Storja

L-Ordni Karmelitan


IL-FESTA TAL-MADONNA TAL-KARMNU:
QDUMIJIET U GĦANIJIET

Valentin Borg Gusman, O.Carm.

Kull sena, fis-16 ta’ Lulju, niċċelebraw b’solennità kbira l-Festa tal-Madonna tal-Karmnu. Għalina l-Maltin u Għawdxin hija festa għażiża ħafna. Hekk hi wkoll għall-Ordni Karmelitan kollu u għal dawk kollha fejn dan l-Ordni xenxel għeruqu u warrad. Saħansitra din il-festa tiġi ċċelebrata f’bosta pajjiżi u parroċċi barra mill-Ordni Karmelitan. Għalhekk kien jixraq li l-Papa Pawlu VI jmur jiddikjara din il-Festa b’waħda Ekkleżjali.

Se nagħtu tagħrif dwar il-qdumijiet u l-għanijiet tat-twaqqif ta’ din il-festa u l-problemi marbutin magħhom, l-aktar jekk din il-festa kellhiex, fil-bidu tagħha, xi rabta mal-għotja tal-Labtu tal-Karmnu.

Qdumijiet il-festa

L-eqdem tliet dokumenti li jitkellmu mill-festa tal-Madonna tal-Karmnu, huma:
(a) Kalendarju astronomiku (1386);
(b) Brevjar-Messal (1375-1393);
(c) Messal (1387-1393).

a) Il-Kalendarju astronomiku

Dan il-Kalendarju jinsab f’kodiċi tal-British Museum (ms. Arundel 347). Jista' jkun li mhux eqdem mit-tieni dokument li semmejna, imma tingħata lilu l-ewwel preferenza minnħabba fid-dettalji u ż-żmien mogħtija mill-istess awtur.[1]

L-awtur tal-Kalendarju huwa Nicholas ta’ Lynn, Karmelitan, Lecturer fit-Teoloġija:

“Praesens Kalendarium ego frater Nicholaus de Linea, ordinis beate Dei Genitricis Marie de Monte Carmeli, inter lectores sacre theologie minimus et indignus, composui”.[2]

Minn fonti oħra nafu li Lynn mhux kunjom l-awtur, imma isem il-belt li minnha kien ġej; qiegħda fir-reġjun ta’ Norfolk, Ingilterra. Nicholas ħaddan l-Ordni Karmelitan f’kunvent fis-subborg tal-belt ta’ Norfolk. Bniedem ta’ kultura kbira fix-xjenza naturali, hu kien fi żmienu kosmografu u astronomu magħruf. Kiteb bosta xogħlijiet astronomiċi, l-aqwa fosthom il-Kalendarju. Xi wħud isemmuh b’tifħir għall-għerf tiegħu fil-matematika, oħrajn bħala teologu mill-aħjar.[3] Miet fi tmiem is-sena 1390 jew f’xi snin wara. Ma setax miet fis-sena 1370, kif iżommu xi wħud, għaliex f’manuskritt tal-Bibljoteka Bodleana ta’ l-Università ta’ Oxford, l-awtur jitkellem mill-eklissi tax-xemx fl-emisferu tal-belt ta’ Oxford mill-1376-1390.[4]

Id-data kategorika tal-kompożizzjoni tal-Kalendarju hi dik tal-1386:

“Praesens Kalendarium... composui anno eiusdem Domini nostri Iesu Christi 1386”.[5]

Għalhekk ma nistgħux nifhmu kif ċerti storiċi jiktbu “circa” (Zimmerman), “circiter” (Forcadell), “prima” (Boaga) is-sena 1386. Min-naħa tiegħu Kallenberg jikteb: “probably in 1387”.[6]

Kien hemm żewġ motivi li wasslu lil Nicholas ta’ Lynn biex jikkomponi dak il-Kalendarju. L-ewwelnett, biex b’hekk jagħti ġieħ u glorja lil Ġesù Kristu u ‘l Ommu l-Verġni Marija. Il-tieni, biex jikkuntenta l-Prinċep John, Duka ta’ Lancaster, għat-talba li kien għamillu:

“...(composui) ad eius (Christi) laudes at magnificentiam et Genitricis sue Marie intemerate Virginis, ordinis nostri Patrone specialis, necnon ad petitionem et complacentiam illustrissimi principis dommini Iohannis, ducis Lancastrie”.[7]

Il-kalendarju tal-kodiċi tal-British Museum li semmejna (Arundel 347) fih 46 folja. Ta’ interess partikulari hija l-f. 18, għax tagħti d-data tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu u l-isem tagħha kif kienet magħrufa dak iż-żmien: “XVI Kal. Augusti: Commemoratio solemnis sancte Marie”, jiġifieri, 17 ta’ Lulju: Tifkira Solenni ta’ Santa Marija,[8]

b) Iż-żewġ dokumenti l-oħra

It-tieni dokument huwa Brevjar-Messal tal-Bibljoteka Bodleana ta’ l-Università ta’ Oxford (ms. 9). Skond Zimmerman, hu tal-1399.[9] Saggi jidhirlu li Forcadell huwa wkoll ta’ l-istess fehma,[10] imma dan mhux minnu. Forcadell iniżżel biss dak li jgħid Zimmerman mingħajr ma jesprimi ruħu. Żgur li hu jgħid, li forsi dan id-dokument huwa eqdem mill-Kalendarju astronomiku, imma billi huwa nieqes minn ċerti ħżuż paleografiċi li jistgħu jiddeterminaw iż-żmien eżatt tiegħu, ma nistgħux nipprovaw li huwa anterjuri għall-ieħor.[11] Min-naħa tagħhom Saggi u Boaga jsegwu lil Kallenberg, li jagħti s-snin 1375-1393.[12]

Il-Festa li qegħdin nitkellmu minnha tinsab f’żewġ postijiet ta’ dan il-Brevjar-Messal, f’ f.199: “XVI Kal. Augusti, Sollemnis memoria beate Marie Virginis”, u f’ f.344: “In sollemnitate commemoracionis beate Marie". Jiġifieri, fis-17 ta’ Lulju ssir it-Tifkira Solenni tal-Beata Verġni Marija.

It-tielet dokument hu Messal tal-British Museum ta’ Londra (ms. Addit. 29704-29705, 44892). Kienet Margaret Rickert, Professoressa ta’ l-Arti fl-Università ta’ Chicago li, bl-akbar sabar, għaqqdet flimkien l-għadd kbir ta’ biċċiet ta’ dan il-Messal. Irnexxielha tidentifikah. Kien jintuża mill-Karmelitani ta’ Londra. Għad-data ta’ l-oriġini tiegħu, hi qagħdet fuq dik mogħtija minn Zimmerman: 1376/1391,[13] imma studjużi oħra, bħal Kallenberg, jaħsbu li huwa iżjed tardiv: 1387-1393.[14]

Dan id-dokument huwa ta’ interess partikulari mhux biss għax fih il-festa tat-Tifkira Solenni li kienu jiċċelebraw il-Karmelitani, imma wkoll għaliex huwa l-eqdem dokument li jagħtina ħjiel tal-liturġija ta’ nhar il-festa. L-Uffizzju divin u l-Quddiesa kienu jittieħdu minn dawk komuni tal-Madonna ta’ nhar ta’ Sibt. Kulma kien hemm proprju kienu “Oremus” fl-Uffizzju u fil-Quddiesa, kif ukoll il-Flos Carmeli u t-talba (Secreta) li jgħid is-saċerdot wara l-Offertorju. Għalhekk, billi f’dan id-dokument tissemma l- Flos Carmeli, forsi kien hemm xi rabta bejn il-festa tat-Tifkira Solenni u dik tal-Labtu tal-Karmnu.

Kulħadd jaqbel li, mill-eqdem tliet dokumenti li semmejna, jirriżulta li l-Karmelitani, fit-tieni taqsima tas-seklu XIV, kienu diġà jiċċelebraw il-festa tat-Tifkira Solenni ta’ Santa Marija. L-istudjiżi mbagħad huma lkoll fehma waħda li l-festa kellha bidu bl-Ingilterra,[15] għar-raġuni li l-ewwel kodiċijiet, kemm ta’ l-Uffizzju u kemm tal-Quddiesa, huma Ingliżi:

"... L’affermazione si basa sul fatto che i primi codici, sia dell’ufficio che dells messa, sono inglesi”.[16]

Imma għal dak li hu bidu ta’ din il-festa, le ma jaqblux bejniethom; min jgħid qabel u min jgħid wara l-1376. Ukoll jum il-festa huwa xi ftit problematiku.

Bidu tal-Festa

Ir-raġuni taż-żewġ fehmiet differenti li semmejna hija msejsa fuq ġrajja. Fl-1376, il-Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan Bernard Oller ippresida l-Kapitlu Provinċjal tal-Provinċja Karmelitana Ingliza. Sar f’Doncaster, nhar il-festa ta’ l-Assunta.[17] Billi fl-Ordni ma kienx hemm konformità bejn il-Provinċji u kunventi dwar il-festa patronali ta’ l-Ordni Karmelitan – min kien għażel il-Luzjata u min l-Assunta jew il-Kunċizzjoni – hu ried jiġbed ħabel wieħed, kulħadd jagħmel l-istess festa tal-Madonna. Hekk qatagħha u hekk ordna li jsir fl-Ordni kollu: “per totum ordinem observari praecepit”.[18] Liema festa stabbilixxa?

Skond Zimmerman, il-festa ta’ l-Assunta. Għalhekk jirraġuna hu, ladarba l-festa tat-Tifkira Solenni ta’ Lulju nsibuha mniżżla għall-ewwel darba fil-Kalendarju Astronomiku ta’ Nicholas ta’ Lynn, ma setgħetx bdiet jekk mhux bejn 1376/1386. Għalkemm Zimmerman ta’ min jaqlagħlu l-kappell bħala storiku, imma f’din il-ħaġa mhu xejn konvinċenti. Fejn sabha din, li l-Ġeneral stabbilixxa l-festa ta’ l-Assunta? Ix-xhieda li jġib hu, ta’ Robert Ormeskirk, imniżżla f’manuskritt ta’ John Bale.[19] U f’din ix-xhieda ma tissemma l-ebda festa, għajr li nhar l-Assunta tal-1376 kien sar dak il-Kapitlu.[20]

It-tieni fehma, iżjed loġika, hija mħaddna minn Elias Magennis u Augustin Forcadell, it-tnejn Karmelitani. Kemm-il wieħed u kemm l-ieħor iżommu li l-festa kienet twaqqfet qabel l-1386, meta dehret fil-Kalendarju ta’ Lynn. Min-naħa tiegħu Magennis jidhirlu li kienet diġà teżisti qabel 1374/1387, filwaqt li Forcadell, mill-istħarriġ li għamel, jasal għall-konklużjoni li bdiet qabel l-1386, għalkemm żmien l-oriġini tagħha mhux magħeuf.[21]

Magennis jirraġuna li, jekk huwa minnu li l-Ġeneral Nicholas Oller stabbilixxa l-Assunta b’festa patronali ta’ l-Ordni kollu, u mbagħad ftit wara, minkejja l-qawwa tad-digriet Ġenerali, titwaqqaf festa ġdida tat-Tifkira Solenni tal-Madonna, tidher ħaġa barra minn lokha. Għalhekk huwa wisq iżjed probabbli, li l-festa kienet diġà teżisti, u sewwa sew din hija r-raġuni l-għaliex id-digriet tal-Ġeneral ma rnexxilux jeliminha.[22]

Forcadell jagħmilha ċara li t-test ta’ Ormeskirk, kif miġjub minn Bale, huwa oskur ħafna. Hu jidhirlu li Oller ma riedx jordna ħaġ’oħra, għajr li l-festa tal-Verġni Marija jiġu ċċelebrati b’mod solenni, l-aktar dik ta’ l-Assunta, fejn kien qiegħed jiġi ċċelebrat il-Kapitlu, Doncaster. Għalhekk, jekk wiehed jifhem sewwa t-test ta’ Ormeskirk, jasal biex jaqbel ma’ l-argument ta’ Magennis li d-digriet tal-Ġeneral ma kienx effettiv, għaliex qabel kien hemm festa oħra (dik tat-Tifkira Solenni) b’għeruq fil-fond sewwa.[23]

Ta' minn isemmi l-kumment ħelu li jagħmel Magennis dwar il-festa li qegħdin nitkellmu minnha. Jgħid li mhux biss ġabitha żewġ u baqgħet il-festa annwali tal-Patrijiet Karmelitani fl-Ingilterra, imma kkonvertiet il-Provinċji kollha ta’ l-Ordni Karmelitan matul iż-żminijiet.[24] Tabilħaqq bejn l-1400 u l-1540 insibu din il-festa f’bosta Brevjari u Messali ta’ l-Ordni, u fl-ewwel 50 sena tas-seklu XV xterdet bil-mod il-mod fl-Ewropa. L-ewwel fil-Belġju, Bruge, imbagħad fil-Portigal, Lisbona, fl-Irlanda...

Jum il-Festa

Jum il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu għandu bżonn ukoll li jiġi ċċarat. Fit-tliet dokumenti li semmejna, kif ukoll fil-kotba kollha manuskritti: Brevjarji u Messali, il-festa tat-Tifkira Solenni li l-Karmelitani kienu jagħmlu f’Lulju kienet issir fis17 ta’ dak ix-xhar. L-ewwel darba li dehret id-data tas-16 ta’ Lulju kien fi Brevjar ta’ Venezja, 1481. U hekk baqa' jsir fil-kotba liturġiċi stampati tas-sekli XV u XVI, bħalma hu l-Brevjar tal-1490 u 1495, u l-Messali tal-1500, 1504, 1509, kollha mitbugħin f’Venezja. L-eċċezzjoni waħdanija hija l-Brevjar ta’ Brescia tal-1490, fejn jum il-Festa huwa mniżżel fis-17 ta’ Lulju. [25]

Kittieba antiki wkoll jagħtu l-jum 17. Min-naħa tiegħu Baldwin Leers jikteb li l-Festa ssir nhar San Alessju, li tiġi fis-17 ta’ Lulju.[26] Ubale iniżżel: “XVII die iulii Commemoratio...”[27]

Għaliex il-Patrijiet Karmelitani Inglizi kienu għażlu s-17 ta’ Lulju għat-Tifkira Solenni ta’ Santa Marija li maż-żmien bdiet tissejjaħ tal-Madonna tal-Karmnu? Forcadell jgħid, “għal xi raġuni jew oħra li għadna ma nafux”[28] Oħrajn, bħal Boaga, huma tal-fehma li “il-Konċilju ta’ “Lyons II”, skond l-Ingliżi, “kien sewwa sew fil-jum 17 ta’ Lulju (1274) meta approva l-Ordni Karmelitan”[29] Insaħħu din il-fehma b’dak li jikteb Bale, “it-Tifkira ssir fis-17 ta’ Lulju minħabba fid-digriet tal-Konċilju ta’ Lyons”.[30]

Skond Saggi, saret ċerta konfużjoni fl-għażla tas-17. Il-Patrijiet ħalltu l-approvazzjoni ta’ l-Ordni u tar-Regula: l-ewwel approvazzjoni minn Onorju III (1226), id-digriet tal-Konċilju II ta’ Lyons (1274), u dak tal-Papa Bonifaċju VIII (1298). F’dak ta’ Lyons il-Karmelitani u l-Agostinjani tħallew kif kienu, sakemm ma toħroġx xi ordni oħra: “in suo statu manere concedimus, donec de ipsis aliter fuerit ordinatum”. Dan l-istat ta’ inċertezza dam għal 24 sena, sewwa sew sal-5 ta’ Mejju, meta l-Papa Bonifaċju VIII biddel il-kliem tal-Konċilju b’dan il-kliem: “in solido statu volumus permanere”, jiġifieri jibqgħu għal kollox kif kienu qabel, u allura jkunu approvati definitivament bħad-Dumnikani u l-Franġiskani.[31] Għalhekk, billi l-Karmelitani ta’ l-Ingilterra nterpretaw ħażin id-digriet tal-Konċilju ta’ Lyons, ħasbu li kien hu li reġa' approva l-Ordni Karmelitan, b’sens ta’ gratitudni għażlu s-17 ta’ Lulju bħala d-data tal-festa tagħhom. Fil-fatt, f’dik id-data kien ħareġ id-digriet u ntemm il-Konċilju.[32]

Tiġi allura waħidha l-mistoqsija, għaliex il-Provinċji ta’ l-Ordni, meta ħaddnu t-Tifkira Solenni bħala l-festa Patronali ta’ l-Ordni Karmelitan, bidlulha l-ġurnata tagħha: 16 flok 17 ta’ Lulju? Bi żball ta’ l-istampa fil-Brevjar ta’ Venezja tal-1481? Jekk hux iva ma nafux, imma l-istess jum baqa' jirrepeti ruħu fil-kotba liturġiċi mitbugħin fis-sekli XV u XVI.[33] Kien l-influss ta’ dawn it-testi liturġiċi, stampati f’Venezja, li kkontribwew biex minn dak iż-żmien sal-ġurnata ta’ llum jum il-festa tal-Karmnu hu s-16 ta’ Lulju. F’dik l-epoka, fl-Ewropa, is-17 ta’ Lulju kien iddedikat lil San Alessju. Forsi (Forcadell) jew mingħajr forsi (Boaga), kien għalhekk li l-Karmelitani ttrasferew il-festa tagħhom għall-jum ta’ qabel, ħieles kif kien miċ-ċelebrazzjoni ta’ xi Qaddis.[34]

Għanijiet il-festa

Matul iż-żminijiet inkiteb ħafna fuq il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, magħrufa uffiċjalment fil-Liturġija bl-isem It-Tifkira Solenni tal-Beata Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu. Spiss, laktar mill-1600, din il-festa kienet meqjusa bħala l-Festa tal-Labtu. Din il-karatteristika nsibuha fl-ewwel żminijiet tal-Festa? Il-biċċa l-kbira ta’ l-istudjużi jgħidu li le. Min-naħa tiegħu Arie Kallenberg, madwar is-sena 2000, kiteb artiklu biex jipprova li din il-festa, fl-oriġini tagħha, kellha karatteristika għal kollox differenti minn dik tal-Labtu: “the origin of the feast had a totally different character”.[35] Mhux hekk kien jaħsibha Elias Magennis. Jidher ixaqleb miegħu Forcadell.[36] Għalhekk: a) Għal-liema għanijiet twaqqfet il-festa tat-Tifkira Solenni? (b) Hemm xi ħjiel li twaqqfet ukoll minħabba fil-Labtu?

a) Għanijiet ċerti

L-ewwel tagħrif dwar l-iskop li għaliha twaqqfet il-festa tat-Tifkira Solenni ta’ Santa Marija jinsab f’Oremus u f’rakkont. L-Oremus huwa dak misjub fil-Brevjar ta’ Oxford (1375-1393), fejn jingħad li Alla għoġbu jżejjen l-Ordni Karmelitan bit-titlu glorjuż ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Ibnu, u li biex jiddefendih (lill-Ordni) wettaq ukoll mirakli. F’dan il-kliem mhux wieħed u tnejn jaraw allużjoni trasparenti għall-kontroversja ta’ Cambridge. Fl-1374, xi studenti ta’ dik l-Università bdew iħaqquha li mhux minnu li l-Ordni Karmelitan kien Ordni Marjan. Għalhekk il-‘magister regens’, John Hornby, kien kostrett jiddefendi l-qdumijiet marjani ta’ l-Ordni quddiem il-Viċi Kanċellier, John Dunwich, u d-dutturi l-oħra preżenti ta’ l-Università. L-avversarju tiegħu kien Dumnikan, John Stokes, li hemm suspett li kien hu li xewwex lill-istudenti. Is-sentenza nqatgħet favur il-Karmelitan. Stokes argumenta li mhux il-Verġni Marija kienet il-Patruna tal-Karmelitani, imma Santa Marija Egizijaka, li qabel ma kkonvertiet kienet mara tad-dnub.[37]

Kemm u liema huma l-mirakli li għamel Alla biex jiddefendi l-Ordni Karmelitan, insibhom imniżżlin fir-rakkont, attribwit lil Nicholas Kenton, Provinċjal tal-Karmelitani ta’ l-Ingilterra mill-1444 (+1468). Billi huwa rakkont popolari antik u kien jinqara fil-lezzjonijiet ta’ l-Uffizzju divin nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, għalhekk hu magħruf bl-isem ta’ “Legenda Inviolabilis antiquitatis”. [38]

Il-kalendarju tal-Brevjar Karmelitan ta’ Ferrara (1459-1478), jitkellem minn miraklu wieħed: “Commemoracio sollemnis beate Mariae Virginis ob miraculum ab ipsa gestum”. Bil-maqlub, f’Brevjar Ġermaniż (1476) jissemma aktar minn miraklu wieħed: “solempnis commemoracio miraculorum”. Jekk il-miraklu jew mirakli li se nsemmu humiex veri mirakli jew le, mhux ta’ min ifittex l-irqaqat, għaliex għan-nies ta’ dawk iż-żminijiet kienu ħaġa ħafifa li jitkellmu minn mirakli li ma kienux hekk f’sens dejjaq.[39]

Mingħajr dubju, f’dak ir-rakkont hemm referenza ċara għall-motiv tal-festa tat-Tifkira Solenni. L-iskop hu, biex nagħtu l-akbar ġieħ lil Avukata hekk kbira. It-titlu ta’ Aħwa ta’ l-Imqaddsa Marija tal-Karmnu, li bih aħna nissejħu u li hu approvat mill-Knisja, huwa żgur l-akbar glorja tagħna:

“Praesentis itaque diei celebritas nos edoceat tam praecellentis Advocatae laudes ampliare devotas. Titulus certe felicis fastigii nos attollit, quo Fratres beatae Mariae de Carmelo sacra approbante Ecclesia vocitamur”.[40]

Il-miraklu mbagħad li jissemma f’dak ir-rakkont hu tad-dehra tal-Madonna lill-Papa Onorju III, biex twiddbu ħalli ma jeqridx l-Ordni Karmelitan, kif kienu tawh il-parir iż-żewġ Kardinali li kien qabbad jistudjaw il-każ tal-Karmelitani vis-à-vis il-Konċilju tal-Latern IV. Mhux talli ma jeqridhomx, imma talli kellu jikkonferma l-Ordni u r-Regula tagħhom. Żiedet tgħidlu, li dawk iż-żewġ Kardinali dak il-lejl stess kellhom jisfaw mejta. Meta l-għada ra li tassew seħħ dak li qaltlu l-Madonna, qatagħha li japprova l-Ordni.[41]

Għedna li, f’Brevjar Ġermaniż tal-1476, jissemma aktar minn miraklu wieħed. Fil-fatt, xi wħud jagħtu wkoll il-miraklu ta’ Chester, għaliex jidhrilhom li hemm allużjoni għalih fil-kliem: "pro defensione eiusdem miracula suscitasti” (=biex tiddefendi lill-istess/[Ordni Karmelitan] wettaqt mirakli) ta’ l-Oremus li semmejna. Wieħed minnhom hu Zimmerman: “The allusion to the Chester miracle is obvious”.[42] Kallenberg mhuwiex daqshekk żgur. Juża' l-kelmiet “possible”, u “could be”.[43] Bil-maqlub, Forcadell huwa għal kollox kuntrarju; għaliex fehma bħal dik hija barranija għal kollox għat-tradizzjoni ta’ l-Ordni bla ebda fundament:

“Nullatenus vero admittimus in verbis orationis ‘miracula suscitasti’ allusionem fieri ex proposito ad miraculum Cestriae. Haec assertio ab ordinis traditione omnino aliena est; recentius prolata est a B. Zimmerman, et quidem, ut nobis videtur, absque ullo fundamento”.[44]

John Bachontorpe, O.Carm., hu l-ewwel awtur Karmelitan li jikteb dwar dan il-miraklu ta’ Chester f’Laus Religionis.[45] Jgħid li fil-belt ta’ Chester, fl-Ingilterra, billi xi għajjurin għall-Karmelitani, għax dawn kienu jippretendu li għandhom jedd iżjed minn Ordnijiet Reliġjużi oħra li jissejħu servi ta’ Marija, l-abbati tal-monasteru ta’ S.Werburgh ta’ l-istess belt ta’ Chester, organizza purċissjoni kbira sa ħdejn l-istatwa ta’ dik il-Qaddisa. Fil-monasteru, in-naħa tan-nofsinhar tal-kor, u sewwa sew f’ras il-qabar ta’ Godstald, l-eremita (li darba kien imperatur), kien hemm statwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, li permezz tagħha Alla wettaq bosta mirakli. Waqt il-purċissjoni, hekk kif il-Karmelitani qorbu lejn din l-istatwa, fejn kien hemm ħdejha kotra ta’ nies, sellmulha. Il-Madonna qamet fuq riġleja, ippuntat saba' lejn il-Karmelitani u, b’leħen li setà jismgħa kulħadd, qalet: “Dawn huma ħuti, l-għeżież u l-magħżulin tiegħi”. Meta raw dan, dawk li kienu ħaduha kontra l-Karmelitani għamlu penitenza. Minn dak inhar ‘il quddiem, huma bdew iżommu l-Ordni f’ġieħ kbir.[46]

L-abbati ta’ dak il-monasteru kien Thomas de Birchills. Għalhekk il-miraklu ta’ Chester ma setax ġara, jekk mhux fis-snin 1291-1323, għax kien f’dak il-perjodu li Thomas kien l-abbati tal-monasteru ta’ St Werburgħ, Chester.[47]

b) Għan inċert

Il-festa tat-Tifkira Solenni ta’ Santa Marija tas-16 ta’ Lulju maż-żmien inbidlet f’dik tal-Labtu tal-Karmnu. Bdiet tingħata importanza kbira l-ġrajja tal-għotja tal-Labtu lil San Xmun Stock mill-Verġni Marija. U mhux wieħed u tnejn bdew jaraw f’din il-festa għan jew skop ieħor tat-twaqqif tagħha marbut mal-festa Ingliża tat-Tifkira Solenni. Fil-fatt Segerus Pauli, għalkemm ma jżommx l-għotja tal-Labtu bħala l-għan ewlieni tal-festa, imma jidhirlu li bdiet issir b’aktar solennità minħabba fil-Labtu.[48] Ġwann ta’ S. Bernard, wara li jagħti l-motiv tat-twaqqif tal-festa, iżid li wkoll minħabba fil-privileġġ speċjali u singulari tal-Labtu.[49] Skond Daniel a Virgine Maria, il-festa twaqqfet b’tifkira tal-benefiċċji li l-Madonna tat lill-Ordni Karmelitan, speċjalment tal-Labtu Mqaddes.[50] Bħala l-aħħar eżempju nsemmu lil Giuseppe Fornari. L-istess bħal Daniel a Virgine Maria, jidhirlu li l-għan tat-twaqqif tal-festa huma l-“benefiċii e gratie singolari”. Għalhekk, b’sinjal ta’ gratitudni, radd il-ħajr, u tifkira perpetwa li l-Karmelitani jagħmlu dik is-Solennità, fost ir-rigal qaddis tal-privileġġ li hu r-rahan ta’ l-imħabba materna tagħha, “dico del Sacro Scapolare”.[51]

Imma l-maltemp kien għadu ġej. Beneditt Zimmerman, O.C.D., li għall-ewwel, fl-Uffizzju antik tat-Tifkira Solenni, kien ammetta li hemm mistura allużjonijiet għal-Labtu, wara sostna li m’hemm l-ebda ħjiel tad-dehra li kellu S. Xmun Stock jew tal-Labtu. L-għan tal-festa “nullatenus in gratitudinem collati Scapularis”, kien għal kollox mhux b’sinjal ta’ gratitudni minħabba fl-għotja tal-Labtu.[52]

Elias Magennis, O.Carm., deherlu li t-teorija ta’ Zimmerman kienet kuntrarja għal ċerti fatti u t-tradizzjoni. Għalhekk, għalkemm kellu stima kbira ta’ Zimmerman, hu ħass li għandu jikkonfutah. Fil-fema tiegħu, “it is not improbable that there is an indirect reference to the Scapular, in the second prayer” (VI oratio).[53]

Kif jiġri dejjem f’xi kontroversja, issib xi wħud li jżommu ma' naħa u oħrajn li jżommu ma' oħra. Herbert Thurston, S.J., segwa lil Zimmerman b’għajnejh magħluqa.[54] Mhux biss dan il-Ġeżwita, imma wkoll xi awturi Karmelitani ta’ żmienna. Saggi jikteb: “non risulta in alcun modo lo Scapolare”, Boaga jgħid, li t-Tifkira Solenni tal-Beata Virġni Marija tal-Karmnu “non è legata dalle origini allo Scapolare e alla visione di S. Simone Stock”; u Kallenberg (ex Karmelitan) ma jagħmlilhomx għajb. F’artiklu fuq il-festa li qegħdin nitkellmu minnha, jikteb hekk “Spiss, imma l-aktar mill-1600, jintqal b’ċerta enfasi li l-festa tal-Madonna tal-Karmnu kienet prinċipalment festa tal-Labtu”. Jidhirlu li dan mhux minnu. Għalhekk, fuq dokumenti liturġiċi ta’ qabel l-1550, ifittex li jipprova, “That the origin of the feast had a totally different character”.[55]

Oħrajn huma ta’ fema kuntrarja. George Holweck, mil-lezzjonijiet tat-tieni notturn tal-festa, iddeduċa li l-festa twaqqfet b’tifkira ta’ dik id-dehra famuża, li fiha l-Imqaddsa Omm Alla, fis-16 ta’ Lulju 1251, tat l-“insignem Scapularis vestem S.Simoni Anglico”. Min-naħa tiegħu, il-Kardinal Isidor Goma' jtenni kelma b’kelma, bl-Ispanjol, dak li jgħid Holweck.[56]

Augustin Farcadell, O.Carm., huwa l-ewwel wieħed li għamel studju serju fuq l-istorja u l-liturġija tat-Tifkira Solenni tal-Madonna tal-Karmnu, u ppublikah fi ktieb. Mil-lettura ta’ dan il-ktieb Kallenberg ħa l-impressjoni li l-awtur ried jipprova, li din il-festa kienet u għadha qabel xejn festa tal-Labtu, festa ta’ dak il-Labtu li l-Madonna tat lil San Xmun Stock fis-16 ta’ Lulju 1251.[57] Ħa falza stikka? Żgur li Forcadell ikkonfuta b’suċċess u xejjen l-argumenti ta’ Zimmerman, imma ma jidherx li wieħed jista' jasal għal impressjoni bħal dik.

Hu jgħid biss, li ma jiċħadx li l-awtur ta’ l-Uffizzju l-antik tat-Tifkira Solenni ta’ Santa Marija kellu f’moħħu l-Labtu, ħsieb bħal dak huwa ħaġa naturali li jgħaddilu minn rasu, imma mhux leċitu li wieħed imur fil-bogħod aktar minn hekk, jiġifieri li jmur oltri din l-ipotesi jew suppożizzjoni.[58] Din l-interpretazzjoni hija marbuta mal-fehma tiegħu dwar l-oġġett tal-festa li qegħdin nitkellmu minnha. Skond Forcadell, L-oġġett kien dejjem il-Patronat tal-Verġni Marija. Il-Karmelitani waqqfu din il-festa b’tifkira tal-benefiċċji li hi tat lill-Ordni u l-mirakli li wettqet biex tiddefendih (azzjoni dixxendenti), u b’sinjal ta’ radd il-ħajr lil Marija ta’ dak kollu li għamlet magħhom (azzjoni axxendenti). Wieħed minn dawn il-benefiċċji huwa l-għotja tal-Labtu. Għalhekk ma setax jonqos li ma jgħaddilux minn moħħu l-Labtu lill-awtur ta’ dak l-Uffizzju.[59]

Kummenti

Hija Fehma kommuni li l-festa tat-Tifkira Solenni tal-Verġni Marija li l-Karmelitani jiċċelebraw f’Lulju, kellha bidu fl-Ingiltera. Mela hija żgur ħażina l-fehma ta’ dawk li, bħall-Karmelitani Pier Tommaso Saraceni, Daniel a Vitgine Maria u Juan Sylveira, jidhrilhom li l-festa twaqqfet fl-1226, fi żmien il-Papa Onorju III, wara li kkonferma l-Ordni u r-Regula Karmelitana. Għaliex huwa storikament aċċertat li l-Karmelitani emigraw fl-Ingilterra fl-1242.[60]

Minn estrem għal ieħor. Skond Zimmerman, il-festa twaqqfet fis-snin 1376-1386, wara li l-Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan, fl-1376, ordna li l-festa ta’ l-Assunta kellha tkun il-festa Patronali ta’ l-Ordni kollu. Din it-teorija hija ftit u xejn probabbli, jekk mhux ukoll impossibbli. Għax allura jiġi, li l-Provinċja Ingliża qisha sfidat l-ordni tal-Ġeneral u daħħlet festa ġdida tal-Madonna b’Patruna tagħha. Din il-festa hekk kibret li, fl-1386, insibuha diġà mniżżla f’kalendarju astronomiku. Mhux iżjed loġiku l-argument ta’ Magennis li, id-digriet tal-Ġeneral ma kellux effett, għaliex diġà kienet teżisti l-festa annwali tat-Tifkira Solenni ta’ Santa Marija u kienet diġà leħqet niżżlet għeruqha fil-fond?

Għalkemm l-argument ta’ Megennis jidher f’loku, imma ż-żmien li jagħti tat-twaqqif tal-festa ma tantx hu ta’ min joqgħod fuqu. Jgħid, li l-festa bdiet qabel is-snin li għaddew bejn l-1374 u l-1387. Mela f’sentejn titwaqqaf festa u tnissel għeruqha fil-fond? Jekk stess kienet diġà ssir fl-1374, sentejn biss qabel id-digriet tal-Ġeneral, possibbli li l-mannara ta’ dak id-digriet ma kellhiex saħħa tqaċċatha minn għeruqha?

It-teorija ta’ Saggi mhix konvinċenti. Jikteb li l-festa twieldet għal ħabta ta’ tmiem is-seklu XIV, wisq probabbli bħala konsegwenza tar-rebħa tal-Karmelitani fl-Università ta’ Cambridge. Din seħħet fl-1374. Mill-ewwel wara dik ir-rebħa? Jekk iva, mela qabel id-digriet tal-Ġeneral; jekk le, mela wara. U dan il-wara jista' jkun għal ħabta tal-1386 meta deher il-kalendarju ta’ Lynn jew iżjed tard, ladarba, kif qal hu, għal ħabta ta’ tmiem is-seklu XIV. Iżda, li r-rebħa ta’ Cambridge kienet biss okkażjoni, u diffiċli li titwaqqaf festa proprju għal dik ir-raġuni, imma mhux impossibbli għal dawk iż-żminijiet. Għalhekk il-motiv proprju tat-twaqqif tal-festa jidhirlu li hu l-approvazzjoni tas-Santa Sede ta’ l-Ordni Karmelitan u r-Regula tiegħu.[61] Liema approvazzjoni, ta’ Onorju III (1226), tal-Konċilju ta’ Lyon (1274), skond xi wħud jew ta’ Bonifaċju VIII (1298)? Jekk stess din ta’ l-aħħar, kif jidher li jżomm Saggi, bejnha u bejn ir-rebħa ta’ Cambridge kienu għaddew 76 sena. Possibbli l-Karmelitani Ingliżi baqgħu jistennew tliet kwarti ta’ seklu biex tiġihom l-okkażjoni biex idaħħlu l-festa?

Sewwa jgħidu li kappell ma jmejjilx lil ieħor. Boaga ma riedx jikkomprometti ruħu, la ma’ Zimmerman, la ma' Magennis u lanqas ma’ Saggi. Jikteb li l-festa kienet diġà tiġi ċċelebrata fit-tieni ħamsin sena tas-seklu XIV. Min-naħa tiegħu, Kallenberg isegwi lil Saggi, li l-festa twaqqfet bħala konsegwenza tar-rebħa ta’ Cambridge, wara l-kontroversja dwar it-titlu Marjan ta’ l-Ordni bejn Hornby, O.Carm., u Stoker, O.P. Għalhekk l-istess kritika li saret lil Saggi tgħodd għalih ukoll.

L-ikbar diżappuntament (għal dawk li huma interessati li jkunu jafu meta twaqqfet il-festa tal-Madonna tal-Karmnu) huwa l-konklużjoni li wasal għaliha Forcadell. Wara l-istudju estensiv u intensiv tiegħu dwar l-istorja u l-liturġija ta’ din il-festa, spiċċa biex qal li, it-Tifkira Solenni ta’ Santa Marija bdiet tiġi ċċelebrata fl-Ordni Karmelitan qabel l-1386 għaliex kulħadd jaqbel li l-bidu tal-festa kien qabel l-1386. Imma min joqrob lejn il-verità, dawk li jżommu l-1226, 1274, 1298, 1374, jew dawk li, bħal Zimmerman, l-1376/1386?

Fil-fehma tagħna l-festa twaqqfet wara l-Konċilju ta’ Lyons. Diġà Bale jikteb, li t-Tifkira saret minħabba fl-atti tal-Konċilju ta Lyons: “Commemoratio fit pro sctis in concilio Lugdunensi”. F’dak il-Konċilju l-Karmelitani skansaw is-soppressjoni b’xagħra. Tħallew iva “in solito statu” fl-istat tagħhom tas-soltu, imma “donec” sakemm jiġi deċiż mod ieħor. U x’ġara? Malajr l-apoloġisti Karmelitani ggranfaw mal-frażi “in solito statu” u, bona feda jew le, bdew jgħidu li l-Konċilju niżżel “in solido statu”, jiġifieri fi stat żgur. Dehru hekk konvinċenti fi kliemhom li sa Papiet li ġew wara pperswadew ruħhom jużaw dik il-frazi,[62] fosthom Bonifaċju VIII li fil-5 ta’ Mejju 1298 biddel il-kelma “solito” tal-Konċilju f’”solido”. Sewwa sew f’din il-forma d-digriet tal-Konċilju għadda fid-Decretali. B’dankollu, hemm min iżomm li kien Onorju IV l-ewwel wieħed li uża dik il-forma. Fil-fatt Tolomeo ta’ Lucca, kontemporanju ta’ Onorju IV, jikteb li kien dan il-Papa, li “Ordinem Carmelitarum solidavit qui prius in concilio remanserat in suspenso”.[63]

Għalkemm fl-Oremus ta’ l-Uffizzju l-antik jingħad li l-Madonna wettqet mirakli biex tiddefendi l-Ordni, b’dankollu hemm min jaħseb li l-miraklu kien wieħed, dak ta’ Chester. Mela, jekk il-festa tat-Tifkira Solenni saret minħabba f’dak li ġara fil-Konċilju ta’ Lyons, naslu biex ngħidu li fl-ewwel 25 sena tas-seklu XIV il-festa kienet diġà bdiet issir. Għalhekk id-digriet tal-Ġeneral Bernard Oller ma rnexxilux jaqridha, għax kellha għeruq ġludin u fil-fond.

Twaqqfet meta twaqqfet il-festa, ix-xahar li ntgħażel biex tiġi ċċelebrata fih kull sena hu dak ta’ Lulju, ħaġa aċċettata minn kulħadd. Il-jum le. L-Ingliżi kienu għażlu s-17 il-jum ta’ dak ix-xahar. Għaliex? It-tweġiba ta’ Forcadell li, għal xi raġuni jew oħra mhux magħrufa, ma tissodisfa lil ħadd. Lanqas ma tippretendiha minn awtur li għamel studju hekk vast dwar l-istorja u l-liturġija ta’ din il-festa. Iżjed u iżjed, meta huwa stess iġib ix-xhieda ta’ Bale fejn hemm imniżżel ċar u tond il-motiv, jiġifieri li l-festa ssir f’dak il-jum minħabba fil-Konċilju ta’ Lyons.

Saggi, segwit minn oħrajn, bħal Macca u Boaga, ħaddem moħħu u ta’ raġuni li tidher valida. Jgħid, li l-Ingliżi nterpretaw ħażin id-digriet ta’ Lyons. Ħasbu li kien dak il-Konċilju li apprpva l-Ordni Karmelitan. Għalhekk dehrilhom li tkun ħaġa xierqa li jagħżlu s-17 ta’ Lulju, id-data ta’ dak id-digriet.

Meta l-festa tat-Tifkira Solenni ħarġet mill-Ingilterra mbidlitilha d-data. Fl-1481 dehret għall-ewwel darba l-ġurnata tas-16 ta’ Lulju, u baqgħet dejjem hekk sa llum. Jingħataw tliet raġunijiet differenti ta’ din il-bidla. Juan Bautista Lezana, O.Carm., kien tal-fehma li dan sar minħabba d-dehra tal-Madonna lil S. Xmun Stock meta tatu l-Labtu. Dak in-nhar kien is-16 ta’ Lulju.[64] Għalkemm hija teorija li tidher toqrob lejn is-sewwa, imma mhux ħielsa minn ċertu xettiċiżmu. Hija bbażata fuq test ta’ Peter Swanyngton, O.Carm., miġjub minn Jean Cheron, O.Carm., li aktarx mhux awtentiku.

Boaga jistaqsi, jekk id-data tas-16 daħlitx bi żball fil-Brevjar ta’ Venezja tal-1481? Ma jagħti l-ebda tweġiba. Jekk inhu hekk, hawn żball li baqa' jirrepeti ruħu fil-kotba liturġiċi mitbugħin fis-sekli XV u XVI, sa ma fl-aħħar sar id-data uffiċjali.

Forcadell ħareġ b’teorija ipotetika li qabdet art. Tidher konvinċenti. Jgħid, li forsi minħabba fil-festa ta' San Alessju li fl-Ewropa, kienet tiġi ċċelebrata fis-17 ta’ Lulju. Kien Għalhekk konvenjenti għall-Karmelitani li jittrasferixxu l-festa tagħhom għal jum ta’ qabel, 16, li kien għadu ħieles miċ-ċelebrazzjoni ta’ xi festa ta’ Qaddis.

Ngħaddu issa għal xi kummenti dwar l-oġġetti tal-festa. X’kellhom f’moħħhom il-Karmelitani meta waqqfu l-festa tat-Tifkira Solenni tal-Madonna? It-tweġiba trid tkun ibbażata mhux fuq x’jgħid dak jew l-ieħor, imma fuq id-dokumenti li s’issa nafu bihom. U dawn id-dokumenti huma tnejn, Oremus ta’ l-Uffizzju antik ta’ dik il-festa u l-“Legenda Inviolabilis iniquitatis”.

Fl-Oremus għandna ċar u tond li, b’dik il-festa, il-Karmelitani riedu jagħtu ġieħ lil Marija minħabba fit-titlu marjan li bih Alla għoġbu jżejjen lill-Ordni magħżul tagħha u l-mirakli li wettaq biex jiddefendih. Mela l-motiv huwa doppju: it-titlu marjan u l-mirakli b’difiża ta’ l-Ordni.

Li t-titlu marjan ta’ l-Ordni kien missielet ħafna fl-Università ta’ Cambridge, fl-1374, ħadd ma jista' jiċħad jew imieri. Imma minn hekk, jista' wieħed jasal għall-konklużjoni ta’ Saggi, jiġifieri li huwa wisq probabbli li l-festa twaqqfet minħabba fir-rebħa miksuba mill-Karmelitani f’dik il-kustjoni? Le, għax madwar 50 sena qabel diġà f’Chester kien hemm min ħadha kontra l-Karmelitani għall-istess raġuni. Hawnhekk il-Madonna kkonfermat b’miraklu, li bir-raġun il-Karmelitani jġibu dak it-titlu, għaliex huma ħutha, l-għeżież u l-magħżulin tagħha. Min-naħa l-oħra, diġà f’ittra ta’ Innoċenz IV, ta’ Awissu-Settembru 1246, insibu t-titlu ta’ “Aħwa tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu”. Hija ittra sigrieta mibgħuta lill-Isqof ta’ Londra, fejn hu mitlub jgħin lill-Karmelitani. Kien Boaga li ppublika din l-ittra.[65] Ħaġa ta’ l-iskantament! Wara 10 snin l-istess awtur joħroġ bi stravaganza, li r-rebħa tal-Karmelitani f’Cambridge hija waħda miż-żewġ prodiġji tal-Madonna favur il-Karmelitani.

Minbarra l-motiv, fl-Oremus jissemmew “mirakli” li saru b’difiża ta’ l-Ordni, imma l-ebda miraklu mhu msemmi b’ismu. Hemm min jaħseb li dawn il-mirakli huma tnejn, dawk imniżżlin fil-“Legenda inviolabilis iniquitatis”. Hawnhekk jissemmew id-dehra tal-Madonna lil Onorju III (?) biex twiddbu ħalli ma jdumx ma joħroġ id-digriet favur l-Ordni. Tagħtih ukoll x’jifhem, li ż-żewġ “confratres” (Kardinali?), rivali tal-Karmelitani, b’kastig ta’ Alla kienu se jisfaw mejta b’mewta differenti, imma fl-istess “hora” (?).

Xi wħud jattribwixxu dik id-dehra mhux lil Onorju III, għaliex approva r-Regula, imma lil Onorju IV. Għaliex ikkonferma l-Ordni. Dwar il-“confratres”, il-fehma ġenerali hi li kien Kardinal,[66] imma mhux neċessarju li hu hekk, għax dik il-kelma fiha nnifisha tfisser “sħab” jew “soċji” f’xi professjoni, eċċ. Il-kelma “hora” mbagħad jista' jkollha aktar minn tifsira waħda; siegħa, żmien, staġun. L-ismijiet ta’ dawk li sfaw mejta, skond John Bale, wieħed biss kien Kardinal, San Bonaventura; l-ieħor kien San Tumas. It-tnejn kellhom x’jaqsmu mal-Konċilju ta’ Lyons u t-tnejn mietu fl-istess sena 1274, Bonaventura fil-15 ta’ Lulju (jumejn qabel ma ħareġ id-digriet ta Lyons), u l-ieħor fis-7 ta’ Marzu (kważi fl-istess staġun li miet l-ieħor, u t-tnejn mietu ddiżgrazzjati. S. Tumas meta miet, kien fi triqtu lejn Lyons għal dak il-Konċilju. Jgħidu li kien sejjer biex jeqred il-Karmelitani.[67]

L-aħħar kumment hu dwar il-miraklu ta’ Chester. Għedna li fl-Oremus l-antik tal-festa tat-Tifkita Solenni, hemm imniżżel iktar minn miraklu wieħed, għalkemm ma jissemma l-ebda wieħed b’ismu. Xi wħud, bħal Zimmerman, jaraw f’dak il-kliem allużjoni ċara għall-miraklu ta’ Chester. Oħrajn, bħal Kallenberg, mhumiex daqshekk ċerti. Il-miraklu li jitkellem minnu l-Brevjar ta’ Ferrara (1459-1478), huwa possibilment dak ta’ Chester, filwaqt li ż-żewġ mirakli mniżżlin f’Brevjar Ġermaniż (1476), jista' jkun li wieħed minnhom hu ta’ Chester, bil-maqlub, hemm min jiċħad għal kollox (Forcadell) li f’dak il-kliem ta’ l-Oremus hemm “ex proposito” allużjoni għall-miraklu ta’ Chester.

X’kellu f’moħħu l-awtur ta’ dak l-Oremus ħadd ma jaf. Għalhekk ħadd ma jista' jasserixxi jew jinnega li hemm allużjoni għall-miraklu ta’ Chester f’dak il-kliem ta’ l-Oremus. Min-naħa l-oħra wieħed jintebaħ malajr bl-iżball ta’ Zimmerman, għax il-miraklu ta’ Chester ma seħħx fl-1374, imma fis-snin 1291/1323. Iżjed joqrob lejn is-sewwa Kallenberg, meta jiffissa tmiem is-seklu XIII għal dak il-miraklu.

Qabel ma nagħlqu, ma nistgħux inħallu barra l-kustjoni, jekk il-festa tat-Tifkira Solenni ta’ Santa Marija mwaqqfa mill-Karmelitani ta’ l-Ingilterra, kelliex xi rabta mal-festa tal-Madonna tal-Labtu tal-Karmnu. Storiċi (Zimmerman, Saggi, Macca, Boaga) u studjużi oħra (Kallenberg, Copsey), jgħidu li le. Oħrajn ixaqilbu lejn tweġiba pożittiva. Fost dawn ta’ l-aħħar jissemma Magennis. Fil-fehma tiegħu huwa probabbli li hemm riferenza indiretta f’żewġ talbiet. Xejn mhu konvinċenti.

L-aqwa argument huwa bbażat fuq il-Messal ta’ Londra (1387-1393). Fih insibu mniżżla l-Flos Carmeli. Mhix sħiħa, jidhru biss il-kelmiet: “...endor celi virgo”, u “set viri nesci...”. Saggi huwa kuntrarju, għaliex din l-antifona mhix sħiħa, u għalhekk ma nafux jekk hemmx referenza għal-Labtu. Il- “Carmelitis da privilegia”, għalhemm tinsab f’reċenzjonijiet tal-Katalgu tal-Qaddisin Karmelitani, imma fil-kodiċi Staatliche Bibliotek ta’ Bamberg (misc. Lit. 120) hemm il-fażi “esto propita”.[68]

Fuq din il-kustjoni jien diġà ktibt fit-tul.[69] Imma hawnhekk jinteressana nkunu nafu ta’ min hi l-antifona. It-tweġiba hija waħda, ta’ S. Xmun Stock, jew aħjar attribwita lilu. U S. Xmun Stock huwa dak li l-Madonna tatu l-Labtu. Mela, ladarba l-awtur tal-quddiesa l-antika tat-Tifkira Solenni ta’ Santa Marija, niżżel fiha l-Flos Carmeli (sħieħa jew le), ma nistgħux neskludu għal kollox ċerta rabta mal-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Insaħħu kliemna bil-fema ta’ bosta awturi Karmelitani li jinkludu l-Labtu fit-twaqqif tal-festa, bħalma huma Segerus Pauli, Ġwanni ta’ S.Bernard, Daniel a Virgine Maria, Juan Sylvera, Giuseppe Fornari. Magħhom nistgħu nżidu ‘l Augustin Forcadell. Jidhirlu li ma jistax jiċħad li l-awtur ma ġieħx f’moħħu l-Labtu meta kiteb l-Oremus ta’ l-Uffizzju antik tal-festa. Kemm aktar, mela kellu f’moħħu l-Labtu meta niżżel fil-quddiesa l-Flos Carmeli!


[1] Cf. Augustinus M. Forcadell, O.Carm., Commemoratio Solemnis Beatae Mariae Virginis de Monte Carmelo: Historia et Liturgia, Romae, 1951, p.64.
[2] Catalogue of manuscripts in the British Museum, new series, v. 1. London, 1834.
[3] Cf. Daniel a Virgine Maria, O.Carm., Speculum carmelitanum, Antverpiae, 1680, t. II, p. 1119; Cosmas de Villiers, O.Carm., Bibliotheca Carmelitana: ed. Anast. Addito supplemento (cum Gabrielis Wessels, Carmelita), Romae, 1927, pp. 501; Forcadell, o.c., pp.29-30.
[4] Tabula Eclypsium Solis contingentium in hemispherio nostro, ad anno Domini 1376. ad annum 1390. super meridiem civitatis Oxoniae; Ms. Bibl. Bodl. Cod. 1658, in mss. Kenelmi Digbaei, cod. 57, n. 11.
[5] Catalogue of manuscripts... ib.
[6] Benedictus Zimmerman, OCD, Monumenta histotica carmelitana, v. 1, Lirinae, 1907, p. 353. n.4; Forcadell, o.c., p.64; Emanuele Boaga, O.Carm., La Signora del luogo, Roma, 2001, p.145; Arie Kallenberg, The feast of Our Lady of Mount Carmel in the liturgical tradition of the Order, in Carmelus, Romae, 47 (2000) 13.
[7] Catalogue of manuscripts, ib.
[8] Ib.
[9] Cf. Il Carmelo, Milano, 4 (1905) 204.
[10] Ludovico Saggi, O.Carm., Santi del Carmelo, Roma, 1972, p.118, n. 46: “Forcadell..., rifacendosi a Zimmerman, lo aveva detto del 1399”.
[11] Forcadell, p.64: “Fortasse anterius est Missale Musaei Brittanici, ms. Add. 29704-29705, sed signis paleographicis eiusmodi determinationes non adeo exacte produci valent”.
[12] Cf. Saggi, o.c., p.118. n. 46; Boaga, o.c., p. 145.
[13] Cf. The reconstruction of an English Carmelite Missal, in The Burlington magazine, 67 (1935) 99-13; in Speculum. 16 (1941) 92-102.
[14] Kallenberg, o.c., p.13; Saggi, p. 118, n. 46; Boaga, p. 145.
[15] Cf. L-awturi mniżżlin f’n.14; V. Macca, O.C.D., Carmelo, in Nuovo dizionario di Mariologia, Cinisello Balsano (Milano), 1986, p.313.
[16] Saggi, o.c., l.c.
[17] Cf. Robert Ormeskirk, O.Carm., Deconfirmatione ordinis secundum libros (pontifices) et iura. Framment ta’ dan il-ktieb kien ikkonservat minn John Bale. Qiegħed fil-Bibl. Bodl., ms. Bodl. 73, f. 138.
[18] Magennis, The Scapular and some critics, Rome, 1914, p. 235: “The General... endevoured to introduce conformity into the Order”; Archangelus a Regina Carmeli, O.C.D., La Mariologie de Sainte Thèrèse, in Etudes carmelitaines: “Pourquoi cette fete? (Assomption) Comment ne choisit-il pas comme fete de l’Ordre l’Immaculee Conception...? Ou la Maternite de la Vierge, l’Annonciation?...le R.P. Olerius a voul, dans sa visite canonique, unifier les tendances” (XIV, 1929/54).
[19] Cf. Zimmerman, Monumenta, p. 354 fejn hemm imniżżel it-test ta’ Ormeskirk.
[20] Ib.
[21] Magennis, l.c.: “We must of necessity, look for the institution of the feast at least before the years that elapsed between 1374 A.D. and 1387 A.D.”, Forcadell, p. 67: “Haec igitur sit conclusio tenenda: Commemoratio Solemnis Sanctae Mariae in ordine celebrari incepit ante 1386 tempore nobis hucusque ignoto”.
[22] Cf. The Scapular, p. 235.
[23] Commemoratio Solemnis, p.20: “Textus imperfecte exscripti sensus obscurus est", p.73 “... valde obsurus... Olerius nihil aliud praecepisse dicitur nisi ut festa beatae Virginis Mariae solemniter celebrarentur (specialiter, ut videtur, festum Assumptionis, in quo capitulum Doncastriae habebatur)"; p.63: “Ceterum si textus rite intellectus esset, prorsus valeret argumentatio Eliae Magennis, qui antiquiorem originem inde inferebat, persuadens decretum prioris generalis ideo non invaluisse quia praeexistebat alterum festum, quod produndas radices iam immiserat”.
[24] The Scapular, p.235: “...the English Province not only successfully kept its annual feast of the confratres but it also made converts, in due time, of all the other Provinces”.
[25] Cf. Boaga, p.146; is-17 ta’ Lulju hija wkoll id-data miżmuma fil-Ġermanja, fl-1495.
[26] Cf. Daniel a V. Maria, Speculum carmelitanum, t. I, n.1494.
[27] Bibl. Bodl., ms. 73, f. 49.
[28] ‘Ob unam vel aliam rationem nobis adhuc ignotam, patres Angliae 17 iulii pro die Commemoratioinis Marianae in Carmelo elegerunt” (p.68).
[29] Cf., p. 146.
[30] “XVII die iulii Comemoratio fit pro actis in concilio Lugdunensi” (ms. Bodl. 73, ib.).
[31] Cf. Santa Maria del Monte Carmelo, in Santi del Carmelo, pp. 119-120; V. Macca, Carmelo, in Nuovo Dizionario di Mariologia, p. 214.
[32] Cf. Saggi, ib:, fin-nota 52 jżid: “Ph. Riboti, O.Carm.,... afferma che benchè colla clausola ‘donec’, quella del concilio II di Lione fu una approvazione”.
[33] Cf. Boaga, p. 146.
[34] Ib.: “L’imporsi del 16 luglio, al posto del 17, oltre all’influsso esercitato dalla diffusione dei testi liturgici suindicati e stampati in Venezia, contribuì pure il che il 17 luglio in quell’epoca era dedicato, in Europa, a S. Alessio e quindi per i Carmelitani era più conveniente trasferire la loro festa al giorno precedente, ancora libero da celebrazioni di santi"; Forcadell ma kienx daqshekk kategoriku. Jikteb: “Forsitan ob festum s. Alexii, quod dei decima septima in Continenti Europaeo celebrabatur” (p.68).
[35] Cf. a.c., in Carmelus, p.6.
[36] Cf. Magennis, The Scapular, p. 227; Forcadell, p. 73.
[37] Cf. Richard Copsey, O.Carm., Establishment, Identity and Papal Approval: The Carmelite Order’s creation of its legendary history, in Carmelus, 47 (200) 51; kopja kontemporarja tas-sentenza tal-Viċi Kanċellier għadha teżisti fl-Arkivju ta’ l-Università ta’ Cambridge (Ms.48).
[38] “Legenda” hawnhekk ma tfissirx leġġenda=ħrafa, imma lettura (Boaga), qari ta’ ġrajjiet famużi li jkunu fuq fomm kulħadd. Forcadell, o.c., iġib it-test tal-leġenda “Inviolabilis antiquitatis”, mehud mill-kodiċi, Addit. 12195 tal-British Museum, f’pp. 119-122.
[39] Cf. Kallenberg, a.c., p. 14, il-fehma tiegħu l-miraklu li jirreferi għalih il-Brevjer ta’ Ferrara huwa ta’ Chester, imma Chester qatt ma jissemma' b’mod espliċitu fid-dokumenti liturġiċi ta’ qabel l-1500.
[40] Lectio VII (= is-seba' lezzjoni), in Forcadell, p. 122; cf. Saggi, pp. 120-121.
[41] Skond il-Villiers, Bibliotheca Carmelitana (II, pp. 807, 829-831), kien Thomas Bradley/Scrope l-ewwel wieħed li jirreferixxi l-miraklu li semmejna. Imma huwa John Bale li jiddeskrivi bir-reqqa dak li ġara f’Anglorum Heliades, c. 28; (Brit. Libr. Ms. Harley 3838, fol. 25-v). Tajjeb ta’ min jinnota li hemm min hu tal-fehma li l-Papa kien Onorju IV u mhux Onorju III, u li mhux it-tnejn kienu Kardinali imma wieħed biss: S.Bonaventura. L-ieħor kien Dumnikan magħruf, S. Tumas. Saggi jilteb: “Si tratta forse di una reminiscenza della morte di due illustri personaggi, uno domenicano e l’altro francescano...; S. Tommaso morto mentre era in viaggio per Lione, e S.Bonaventura, cardinale, morto il 15 luglio 1274, due giorni prima del celebre decreto. Quanto a S. Tommaso morto ‘perchè andava a far sopprimere i Carmelitani’, se ne parla in un compendio della Cronaca del Villani” (p. 121, no. 55). Minn Bale, imbagħad, nafu kif mietu ż-żewġ Kardinali (?): “One... in the toilet with his stomach ruptured and burst, and the other fallen from the top of a flight of stairs”; cf. Copsey, a.c. p.49.
[42] Origin of the Scapular, in Il Carmelo, 4 (1905) 214.
[43] Cf. a.c., p.6.
[44] O.c. p. 73.
[45] Lib.III, c. 2, in Adrian Staring, O.Carm., Medieval Carmelite Heritage, Rome, 1989, pp. 241-242; Copsey, a.c., p. 49.
[46] Cf. Copsey. A.c., p. 50.
[47] Ib.
[48] Funiculus triplex viginti quatuor beneficiorum nodis contextus, Coloniae, 1643, in Scutum antiquitatis carmelitanae inexpugnabile (a quodam Carmelita Discalcaeto), Vilnae, 1714, p. 287; Speculum carmelitanum, II, n. 1507: “quod deinceps, post acceptum sacrum Scapulare privilegiatum, multo solemnius effectum est”.
[49] Iesus amabilis, Straubingae, 1666, p. 341: Commemoratio solemnis... celebratur solemnissime haec festivas in memoriam liberalissimae ac potentissimae Virginis ob gratias huic suo ordini concessas, ac specialiter ob singularissimum privilegium s. Scapularis.”
[50] De s. Scapularis B.V.M. de Monte Carmeli origine, antiquitate et privilegii, in Speculum carmelitanum, I, n. 2099: “...in memoriam beneficiorum, ordini carmelitano ab eadem Deipara praestitorum, ac speciatim istius eximii in traditione s. Scapularis, tamquam singularis privilegii eiusdem ordinis”.
[51] Anno memorabile de Carmelitani, v. II, Milano, 1688, p. 40.
[52] Zimmerman, Origin of the Scapular; cf. vers. Ital. in, Il Carmelo, 4 (1905) 214; Monumenta historica, p. 335.
[53] The Scapular and some critics, Rome, 1914, p. 227.
[54] Cf. The Irish Ecclesiastical Record, 16 (1904) 65s.
[55] Saggi, Santi del Carmelo, p. 121; Boaga, La Signora del Luogo; Kallenberg, a,c., p. 6.
[56] Holweck, Fasti Mariani, Frieburg, 1892. p. 144; Goma', Maria Santisima, Barcelona, 1942, p.72.
[57] Cf. a.c., p. 6.
[58] O.c., p. 73: “Reapse non negamus mentem auctoris antiqui Officii in sacrum Scapulare sponte convolare dum praelaudata verba acribebat, puto tamen quod ultra hanc suppositionem procedere non liceat”.
[59] Cf. o.c., p. 70. 73.
[60] Saraceni, Menologium Carmelitarum, ed. Bononiensis, 1627, p. 400: “Festum Commemorationis solemnis...quo tempore coeptum, aperiendum. Originem duxisse firmiter sane creditur anno 1226 post miram regulae nostrae confirmationem per Honorum 3. Pontificem Maximum, habitam”; Daniel a Virgine Maria, skond Forcadell (o.c., 52): “festum a tempore Honorii originem duxisse putat... et iam erat ille sermo inviolabilis antiquitatis, videlicet verisimiliter a tempore praefati Honorii tertii, aut aliquando post”, Juan Sylveira, Commentaria in Acta Apostolorum, Lugduni, 1687, p. 480: “Etsi antiquitus a tempore Honorii celebrabatur, post verum acceptum sacrum Scpulare pro tam ingenti beneficio multo maiori applausu et pompa recolitur”.
[61] O.c. p. 119: “Sarebbe stato difficile istituire una festa proprio per quel motivo (ma non impossibile, a quei tempi), comunque era una buona occasione. Come motivo fu scelto la approvazione data della S.Sede all’Ordine e alla sua Regula”.
[62] Cf. Saggi, p. 119, n. 49.
[63] Ib.
[64] Cf. Maria Patrona, in Speculum carmelitanum, I, nn. 1742, 1743.
[65] Cf. Analecta Ordinis Carmelitarum, 41 (1990) 107-111; Copsey, a.c., p.43.
[66] Cf. ‘confrère’, in Dizzjunarju Ingliż-Malti. (psaila-Diacono), v. 1, 1991, p. 454; ‘hora’, in Collins, Latin Gem Dictionary (Latin-English: English-Latin), 1961, p. 153.
[67] Cf. n. 41 ta’ dan l-artiklu.
[68] Cf. o.c., pp. 121-122.
[69] Cf. V. Borg Gusman, O.Carm., Flos Carmeli, in Programm tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta, 1998, pp. 5-17.

[Dan l-artiklu deher fil-Programm tal-Festa tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta - 2002, pp. 3-21.]


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage