IT-TIFHIR TA' SBIĦ IL-JUM
L-Uffiċċju tal-Madonna tal-Karmnu
(verżjoni O.Carm.)
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
V/. Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
R/. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Innu
Sal-quċċata tal-Karmelu
ħa nitilgħu, fejn ħanina
tistenniena l-Verġni Ommna,
kollha grazzi sbieħ għalina.
Hemm bil-ġmiel u l-glorja t'Alla
ser nitgħaxxqu flimkien magħha,
hemm se nħossu ħajja ġdida
u kull driegħ joktor bis-saħħa.
Nixxigħat ta' ilma safi
minn hemm ġejja jsaqqu l-art;
l-art li niexfa, safra, mneżżgħa
dak il-ħin tilbes il-ward.
Għax tistagħġeb? Il-Karmelu
hu f'idejn dik l-Omm ħanina:
kull fejn titfa' l-ħarsa l-Verġni
ġid is-sema jfur għalina.
Il-Missier lil Bintu jsebbaħ,
'l Ommu jżejjen l-Iben Kbir,
lil għarustu jħobb l-Ispirtu,
Trinità nagħtuk tifħir. Amen.
Ant. 1 Iġbidna warajk, Xebba bla tebgħa, ejja niġru: il-fwejjaħ tiegħek fihom riħa li tgħaxxaq.
Salm 62, 2-9
Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xofftejja jxandru t-tifħir tiegħek.
Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b'ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b'xofftejn ferrieħa.
Meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta' gwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Ant. 1 Iġbidna warajk, Xebba bla tebgħa, ejja niġru: il-fwejjaħ tiegħek fihom riħa li tgħaxxaq.
Ant. 2 Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa.
Kantiku Danjel 3, 57-88, 56
Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej, *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta' fuq is-sema, il-Mulej, *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej, *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.
Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej, *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej, *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej, *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej, *
bierku, ljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej, *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.
Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej, *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, egħjun, il-Mulej, *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jziġġ fl-ilma, il-Mulej, *
bierku, tjur kollha ta' l-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej, *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.
Bierek, Israel, il-Mulej, *
faħħru u għollih għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej, *
bierku, qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej, *
bierku, qaddisin u intom ta' qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa' kollu tas-sema, *
ta' min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
Ant. 2 Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa.
Ant. 3 Hienja int, Verġni Marija: nissilt lil dak li għamlek u bqajt dejjem verġni.
Salm 149
Għannu lill-Mulej għanja ġdida; *
fil-ġemgħa ta' ħbiebu t-tifhir tiegħu!
Ħa jifraħ Israel bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom!
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.
Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta' Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b'żewġt ixfar f'idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu gieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Ant. 3 Hienja int, Vergni Marija: nissilt lil dak li għamlek u bqajt dejjem verġni.
Lezzjoni qasira |
Isaija 35, 1-2 |
Ħa jifirħu x-xagħri u l-art niexfa; ħa jithenna x-xagħri u jarmi bħar-ranġis; ħa tithenna bil-ferħ u bil-għana; sebħ il-Libanu jingħata lilha, ġmiel il-Karmel u Saron. Huma jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-kobor ta' Alla tagħna.
Responsorju qasir
R/. Uliedek sejħulek fi żminijiet imwegħra u inti mis-sema tajt widen.
V/. Uliedek sejħulek fi żminijiet imwegħra u inti mis-sema tajt widen.
R/. Fil-ħniena kbira tiegħek tajthom is-salvazzjoni.
V/. U int mis-sema tajt widen.
R/. Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.
V/. Uliedek sejħulek fi żminijiet imwegħra u inti mis-sema tajt widen.
Kantiku ta' Zakkarija |
Luqa 1, 68-79 |
Ant. Qal Ġesu' lil ommu: Mara, hawn hu ibnek. Imbagħad qal lid-dixxiplu: Hawn hi ommok. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Imbierek il-Mulej, Alla ta' Israel, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta' salvazzjoni *
f'dar David qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b'fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-egħdewwa tagħna, *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B'hekk juri ħniena ma' missirijietna *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biza'
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel tissejjaħ profeta tal-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta' dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta' Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Ant. Qal Ġesu' lil ommu: Mara, hawn hu ibnek. Imbagħad qal lid-dixxiplu: Hawn hi ommok. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Preci
Kristu salvatur, l-ewwel iben fost ħafna aħwa, tana lil ommu bħala ommna. Rikonoxxenti lejh, ngħidulu:
Glorja lilek, Mulej, talli tajtna lil Ommok.
Kristu Redentur, li ħejjejt għalik għamara xierqa fl-Imqaddsa Vergni Marija, meħlusa minn kull ħtija;
- agħmel li llum nibqgħu fqar fl-ispirtu u safja f'qalbna fis-servizz tiegħek u tal-Verġni Marija.
O Kelma waħdanija tal-Missier, li tlissnet fis-skiet ta' dejjem u li l-Verġni laqgħet bi mħabba fi ħdanha;
- agħmel li, dawk li sejjaħt biex jaqduk fil-Karmelu, ikunu teżoriera u xandara fidili tal-Kelma tiegħek bħalma kienet Marija.
Kristu l-Imgħallem, li tajt lil kull min ifittxek, lill-Imqaddsa Verġni bħala mudell ta' kull virtù;
- agħti lilna, uliedha, li nkunu fid-dinja xbieha ħajja tagħha u li nimitawha fl-imħabba tal-proxxmu.
Ġesù, Iben ta' Marija, li lil Ġwanni Appostlu, tajtu b'ommu lil ommok biex jilqagħha f'daru;
- agħmel li nsiru dejjem aktar midħla ta' Marija, biex naslu li nħossu l-imħabba tiegħek.
Kristu, għarus tal-Knisja, li bgħatt lill-Ispirtu Santu fuq Ommok Marija, waqt li kienet titlob flimkien ma' l-Appostli;
- agħti lill-Ordni Karmelitan li jibqa' magħqud fit-talb bla heda ma' Marija, biex jiġġedded il-ħin kollu bin-nar ta' l-Ispirtu Santu.
Missierna, li inti fis-smewwiet: jitqaddes ismek; tiġi saltnatek; ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art. Ħobżna ta' kuljum agħtina llum; aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina; u la ddaħħalniex fit-tiġrib; iżda eħlisna mid-deni.
Talba
O Alla, li żejjint lill-Ordni tal-Karmelu bl-isem glorjuż ta' l-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Ibnek, agħtina li, mirfudin bil-għajnuna tagħha, naslu sal-quċċata ta' l-għolja li hu Kristu l-Mulej Alla, li miegħek igħix u jsaltan flimkien ma' l-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni u jwassalna għall-ħajja ta' dejjem. Amen.
IT-TIFHIR TA' FILGĦAXIJA
L-Uffiċċju tal-Madonna tal-Karmnu
(verżjoni O.C.D.)
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
V/. Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.
R/. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Innu
Meta fuq l-art in-nixfa kienet kbira
U b'ħaxix mejjet il-wita mimlija,
Ħafif ittajjar daqs għasfur, u tala'
Fuq il-Karmel Elija.
Hemm mixħut fl-art lil Alla talab ħniena
Li ma jħallix bil-għatx aktar il-wita;
Biex il-frott tagħha l-art għammiela tagħti
Hekk kif jibgħat ix-xita.
U fiss mill-baħar, daqs keffa t'id ta' raġel,
Ra sħaba tielgħa li għattiet is-sema;
Fuq l-art għatxana bdiet ix-xita nieżla;
It-talb t'Elija nstama'.
Aħna wkoll, Verġni, bil-għatx qed immutu;
Mis-sema fuqna n-nida xerred tiegħek
Li l-ħajja tagħti, biex nagħrfu 'l Alla
Li kellek dejjem miegħek.
O Trinità Qaddisa, ħenn għalina;
Permezz tal-merti ta' Ommna Marija
Wassalna fl-għoli, biex nagħtuk għal dejjem
Ġieħ, qima, u foħrija. Amen.
Ant. 1 Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek.
Salm 121
Fraħt meta qaluli: *
"Sejrin f’dar il-Mulej!"
Diġà qegħdin riġlejna *
fi bwiebek, Ġerusalemm.
Ġerusalemm, mibnija bħal belt, *
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribù jitilgħu, *
it-tribù tal-Mulej,
biex, skond il-liġi ta' Israel, *
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq, *
it-tronijiet ta' dar David.
Itolbu s-sliem għal Ġerusalemm: *
"Ħa jkollhom is-sliem
dawk kollha li jħobbuk!
Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek, *
u l-ġid fil-palazzi tiegħek."
Minħabba ħuti u ħbiebi, *
ħallini ngħidlek: "Is-sliem għalik!"
Minħabba f'dar il-Mulej, Alla tagħna, *
nixtieq illi jkollok il-ġid.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Ant. 1 Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek.
Ant. 2 Marija semgħet il-Kelma ta' Alla u ħarsitha, u kienet tgħozzha f'qalbha.
Salm 126
Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, *
għalxejn jitħabtu l-bennejja.
Jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt, *
għalxejn jishar il-għassies.
Ma jiswielkom xejn li tbakkru, *
jew li ddumu ma tistrieħu
u li tieklu ħobż it-tbatija;
għax hu jipprovdi lill-għeżież tiegħu.
Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, *
ħlas tiegħu hu frott il-ġuf.
Bħal vleġeġ f'id il-ġellied, *
hekk huma wlied iż-żgħożija.
Hieni l-bniedem li għandu l-ħorġa mimlija bihom! *
Ma jinfixilx meta jiltaqa' ma' l-għedewwa f'bieb il-belt.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Ant. 2 Marija semgħet il-Kelma ta' Alla u ħarsitha, u kienet tgħozzha f'qalbha.
Ant. 3 L-Appostli kienu lkoll qalb waħda jitolbu flimkien ma' Marija, Omm Ġesù.
Kantiku - Efesin 1, 3-10
Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu *
li mliena b'kull xorta ta' barka spiritwali,
fis-smewwiet, fi Kristu.
Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja *
biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba;
iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta' Ġesù Kristu *
skond ma għoġob lir-rieda tiegħu,
għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, *
li biha mliena fil-Għażiż tiegħu.
Fih aħna għandna l-fidwa, bid-demm tiegħu, *
il-maħfra tad-dnubiet,
skond il-għana tal-grazzja tiegħu, *
li biha fawwarna fil-għerf u l-għaqal kollu:
hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu,
skond il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, *
u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet:
jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, *
kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Ant. 3 L-Appostli kienu lkoll qalb waħda jitolbu flimkien ma' Marija, Omm Ġesù.
Lezzjoni qasira |
Gaatinl 4, 4-6 |
Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat 'l Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta' wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta' Ibnu f'qalbna jgħajjat: Abba! Missier!
Responsorju qasir |
Isaija 61, 10 |
V/. Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej. Taqbeż bil-ferħ ruħi b'Alla tiegħi.
R/. Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej. Taqbeż bil-ferħ ruħi b'Alla tiegħi.
V/. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni.
R/. Taqbeż bil-ferħ ruħi b'Alla tiegħi.
V/. Glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.
R/. Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej. Taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.
Kantiku ta’ Marija |
Luqa 1, 46-55 |
Ant. Illum Marija Verġni ġiet mogħtija lilna bħala Omm. Illum ġietha ħniena minna. Illum il-Karmelu jifraħ u jithenna bis-solennita’ tal-Verġni Mbierka li żejnitu bi ġmielha.
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, *
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f'Alla is-salvatur tiegħi.
Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu *
Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; *
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien *
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta' driegħu, *
xerred lil dawk li huma mkabbra f'qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, *
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ, *
u l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn.
Ħa ħsieb Israel, qaddej tiegħu, *
għax ftakar fil-ħniena tiegħu.
- bħalma wiegħed lil missirijietna *
b'riżq Abraham u nislu għal dejjem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Ant. Illum Marija Verġni ġiet mogħtija lilna bħala Omm. Illum ġietha ħniena minna. Illum il-Karmelu jifraħ u jithenna bis-solennita’ tal-Verġni Mbierka li żejnitu bi ġmielha.
Preċi
Waqt li niċċelebraw it-Tifkira ta' l-Imqaddsa Omm Alla, Titular u Patruna tagħna, ejjew nitolbu b'qalbna qawwija lil Sidna Ġesù Kristu, u ngħidulu:
Għall-interċessjoni ta' Omm il-Karmelu, ismagħna, nitolbuk, Mulej.
Inti għidt: Henjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet;
- agħmel li aħna, mimlijin bl-ispirtu ta' faqar, nimitaw il-qaddejja tiegħek Marija li tiżboq lil kulħadd fl-umilta' u l-faqar tal-Mulej.
Inti għidt: Henjin dawk li huma safja f'qalbhom, għax huma jaraw 'l Alla;
- agħti li, fuq l-eżempju tal-Verġni bla tebgħa, ngħożżu s-safa tal-qalb, sabiex nixxenqu dejjem għall-kontemplazzjoni ta' wiċċ il-Missier.
Int għidt: Henjin dawk li ma rawx u emmnu;
- agħti li f'dan il-pellegrinaġġ tal-lejl tal-fidi, flimkien ma' Marija dejjem imbierka għax emmnet, ningħaqdu aktar miegħek, waqt li dejjem nemmnu iżjed f'imħabbtek għalina.
Inti għidt: Jeħtieġ titolbu dejjem bla ma taqtgħu;
- għallimna nitolbu sabiex, waqt li lkoll qalb waħda nitolbu bla waqfien flimkien ma' Marija, ngħożżu l-Kelma tieghek f'qalbna u nxandruha 'l ħutna.
Inti għidt: Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu 'l xulxin bħalma ħabbejtkom jien;
- agħtina li naqduk ma' Marija fl-opra tal-fidwa u ma nibżgħux li nagħtu ħajjitna għal ħutna, biex inkunu lkoll qalb waħda u ruħ waħda.
Int minn fuq is-salib għidt lil San Ġwann li kien qed jidher f'isimna: Hemm hi Ommok;
- agħmel li jum wara l-ieħor, nagħrfu dejjem aktar lil Marija bħala Omm il-grazzja, u bħall-Appostlu nilqgħuha għandna, sabiex nogħġbuk fl-intimita' tagħna magħha.
Inti għidt: Jiena rrid, Missier, li dawk li tajtni jkunu fejn inkun jien;
- agħti lill-insara kollha li, għax mogħtija lilek u lil Ommok Marija fit-tqassim kollu ħniena tal-grazzji skond ir-rieda divina tiegħek, jithennew għal dejjem miegħek fil-glorja tal-Missier.
Missierna, li inti fis-smewwiet: jitqaddes ismek; tiġi saltnatek; ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art. Ħobżna ta' kuljum agħtina llum; aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina; u la ddaħħalniex fit-tiġrib; iżda eħlisna mid-deni.
Talba
Ikunilna ta' għajnuna, nitolbuk, Mulej, it-talb tal-glorjuża Verġni Marija, Omm u Sultana tal-Karmelu, biex, bil-għajnuna tal-ħarsien tagħha, jistħoqqilna naslu għand Kristu, li hu l-perfezzjoni vera tagħna. Li hu Alla, u miegħek igħix u jsaltan, flimkien ma' l-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni u jwassalna għall-ħajja ta' dejjem. Amen.