod ta’ kif kienet issir il-meditazzjoni dak iż-żmien - il-lectio divina - kienet tinvolvi l-persuna tagħhom kollha. Il-Karmelitani kienu jipprattikaw it-talb fis-skiet u fis-solitudni taċ-ċella tagħhom. Dejjem kien ikun hemm armonija bejn it-talb u dawk l-opri li kienu obbligati jagħmlu. Sostnuti kontinwament bil-Kelma ta’ Alla, huma kienu magħqudin ma’ Kristu fix-xogħol tagħhom u l-ħajja tagħhom saret talba kontinwa. Wara li għaddew għall-punent, il-ħajja eremitika ġiet magħquda ma’ dik ta’ l-appostolat, u l-meditazzjoni kisbet is-sinifikat ta’ studju permanenti biex tkun kapaċi tgħin lill-fidili bit-tagħlim u l-predikazzjoni. b) Il-Taqbida Spiritwali: It-tema tat-taqbida spiritwali turi l-mezz li bih il-Karmelitani setgħu jimxu fuq il-passi ta’ Ġesù Kristu. Il-ħajja tal-Karmelitan kellha t-tentazzjonijiet tagħha. Ir-Regula tmexxi l-Karmelitani biex jiddefendu lilhom infushom bl-armi ta’ Alla: bil-kastità u bil-ħsieb qaddis biex ikunu jistgħu jgħixu b’qalb pura u kuxjenza safja, bil-ġustizzja u l-karità. Armati bi Kristu, bil-gustizzja u bl-istess karità, bil-fidi u t-tama, setgħu jitfu x-xrariet qarrieqa tax-xitan u jistennew is-salvazzjoni ta’ l-uniku Salvatur. L-istess Kelma t’Alla, kienet tqawwihom fid-diffikultà spiritwali; mimlijin u mmexxija minnha u waqt li jagħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, huma kienu jgħixu f’għaqda sħiħa miegħu. c) L-Istennija tat-Tieni Miġja ta’ Ġesù: It-temi li semmejna s’issa wrew li Kristu huwa ċ-ċentru fil-ħajja tal-Karmelitani. Issa naraw xi temi li juru li l-komunità tal-Karmelitani bħala komunità li tgħix ma’, bi u fi Kristu. Dawn huma: L-Ewkaristija, it-talb liturgiku u l-korrezzjoni fraterna. a) L-Ewkaristija:
b) It-Talb Liturġiku: c) Il-Korrezzjoni Fraterna: Kristu preżenti fil-komunità Il-komunità tgħix u tinbena fuq Kristu. Il-presenza tiegħu fil-komunità tidher b’ħafna modi. Ġesù kien preżenti fosthom permezz ta’ l-Ewkaristija, permezz tal-Kelma ta’ Alla, permezz tat-talb komuni, permezz ta’ l-awtorità u permezz ta’ l-aħwa. Minn dan kollu naraw li Kristu huwa dejjem preżenti fost il-Karmelitani, b’tali mod li l-ħajja ta’ kull Karmelitan trid tibda u tispiċċa bi Kristu. Kristu fuq kollox hu l-bidu u t-tmiem tar-Regula Karmelitana. IR-REGOLA FIL-ĦAJJA TAGĦNA LLUM – 1
Qed ngħixu fi żmien ta’ taqlib u tibdil li jpoġġu fi kriżi l-ħajja u l-valuri nsara, u kif ma jistax jonqos, anki l-istess valuri tal-ħajja reliġjuża. Hija sitwazzjoni li tixbaħ ħafna lil dik tas-sekli XII u XIII. Illum qegħdin naraw saħansitra, taħlit kbir bejn il-kulturi u drawwiet u tibdil kbir ta’ kif wieħed iġib ruħu, ta’ kif wieħed jgħid u juri li hu reliġjuż, u ta’ kif jesprimi dawn il-fehmiet tiegħu. Min-naħa hemm dawk li jemmnu, jħossu u jgħixu l-fedeltà lejn Alla, lejn il-Knisja u lejn l-Ordni u li juru dan bil-miftuħ bil-prattika regolari tagħhom u bil-fehma tagħhom, u hemm oħrajn li nbelgħu mill-influwenza qawwija tat-tibdil u tad-diskussjoni fuq kollox li qed issir illum, fejn sa fuq l-istess prinċipji li huma sagrosanti qed issir diskussjoni (qabel ħaġa aċċettata, illum diskussa ħafna). It-tmien ċentinarju mill-għoti tar-Regola Karmelitana joffrilna l-possibilità li nerġgħu naqrawha mill-ġdid u ngħadduha mill-għarbiel ta’ llum biex iddawwalna fil-ħajja tagħna Karmelitana. L-emfasi kbira li rridu nagħmlu llum b’kuntrast mal-ħajja individwali, mal-glorja ta’ l-individwu u tal-“jien”, hija l-komunità u l-valuri tagħha kif mgħoddija lilna mir-Regola tagħna. Komunità ta’ Aħwa madwar Kristu Ġesù
Il-Knisja minn dejjem ħarset lejn il-ħajja ta’ l-ewwel insara f’Ġerusalemm biex tagħraf il-mudell ta’ ħajja fraterna. Ir-rakkonti ta’ San Luqa fl-Atti ta’ l-Appostli jgħinuna nagħrfu dan il-mudell ta’ kif wieħed għandu jgħix u jġib ruħu bħala komunità nisranija. Il-ħajja komunitarja ppreżentata fl-Atti ta’ l-Appostli għadha ta’ eżempju għalina wkoll illum. Nagħtu ħarsa ħafifa lejn it-tliet kwadri li S. Luqa joffrilna tal-komunità ta’ Ġerusalemm. Atti 2, 42-46. Tidher b’mod ċar il-ħajja ta’ l-ewwel insara. Hija silta mill-Atti li hija popolari ħafna (qari, kummenti, meditazzjoni). Turina l-komunità mmexxija mill-Appostli. L-insara jagħmlu l-ħila tagħhom biex jgħixu l-komunjoni ma’ Alla permezz tas-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla, tat-talb, ta’ l-għaqda bejniethom (fil-qsim); u tal-ftuħ lejn id-dinja (permezz tax-xhieda tal-ħajja). Meta naqraw din is-silta, tiġi naturali li nistaqsu: kif għandna nifhmu din l-għaqda li kienu jgħixu l-ewwel insara? L-ewwelnett irridu nifhmu li qed nitkellmu minn komunjoni ta’ mħabba li fiha l-bniedem huwa mistieden jidħol u juri bil-fatti l-imħabba ta’ Alla, fl-isforz biex kuljum jidħol f’komunjoni u f’servizz lejn l-aħwa. San Luqa jgħid li dan l-impenn kien jidher ċar mill-ewwel insara. Huwa juża l-istess kelma biex juri l-fehma sħiħa ta’ dawk li jemmnu li jpoġġu kollox għall-bżonn ta’ kulħadd. L-element fundamentali ta’ dan l-atteġġjament huwa l-komunjoni tal-qlub. L-espressjoni konkreta ta’ din il-komunjoni kienet id-disponibilità li jużaw l-affarijiet tagħhom għall-ġid ta’ l-oħrajn. Mhix flokha li wieħed jitkellem minn vot ta’ faqar ta’ l-insara li rrinunzjaw għal kollox u taw kollox lill-komunità. Hawnhekk iktar qed jitkellem minn spirtu kariżmatiku ta’ ġenerożità u ta’ solidarjetà kbira li kien jimbuttahom jgħixu t-tagħlim ta’ Kristu dwar id-distakk mill-ġid ta’ l-art (Lq 6,20-25; 12,15,21), in-nuqqas ta’ preokkupazzjoni għal dak li se jiġri għada (Lq 12,22-31), id-disprezz tal-flus (Lq 12,33) u l-kura fraterna tal-foqra (Lq 12,33; 14,13-21;18,22; 19,8). Interessanti wieħed jinnota wkoll il-mod dettaljat li bih San Luqa qagħad jindika l-impenji prinċipali ta’ l-insara: it-tagħlim ta’ l-appostli - priedki (2,14-40); pariri u suġġeriment ta’ kif għandha tkun il-ħajja interna; ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija (qsim tal-ħobż, ikel komuni: Atti 20,7; 1 Kor.10,6), talb fit-tempju (Atti 3,1) u fid-djar privati; imma dejjem bil-gwida u bl-animazzjoni ta’ l-Appostli (Atti 4,24-30). Atti 4, 32-36. Jinsisti fuq l-aspetti fundamentali u karatteristiċi tal-ħajja komunitarja: Unità tal-ħajja u ta’ sentiment (huwa impossibbli li wieħed jaqsam il-fidi stess mingħajr l-imħabba reċiproka, għax meta tgħix il-fidi, fl-aħħar mill-aħħar qed tħobb ‘l Alla fih innifsu u fl-oħrajn.) Il-komunjoni m’Alla twessa’ fil-karità lejn l-oħrajn. Il-qawwa li biha kienu jippriedkaw l-appostli msaħħa mill-mirakli li kienu jakkumpanjawha. It-tqassim ta’ l-għajnuna lil dawk li kienu fil-bżonn, bħal forma viżibbli ta’ affett fratern u ta’ komunjoni. Atti 5, 12-16 jidher li bih S. Luqa ried jiġbor iż-żewġ siltiet l-oħra. Tajjeb li ngħidu x’kienet ir-reazzjoni li pprovokat din il-komunità fin-nies. Kien hemm żewġ reazzjonijiet: il-biża’ tal-poplu quddiem l-għeġubijiet li bdew jaraw waqt li oħrajn kienu jingħaqdu magħhom (ma’ l-Appostli). Ir-reazzjoni tal-kapijiet turi biża’ li jitilfu l-kredibilità u l-awtorità. Huma setgħu kienu mmexxija mill-istint li jikkonservaw lilhom infushgom u għalhekk poġġew lilhom infushom kontra l-insara fit-tentattiv li jifgaw il-libertà u t-tiġdid ta’ l-azzjoni ta’ Alla. L-idea f’dawn it-tliet kwadri nsibuha żviluppata tul l-Atti ta’ l-Appostli li fih tinqara l-istorja (ġrajjiet, sentimenti, tensjoni, ġlied, ferħ, tbatija u l-bqija) ta’ l-ewwel insara. Il-ħajja reliġjuża tkompli mal-komunità primittiva u fl-impenn ta’ kuljum tfittex li tħaddan il-karatteristiċi ewlenija ta’ llum. Element importanti u deċisiv għall-ħajja komunitarja huwa l-komunjoni fil-karità. Għalhekk, il-komunità reliġjuża trid tagħmel il-ħila tagħha biex tgħix u tikber fih bħala li huwa l-prinċipju li għaqqad l-ewwel insara bejniethom: “Il-ħajja komuni, fuq l-eżempju tal-Knisja tal-bidu li fih ħafna kienu qalb waħda u ruħ waħda." (PC 15) B’dan il-mod il-komunità reliġjuża turi l-misteru tal-Knisja kollha u ssir servizz offrut lill-aħwa. Li noqogħdu flimkien mhuwiex biżżejjed biex ikun hemm komunità. Il-komunità hija l-post li fih il-persuna tista’ tikber. L-istess żvilupp tal-persuna jgħin u jġib 'il quddiem il-ħajja komunitarja: il-komunità matura, meta l-komponenti tagħha jimmaturaw, jaslu li jkunu, qalb waħda u ruħ waħda. Jekk l-individwu jikber, tikber il-komunità u l-ħajja tal-familja. Dan il-bilanċ bejn il-ħtiġijiet ta’ l-individwu u l-ħtiġijiet tal-komunità jidher bilanċjat sew fir-Regola, u joffri possibilità ta’ bilanċ fir-relazzjonijiet bejn ir-reliġjuż u l-aħwa fil-komunità. IL-ĦAJJA KOMUNITARJA FIR-REGOLA - 2
Ir-Regola Karmelitana tinsisti fuq il-karattru interjuri u personali tal-ħajja. Dan iżda ma jfixkilx il-ħolqien ta’ ħajja komunitarja awtentika. Infatti, l-ispirtu ċenobitiku li jispikka fir-Regola li tgħaqqad il-membri, ma toffrilhomx biss ideal komuni u toffrilhom mezzi biex jikbru bħala ndividwi, imma tgħaqqadhom fi fraternità magħmula konkreta permezz ta’ l-ubbidjenza u fil-ħajja komuni. Hija mezz fundamentali ta’ perfezzjoni. Meta Sant'Albert, il-patrijarka, kiteb l-għamla ta’ ħajja, l-eremiti kienu fi proċess li jgħaddu minn ħajja li fiha kienu jgħixu mferrxin fuq l-Għolja tal-Karmelu għal waħda komunitarja. L-istess talba għall-għamla ta’ ħajja tikkonferma dan. Ir-riferenza tar-Regola Albertina għall-ħajja ta’ l-ewwel insara hija ċara: bħall-Appostli, l-eremiti huma msejħa jinġabru madwar Kristu Ġesù, rappreżentat fil-Pirjol. Il-Pirjol mhux ikkunsidrat bħala xi pater-familias bħall-Abbati Benedittin, imma bħala wieħed fost l-aħwa. Fl-istess Regola nsibu l-istrutturi tal-ħajja komunitarja: • L-elezzjoni tal-Pirjol: li jiddeċiedi flimkien m’oħrajn fuq il-post, jassenja ċ-ċelel, jikkonsulta, jikkordina t-trasferimenti, jiġbor lil dawk mistiedna, jieħu kura tal-ħtiġijiet ta’ l-aħwa. Maħtur mill-Mulej, huwa ma jrid jassumi qatt atteġġjament ta’ dominju, imma ta’ servizz; magħżul mill-aħwa, minn fost l-aħwa u huwa għall-aħwa. Huwa l-ewwel responsabbli tal-ġid komuni u għandu l-missjoni li jżomm il-paċi. • L-istil tal-faqar fuq livell personali u komunitarju (9). Ir-Regola tipprojbixxi l-propjetà privata u tippreskrivi faqar ta’ qsim ta’ ġid. Fuq livell komunitarju, timponi faqar assolut, b’tali mod li l-Karmelitani għandhom kollox flimkien u dejjem skond il-ħtieġa: ħmir, bgħula, tjur u bhejjem, eċċ. Fil-Knisja huwa għani dak li huwa għani fi Kristu. Il-Karmelitani xtaqu jġibu fil-prattika din l-għana: l-imħabba u l-prattika kollettiva u personali tal-faqar għalihom issir kundizzjoni essenzjali ta’ ħajja u ta’ xhieda tal-mixja wara Kristu. Biex dan l-impenn ikun verament nisrani, ma nistgħux ninjoraw il-valur suprem tal-Vanġelu - il-karità. Il-faqar għalhekk irid jakkumpanja wkoll is-sentiment ta’ solidarjeta ma’ l-aħwa, speċjalment dawk li huma l-aktar fil-bżonn biex jiġi żgurat li huma lkoll aħwa ugwali fi Kristu.
• Il-Kelma li jisimgħu, jixtarruha sewwa u jsarrfuha fil-prattika tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Dan ifisser ikunu attenti għall-presenza ta’ Kristu, jilqgħu t-tagħlim tiegħu u għalhekk jikbru fl-imħabba lejh u lejn l-oħrajn. • Din il-laqgħa u l-komunjoni ma’ l-oħrajn issir viżibbli fit-talba komunitarja. Fil-laqgħa ta’ kull ġimgħa li għandha ssir kull nhar ta’ Ħadd, hemm ukoll il-qsim ta’ l-esperjenzi flimkien. • Il-mument l-aktar ewlieni tal-komunità kien dak taċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija. • Hekk ukoll fl-ikel flimkien. Il-ħajja komunitarja bħala proposta alternattiva: Tajjeb nistaqsu: x’valur għandu jkollhom il-kwadri li tana S. Luqa (ara aktar 'il fuq) u l-indikazzjonijiet tar-Regola? X’ifisser għalina li nkunu nafu kif kienu jgħixu l-ewwel insara u l-eremiti fuq l-Għolja tal-Karmelu? • Illum qed jidher ħafna l-bżonn ta’ komunità mimlija persuni ħajja, imwaqqfa fuq il-misteru ta’ Kristu, li tgħix fi ħdan il-komunità ekkleżjali u miftuħa għad-dinja. Jekk dak kollu li ntqal fl-Atti u fir-Regola huwa biss xi ħaġa biex naqrawha u ma jsirx ħajja, il-kliem u l-liġijiet jitilfu l-valur tagħhom u ma jfissru xejn. L-umanità tippreżenta ruħha bħala massa, monotona, uniformi, bla ideali, bla valuri. • Komunità mwaqqfa fuq l-istess natura tal-bniedem, tmexxi ‘l quddiem il-passaġġ mill-individwu egoist u tiftħu għar-rapport ma’ l-oħrajn. Il-bniedem tal-massa huwa miċħud mill-personalità tiegħu u għandu t-tendenza li jiżola lilu nnifsu, waqt li l-bniedem tal-komunità huwa impenjat fuq livell personali u komunitarju u dejjem jikber u jiżviluppa. Meta jimxi fuq l-ispirtu u l-indikazzjonijiet tar-Regola, il-Karmelitan jista’ jkun xhieda u mudell konkret ta’ l-umanità l-ġdida, li fuq kollox tikber fil-fraternità. • Il-bniedem ta’ llum huwa bla paċenzja, anzjuż, mortifikat; iħossu li donnu qed jiġi mċaħħad minn xi ħaġa neċessarja. Jonqsu l-imħabba. Għaliex? Sigmund Freud meta pprova jsib ir-risposta qal li: Karl Marx, min-naħa l-oħra ħares lejn il-bniedem soċjali, jew aħjar lejn il-bnedmin fis-sitwazzjoni soċjali. U sab il-kawża ta’ kull ħażen mhijiex ta’ l-individwu, imma fl-istess forom tal-ħajja kollettiva. Għalhekk ippropona li jeqred il-forom soċjali li jipprivileġġjaw il-klassi u b’hekk l-individwu seta jsib lilu nnifsu. Fil-fatt dan ma rnexxiex.
Alla jidħol f’rapport ta’ għaqda mal-ħlejjaq permezz ta’ Ġesù, li waqt li ħa n-natura ta’ Alla u ngħata għalina, sar l-Emanuel - Alla magħna. Ix-xogħol ewlieni tagħna r-reliġjużi huwa, li nkunu xhieda ta’ din l-imħabba ħajja u li tagħti l-ħajja; li nagħmlu viżibbli lill-Inviżibbli permezz ta’ ħajja komunitarja serja. Ir-reliġjużi għandhom jimpenjaw ruħhom li jagħmlu tagħhom is-sens tal-Knisja xewqana li tabbanduna lilha nfisha fir-radikaliżmu tal-beatitudnijiet; ir-reliġjużi jpoġġu fiċ-ċentru ta’ kull preokkupazzjoni, il-komunjoni li jridu jaħdmu għaliha b’paċenzja u b’perseveranza kbira waqt li jfittxu l-verita fil-karità. Ir-reliġjużi jiftakru li x-xhieda hija l-ewwel u l-aktar provokazzjoni effikaċi għad-dinja u għall-Knisja. Il-forma l-aktar konkreta u viżibbli ta’ l-impenn komuni li jgħaqqad il-bnedmin mal-knisja u jagħmlihom familja ta’ Kristu, hija l-ħajja tal-komunità reliġjuża li hija mpenjata regolarment biex tikber fil-fraternità. L-Ordni ilu żmien jipprova jsaħħaħ u jġib ‘l quddiem il-ħajja fraterna u jipprova joħloq fraternità Karmelitana li tisma’ u tħabbar il-proġett ta’ Alla ħaj biex jaqdi lill-bniedem sħiħ. Biex wieħed jikber fil-fraternità irid: Fraternità bħal din ma tistax tibqa’ moħbija, imma tinfetaħ għall-umanità f’atteġġjament ta’ rigal u ta’ servizz. Minn dan kollu wieħed jista’ jagħraf l-għana u s-sbuħija tar-Regola Karmelitana u l-proposta tagħha biex ir-reliġjuż Karmelitan jgħix il-kariżma tal-Karmelu flimkien ma’ ħutu f’ħajja komunitarja. Il-ħajja komunitarja li għexu u qed jgħixu l-Karmeltiani hija sinjal u xhieda ta’ ħajja fraterna u stedina biex wieħed jagħmel ħiltu kollha ħalli jaqsam ħajtu ma’ l-oħrajn għal-bini ta’ dinja aħjar. Kulħadd jista’ jieħu sehem mill-benna ta’ din ir-Regola u jagħmel tiegħu l-valuri u l-atteġġjamenti li tipproponi r-Regola biex wieħed jgħix ħajja ta’ għaqda flimkien, mhux biss ma’ Alla imma wkoll ma’ ħutu l-bnedmin. Patri Joe Saliba, O.Carm. |