Storja

L-Ordni Karmelitan


L-GĦOLJA TAL-KARMEL

Alexander Vella, O.Carm.

L-Għolja tal-Karmel għandha seħer kbir fuq il-Karmelitani. Hemmhekk, bejn tmiem is-seklu tnax u l-ewwel snin tas-seklu tlettax, xi pellegrini li kienu marru fl-Art Imqaddsa mill-Ewropa, inqatgħu minn kollox u bdew jgħixu bħala eremiti. Bejn is-snin 1206 u 1214, Albertu, Patrijarka ta’ Ġerusalemm, ġabarhom f’komunità u fasslilhom għamla ta’ ħajja biex jgħixu l-ideal li Alla kien ħollomhom bih. Hekk tqegħdu s-sisien li fuqhom, tul dak is-seklu tlettax, inbena l-Ordni ta’ l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmel kif nafuh illum. Fit-tletinijiet tas-seklu tlettax l-Aħwa tal-Karmel bdew imorru lura lejn il-pajjiżi tal-Ewropa mnejn kienu ġew biex hemm iwaqqfu kunventi ta’ l-Ordni ġdid tagħhom. Imbagħad, fl-1291, kellhom iħallu għal kollox il-Karmel għax il-Misilmin reġgħu ħadu f’idejhom dawk l-inħawi kollha minn idejn l-Insara Ewropej li għal xi żmien kienu rebħuhomlhom.[i]

Imma dik l-għolja l-Karmelitani ġerrewha f’qalbhom kulfejn marru, mhux biss għax kienet il-benniena ta’ l-Ordni u tathom isimhom, imma wkoll minħabba s-simboliżmu tagħha. L-Għolja tal-Karmel baqgħet tfakkarhom dejjem fil-profeta Elija li ħdejn l-għajn tiegħu kellhom l-ewwel kunvent tagħhom u li huma, bħal ħafna eremiti qabilhom, kienu għażluh bħala mudell tagħhom.[ii] Baqgħet tfakkarhom ukoll fil-Verġni Marija, li fuq dik l-għolja kienu ddedikawlha l-ewwel knisja tagħhom. Ma kinux huma li ħolqu r-rabta bejn din il-muntanja u żewġ mudelli kbar tagħhom. Sa minn ħafna qabel ma kienu waslu huma, il-Karmel kien meqjus minn kulħadd bħala l-muntanja ta’ Elija u kemm Missirijiet il-Knisja u kemm xi leġġendi lokali kienu rabtuh ħafna wkoll mal-Verġni Marija. Fuq kollox l-għolja tal-Karmel biż-żmien saret għall-Karmelitani simbolu ta’ l-ideal tagħhom ta’ għaqda ma’ Alla u t-tlajja' weqfin tagħha simbolu tal-proċess li jwassal għaliha.[iii]

L-isem ta’ l-għolja

L-għolja tal-KarmelĦafna studjużi jfissru l-kelma Lhudija karmel bħala ġnien u jidhrilhom li ġejja mill-għerq k-r-m li jifforma l-kelma kerem li tfisser ġnien tad-dwieli. Studjużi oħra jaħsbu li l-kelma karmel tfisser għamla partikulari ta’ veġetazzjoni li la hi dik tax-xagħri u lanqas dik ta’ foresta b’siġar kbar u għoljin bħal dawk tal-muntanji tal-Libanu. Fi kliem ieħor, karmel hu masġar tat-tip mediterranju, b’siġar żgħar u pjanti. Jixirqilha sew dan l-isem lill-għolja tal-Karmel!

Iżda fit-tradizzjoni karmelitana ġieli ngħataw tifsiriet oħra. Waħda komuni hija dik ta’ “dielja ta’ Alla”. Fl-ikonografija karmelitana spiss tiltaqa' max-xbiha tal-profeti Elija u Eliżew b’dielja f’nofshom. Elija jidher bil-pala f’idu, qisu għadu kemm ħawwilha, u Eliżew b’buqar f’idu qed isaqqiha. L-istampa trid tfisser il-Karmelu, jiġifieri l-Ordni Karmelitana, li l-mitoloġija[iv] karmelitana kienet tqisu mwaqqaf minn Elija li ħallih f’idejn is-suċċessur tiegħu Eliżew.[v] Skond din it-tifsira l-kelma karmel ġejja mir-rabta flimkien ta’ żewġ kelmiet, kerem li tfiser ġnien tad-dwieli u ‘el li tfisser Alla. Sabiħa kemm trid din it-tifsira, imma mhi xjentifika xejn.

Inqas xjentifika minnha hija t-tifsira mogħtija minn Oriġene u San Ġlormu li dehrilhom li kaemel tfisser “ix-xjenza taċ-ċirkunċiżżjoni” għax ġejja minn mul li tfisser ħatan jew għamel iċ-ċirkunċiżżjoni lil xi ħadd. Din it-tifsira wkoll kienet popolari ħafna fit-tradizzjoni karmelitana li rabtitha ma' l-idea tas-safa tal-qalb[vi] li dejjem kienet għażiża ħafna għall-ispiritwalità ta’ l-Ordni.

Ftit ġografija

L-għolja tal-KarmelMin qatt ma mar l-Art Imqaddsa aktarx jimmaġina li l-Karmel hu għolja jew muntanja bħal dawk li naraw fl-istampi, miftuħa minn isfel u tibqa' tiela' ħelu ħelu ‘l fuq, tiċkien u tiċkien sa ma tilħaq il-quċċata. Xejn minn dan. Il-karmel aktar mili għolja huwa medda kbira ta’ għoljiet li tinfirex f’għamla ta’ trianglu għal madwar 150 kilometru kwadru. Qegħda fit-tramuntana ta’ l-Art Imqaddsa, mhux ‘il bogħod mill-Galilija. It-tarf ta’ fuq ta’ dan it-trianglu ta’ għoljiet jibqa' ħiereġ u jintefa' fil-baħar Mediterran. Dan it-tarf li għandu l-baħar miż-żewġ naħat jissejjaħ Ras il-Karmel, bil-Lhudi Roxha karmel. Minn hawn it-trianglu jinfetaħ l’isfel bil-mod il-mod, dieħel dejjem aktar ‘il ġewwa fl-art u l’bogħod mill-baħar. In-naħa li tagħti għal fuq il-baħar Mediterran twila 30 kilometru u tibqa' miexja ħelu ħelu mal-baħar b’wita żgħira dejjem tiftaħ bejnha u bejnu. Fuq din in-naħa tal-muntanja hemm għadd ta’ widien weqfin, sbieħ u kennija, mżgħuda bl-għerien. Kien f’wieħed minn dawn il-widien, Wadi għajn es-Siaħ, xi erba' kilomerti l’isfel minn Ras il-Karmel, li twieled l-Ordni Karmelitan. In-naħa l-oħra tal-muntanja, dik li tagħti fuq ġewwa, twila 25 kilometru u taqa' f’daqqa f’post magħruf bħala El-Muhraqa (il-post tas-sagrifiċċju). Huwa il-post tas-sagrifiċċju ta’ Elija (ara 1Slat 18,20-45), post ta’ ġmiel li jsaħħar għax minn hemm fuq iġġib taħtek il-wita għammiela ta’ Ġeżragħel u tilmaħ l-għoljiet ta’ Nażaret, it-Tabor, u l-għoljiet tas-Samarija. L-ogħla quċċata tal-Karmel tilħaq il-548 metru, filwaqt li l-għoli ta’ Ras il-Karmel, it-tarf li jagħti għal fuq il-baħar, hu ta’ 200 metru, u dak ta’ El-Muhraqa 484 metru. Sal-bidu tas-seklu għoxrin il-Karmel kien veru masġar mediterranju b’siġar tal-prinjol, ballut, deru u oleandru. Kien fih ħafna annimali: għażżiela l-aktar, imma wkoll ċingjali, ġakalli, xi lpup u volpijiet u saħansitra ġieli ntlemaħ xi leopard. Kienu jittajru fih ukoll għadd kbir ta’ għasafar. Minn dak il-ġmiel kollu illum fadal biss irqajja' ta’ boskijiet ‘l hawn u ‘l hemm, għax mad-dawra kollha ta’ Ras il-Karmel u saħansitra fuqha u aktar ‘il ġewwa wkoll, inbniet il-belt moderna ta’ Ħajfa, minbarra għadd ta’ rħula żgħar imxerrda tul il-muntanja kollha.

Muntanja mqaddsa

F’kull reliġjon u kultura l-muntanji kienu dejjem meqjusa bħala mkejjen qaddisa u saħansitra għamajjar ta’ l-allat. Dan għaliex il-muntanji huma postijiet għolja, bil-quċċata tagħhom qalb is-sħab tas-sema. Il-muntanja li togħla mill-art biex donnha tipprova tilħaq is-sema tfisser tajjeb ix-xenqa tal-bniedem li jsib lil Alla u jingħaqad miegħu. Fil-Bibbja wkoll il-muntanji huma meqjusa bħala postijiet qaddisa, ibda mill-muntanja Ararat li minnha bdiet il-ħajja l-ġdida wara d-dilluvju (ara Ġen 8,1-9) u spiċċa f’Ġerusalemm il-ġdida nieżla mis-sema fuq “muntanja kbira u għolja” (ara Apk 21,10). Fil-qalba tal-ġrajja biblika hemm il-belt ta’ Ġerusalemm, il-belt qaddisa mibnija fuq “l-għolja li Alla Il-Profeta Elija bejn żewġ artaligħażel b’għamartu” (S 68,17). Għalhekk ma nistagħġbux li l-Karmel ukoll kien meqjus bħala muntanja qaddisa sa mill-ibgħad żminijiet. Il-fatt li fuq il-muntanja s’issa qatt ma nstab xi fdal arkeoloġiku li juri sinjali li fil-qedem kienu joqgħodu n-nies fuqha, imma nstab ħafna fdal madwarha, jista' jkun sinjal li l-muntanja kienet meqjusa bħala post qaddis u għalhekk mhux adatt biex wieħed joqgħod fih. Xi skrizzjonijiet li jmorru lura lejn is-sekli 15 sa 12 qabel Kristu jsejħulha rox qadex (ras qaddisa, fejn “ras” tfisser ponta għolja ta’ art li toħroġ ‘il-barra fil-baħar). Skond skrizzjoni rumana, il-Feniċi, li sa fiż-żminijiet bibliċi l-għolja tal-Karmel kienet tagħmel parti minn arthom, kienu jqimu fuqha lil Ħadad, il-Bagħal (jiġifieri s-Sid) tal-Karmel. Fi skrizzjonijiet ta’ l-Assirja l-Karmel jissejjaħ Bali-rasi (Bagħal ta’ ras il-Karmel). Imma minn dak li jingħad f’1 Slat 18,20, li Elija “reġa' waqqaf l-artal tal-Mulej li kien iġġarraf”, jidher li l-Mulej, Alla ta’ Iżrael, ukoll kien meqjum fuq il-Karmel. Forsi għalhekk Elija ried jisfida lill-profeti ta’ Bagħal proprju fuq il-Karmel, għax il-Karmel, fruntiera bejn Iżrael, it-teritorju tal-Mulej, u l-Feniċja, it-teritorju ta’ Bagħal, fejn iż-żewġ allat kienu meqjuma t-tnejn li huma, kien juri sewwa l-qagħda tal-poplu indeċiż jekk imurx wara l-Mulej jew wara Bagħal (ara 1Slat 18,21).

Minn żmien il-persjani sa żmien il-Biżantini (bejn ir-raba' seklu qabel Kristu u r-raba' wara Kristu), il-Karmel kien sar muntanja ddedikata lill-alla Żeus Carmelus Heliopolitanus. Dan x’aktarx li mhux ħlief Bagħal il-Karmel mogħti isem grieg. L-istoriċi rumani Plinju u Taċitu jsemmu l-altar tiegħu fuq il-muntanja u fit-tħaffir arkeoloġiku li sar fis-seklu għoxrin instabu sieq ta’ rħam b’wegħda lil dan Zeus Carmelus Heliopolitanus kif jgħid il-kliem imnaqqax fuqha.[vii]

Fiż-żmien il-Biżantini mbagħad il-Karmel sar il-muntanja ta’ Elija u baqa' hekk sal-lum, kemm għall-Insara, kemm għal-Lhud u kemm għall-Misilmin. Illum hemm tliet santwarji ddedikati lilu, sinagoga ta’ Elija taħt Ras il-Karmel, l-għar ta’ Elija fil-bażilika ta’ Stella Maris, u s-santwarju tas-sagrifiċċju f’El-Muhraqa. L-Insara, u l-aktar il-Karmelitani, iqimu fuq il-Karmel ukoll lill-Verġni Marija li għandha santwarju ddedikat lilha fuq il-quċċata ta’ Ras il-Karmel, il-bażilika ta’ Stella Maris li hi f’idejn il-patrijiet Karmelitani Skalzi.


Noti:

[i] Il-Karmelitani Skalzi (it-Tereżjani) ħadu f’idejhom il-muntanja fl-1631 u għadhom hemm sal-lum.

[ii] Fl-1226, l-isqof ta’ Akri Ġakbu de Vitry kiteb hekk: “Irġiel qaddisa ċaħdu d-dinja u mixgħulin b’ħeġġa għall-ħajja reliġjuża għażlu l-aktar postijiet adatti għall-ideal u d-devozzjoni tagħhom, skond il-ġibdiet partikulari u x-xewqat tagħhom ... Xi wħud bdew jgħixu bħala eremiti fl-imitazzjoni tal-ptofeta Elija, bniedem qaddis u solitarju, fuq l-għolja tal-Karmel li qegħda ħdejn il-belt ta’ Porfirja u Ħajfa, ħdejn l-għajn magħrufa bħala l-għajn ta’ Elija”.

[iii] Biżżejjed niftakru fil-ktieb “It-Telgħa ta’ l-Għolja tal-Karmel” ta’ S. Ġwann tas-Salib u t-talba tal-Quddiesa u l-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira Solenni ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja Tal-Karmel (16 ta’ Lulju).

[iv] B’mitoloġija qed nifhem stejjer dwar l-imgħoddi mbiegħed li l-iskop tagħhom mhux li jgħidulna x’ġara, imma li jippruvaw jispjegaw x’hemm 'il ġewwa mill-qoxra ta’ l-affarijiet kif inhuma llum. Il-mitoloġija toħloq stampa ideali fil-passat li biha tipprova twassal ċerti valuri u ideali li wieħed jixtieq jarahom fil-preżent.

[v] Il-mitoloġija Karmelitana bdiet tissawwer bil-mod il-mod sa mis-seklu tlettax u laħqet il-quċċata tagħha fil-ktieb De institutione primorum monachorum (Il-Formazzjoni ta’ l-Ewwel Irħieb) tal-Karmelitan Filippu Ribot mill-Katalunja, miktub għall-ħabta ta’ l-1370. Minkejja li ma għandha ebda bażi storika, din il-mitoloġija tfisser tajjeb l-ideal veru ta’ l-Ordni u tpinġih imlaħħam fil-profeta Elija.

[vi] Mhux la kemm tiġbor fi ftit kliem xi tfisser l-espressjoni “safa tal-qalb”. Bi kliem tal-lum nistgħu forsi nfissruha bħala motivazzjoni ċara, bla ħafna motivazzjonijiet moħbija, jew biex niftehmu aħjar, intenzjoni retta. Din mhux xi idea li ħolquha l-Karmelitani. Dejjem kienet ideal kbir tal-monaċi. Il-Karmelitani ħaddnuha mal-ewwel u rabtuha ma' l-ispiritwalità marjana u eljana tagħhom. Ir-Regula tistedinna ngħixu “fl-ubbidjenza ta Ġesù Kristu u naqduh fedelment b’qalb safja u b’kuxjenza tajba. Fil-ktieb De institutione primorum monachorum (ara nota 4) insibu s-safa tal-qalb bħala l-ewwel għan tal-Karmelitani. Santa Marija Maddalena de’ Pazzi żviluppat ħafna u b’mod originali l-idea tas-safa tal-qalb.

[vii] Din is-sieq votiva wieħed jista' jaraha fil-mużew tal-bażilika ta’ Stella Maris, fuq Ras il-Karmel.

[Dan l-artiklu deher fil-Programm tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta - 2002, pp. 27-31.]


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage