StorjaL-Ordni KarmelitanFLOS CARMELI .....Daħla L-Ordni Karmelitan u l-Karmelitani jafu l-bidu tagħhom lil xi membri tal-Kruċjati li kienu ssieltu għall-ħelsien ta’ l-Art Imqaddsa, kif ukoll lil xi pellegrini li kienu żaru l-istess art, u li għażlu li ma jerġgħux lura lejn pajjiżhom. Huma għażlu li jgħixu fit-talb u l-ġabra, kemm jista’ jkun qrib l-imkien imqaddsin mill-ħajja ta’ Ġesù Kristu. Dawn ingħaqdu ma’ xi eremiti li kienu jimxu fuq il-passi spiritwali tal-profeta Elija u li kienu jgħixu ħdejn l-Għajn ta’ Elija fuq il-muntanja Karmel. Dawn l-eremiti li ngħaqdu fuq il-Karmel f’numru dejjem jikber, ma kellhom l-ebda regola, sakemm dehrilhom li għandom jitolbu lill-Patrijarka Albertu ta’ Ġerusalemm sabiex ifasslilhom Għamla ta’ Ħajja. Din ingħatat lilhom għall-bidu tas-Seklu XIII. Jidher ċar li dik l-Għamla ta’ Ħajja nkitbet apposta għal dawk ta’ fuq il-Karmel. Fid-daħla tagħha, San Albert ta’ Ġerusalemm kiteb hekk: “….lill-ulied maħbuba fi Kristu, B(rokard) u lill-eremiti l-oħra li jgħixu taħt l-obbedjenza tiegħu, ħdejn il-Għajn fil-Għolja tal-Karmelu”. Wieħed hawnhekk malajr għandu jintebaħ li l-Ordni Karmelitan u allura l-Karmelitani, ħadu l-isem mill-muntanja li fuqha raw it-tnissil tagħhom – il-Karmel.
Il-Karmel hija l-muntanja li nsibuha marbuta mal-ħidma wtieqa tal-profeta Elija għall-għarfien ta’ Alla l-Ħaj, Wieħed u Veru. Kien fuq il-Karmel li f’isem il-Mulej ta’ l-Eżerċiti, l-profeta kien rebaħ l-isfida tas-sagrifiċċju lil Alla fl-imkien imsejjaħ El Muħraqa (I Slat. 18, 19-40). Minn fuq din il-muntanja Elija kien talab u qala’ l-grazzja ta’ xita fuq art għatxana għall-ilma (I Slat. 18, 41-45). Il-Karmel hija marbuta daqshekk mal-ħajja tal-Profeta tan-Nar, li barra li nsibu sinagoga (El-Kahdr) fl-imkien magħruf bħala l-Għar ta’ Elija, f’Wadi Es Siaħ hemm ukoll l-Għajn ta’ Elija. Hawnhekk jinstabu l-fdalijiet ta’ l-ewwel kunvent tal-Karmelitani, li jmur lura għas-Seklu XIII. Meta nitkellmu mill-muntanja Karmel, x’aktarx li wieħed jimmaġina xi għamla ta’ art li togħla ’l fuq bħallikieku xi nuffata mmensa ta’ blat! Fir-realtà, l-Karmel hija sensiela ta’ għoljiet li tinfirex għal medda ta’ madwar 35 km lejn it-tramuntana ta’ Israël, u tħares fuq il-Baħar Mediterran. Minn fuq l-għolja ewlenija wieħed jista’ saħansitra jilmaħ il-quċċata tat-Tabor, kif ukoll jara l-borra li tiksi dik tal-Ħermon. Taħt il-Karmel u lejn il- lemin tagħha, jinsab il-port importanti u l-belt turistika Ħajfa. Fil-fond, izjed lejn il-lemin ta’ Ħajfa, tidher il-belt Akkri, li kellha sehem daqshekk kbir fi żmien il-Kruċjati. Fix-xaqliba tax-xellug tal-muntanja, tinstab pjanura li tifrex il-medda tagħha sal-bliet ta’ Ċesarija, Tel Aviv u Ġaffa. Il-ġmiel tan-natura huwa ta’ spiss imfaħħar fil-Kotba Mqaddsa. Il-profeta Isaija jitkellem minn għejjun ta’ ilma, siġar taċ-ċedru, siġar taż-żebbuġ u taċ-ċipress, riħan, id-dolf u l-bux (Is. 41, 18-19). Fil-kitba tiegħu, l-profeta Ġoel, jilmenta l-qerda tad-dwieli, tal-qamħ u x-xgħir, is-siġar tat-tin u tar-rummien, tal-palm u tat-tuffieħ (Ġoel 1, 10-12). Kien tabilħaqq sewwa li l-Art Imwegħda ssejħet “art li tnixxi ħalib u għasel”. Il-Karmel, li tissejjaħ ukoll “il-Muntanja ta’ Israël”, mhux biss tgħaxxqek bid-dehriet minn fuqha u ta’ madwarha. Tista’ tgħid li dawn ikomplu jżidu mas-sbuħija naturali li biha hija mżejna l-muntanja tal-Karmelu. Il-fjuri tas-siġar tal-lewż (l-għassiesa tar-Rebbiegħa) flimkien ma’ varjetà kbira ta’ fjuri, ifewwħu l-arja nadifa. Fjuri oħra, bħal ma huma dawk tal-buganvilla, iżidu l-ilwien tal–qawsalla mal-fwieħa ta’ l-oħrajn. Dan huwa dak li, flimkien mas-sinifikat spiritwali tagħha, jagħmel lil din il-muntanja: “Il-Ġnien tal-Mulej”. Is-sbuħija naturali tal-Karmel hija msemmija u mfaħħra sa fil-Kotba Mqaddsa. Fost it-tifħir li bih jgħolli lill-maħbuba tiegħu, l-għannej ixebbaħha wkoll mal-Karmel: “Rasek ’il fuq, xebbaħtha lill-Karmel” (Għan. 7, 6). Fil-profeta Isaija wkoll insibu tixbiha li forsi hija iżjed komuni għalina: “Sebħ il-Libanu jingħata lilha, il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron” (Is. 35, 2). L-eremiti Karmelitani ma kellhomx jibqgħu jgawdu l-ambjent u l-ġmiel tal-Karmel! F’dak l-ambjent ta’ sbuħija naturali liema bħalha, huma kienu mdorrijin jimmeditaw, ifaħħru u jaduraw lil Alla. Huwa fatt li mhux lakemm tmerih: lil Alla iżjed tista’ ssibu u tagħrfu fil-ġmiel tal-ħolqien. Il-ġmiel li jżejjen il-Karmel kien minnu nnifsu ispirazzjoni għal dawk l-eremiti li l-ħsieb ewlieni tagħhom kien biss li bħal Elija: “jgħixu fil-preżenza ta’ Alla”. Kien ilu jberraq sa minn meta s-Saraċini kien qed jirnexxilhom jegħlbu lill-Kruċjati. Il-kapijiet insara kienu saru maħkumin minn nuqqas ta’ qbil bejniethom minhabba l-egoiżmu u l-kilba għall-poter! Sa mill-1238 xi wħud mill-eremiti Karmelitani kienu diġà dabbru rashom lura lejn l-Ewropa, f’Ċipru, Sqallija, Franza u l-Ingilterra. Meta mbagħad is-Saraċini rnexxilhom jieħdu l-Art Imqaddsa kollha taħt idejhom, waslet litteralment id-daqqa tal-mewt għall-Karmelitani fuq il-Karmel. Fil-waqt li jfakkar il-massakru ta’ l-eremiti Karmelitani waqt li kienu jkantaw is-Salve Regina, l-istoriku-poeta Karmelitan Joachim Smet, ma jonqosx li jagħti ħjiel tal-ġmiel tal-Karmel. Huwa jiftaħ il-poeżija The Salve Regina Hour b’dan il-kliem:
Kien fuq il-Karmel, li kibret u ssaħħet fil-Karmelitani d-devozzjoni lejn dik li għalihom ma kinetx biss Omm Ġesù, u allura Omm Alla, imma wkoll Ommhom, Patruna tagħhom u Oħthom. Dawk il-membri ġodda li ngħaqdu mal-Karmelitani, u ma kienu għexu qatt fuq il-Karmel, naturalment staqsew dwar il-bidu u għaliex l-Ordni kien jissejjaħ ta’ l-Aħwa tal-Verġni Marija tal-Karmelu. Jista’ jitqies bħala tweġiba t-test fundamentali fl-artiklu tal-bidu (rubrica prima), li deher fil-Kostituzzjoni ta’ l-1281. L-ewwel darba li ssemmiet il-Madonna f’dan il-kuntest, kien fl-1324. “Wara l-Inkarnazzjoni (fit-tħabbira ta’ Gabrijel lil Marija), id-dixxipli tal-profeta Elija bnew kappella fuq il-Karmel u ddedikawha lil Marija Omm Alla. Minn hemm il-Karmelitani kienu bdew jissejħu l-Aħwa tal-Verġni Mqaddsa Marija tal-Muntanja tal-Karmelu. Dan jikkonfermah il-Pirjol Ġenerali, Pierre du Millau. Huwa kien kiteb lir-Re Dwardu I ta’ l-Ingilterra biex il-Karmelitani jaqilgħu l-favur tal-Majestà Tiegħu. Il-Ġeneral wiegħed lir-Re Dwardu t-talb ta’ l-Aħwa (fratres, frati, brothers) “lill-wisq għażiża u glorjuża Verġni...... li għat-tifħir u l-glorja tagħha l-Ordni kien ġie mwaqqaf f’imkien l’hemm mill-baħar”. Il-Kapitlu li sar f’Montpellier fi Franza fl-1287, iħeġġeġ “it-talb tal-Għażiża Verġni Marija, Omm Ġesù, li għas-servizz u l-qima tagħha kien ġie mwaqqaf l-Ordni tal-Karmelu.” Id-dħul tal-Karmelitani fl-Ewropa kattolika, sab tfixkil kemm minn awtoritajiet ċivili, kif ukoll minn xi awtoritajiet tal-Knisja. Huma ma kinux għażlu xi waħda mir-regoli “klassiċi” li kienu jintużaw diġà minn eremiti oħrajn li kienu jgħixu f’postijiet oħra. Din tar-regola, kif ukoll il-libsa tagħhom, li kienet tixbaħ ħafna “l-ilbies ta’ l-għadu tas-Salib”, kienu fatturi li qajmu antagoniżmu sħiħ lejhom. L-istess kappa bajda li l-Karmelitani huma magħrufin għaliha, dak iż-żmien kienet kappa (jew mantar) “barrata”, jiġiefieri kienet b’faxxi wesgħin bojod u kannella. Bdew iħarsu lejhom bħala “għedewwa”. Ir-Regola ta’ Sant’Albert kienet ġiet approvata mill-Papa Onorju III fl-1222. Simon Stock kien wieħed mill-ewlenin Pirjoli Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan. Kien ukoll wieħed minn dawk li kien daq il-ħajja eremitika fuq il-Karmel. Huwa kien ta’ nisel ingliż minn Kent. Kien Pirjol Ġenerali proprju fiż-żmien li fih kibru d-diffikultajiet li nstabu biex l-Ordni jaqleb minn istituzzjoni assolutament eremitika għal dik mendikanti. Simon Stock miet waqt żjara li kien qed jagħmel lill-kommunità ta’ Bordeaux fi Franza, lejn l-aħħar tas-seklu XIII. Il-qdusija u devozzjoni kbira li kellu lejn il-Madonna swew biex sas-Seklu XV, iċ-ċelebrazzjoni liturġika f’ġieħu kienet mifruxa sewwa fI-Ingilterra, u wara ma’ l-Ordni kollu.
Kien fil-festa liturġika ta’ San Simon Stock li l-innu Flos Carmeli beda jintuża bħala Sekwenza; wara mbagħad, sa mill-1663, din is-Sekwenza bdiet tintuża wkoll fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu. [Il-festa liturġika tal-Madonna tal-Karmnu saret uffiċjalment obbligatorja ma’ l-Ordni kollu fil-Kapitlu Ġenerali ta’ Montpellier]. Il-Flos Carmeli nsibuha wkoll bħala antifona u responsorju f’uffizzju metriku antik tal–Karmelu. Tradizzjonalment, kien San Simon Stock stess li kiteb dan l-innu sabiħ lill-Madonna. Sal-ġurnata tal-lum, dan l-innu huwa kantat fuq noti gregorjani miż-żewġ Ordnijiet reliġjużi tal-Karmelu. Dan barra l-ħafna kompożizzjonijiet muzikali oħrajn li nkitbu għalih biex jindaqqu fil-festi, fosthom il-kompożizzjoni klassika tal-Maestro Paolo Nani, li tindaqq u titkanta fil-festa solenni tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta.
[Għall-verżjoni sħiħa tal-Flos Carmeli bil-Malti ara.] Is-sempliċità u l-istil poetiku ta’ dan l-innu sewa biex baqa’ ħaj, ukoll meta kitbiet oħra tas-seklu XIII mhumiex daqshekk magħrufa. Ir-riferenzi għas-sbuħija ta’ Marija mxebbħa mas-sbuħija tal-ħolqien fuq il-Karmel ma jħallu l-ebda lok għal dubju. Insibu fih ukoll riferenzi għall-Kotba Mqaddsa; hekk Marija hija msejħa “ix-xebba waħdanija li b’ġieħ t’omm tiftaħar”, kif ukoll “xitla ta’ Jesse”. Ir-riflessjoni tejologika lanqas ma hija nieqsa; minbarra għall-Maternità Divina, hemm riferenzi, tista’ tgħid f’kull strofa, għall-verġinità tal-Madonna: “ġmielek qatt ma ttabba’”, “ġilju ta’ safa”. Tasal tgħid bla tlaqliq, li dan l-innu-talba huwa frott ta’ kontemplazzjoni u meditazzjoni; fi kliem ieħor huwa frott tal-ħajja eremitika, kontemplattiva, u marjana, fis-solitudni u l-ġmiel tal-Karmel. Huwa eżempju tajjeb ħafna ta’ kif il-Madonna kienet meqjusa u miqjuma flimkien mas-sehem tagħha fil-pjan ta’ Alla, fil-ħajja nisranija sa minn dawk iż-żminijiet imbegħda. Ta’ min jinnota, li fil-ħames strofa tal-verżjoni li għandna f’idejna llum, jissemma wkoll il-Labtu:
M’għandix f’idejja ċertezza dwar jekk din l-istrofa hiex ta’ l-awtur stess wara l-għotja tal-Labtu, jew jekk ġietx miżjuda izjed tard meta s-Sekwenza Flos Carmeli ġiet imdaħħla fil-liturġija tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu! Għeluq Jekk il-Karmelitani kienu tilfu t-tgawdija tal-ġmiel u l-ambjent naturali tal-muntanja Karmel, b’danakollu ma neħħew qatt minn quddiem għajnejhom id-dehra sabiħa ta’ dik li kienu ddedikati lilha! Kull meta sabu ruħhom fit-tiġrib, huma rrikorrew għand dik li huma kienu ferħana li jissejħu bħala wliedha! Fil-hemm kollu li kien għaddej minnu l-Ordni fi żmienu, il-Pirjol Ġenerali Simon Stock, flimkien mal-membri ta’ l-Ordni kollu, żgur li ma naqsux li jitolbu lill-Imqaddsa Verġni Marija għall-għajnuna u l-ħarsien tagħha. L-innu Flos Carmeli kien it-talba devota u mħeġġa li għaliha wieġbet il-Patruna, l-Oħt, u l-Omm tal-Karmelu, bl-għotja tal-Labtu bħala sinjal ta’ mħabba u ta’ ħarsien. Nhar is-17 ta’ Lulju tas-sena 2000, patri Piet Wijngaard, Karmelitan, kien għamel omelija fil-Priory Church of St. Mary of Mt. Carmel (South Queensferry, Scotland). Fl-omelija tiegħu huwa għoġbu jagħmel din l-istedina: Let the F of the Flos stand for her Faith in God, and the Faith she shows with us her children. P. Karm Ferrante |