Storja

L-Ordni Karmelitan



DAQQA T'GĦAJN LEJN IL-ĠRAJJIET EWLENIN

L-Ordni Karmelitan jaf il-bidu tiegħu lil grupp ta' eremiti lajċi li kienu jgħixu qrib l-Għajn ta' Elija fuq l-Għolja tal-Karmelu fil-Palestina. Fosthom ma kienx hemm il-bniedem kariżmatiku li jista' jissejjaħ il-fundatur ta' l-Ordni, bħalma hu San Duminku għall-Ordni Dumnikan jew San Franġisk għall-Ordni Franġiskan.

Il-Karmelitani ma jħaddnu l-ebda waħda mir-Reguli klassiċi ta' San Bażilju, ta' San Benedittu jew ta' Santu Wistin, imma Regula jew għamla ta' ħajja mfassla proprju għalihom skond l-ideal li xtaqu jilħqu. Din ir-Regula nkitbet minn Sant'Albert, Patrijarka ta' Ġerusalemm, u ngħatat lill-eremiti li kienu jgħammru fuq l-Għolja tal-Karmelu bejn l-1206 u l-1214.

It-twaqqif ta' l-Ordni Karmelitan huwa frott ta' żmienu, frott tal-ġrajjiet ekkleżjali u ċivili li kienet għaddejja minnhom id-dinja ta' dawk iż-żminijiet. Matul is-sekli ħamsa sa tmienja, fl-Ewropa għandna qawmien ta' ħajja nisranija b'ġibda speċjali għall-ħajja eremitika. Fis-sekli ta' wara dan l-ispirtu naqas xi ftit, iżda reġa' ħa l-ħajja bejn is-sekli ħdax u tnax. Fl-istess żmien, fl-Ewropa tal-Punent insibu t-tħaddim tas-sistema fewdali u moviment ta' pellegrinaġġi u kruċjati organizzati mill-insara bil-għan li jżuru jew iħarsu mill-għadu l-Art Imqaddsa. Dawn iċ-ċirkustanzi, flimkien ma' oħrajn, kienu providenzjali għat-twelid ta' l-Ordni Karmelitan.

1. L-Eremiti

L-eremit huwa l-bniedem li jiddedika ruħu għal Alla b'ħajja ta' waħdu, 'il bogħod mid-dinja u nieqes minn kollox biex jimxi wara Kristu b'mod aktar sħiħ, b'ħajja ta' talb, xogħol manwali, karità u ċaħda.

Matul is-sekli ħdax sa tlettax il-ħajja eremitika ma kinitx mifhuma l-istess minn kulħadd. Insibu xi monasteri li kienu jippermettu lill-membri tagħhom jgħixu ħajja solitarja, filwaqt li monasteri oħra kienu jinkoraġġixxu lill-eremiti biex jgħixu fi gruppi taħt it-tmexxija u l-ħarsien ta' l-abbati. Kien hemm imbagħad eremiti li kienu jgħixu għal rashom il-ħajja ta' anakoreti, oħrajn kienu jgħixu fi gruppi bħala ċenobiti, filwaqt li oħrajn kienu jgħixu l-ħajja ta' l-anakoreti (jiġifieri għal rashom) imma dipendenti minn monasteru tal-qrib. Għalkemm l-għamliet ta' ħajja eremitika kienu ħafna, l-għan ewlieni tagħhom kien wieħed: li jgħixu l-ħajja nisranija b'mod radikali, sempliċi u 'il bogħod mill-ibliet.

Fl-istess żminijiet insibu gruppi ta' eremiti li ħasbu bis-serjetà dwar il-qagħda tagħhom fil-Knisja. Ħafna minnhom aċċettaw ir-Regula ta' Santu Wistin u ngħaqdu flimkien biex jiffurmaw l-Ordni ta' l-Eremiti Agostinjani (illum l-Ordni Agostinjan). L-istess għamlu oħrajn u ħaddnu r-Regula ta' San Benedittu. L-eremiti li kienu jgħixu fuq l-Għolja tal-Karmelu ħdejn l-Għajn ta' Elija flok aċċettaw waħda mir-Reguli li diġà kien hemm, talbu lill-Patrijarka ta' Ġerusalemm jiktbilhom waħda skond l-istil u l-ideal ta' ħajjithom.

2. Il-Pellegrini

Li wieħed jgħix f'pellegrinaġġ kontinwu kienet għamla oħra ta' ħajja axxetika ferm popolari fil-Knisja taż-Żminijiet tan-Nofs. Għall-Knisja tas-seklu tnax il-pellegrin ma kienx biss in-nisrani li jmur iżur ċentri ta' devozzjoni. Aktar minn hekk, il-pellegrin kien dak il-bniedem li jgħix barrani għal din id-dinja, mingħajr dar stabbli u dejjem fi vjaġġ.

Xi wħud mill-pellegrini, fil-mixja tagħhom wara Kristu, fittxew li jivvjaġġaw lejn postijiet qaddisa biex jitolbu, jgħinu pellegrini oħra u jieħdu ħsieb il-foqra u l-morda. Għall-pellegrini taż-Żminijiet tan-Nofs il-Palestina kienet l-aktar post qaddis. Għalhekk ma setax jonqos li l-mira ta' ħafna eremiti tal-Punent kienet li jmorru Ġerusalemm, biex spiritwalment u fiżikament, jimxu fuq l-istess passi ta' l-Imgħallem tagħhom, dak Kristu li battal lilu nnifsu u miet għeri fuq is-salib, biex jgħixu fil-post li huwa xbieha ta' Gerusalemm tas-sema, il-vera art twelidhom.

Għamla oħra ta' pellegrinaġġ kienet dik tal-kruċjati, inkluża l-attività militari, bir-riskju li wieħed jitlef ħajtu għall-imħabba ta' Alla u għall-maħfra ta' dnubiet. Il-papiet ta' dan iż-żmien seħqu ħafna biex l-Insara jħarsu l-Art Imqaddsa li kienet qegħda tiġi attakkata mill-għedewwa ta' Kristu Msallab. Dan setgħu jagħmluh bit-talb u billi jikkumbattu bl-armi jew inkella jgħinu lill-kruċjati b'mezzi finanzjarji. Hekk kif kienu jlestu l-pellegrinaġġ tagħhom fl-Art Imqaddsa, filwaqt li l-biċċa l-kbira ta' dawn l-insara kienet terġa' lura lejn pajjiżha xi wħud minnhom għażlu li jibqgħu jgħixu hemm. Għal dawn ta' l-aħħar dan kien ifisser dedikazzjoni aktar mill-qrib lil Kristu. Fil-lingwaġġ fewdali, komuni f'dawk iż-żminijiet, huma kienu jsiru sudditi ta' Kristu Sultan, qaddejja bil-ħalfa li jimxu warajh u jaqduh bħala s-Sid u s-Sinjur tagħhom.

3. L-Għolja tal-Karmelu

L-Għolja tal-KarmeluXi nsara, wara li temmew il-pellegrinaġġ tagħhom jew taw sehemhom fil-ġlieda biex jeħilsu l-Art Imqaddsa mill-ħakma tas-Saraċini, għażlu l-Għolja tal-Karmelu, il-post fejn twieled u minnu ħa ismu l-Ordni Karmelitan, biex jgħixu l-bqija ta' ħajjithom fit-talb u ċ-ċaħda.

L-Għolja tal-Karmelu, li sewwa sew hija ffurmata minn sensiela ta' għoljiet f'tul ta' 35 km., tinsab in-naħa ta' fuq ta' Israel, fuq il-baħar Mediterran. Minn fuq din l-għolja wieħed jilmaħ taħtu dehra li tgħaxxaq. Fuq il-lemin, il-belt u l-port ta' Ħaifa li jibqa' sejjer sal-belt ta' Akri fuq ix-xefaq, filwaqt li fuq ix-xellug il-pjanura li minn riġlejn l-għoljiet tal-Karmelu tibqa' tinfirex 'l isfel lejn l-ibliet ta' Ċesarija, Tel Aviv u Ġaffa. Is-sbuħija ta' l-Għolja tal-Karmelu ssib l-eku tagħha fl-għana tal-profeti (Għan 7,6; Is 35,2; Ġer 50,19). L-isem Karmelu jfisser il-Ġnien tad-dwieli tal-Mulej. Il-profeti u l-kotba tar-Rabta l-Qadima jaraw fil-Karmelu s-simbolu tal-poplu ta’ Alla u fl-Għanja ta’ l-Għanjiet il-maħbub iqabbel is-sbuħija tal-maħbuba tiegħu mas-sbuħija tal-Karmelu.  Kien hawn li l-Profeta Elija sfida l-qassisin u l-qaddejja ta' alla Baal (1 Slat 18, 19-40) biex joffru sagrifiċċju bla ma jqabbdu n-nar u dak alla li jibgħat in-nar mis-sema juri li hu Alla l-veru. U għal din il-grajja l-Għolja tal-Karmelu baqgħet magħrufha bħala waħda mill-għoljiet li fuqhom dehret il-qawwa ta' Alla.

Minħabba r-rabta li teżisti bejn il-Profeta Elija u l-Għolja tal-Karmelu, dan il-post huwa meqjus bħala qaddis u jgawdi rispett kbir mit-tliet religjonijiet monoteistici: l-Ebraiżmu, il-Kristjaneżmu  u l-Islam. Sa llum, fuq l-Għolja tal-Karmelu, għadna nsibu diversi postijiet li għandhom rabta trdizzjonali mal-Profeta Elija. Fosthom hemm: (i) El-Muħraqa, jigifieri l-post tal-ħruq, tas-sagrifiċċju, fejn il-profeta Elija sfida l-erba' mija u ħamsin profeta ta' Baal; (ii) l-Għar ta' Elija, illum is-sinagoga El-Kahdr, li tradizzjoni Lhudija u Musulmana jżommu bħala l-għar li fih għex Elija; (iii) l-Għajn ta' Elija li tinsab f'daqsxejn ta' wied, magħruf bħala Wadi es-Siah, fejn jinsabu l-fdalijiet ta' monasteru ta' żmien il-kruċjati li skond studjużi moderni fih kienu jgħixu l-ewwel Karmelitani.

4. L-Eremiti ta' l-Għolja tal-Karmelu

Ftit li xejn nafu fuq il-ħajja ta' l-ewwel Karmelitani qabel ma ħaddnu l-ħajja eremitika. Ma nafux jekk kinux kavallieri jew suldati, għorrief jew le, nobbli jew nies sempliċi. Kull ma nafu huwa li kienu nsara lajċi mogħtijin għall-hajja ta' penitenza u li ssieħbu mal-kruċjati biex iżuru l-Art Imqaddsa. Fi kliem ieħor kienu pellegrini-eremiti li jgħixu stil ta' ħajja spiritwali komuni ħafna fi żmienhom.

Sant'Albert, Patrijarka ta' Ġerusalemm, l-awtur tar-Regula Karmelitana, fil-kelmtejn tad-daħla jgħid: "....lill-ulied maħbuba fi Kristu, B[rokard] u lill-eremiti l-oħra li jgħixu taħt l-ubbidjenza tiegħu, ħdejn l-Għajn fil-Għolja tal-Karmelu...." Fl-opra tiegħu Historia Orientalis, Jacques de Vitry, l-isqof ta' Akri, fil-Palestina, meta jitkellem dwar l-eremiti ta' fuq l-Għolja tal-Karmelu, jgħid: "Minn dak iż-żmien, il-Knisja bdiet tieħu r-ruħ u tikber..... Minn diversi naħiet tad-dinja....., imħajra mill-fwieħa tal-qaddisin u tal-postijiet għeziez, bdew ġejjin fl-Art Imqaddsa pellegrini, b'wegħda lil Alla, u bnedmin twajba..... Dawn, wara li caħdu d-dinja..... għażlu postijiet adattati ħafna għall-ideal u għad-devozzjoni tagħhom..... X'uħud minnhom, fuq l-eżempju u l-imitazzjoni tal-profeta Elija..... għexu ħajja solitarja fuq il-Għolja tal-Karmelu ħdejn l-għajn, magħrufa bħala l-Għajn ta' Elija."

Dawn iż-żewġ testi, flimkien ma' kitbiet oħra, jixhdu żewġ ħwejjeġ ta' importanza kbira: li l-eremiti kienu jgħixu ħdejn l-Għajn ta' Elija, u li kienet teżisti rabta bejn l-istess eremiti u l-profeta Elija. Jacques de Vitry jgħidilna wkoll li dawn l-eremiti  mhumiex nies tal-post imma pellegrini. Mhumiex pellegrini li żaru l-Palestina bil-ħsieb li jerġghu lura lejn art twelidhom, imma pellegrini li ħallew kollox biex jibqgħu fl-Art Imqaddsa ħalli fiha jaqdu lil Kristu.

5. Il-Patrijarka Sant'Albert

Fid-daħla tar-Regula, għandna preżentazzjoni qasira ta' l-awtur: "Albertu, imsejjaħ mill-grazzja ta' Alla, Patrijarka tal-Knisja ta' Ġerusalemm, ... ladarba qegħdin titolbuna, nagħtukom għamla ta' ħajja..."

Albertu wasal fil-Palestina bħala Legat tal-Papa għall-bidu ta' l-1206. Billi f'dan iż-żmien Ġerusalemm kienet taħt il-ħakma tas-Saraċini, il-Patrijarka l-ġdid għazel bħala sede tiegħu l-belt ta' Akri, belt li tiġi qrib ħafna ta' l-Għolja tal-Karmelu. Tul il-Patrijarkat tiegħu Albertu wera ħila kbira bħala medjatur f'bosta missjonijiet ta' paċi. Il-Papa Innocenzu III stiednu personalment biex jieħu sehem fil-Konċilju Lateran IV li kellu jsir fl-1215. Iżda l-Patrijarka Albertu ġie maqtul fl-14 ta' Settembru 1214 mis-supretendent ta' l-Isptar ta' l-Ispirtu s-Santu fuq ċanfira u talli xlieh minħabba l-ħajja ħazina tiegħu.

Imma aktar minn dawn id-dati biografiċi, lil Albertu nagħrfu tassew min kien meta naqraw ir-Regula li fassal għall-eremiti ta' l-Għolja tal-Karmelu bejn l-1206 u l-1214, jiġifieri f'xi żmien tul is-snin li għamel bħala Patrijarka ta' Ġerusalemm. Din l-opra spiritwali, għalkemm qasira, hija kapolavur mibni fuq il-Kelma ta' Alla. Hija mużajk ta' testi bibliċi, kemm mit-Testment il-Qadim u kemm mill-Ġdid. M'hemmx sentenza waħda li ma fhijex xi kliem jew riferenza għall-Kotba Mqaddsa. B'danakollu ma jidhirx li Albertu kiteb ir-Regula bil-Bibbja quddiemu. Infatti rarament jikkwota kelma b'kelma. U hawn naraw min kien Albertu: bniedem tassew midħla tal-Kotba Mqaddsa, bniedem li l-Kelma ta' Alla kien jafha kważi bl-amment! Għalih kienet l-istess ħajtu.... l-arja ta' madwaru. Kien jgħix bil-Kotba Mqaddsa u huma saru ħaġa waħda miegħu, tant li meta jikteb juża kliem mill-Bibbja bħallikieku kienu tiegħu!

6. Ir-Regula u s-Santa Sede

L-approvazzjoni tar-Regula ta' Sant'Albert mill-Papa InnoċenzuFl-1215 il-Konċilju Lateran IV, biex jevita t-taħwid, ma ħalliex li jitwaqqfu Ordnijiet reliġjuzi ġodda u nieda li r-reliġjuzi kollha jagħzlu waħda mir-Reguli diġà approvati mill-Knisja. Din id-deċiżjoni ħolqot problemi mhux żgħar għall-Karmelitani li kienu approvati biss minn Albertu, il-Patrijarka ta' Ġerusalemm. Infatti xi isqfijiet ta' l-Art Imqaddsa ħaduha kontra l-eremiti Karmelitani u bdew jakkużawhom li marru kontra d-deċiżjoni tal-Konċilju. Għalhekk il-Karmelitani, li l-għamla ta' ħajja tagħhom kienet inkitbet qabel dan il-Konċilju u minn persuna li kellha awtorità tagħtiha (Albertu, Patrijarka ta' Ġerusalemm u Legat tal-Papa fl-Art Imqaddsa), talbu lill-Papa Onorju III jagħtihom l-approvazzjoni ta' l-għamla ta' ħajja tagħhom. Dan seħħ fit-30 ta' Jannar 1226. Il-Papa Onorju III afferma li l-Karmelitani kienu rċevew ir-Regula tagħhom qabel id-digriet tal-Konċilju Lateran IV u għaldaqstant kienu meħlusa mill-projbizzjoni li dan kien għamel. Barra minn hekk, il-Papa nponieha bl-awtorità tiegħu fuq l-eremiti Karmelitani li għamlulu t-talba u fuq dawk li kellhom jiġu warajhom. Iżda min-naħa l-oħra, il-Papa Onorju III qatt ma sejjaħ l-għamla ta' ħajja ta' Sant'Albert bħala Regula. L-ewwel darba li ssejħet hekk kien fis-6 ta' April 1229 meta l-Papa Girgor IX ikkonfermaha.

Sa dan it-tant is-sitwazzjoni politika fil-Palestina bdiet tieħu xejra oħra. Għall-ħabta ta' l-1238, minħabba l-attakki tas-Saraċini, l-eremiti kellhom iħallu l-Għolja tal-Karmelu u jirriturnaw fl-Ewropa. Infatti bejn 1238 u l-1249 insibu komunitajiet ta' Karmelitani f'Ċipru, Sqallija, l-Ingilterra, Franza u l-Italja. Quddiem is-sitwazzjonijiet ġodda li sabu ruħhom fihom fl-Ewropa, il-Karmelitani talbu lill-Papa Innoċenzu IV jikkonferma r-Regula, jiċċaraha u jimmitigaha xi ftit. Dan seħħ fl-1 ta' Ottubru 1247. L-approvazzjoni tar-Regula ta' Sant'Albert mill-Papa Innoċenzu IV kienet ta' importanza fundamentali fl-istorja ta' l-Ordni. Biha dan il-grupp ta' eremiti-pellegrini lajċi sar Ordni religjuż tassew. Aktar tard ir-Regula definittiva ta' Innoċenzu IV kienet ikkonfermata wkoll mill-Papiet Alessandru IV (1256), Urbanu IV (1261) u Nikol IV (1289).

7. Il-Karmelitani fost l-Ordnijiet Mendikanti

Meta daħlu fl-Ewropa, il-Karmelitani fehmu li posthom fil-Knisja kien mal-moviment ġdid tal-mendikanti. Tħabtu ħafna sa ma rnexxielhom jaslu għal dan. Ix-xewqa tagħhom seħħet għal kollox permezz tal-Papa Ġwanni XXII fl-1326. Hekk huma sabu ruħhom mal-Franġiskani, mad-Dumnikani u ma' l-Agostinjani. B'danakollu matul iż-żmien ta' transizzjoni mill-ambjent tal-Palestina għal dak Ewropew, il-Karmelitani għamlu ħilithom biex jibqgħu jżommu l-ideal eremitiku. U nistgħu ngħidu li rnexxielhom.

Għal San Franġisk il-faqar kien kundizzjoni fundamentali għal dawk li riedu jimxu wara Kristu b'mod aktar sħiħ. Franġisku ried li wliedu jippridkaw lil Kristu billi jgħixu ħajja sempliċi, jittallbu għall-għixien tagħhom u jilbsu lbies sempliċi bħal dak tal-pellegrini. Il-Karmelitani għarfu li l-istil ta' ħajjithom fuq l-Għolja tal-Karmelu kien jixbah lil dak ta' Franġisku fl-Ewropa. Imma b'danakollu ma setgħux ikunu ezattamment bħall-Frangiskani minħabba r-rabta tagħhom mal-Profeta Elija u ma' Marija, Omm Ġesù.

L-eqdem kostituzzjonijiet karmelitani (1281) li nstabu s'issa jsemmu dan ix-xebh ma' l-Ordnijiet mendikanti u li l-ħajja mendikanti tal-Karmelitani kienet milqugħa minn kulħadd. Il-mitigazzjonijiet ta' l-għamla ta' ħajja ta' Sant'Albert għall-ambjent Ewropew għenu biex il-grupp ta' eremiti jadatta ruħu għal Ordni reliġjuż mibni fuq il-faqar, dedikat għat-talb, f'mixja wara Kristu fil-ħajja komuni u fil-qadi tal-foqra permezz ta' ħidma appostolika. Matul l-ewwel seklu ta' ħajja dawn il-kwalitajiet, flimkien mar-rabta tagħhom mal-post (kunvent), għenu lill-Karmelitani mhux biss biex ikunu veri mendikanti, imma wkoll biex il-grupp zgħir ta' eremiti jsir wieħed mill-erba' Ordinjiet mendikanti l-kbar.

8. Ħarsa ħafifa lejn is-sekli ta' wara

Matul is-sekli erbatax u ħmistax l-Ordni Karmelitan, bejn wieħed u ieħor, zviluppa fuq l-istess linji ta' l-Ordnijiet mendikanti l-oħra: żmien ta' qawmien fl-istudji universitarji, nuqqas ta' ħeġġa lejn il-ħajja reliġjuża, qawmien u tiġdid permezz ta' bnedmin qaddisa u l-movimenti ta' riforma. L-ewwel riforma fl-Ordni Karmelitan kienet dik ta' Santa Maria delle Selve (Firenze) li flimkien mar-riformi ta' Gironda, fl-Isvizzera, u ta' Mantova, fl-Italja, aktar tard iffurmat il-Kongregazzjoni Mantovana li kellha madwar 53 kunvent b'aktar minn 700 reliġjuż u madwar 15-il kunvent tas-sorijiet tal-klawsura. Matul dan iż-żmien fl-Ordni nsibu ħafna reliġjużi li baqgħu magħrufa għall-qdusija u għall-għerf tagħhom.

Fis-seklu sittax ħadmu ħafna favur ir-riforma ta' l-Ordni l-Pirjoli Ġenerali Nicolò Audet, Ġwanni Battista Rossi u Ġwanni Battista Caffardo. Fl-istess seklu għandna wkoll it-twelid tar-riforma Tereżjana. Insodisfatta mill-istil ta' ħajja religjuza mgħixha fil-kunvent ta' l-Inkarnazzjoni ta' Avila (Spanja), fl-1562 Santa Tereża ta' Ġesù bdiet ir-riforma tagħha. Il-Ġeneral ta' l-Ordni, Ġ.B. Rossi, filwaqt li għaraf il-ġid kbir ta' din ir-riforma, ħeġġeġ lil Santa Tereża biex twaqqaf aktar kunventi. Ħaga li l-Ġeneral ma riedx kienet li dawn il-kunventi tar-riforma jinqatgħu mill-kumplament ta' l-Ordni. Imma dak li ma riedx hu seħħ tassew minħabba bosta kwistjonijiet ġuridiċi li wasslu għal ħafna nkwiet. Is-sitwazzjoni giet maħlula għal kollox fil-Kapitlu Ġenerali ta' l-1593 bis-separazzjoni ġuridika tar-riforma tal-Karmelitani Skalzi mill-Ordni Karmelitan.

Il-fatt tal-firda, wkoll jekk kompla jikber matul is-snin, ma fixkel xejn mill-mixja spiritwali ta' l-Ordni.  F’partijiet oħra tad-dinja l-Ordni kien qed iwarrad b’persuni qaddisin u b’ħajja osservanti.  Fil-monasteru ta' Santa Marija ta' l-Angli ta' Firenze, l-Italja, il-ħajja u l-esperjenza mistika ta' Santa Marija Maddalena de' Pazzi wasslu għal tiġdid kbir mhux biss fil-monasteru tagħha imma f'monasteri oħra wkoll. Mill-belt Franċiża ta' Rennes, fis-seklu sbatax, ħarget ir-riforma ta' Tours taħt it-tmexxija tal-Venerabli Filippu Thibault, li r-regulamenti tagħha ġew approvati mill-Knisja u applikati fl-Ordni b'ġid kbir għall-ħajja Karmelitana. Ir-ruħ ta' din ir-riforma kien il-Venerabbli Ġwanni ta' S.Sansun, fra agħma u mistiku kbir. Is-sekli sittax u sbatax kienu snin ta' ħidma kbira, b'mod partikulari fit-tixrid tad-devozzjoni marjana, kemm bil-kitba u wkoll bl-iżvilupp tat-Terz Ordni u tal-Konfraternitajiet tal-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu.

Lejn tmiem is-seklu tmintax, lejlet ir-Rivoluzzjoni Franċiża, l-Ordni Karmelitan kien kiber u xtered ma' kullimkien. Biżżejjed ngħidu li kellu 54 provinċja b'madwar 750 kunvent u 13,000 reliġjuż. Imma r-riefnu tas-soppressjonijiet tal-ħajja reliġjuża minn ħafna gvernijiet f'bosta pajjiżi u li baqa' jonfoħ sas-seklu għoxrin għamel ħerba u ħsarat kbar fost l-Ordnijiet reliġjużi. L-istatistika ta' l-1904 turi li l-Ordni Karmelitan kien ridott għal ftit religjuzi: 8 provincji, 50 kunvent u 727 reliġjuż!  Madanakollu, minn dawn is-soppressjonijiet l-Ordni Karmelitan ġie mżejjen b’persuni qaddisin ħafna minnhom martri li taw ħajjithom għall-valuri tal-vanġelu.

Wara din il-ħerba kollha, ix-xogħol diffiċli tal-qawmien mill-ġdid ta' l-Ordni beda lejn nofs is-seklu dsatax. Bil-mod il-mod beda jakkwista xi ftit minn dak li kien tilef u wkoll waqqaf mill-ġdid xi wħud mill-provinċji li kienu ġew kważi fix-xejn. It-triq ma kinitx faċli, imma bil-għajnuna ta' ħafna reliġjużi dedikati u deċiżi, l-Ordni reġa' beda jieħu r-ruħ u jiffjorixxi mill-ġdid f'diversi pajjiżi. Bejn is-seklu dsatax u dan tagħna, quddiem l-Ordni Karmelitan infetħu orizzonti ġodda bil-wasla tiegħu għall-ewwel darba fl-Amerika, fl-Awstralja, f'Burkina Faso, fl-Indonesja, fiż-Zimbabwe, fil-Filippini, fil-Perù, fil-Bolivja, f'Venezwela, fl-Arġentina, fil-Kongo, fil-Mozambik, f'Timor Leste, fil-Vjetnam, fil-Kolombja, fil-Messiku u fl-Indja. - AC


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage