Storja
L-Ordni Karmelitan
IS-SEHEM TAL-PAPIET NIKOLA V U SISTU IV
FAVUR IL-FAMILJA KARMELITANA
Il-550 Anniversarju mit-Twaqqif
tas-Sorijiet Karmelitani Klawsura u
tat-Terz Ordni Sekulari Karmelitan
Fis-7 ta’ Ottubru 2001 il-Familja Karmelitana fakkret l-anniversarju tal-Bulla Cum Nulla li permezz tagħha l-Papa Nikola V ippermetta t-tisħib tas-sorijiet (sanctimoniales) u tal-lajċi fil-Ordni Karmelitan, l-istess bħall-Ordnijiet Mendikanti l-oħra. Fl-okkażjoni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni l-Pirjol Ġenerali, P. Joseph Chalmers, fi tmiem ix-xahar ta’ Mejju 2002, niseġ messaġġ bi kliem mirqum u bagħtu lill-Familja Karmelitana kollha. F’dan il-messaġġ, bis-suġġett Fl-Art tal-Karmelu, għamel riflessjoni fuq l-importanza tal-vokazzjoni tas-Sorijiet Karmelitani tal-klawsura u tal-lajċi fi ħdan il-Familja Karmelitana, sabiex kull wieħed skond l-istat speċifiku tal-ħajja tiegħu jista’ jgħix l-istess valuri fundamentali li jnebbħu l-ħajja tar-reliġjużi Karmelitani. Fl-istess ħin stieden lill-membri kollha tal-Familja Karmelitana biex inroddu ħajr lil Alla għall-barkiet u l-grazzji msawba fuq dawk kollha li, imsejħa fl-art tal-Karmelu, jixtiequ jgħixu b’mod l-aktar sħiħ f'ubbidjenza lejn Ġesù Kristu skond l-espressjoni Pawlina li turi l-iskop tal-ħajja tassew nisranija, espressjoni minsuġa b’riflessjoni msemmija fil-prologu tar-Regola Karmelitana.
Il-formazzjoni tal-familja spiritwali
Biex wieħed jifhem il-bidu u l-iżvilupp ta’ din il-preżenza ġdida fl-Ordni Karmelitan hu meħtieġ li jqiegħdha fi ħdan fenomenu aktar wiesa’ tat-tisħib tal-lajċi għall-ħajja reliġjuża u fi ħdan ta’ l-organizzazzjoni tal-familja monastika u reliġjuża, jew ukoll, fi ħdan il-kwadru ġenerali, kemm tar-reliġjużi kif ukoll tal-lajċi, li xtaqu jgħixu ħajja aktar evanġelika. It-tisħib tal-lajċi fil-ħajja monastika beda fiż-żminijiet tan-nofs bl-istess mod li l-ħajja monastika bdiet tiżviluppa ruħha. Dan it-tisħib kien qed jitwettaq permezz ta’ għemil biżżejjed magħruf bħala obligazzjoni, jiġifieri l-lajk li jagħti servizz f’monasteru jista’ jikkonsagra lilu nnifsu għalih, skond il-mentalità fewdali, b’att speċifiku li bih jirċievi minn-naħa tal-komunità monastika għajnuna temporali u / jew spiritwali. L-għamliet ġuridiċi li jikkaratterizzaw dan l-att ta’ oblazzjoni kienu jvarjaw, ibda mill-forom għal kollox esterni saħansitra dawk l-aktar profondi ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja monastika. Wieħed mill-motivi ewlenin li kienu jħeġġu lil-lajċi biex jissieħbu b’ċertu mod fil-monasterji kienet ix-xewqa li jieħdu sehem mill-ġid spiritwali u fil-ħajja fraterna tas-sorijiet jew tar-reliġjużi; motiv importanti kien li jqisu l-ħajja reliġjuża bħala l-għamla l-aktar perfetta tal-ħajja nisranija; għalhekk il-lajk li kien jieħu sehem mill-benefiċċji spiritwali tal-ħajja reliġjuża kien isib għajnuna kbira li tħaffef u tassigura l-mixja tiegħu lejn is-sema, dejjem skont il-mentalità ta’ l-epoka. Waħda mid-drawwiet l-aktar magħrufa, matul is-sekli IX u X, kienet dik li jimponu fuq il-lajċi oblati l-abitu monastiku (jew il-labtu), drawwa li daħlet fost istituzzjonijiet reliġjużi mhux monastiċi. Mal-bidu u l-iżvilupp ta’ l-Ordnijiet Mendikanti, dawn ukoll sieħbu l-lajċi magħhom. Il-lajċi li kienu jixtiequ jieħdu sehem mill-ġid spiritwali u mill-kariżma proprja li tanima l-patrijiet, u dan iddetermina t-twelid ta’ forma ġdida ta’ tisħib; għaddiet mill-oblazzjoni għall-affiljazzjoni. Din ix-xewqa li wieħed jgħix l-ispiritwalità proprja ta’ wieħed mill-Ordnijiet Mendikanti min-naħa tal-lajċi, ħeġġet lir-reliġjużi – f’xi każi sa mill-fundazzjoni tagħhom u oħrajn mill-bidu tas-seklu XII u matul is-seklu XIII (u mhux fis-seklu XIV kif jaffirmaw b’mod żbaljat xi kittieba) - biex joħolqu t-Tieni Ordni għan-nisa li kienu jixtiequ jsiru reliġjużi, u t-Terz Ordni għal-lajċi, it-tnejn b’testi leġiżlattivi proprji, bħalma għamel, per eżempju, San Franġisk. Id-distinzjoni ta’ familja waħda maqsuma fi tliet Ordnijiet kienet tieħu bħala mudell il-komunjoni tat-Trinità sabiex temfasizza l-unità profonda, il-komunjoni, il-parteċipazzjoni u s-solidarjetà bejn it-tliet partijiet (taqsimiet). Din id-distinzjoni ġiet użata għall-ewwel darba mill-Ordni ta’ l-Umiljati (skond din il-ġerarkija: miżżewġa, mhux miżżewġa u verġni, saċerdoti), li mbagħad kienet adattata minn San Franġisk (li però qaleb is-sekwenza taghħom: reliġjużi rġiel, reliġjużi nisa, lajċi). F’ħakka t’għajn dan il-mudell ġie imitat mill-bqija ta’ l-Ordnijiet Mendikanti.
Minbarra din l-għamla ta’ affiljazzjoni għall-ħajja reliġjuża qamet modalità oħra bejn il-Mendikanti: dik li jsieħbu rġiel u nisa, miżżewġa jew le, taħt għaqdiet imsejħa konfraternitajiet jew fraternitajiet. Il-membri ta’ dawn l-għaqdiet kienu jissejħu konfratelli, kienu jieħdu mill-benefiċċji spiritwali u mis-suffraġji min-naħa ta’ l-Ordni rispettiv jew distintiv estern biex juri l-istat proprju tiegħu, il-kappa jew il-mant sinjal ta’ l-abitu reliġjuż (minn hawn ħarġet il-konfratija msejħa ta’ l-abitu), Dawn il-lajċi kienu jwiegħdu li jgħixu l-ispiritwalità ta’ l-Ordni rispettiv u kienu meqjusa parti mit-Terz Ordni.
Il-Familja Karmelitana
Bejn l-aħħar tas-seklu XIII u l-bidu tas-seklu XIV bdew jeżistu rġiel u nisa msieħba ma’ l-Ordni tal-Karmnu b’diversi modi (oblati, konversi, half-brothers) li kienu jagħmlu dan l-att ta’ oblazzjoni li tkellimna dwaru aktar ‘il fuq. B’mod speċjali nsibuh f’ambjent femminili: insibu dawk imsejħa beati fi Spanja, il-mantellati jew devotelli fl-Italja u l-Begini fil-Belġju. Dawn in-nisa, li kienu jgħixu għal rashom, bdew jingħaqdu u jiffurmaw gruppi matul is-sekli XIV u, speċjalment fis-seklu XV. Fost il-gruppi l-aktar magħrufa nsibu d-damiġelli bojod ta’ Fierenze u l-mantellati ta’ Venezja, Milan, Mantova u Ferrara. Insibu każ jixxiebah fost il-Begini ta’ Ten Elsen (Geldren, Olanda). Dawn in-nisa ma kienu jiffurmaw ebda istituzzjoni ġuridika jew kanonika.
L-iżvilupp ta’ dawn il-gruppi kien il-kawża biex wieħed jaħseb biex jagħtihom organizzazzjoni ġuridika. Għal hekk ħadu l-inizjattiva biex imorru għand il-Papa Nikola V u jitolbuh jintervjeni biex jiċċara u jiddefinixxi bl-awtorita pontifiċja tiegħu din is-sitwazzjoni. Insibu opinjonijiet ta’ l-istoriċi fuq min kien li talab id-Dokument Pontifiċju: jekk hux il-Ġeneral, il-Beatu Ġwanni Soreth (139-1471), li kellu għarfien tas-sitwazzjoni tal-Begini fil-Belġju, jew il-Patrijiet Karmelitani ta’ Firenze bl-għan li jsieħbu lill-mantellati fil-knisja tal-Karmnu. Indipendentement minn din il-kwistjoni storika, dak li qiegħed fil-prattika b’mod wiesa’ l-Bulla Pontifiċja kien il-Pirjol Ġenerali, il-Beatu Ġwanni Soreth, biex jorganizza l-komunitajiet Karmelitani tal-Klawsura fil-Belġju u fi Franza, li minħabba f’hekk huwa ta’ spiss meqjus bħala l-fundatur tas-Sorijiet tal-Klawsura.
L-awtorizzazzjoni fil-kontenut tal-Bulla Cum Nulla tal-Papa Nikola V (7 ta’ Ottubru 1452) ġiet imwessgħa aktar tard mill-Papa Sistu IV bil-Bulla Dum Attenta (28 ta’ Novembru 1457). Huwa importanti li temfasizza dawn iż-żewġ dokumenti pontifiċji għaliex huma s-sisien ta’ l-organizzazzjoni attwali tal-Familja Karmelitana, anke meta ġeneralment wieħed ma jieħux f’kunsiderazzjoni l-intervent tal-Papa Sistu IV.
Bl-għotja tal-Bulla Cum Nulla fil-prattika ħarġu żewġ istituzzjonijiet: It-Tieni Ordni femminili (is-sorijiet tal-klawsura) b’voti solenni, ħajja komuni u l-ħarsien tal-klawsura, u l-grupp ta’ nisa msejħa bħala religjużi tassew terzjarji li kienu jgħixu fid-dinja, u mhux korrettement, kellhom il-vot solenni tal-kastità. Filwaqt li r-religjużi awtentiċi nisa (it-Tieni Ordni) kienu josservaw ir-Regola tar-reliġjużi u kellhom Kostituzzjonijiet proprji, it-terzjarji ngħataw Regola fl-1455 b’għadd ta’ preskrizzjonijiet axxetiċi u solenni ta’ dawn it-terzjarji u pproponitilhom żewġ modi biex jagħżlu: li jidħlu f’monasteru femminili tat-Tieni Ordni u jsiru veri reliġjużi jew jiffurmaw grupp lajk, li jkun il-bidu tat-Terz Ordni ġdid sekular fis-seklu XVII.
Il-Bulla Dum Attenta għamel possibli wkoll l-organizzazzjoni ta’ l-aħwa rġiel u nisa u ħadet bħala mudell it-Terz Ordni tal-Penitenza ta’ l-Ordnijiet Mendikanti l-oħra. Dawn l-aħwa, fraternità ta l-Ordni, aċċettaw ċerti wegħdiet tal-ħajja spiritwali stabbiliti b’regola proprja, u kienu jilbsu mant abjad bħala distintiv u m’abbandunawx il-kundizzjoni tagħhom ta’ sekulari. Ftit aktar tard, il-kundizzjoni ġuridika tagħhom flimkien ma’ dik tal-gruppi tat-terzjarji (li dwarhom tkellimna aktar ‘il fuq) u ta’ l-Aħwa ta l-Iskapular ġiet iċċarata bl-intervent tal-Pirjol Ġenerali Teodoro Straccio fl-1637 u fl-1640. Ġew imsieħba immedjatament mat-Terz Ordni r-reliġjużi nisa ta’ ħajja attiva u appostolika u gruppi oħra ta’ lajċi.
Iż-żerriegħa mitfugħa bil-Bulla Cum Nulla u bil-Bulla Dum Attenta tat il-frott tagħha. Minnhom twieldu, iffjorixxew u taw frott għadd kbir ta’ istituzzjonijiet u qaddisin irġiel u nisa Karmelitani. Fost is-sorijiet tal-Klawsura nsibu: il-Beata Franġiska ta’ Amboise (1485 fi-Franza), il-Beata Arkanġela Girlani (1495 fl-Italja), il-Beata Ġiovanna Scopelli (1495 fl-Italja), Santa Marija Madalena de’ Pazzi (1606 f’Firenze), Santa Tereża ta’ Avila (1582), li tat bidu għar-riforma ta’ l-iskalzi u waqqfet is-sorijiet Karmelitani Skalzi, li taw ħafna frott lill-Knisja. Fost il-lajċi u t-terzjarji tal-Karmelu: il-Beata Ġovanna ta’ Tolosa (s.XIV fi Franza), Marianġela Virgili (1734 f’Ronciglione, Italja), Liberata Ferrarons (1842 f’Olot), Carmen de Sojo (1890 f’Barcellona), il-Beatu Isidor Bakanija (1909 f’Zaire) u l-Beatu Ġorġ Preca, saċerdot terzjarju ta’ Malta, ibbeatifikat riċentament mill-Papa Ġwanni Pawlu II.
Il-konsegwenzi ta’ l-opra ta’ Nikola V u Sistu IV
Meta tanalizza l-opra żviluppata minn Nikola V u Sistu IV u l-effetti li ħalliet fl-Ordni Karmelitan u l-esperjenzi storiċi suċċessivi li ġew mgħixa fil-Familja Karmelitana, nistgħu nisiltu xi ħsibijiet. L-ewwelnett nistgħu ngħidu, is-sehem ta’ din il-familja spiritwali jinvolvi fih sejħa jew vokazzjoni speċifika biex tniżżel għeruqha fil-ħajja batteżimali billi tgħix fil-prattika l-valuri ta’ l-ideal Karmelitan. It-tieni, din il-parteċipazzjoni fil-kariżma tal-Karmelu hija l-konsegwenza tas-sejħa jew vokazzjoni li diġà semmejna u titwettaq f’komunjoni ma’ l-oħrajn, iżda fl-istess ħin wieħed jgħixha b’mod awtonomu skond l-istat ta’ ħajja ta’ kull wieħed, u tiżviluppa lilha nnifisha minn ġewwa permezz ta’ l-għaqda profonda tal-moħħ u l-qalb ħalli tgħix fl-ubbidjenza lejn Ġesù Kristu.
Taħt l-ispinta u t-tiġdid imħeġġeġ mill-Konċilju Vatikan II, wieħed fehem aħjar in-naturalezza fil-Familja Karmelitana u l-partecipazzjoni u l-għixien tal-membri tagħha fi ħdan it-tliet xejriet ta’ l-identità proprja:
a) Attitudni kontemplattiva, iċċentrata fl-Assolut ta’ Alla, mitmugħa mill-primat tal-kelma tiegħu (Ewkaristija u l-Kotba Mqaddsa), mit-talb kemm individwali kif ukoll komunitarju u mis-sehem fil-liturġija, billi jużaw xi mezzi fundamentali (id-deżert, is-silenzju, is-solitudni, il-penitenza, ix-xogħol u ċ-ċaħda);
b) Attitudni fraterna, mibnija fuq ġesti ta’ kuljum tal-ħajja, permezz tas-skiet mifhum fis-smiegħ u billi wieħed jilqa’ (jaċċetta) lil ieħor permezz tad-djalgu, ix-xogħol, billi taqsam il-faqar u s-solidarjetà;
c) Attitudni ta’ servizz, lill-popli, lill-Knisja u lis-soċjetà, bħala frott tal-kontemplazzjoni u tal-fraternità.
Werrieta ta’ din it-tradizzjoni spiritwali, il-membri kollha tal-Familja Karmelitana huma msejħa biex jgħixu llum ukoll l-istess sejħa skont il-kundizzjonijiet tagħhom ta’ reliġjuż/a jew lajk. Huma ħafna l-perspettivi li bihom illum jiddistingwu lilhom infushom billi jkollhom qari ġdid Kariżmatiku. Li wieħed ikun jaf joħlom u jwettaq dawn il-perspettivi jkun il-frott l-aktar sabiħ tat-tifkira tal-550 anniversarju tal-fjoritura tal-Familja Karmelitana 2002.
Patri Manwel Boaga, Karmelitan,
Osservrtore Romano, 18 ta’ Ottubru 2002
Miġjub għall-Malti minn Patri Samwel Abela, O.Carm.
|