Storja
Il-Karmelitani Maltin
125 SENA MILL-INKURUNAZZJONI TAL-KWADRU
TAL-MADONNA TAL-KARMNU TAL-BELT
minn Daniela Attard Bezzina
Naħseb li min jaqra l-artikli tiegħi regolarment dara l-fatt li l-akbar gost tiegħi hu meta nżur postijiet bi storja twila warajhom. Għalhekk jista’ jaħseb kemm kont għal qalbi meta ftit jiem ilu mort nagħmel intervista f’kunvent fil-Belt li ilu mibni ftit inqas mill-belt kapitali nnifisha. Għal ħafna nies ma jfisser assolutament xejn li jirfsu f’post li ra l-istorja tintiseġ iżda għalija din hi ħaġa tassew speċjali, aktar u aktar meta sirt naf li dan il-post partikolari kien frekwentat minn żewġ persuni li nammira ħafna - Dun Karm Psaila u Dun Mikiel Xerri.
Il-kunvent li qed nirreferi għalih hu dak tal-Karmelitani, li jinsab fi Triq il-Punent, ftit ‘l isfel mit-Teatru Manoel. Il-ġrajja tiegħu, u tas-santwarju li jmiss miegħu, irrakkontahieli Fr. Martin Schembri, pirjol u rettur ta’ dan il-post. Huwa spjegali kif l-ewwel patrijiet Karmelitani ġew Malta fl-1418 u kienu jgħixu l-Lunzjata, ftit ‘il barra mir-Rabat, qishom eremiti billi l-Ordni tal-Karmelitani bdiet bħala Ordni meditattiva u kontemplattiva.
Għall-ħabta tal-1500 il-Karmelitani madwar id-dinja bdew jidħlu fl-ibliet u f’Malta, fl-1570, daħlu proprju fil-belt kapitali Valletta li kienet għadha kemm inbniet mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Hemmhekk bnew kunvent (l-istess wieħed li għadu mwaqqaf sal-lum) u knisja li kienet l-ewwel knisja sagramentali tal-Belt iżda li maż-żmien reġgħet inbniet mill-ġdid. Din il-knisja minn dejjem ġibdet lejha ħafna devoti, tant li sakemm telqu minn Malta l-kavallieri laħqu saru fiha 500 professjoni minkejja li l-konkatidral ta’ San Ġwann kien ilu li tlesta. Il-Gran Mastru Pinto, li kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Karmnu, ukoll għażel li jagħmel il-professjoni tiegħu f’din il-knisja.
Il-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu, li jinsab fis-santwarju u li fuqu se nikteb aktar ‘l isfel billi din is-sena jaħbat il-125 anniversarju mill-inkurunazzjoni tiegħu, jibda jissemma f’dokumenti antiki fl-1608, meta l-knisja ġiet imkabbra. Kull darba jissemma b’rabta mal-fatt li jiġbed lejh ħafna nies għad-devozzjoni, talb u wegħdi. Fl-1622, fil-fatt, naqraw li kien hemm xi oġġetti mogħtija lill-knisja wara grazzja li nqalgħet bl-intercessjoni tal-Madonna tal-Karmnu. Fost dawn l-oġġetti kien hemm lampieri li għadhom sal-lum jintramaw għall-festa tal-Karmnu fis-16 ta’ Lulju.
Il-gazzetti tas-sekli 18 u 19 kienu jsemmu l-festa tal-Karmnu bħala festa nazzjonali tal-Madonna li kienet tiġbor nies minn Malta kollha u li fiha kienu jdoqqu l-baned reġimentali. Il-jum ta’ l-Erbgħa minn dejjem kien miżmum bħala wieħed dedikat lill-Madonna tal-Karmnu, bin-nies jinġabru fis-santwarju bil-familja - tradizzjoni li għadha magħna sal-lum.
Matul is-snin kien hemm diversi poeti Maltin li kitbu poeżiji u sunetti dedikati lis-santwarju tal-Karmnu. L-istess jista’ jingħad dwar kompożituri Maltin li kitbu mal-130 Salve Regina u madwar 60 Flos Carmeli b’dedika lill-Madonna tal-Karmnu.
Il-lista ta’ nies magħrufa li kienu midħla tas-santwarju minħabba d-devozzjoni kbira tagħhom lejn il-Madonna tal-Karmnu hija impressjonanti u tinkludi lil Dun Karm Decelis, Fra Diegu Bonanno, Adelaide Cini, Mons. Emanuel Galea u Vincenzo Bugeja. Nazju Falzon u Dun Ġorġ Preca, li t-tnejn twieldu fl-inħawi tas-santwarju, ukoll kellhom qima kbira lejn il-Madonna tal-Karmnu u Dun Ġorġ, li kien terzjarju Karmelitan, kitbilha talba tassew sabiha. Il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila tant kien iħobb il-Madonna tal-Karmnu li meta mietet ommu offra l-barbazzal tagħha lill-Madonna.
Ta’ min jgħid ukoll li fi żmien il-ħakma Franċiża f’Malta, is-santwarju tal-Karmnu kien l-unika knisja fil-Belt li tħalliet miftuħa. F’dak il-perjodu mqanqal, l-eroj Dun Mikiel Xerri kien jgħix f’dar li kienet tagħmel parti mill-kunvent tal-Karmelitani u li għadha mwaqqfa sal-lum, bi plakka kbira fuq il-faċċata tagħha li tixhed dan kollu.
Iżda lura għall-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu li jsebbaħ is-santwarju. Sal-lum min pittru għadu mhux magħruf iżda hu maħsub li l-pittur kien Sqalli, anke għax fil-pittura oriġinali kienu jidhru Sant’ Agata u Santa Luċija, li huma l-patruni ta’ Katanja u Sirakuza. Lanqas ma hu magħruf eżattament meta l-kwadru tpitter iżda xi dokumenti juru li kien diġà għand il-Karmelitani meta bnew il-knisja fl-1570 u dak iż-żmien il-kwadru kien diġà antik.
Il-kwadru oriġinali kien akbar milli hu llum iżda lejn tmiem is-seklu 19 id-daqs tiegħu ġie mċekken u fil-proċess inqatgħet barra Santa Luċija. Illum il-kwadru juri lill-Madonna bil-qiegħda fuq il-qamar, b’Ġesù tarbija għeri fi ħdanha, żewġ anġli jinkurunawha u għadd ta’ erwieħ taħtha. Fuq naħa tal-Madonna jidher San Xmun Stock filwaqt li fuq in-naħa l-oħra tidher Sant’ Agata. Il-kwadru ġie restawrat dan l-aħħar minn Godwin Cutajar.
L-inkurunazzjonijiet fil-Knisja Kattolika bdew isiru fl-1630. Biex issir inkurunazzjoni riedu jiġu sodisfatti diversi kriterji, fosthom li l-kwadru jew l-istatwa tkun tiġbed lejha ħafna nies, mhux biss mill-istess lokalità iżda wkoll minn inħawi oħra; li l-kleru wkoll ikollu devozzjoni u qima kbira lejha; u li jkun hemm numru konsiderevoli ta’ wegħdi li nqalgħu b’talb quddiem dak il-kwadru jew statwa.
Fl-1880 il-patrijiet Karmelitani, bil-permess ta’ l-Isqof Carmelo dei Conti Scicluna, kitbu lill-Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan f’Ruma, Padre Angelo Savini, biex dan iressaq quddiem il-Kapitlu tal-Vatikan it-talba għall-inkurunazzjoni tal-kwadru. Sa dak iż-żmien f’Malta u Għawdex qatt ma kienet saret inkurunazzjoni.
It-talba tal-patrijiet Karmelitani ntlaqgħet, iżda kien hemm problema waħda - il-Vatikan ma setax iħallas għall-kuruni tad-deheb, skond kif kienet id-drawwa, għax il-fondazzjoni li kienet tieħu ħsieb dawn l-affarijiet kienet falliet. Il-patrijiet ħabtu se jaqtgħu qalbhom għax il-kuruni (waħda għall-Madonna u l-oħra għall-Bambin) kienu jiswew 3332 frank u għalhekk kellhom bżonn isibu benefattur. Ix-xewqa tagħhom ma damitx ma nqatgħet għax tliet persuni ġeneruzi, li isimhom mhux magħruf, ħarġu l-flus minn buthom għaż-żewġ kuruni.
L-inkurunazzjoni tal-kwadru saret fl-għodwa tal-15 ta’ Lulju 1881. Dak inhar kien meqjus bħala jum ta’ ferħ kbir għal Malta kollha, tant li fil-parroċċi kollha ndaqqet mota ta’ ferħ fit-8.30a.m. L-okkazjoni ġibdet folol kbar ta’ nies lejn is-santwarju, tant li l-gazzetti ta’ dak iż-żmien irrapportaw li kien hemm min saħansitra qatta’ l-lejl ta’ qabel rieqed fit-triq tas-santwarju biex ikun żgur li jilħaq post ġewwa meta tibda ċ-ċerimonja ta’ l-inkurunazzjoni mmexxija mill-isqof Carmelo dei Conti Scicluna. Il-Papa Ljun XIII ta 300 jum indulġenza għal min jgħid tliet Avemarijiet u Glorja waħda quddiem ix-xbieha nkurunata.
Id-devozzjoni tal-Maltin lejn is-santwarju tal-Karmnu tal-Belt u x-xbieha tal-Madonna nkurunata baqgħet dejjem qawwija matul iż-żminijiet. L-isqfijiet Maltin kemm-il darba użaw is-santwarju għal ċerimonji reliġjużi ta’ livell nazzjonali, fosthom il-pellegrinaġġ li tmexxa mill-arċisqof Gonzi wara l-gwerra u l-preżentazzjoni tat-trabi li saret f’Settembru tal-1983 mill-arċisqof Mercieca fil-preżenza tal-kardinal Salvatore Pappalardo.
Is-santwarju tal-Karmnu saritlu ħsara kbira matul it-tieni gwerra dinjija, għalkemm b’xorti tajba l-pittura baqgħet intatta billi kienet miżmuma f’post fiż-żgur. Fl-1958 Ġuzè Damato bena s-santwarju kif nafuh illum, madwar dak ta’ qablu.
Illum fil-kunvent Karmelitan tal-Belt jgħixu sitt patrijiet u reliġjuż wieħed. F’Malta hawn tmien kunventi oħra tal-Karmelitani. Fis-santwarju Karmelitan tal-Belt jiġu ċċelebrati b’solennità l-festi Marjani kollha u mhux il-festa tal-Madonna tal-Karmnu biss. Wara li jgħaddi l-Għid il-Kbir jiġu ċċelebrati s-Seba’ Erbgħat ta’ l-Udjenza tal-Madonna tal-Karmnu, li jfakkru s-seba’ ferħiet tal-Madonna u li mis-santwarju tal-Belt infirxu fi nħawi oħra ta’ Malta.
Jidher ċar li d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu baqgħet tintiret minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan jixhdu l-fatt li kull sena mis-santwarju tal-Belt jitqassmu xejn inqas minn 18,000 labtu, anke fost l-emigranti tal-Kanada u l-Awstralja. Barra minn hekk kull sena jiġu ppreżentati bejn 150 u 200 tarbija f’dan is-santwarju. F’din is-sena speċjali għas-santwarju, għax fiha jiġi ċċelebrat il-125 sena mill-inkurunazzjoni tal-kwadru, se jsiru diversi attivitajiet ta’ kommemorazzjoni.
(Dan l-artiklu kien ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont, 13 ta’ Frar 2006, p.20-21, bit-titlu "Sena speċjali għall-Karmelitani tal-Belt")
|