Storja

L-Ordni Karmelitan


IĊ-ĊENTRU KARMELITAN "THE FRIARS"

Aylesford, Ingilterra

Il-Karmelitani kellhom il-bidu tagħhom qrib xatt il-Baħar Mediterran, f’wieħed mill-widien ta’ l-Għolja tal-Karmelu, f’Iżrael tal-lum, daqs tletin kilometru ’il bogħod minn Nażaret.

Fil-bidu tas-seklu tlettax, nies minn kull parti ta’ l-Ewropa, kienu jmorru mal-Kruċjati lejn l-Art Imqaddsa bil-ħsieb li jeħilsu l-postijiet li fihom għex Kristu minn taħt idejn is-Saraċini. Xi wħud minnhom inġibdu lejn l-Għolja tal-Karmelu u baqgħu jgħixu fl-għerien bħala eremiti. Huma kienu jgħixu qrib l-Għajn ta’ Elija, f’Wadi es-Siah, fuq l-Għolja tal-Karmelu, ħajja ta’ talb u silenzju skond it-tradizzjoni tal-profeti Elija u Eliżew tat-Testment il-Qadim. Wara xi żmien ingħaqdu flimkien u talbu lill-L-eremiti Karmelitani fuq l-Għolja tal-Karmelu.Isqof Albert biex jagħtihom bil-miktub Regola ta’ Ħajja. Din kitibha bejn l-1206 u l-1214, meta kien Patrijarka ta’ Ġerusalemm. L-eremiti bdew jissejħu “L-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu”, għaliex l-għerien u l-għerejjex fejn kienu jgħixu kienu jagħtu għal fuq knisja ċkejkna ddedikata lill-Verġni Marija Omm Alla.

Meta Saladin kien qed jirbaħ il-Palestina kollha, dawn l-eremiti kellhom jagħżlu bejn li jibqgħu fuq l-Għolja u jiġu maqtula jew li jaħarbu lejn pajjiżi Ewropej. Xi wħud marru Ċipru, oħrajn Sqallija u pajjizi oħra ta’ l-Ewropa.

Fl-1242 Richard de Grey, baruni Ingliż li kien qed jiġġieled fil-Kruċjati, meta ġie biex jirritorna lejn pajjiżu, ħa miegħu grupp ta’ eremiti Karmelitani. Wara li dawn ġew ippreżentati lir-Re Neriku III, xi wħud minnhom maru Hulne, f’Northunbrland, filwaqt li oħrajn marru mal-baruni Richard de Grey. Dawn bdew joqgħodu fuq art li tahom hu f’Aylesford. Hemm, bil-permess ta’ l-Isqof ta’ Rochester, bnew kappella ddedikata lil Marija Assunta li kienet ikkonsagra mill-istess isqof fl-1247. Hekk, bil-miġja ta’ l-eremiti d-devozzjoni lejn il-Madonna xterdet mal-pajjiż.

Għall-ewwel, l-ermiti sabuha daqsxejn iebsa biex jaddattaw ruħhom għall-ħajja ta’ l-ibliet. Barra minn hekk ħafna awtoritajiet ma ridux jaċċettawhom. Fid-diffikultajiet ġodda li sabu ruħhom fihom, il-Karmelitani refgħu moħħhom u qalbhom lejn il-Padruna tagħhom. Fundatur fit-tifsira eżatta tal-kelma ma kellhomx. Il-Verġni Marija biss kienet Dik li għaqqdithom u mexxiethom flimkien.

Fil-1247 inħasset il-ħtieġa li l-komunitajiet tal-Karmelitani mxerrdin ma’ l-Ewropa jorganizzaw ruħhom u għalhekk inżamm l-ewwel Kapitlu Ġenerali f’Aylesford li għalih attendew delegati minn kull komunità. Interessanti l-fatt li r-Re Neriku III stess għen finanzjarment fl-spejjeż ta’ dan il-Kapitlu.

F’dan iż-żmien l-eremiti bdew jgħixu bħall-patrijiet ta’ l-ordnijiet mendikanti l-oħra li kienu twaqqfu minn S. Franġisk u S. Duminku. Barra milli jgħixu ħajja komunitarja, bdew jitħalltu man-nies biex jgħinuhom fil-ħtiġijiet tagħhom. Imma mhux kulħadd laqagħhom bil-qalb, anzi kien hemm ħafna li ħaduha kontra tagħhom.

San Xmun Stock u l-Madonna tal-Karmnu.Din is-sitwazzjoni inkwetat mhux ftit lil dawk li qabel kienu eremiti, fosthom lil San Xmun Stock, li f’dak iż-żmien kien il-Pirjol Ġenerali ta’ l-Ordni. Qawwija ħarġet it-talba lilil-Patruna u s-Sidt tagħhom bħala l-FJUR TAL-KARMNU u l-KEWBA TAL-BAĦAR biex tagħtihom rahan ta’ mħabba. Skond it-tradizzjoni, il-Madonna dehret lil San Xmun Stock u wegħditu li tipproteġi l-Ordni u lil kull minn jilbes il-Labtu Mqaddes. Ma’ din id-dehra ntrabtet dehra oħra li jingħad li kellu l-Papa Ġwanni XXII, magħrufa bħala l-wegħda tal-Bolla Sabbatina, jiġifieri l-wegħda li min imut bil-labtu, tkun Marija nnifisha li ttellgħu fis-sema mill-purgatorju fl-ewwel Sibt wara mewtu. Matul is-sekli l-labtu sar is-simbolu tar-rabta ta’ mħabba li tgħaddi bejn il-Verġni Mbierka u l-Karmelitani. Fi tradizzjoni mill-isbaħ, il-labtu tal-Karmnu beda jintlibes bħala sinjal estern tal-konsagrazzjoni interna lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija.

Fil-Kapitlu Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan li sar f’Bordeaux fl-1294 ġie stabbilit li l-Verġni Marija tibda tissejjaħ Patruna. Meta l-Karmelitani sejħu lill-Verġni Marija bħala Patruna riedu jfissru żewġ realtajiet prinċipali: Marija hija dik li tat bidu u waqqfet l-Ordni Karmelitan u l-Ordni Karmelitan huwa mwaqqaf għall-ġieħ u qima ta’ Marija.

Għal żewġ sekil sħaħ l-Ordni ffjorixxa sakemm ir-Re Neriku VIII fettillu jitlaq l-ewwel mara u ried jerġa’ jiżżewweġ. Meta l-Papa ma tahx permess jerġa’ jiżżewweġ minħabba li l-ewwel mara kienet għadha ħajja, hu qajjem perskuzzjoni ħarxa kontra l-Knisja Kattolika. Fl-1537 it-tliet mitt patri Karmelitan li kien hemm fl-Ingilterra tferrxu, telqu lejn pajjizi oħra jew waqgħu vittmi tal-persekuzzjoni. B’hekk il-ħajja komunitarja fl-Ingilterra ġiet interrotta.

Fl-1538 max-xoljiment tal-monasteri, The Friars ta’ Aylesford għadda f’idejn Sir Thomas Wyatt. Meta telgħet fuq t-tron ta’ l-Ingilterra r-Reġina Mary (Kattolika) hi tat il-propjetà tal-familja Wyatt lil Sir John Sedley. Il-post baqa’ jgħaddi minn id għall-oħra sakemm fl-aħħar inxtara mill-ġdid mill-Karmelitani f’nofs is-seklu għoxrin.

Il-knisja ewlenija miftuħa u ddedikata lill-Assunta.Dan il-post, fejn inżamm l-ewwel Kapitlu Ġenerali, baqa’ propjetà privata sal-1949 meta tpoġġa għall-bejgħ. Inxtara mill-patrijiet Karmelitani u b’hekk huma rritornaw f’Aylesford. Il-post kien fi stat ħażin ħafna. Kien jinħtieġ li jsir ħafna xogħol fih. L-ewwel pirjol kien Patri Malachy Lynch. Hu wettaq xogħol ta’ restawr immens f’qasir żmien hekk li nistgħu nsejħulu miraklu ta’ fidi. Ta’ min jgħid li f’dan iż-żmien kien hemm patrijiet Karmelitani Maltin li taw sehemhom fir-restawrar ta’ Aylesford. Dawn kienu Patri Alessandru Busuttil u Patri Nerik Zahra. Il-Ġeneral ta’ l-Ordni, Patri Kiljan Lynch, kien bniedem ta’ Alla, jgħix dejjem fil-preżenza t’Alla, tal-Madonna, ta’ San Ġużepp, ta’ San Xmun Stock u qaddisin oħra. Kliemu kien dejjem “jekk Alla jrid.” Kellu personalità li tiġbdek. Ix-xogħol kollu kien jiddependi minn għajnuna materjali volontarja u donazzjonijiet ta’ flus. Fid-daħla tal-bitħa f’The Friars hemm kitba minquxa fil-ġebel li tgħid: Flos Carmeli, Recissa Vegetior, Assurgit – Il-flur tal-Karmelu darba mqaċċat, issa reġa warrad bi ġmiel akbar. Fil-1951 ir-relikwa (ir-ras) ta’ San Xmun Stock għaddiet minn Bordeaux għall-kunvent ta’ Aylesford. Fl-istess sena l-Papa Piju XII ta l-pjaneta li kellu bl-arma tal-Karmnu fuqa lil P. Kiljan biex tintuża fil-festi li jsiru f’Aylesford.

The Friars illum

Il-qalba tal-kumpless "The Friars", Aylesford.

Malli tidħol The Friars (15) issib ruħek ġo ġnien sabiħ bix-xmara għaddejja. Tara ċinji, papri u flamingos kuluriti f’għadira. Wara li tgħaddi minn drive sabiħa titfaċċa quddiemek fuq ix-xellug il-knisja ewlenija miftuħa u ddedikata lill-Assunta (10). L-ewwel kappella li għandek tidħol fiha hi l-kappella tal-kor fejn il-komunità tiltaqa’ kuljum għat-talb u ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies (8). Din tinsab fuq il-lemin tas-sagrarju prinċipali fejn hemm l-istatwa maestuża ta’ l-Assunta li nħadmet minn Michael Clark fl-1960. Meta tħares lejn il-pjazza tara l-kobor tal-knisja aperta. Fuq il-lemin tas-sagrarju hemm kappella żgħira ddedikata lil Sant’Anna (9), omm il-Madonna. Fuq ix-xellug tiegħu tidħol minn numru ta’ bibien tal-ħġieġ għal ġol-kappella fejn tinsab ir-relikwa ta’ San Xmun Stock (11). Ir-relikwarju jirrapreżenta ċ-ċelel ta’ l-eremiti fuq l-Għolja tal-Karmelu. Fuq il-lemin f’din l-istess kappella hemm kappella ċkejkna ddedikata lill-qaddisin Karmelitani. F’nofs din il-kappella hemm statwa antika ħafna li tirrapreżenta l-viżjoni li kellu San Xmun Stock – il-Madonna bil-Bambin Ġesù f’idejha filwaqt li tbierek il-labtu ta’ San Xmun Stock. Din l-istatwa kienet instabet f’ħanut ta’ l-antikità f’Cambridge mis-sinjura Susan Bail li xtratha u ppreżentatha lill-Karmelitani. Fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu din l-istatwa tinġarr proċessjonalment madwar il-ġonna, fejn hemm xbihat maħduma b’sengħa li tgħaġġbek fiċ-ċeramika tal-ħmistax-il posta tar-Rużarju. Il-passaġġi wesgħin huma magħrufa bħala The Rosary Way (13). Faċċata tal-kappella tal-qaddisin Karmelitani hemm kappella żgħira oħra ddedikata lill-Martri Ingliżi u Welsh. L-aħħar kappella fuq ix-xellug tal-pjazza hi dik ddedikata lil San Ġużepp (12). Meta toħroġ mill-kappella ta’ San Ġużepp issib il-Gatehouse (14) li kienet tifforma parti mill-ħajt oriġinali ta’ l-ewwel binja. Wara l-kappella hemm ġnien sabiħ li madwaru hemm The Rosary Way. Fil-fond hemm niċċa kbira taċ-ċeramika tal-viżjoni ta’ San Xmun Stock. Il-materjal biex inbniet parti minn din l-struttura nġieb minn ħdejn l-Għajn ta’ Elija fuq l-Għolja tal-Karmelu, Iżrael. Meta toħroġ mir-Rosary Way terġa tiġi fil-pjazza, imbagħad għal ħdejn l-għadira li semmejna fil-bidu.

Id-daħla ta' "The Friars"L-aħjar mod kif wieħed iżur il-parti antika tal-post hu li jibda mid-daħla li tagħti għall-bitħa ewlenija (1). Din kienet il-bitħa ta’ ġewwa fl-antik (2). Fuq il-lemin hemm postijiet residenzjali (3). Fil-fond issib it-Torri Rufus u Water Gate (4). Jekk tgħaddi minn taħt l-arkata issib bini ta’ żmien ir-Reġina Eliżabetta I u x-xatt tax-xmara Medway. Viċin ħdejn il-Water Gate hemm il-Pilgrims’ Hall (5) li aktarx hi l-eqdem bini li għad fadal tat-tlettax-il seklu. Kienet tintuża bħala Guest House għall-pellegrini li f’dawk iż-żminijiet kienu jmorru jżuru l-qabar ta’ San Tumas Becket fil-Katidral ta’ Canterbury, peress li t-triq għal hemm kienet tgħaddi viċin Aylesford. ll-pellegrini kienu jsibu fejn jistrieħu għand il-patrijiet. Minn mindu The Friars reġa’ f’idejn il-Karmelitani din il-Hall qed tintuża bħala kamra ta’ l-ikel għal dawk li jkunu qed jgħaddu xi jiem f’The Friars. Fuq il-bibien hemm minquxa fl-injam diversi qaddisin. Ħdejn il-kċina hemm kappella żgħira li fiha wieħed jista’ titlob fis-skiet (7). Hemm tinsab l-istatwa tal-Bambin ta’ Praga li oriġinarjament kienet tal-kunvent ta’ Praga. Hemm ukoll statwa ta’ San Ġuda li lejh hemm devozzjoni kbira. Il-bini fuq il-lemin tal-Pilgrims’ Hall meta tħares lura hemm fih l-uffiċċji u r-Reception (1). L-ogħla arkata li tara quddiemek kienet id-daħla prinċipali l-antika. Issa tifforma parti mill-bini residenzjali. Il-Prior’s Hall (6) kienet tagħti għall-kwartieri tal-Pirjol. Hemm kien jilqa’ l-viżitaturi. Mill-Prior’s Hall tgħaddi għall-kjostru. Meta toħroġ mill-bini u ddur lejn il-lemin issib il-Knisja prinċipali aperta li semmejna aktar ‘il fuq.

The Friars hija taħlita ta’ binjiet, parti medjevali u parti moderna. Id-diversi kappelli fihom xogħlijiet sbieħ ta’ l-arti reliġjuża. Wara aktar minn 750 sena, il-kunvent ta’ Aylesford għadu jiġbor fih grupp ta’ reliġjużi li l-għan tagħhom hu li jersqu aktar qrib lejn Alla b’ħajja komunitarja filwaqt li joffru s-servizzi u t-talenti tagħhom għall-ġid spiritwali tal-poplu. Aktar minn kwart ta’ miljun pellegrin iżur The Friars ta’ kull sena f’Aylesford. Isiru ħafna pellegrinaġġi u mhux biss mill-Kattolċi iżda wkoll minn nies ta’ religjonijiet oħra.

L-Ordni Karmelitan u dak Tereżjan għandhom ħafna x’jgħaqqadhom storikament u spiritwalment u jaħdmu ħafna flimkien. Bħal aħwa huma jfittxu li jaqdu l-missjoni li rċevew minngħand Alla għall-ġid tal-Knisja. Kull Karmelitan u Tereżjan li jkollu l-okkazjoni jgħaddi xi ftit ġranet f’The Friars, Aylesford, jagħmel tajjeb li ma jitlifx dil-grazzja sabiex ikun jista’ jgawdi spiritwalment u materjalment is-sbuħija ta’ dan il-post fis-serħan tal-moħħ, tal-qalb u fuq kollox fil-paċi tar-ruħ. Sa dan it-tant, min jixtieq jagħmel vista virtwali lil The Friars jista’ jżur il-websajt: www.thefriars.org.uk

Dan l-artiklu huwa adattat mill-original ta’ Mary Rose Said, OCDS, li deher fil-Programm tal-Festa tal-Karmnu 2006, Santwarju Santa Tereza, Birkirkara, Nru. 31, p.9-21.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage