NOVENA LILL-MADONNA TAL-KARMNU
L-EWWEL JUM
Il-Labtu tal-Karmnu - Jgħini nixbah aktar lil Marija
Qari mill-ktieb tal-Profeta Isaija 61, 10-11
Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b'Alla tiegħi. Għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imżejjen b'kuruna, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
Riflessjoni
Il-Karmelu jippreżenta lil Marija bħala Omm il-bnedmin kollha, b'mod speċjali dawk li bis-serjetà jixtiequ jwettqu l-Kelma ta' Alla fil-ħajja tagħhom, kif kienet tagħmel Marija stess. Dan ifisser il-Labtu tal-Karmnu, biex bħala sinjal estern nuru li qegħdin nippruvaw nagħmlu b'mod konkret il-Kelma ta' Alla fil-ħajja nisranija tagħna. U dan jiena nista' nagħmlu fuq l-aqwa mudell li jista' jkolli - MARIJA.
Waħda mill-affarijiet l-aktar sbieħ f'Marija hija l-kapaċità kbira li kellha li taħseb it-tajjeb fuq Alla. Din hija xi ħaġa li Alla jħobb jagħti lill-maħbubin tiegħu, li ma jaħsbux ħażin fih, imma għall-kuntrarju jaħsbu tajjeb fih dejjem. U jien x'għandi nagħmel biex inkun wieħed mill-maħbubin ta' Alla? Bħal Marija, ma niddubita qatt mill-imħabba tiegħu għalija.
Meta nitkellmu fuq l-ateiżmu, dejjem naħsbu li huwa xi ħaġa ta' l-oħrajn. Madanakollu jiena kuljum niskopri li l-ateiżmu qiegħed ġewwa fija, u juri ruħu meta jiena naħseb ħażin fuq Alla ..... meta ngerger għal kull ħaġa ta' xejn. Marija tgħallimni nqiegħed it-tama tiegħi f'Alla, wkoll meta l-affarijiet jidhru kuntrarji, meta ma nkunx nista' nifhimhom. Marija, Omm il-Karmelu, turini kemm huwa importanti li nibqa' nemmen fit-tjubija ta' Alla, li Alla qiegħed dejjem idawwar iċ-ċirkostanzi favur tiegħi għaliex iħobbni.
Talba
Ikunilna ta' għajnuna, nitolbuk Mulej, it-talb tal-glorjuża Verġni Marija, Omm u Sultana tal-Karmelu, biex bil-għajnuna tal-ħarsien tagħha, jistħoqqilna naslu għand Kristu, li Hu l-perfezzjoni vera tagħna. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta' dejjem. Amen.
IT-TIENI JUM
Il-Labtu tal-Karmnu - Kuraġġ fil-hemm
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa 1, 26-38
Imbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f'belt tal-Galilija, jisimha Nażaret, għand xebba, mgħarrsa ma' raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta' David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: "Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek." Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x'setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: "Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta' David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu." Iżda Marija qalet lill-anġlu: "Kif ikun dan, ladarba jien verġni?" Wieġeb l-anġlu u qalilha: "L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf; u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir." Imbagħad qalet Marija: "Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!" U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Riflessjoni
Marija hija preżenti fi tliet mumenti kbar tal-ħajja ta' Ġesù Kristu:
a) Fl-Inkarnazzjoni: meta l-Iben ta' Alla sar bniedem u għammar fostna. "Twieled minn Marija Verġni" nistqarru fil-Kredu.
b) Fir-Redenzjoni: Fil-passjoni u l-mewt ta' Ġesù Kristu. Fl-Evanġelju nsibu li Marija kienet "wieqfa taħt is-salib".
c) F’Għid il-Ħamsin: Meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli, li "kienu miġbura flimkien ma' Marija Omm Ġesù".
Huma tliet mumenti li juru t-tliet misteri kbar fil-ħajja ta' Ġesù Kristu akkumpanjat dejjem mill-preżenza ta' din il-mara li tgħix dawn il-mumenti ta' Binha fi skiet kbir. Ġesù Kristu daħal fid-dinja bla ebda storbju. Ir-rakkont tat-twelid tiegħu nsibuh iseħħ fil-lejl, fis-skiet. Dan l-aspett ta' ċkunija u umiltà jispikka ħafna fil-persuna ta' Marija. Huwa sabiħ ħafna l-kliem li l-anġlu jgħid lil Marija "La tibżax Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla". Din il-kelma: "La tibżax" kontinwament tirrepeti ruħha fil-Kotba Mqaddsa:
- "La tibżax, Ġużeppi, tieħu lil Marija b'martek għax dak li tnissel fiha hu mill-Ispirtu s-Santu."
- L-anġlu lir-rgħajja: "La tibżgħux, qed inħabbrilkom ferħ kbir, illum tweldilkom Salvatur".
- Ġesù lill-appostli: "La tibżgħux; Jien hu". Ukoll lil Marija: "La tibżax, Marija".
U għalhekk l-ewwel kelma ta' l-anġlu lil Marija hija kelma ta' kuraġġ, u s-sabiħ tal-Kotba Mqaddsa huwa li dawn ma jitkellmux biss minn ġrajjiet li seħħew elfejn sena ilu, imma wkoll mill-ħajja tiegħi. Lili wkoll, illum, permezz tal-kelma li qal lill-Marija, il-Mulej qed jgħidli: "La tibżax, jiena miegħek; la tibżax, ġejt inħabbarlek ferħ kbir. Kuraġġ! Kuraġġ f'dal-mument ta' qtiegħ il-qalb, f'dal-mument meta qed tħossok waħdek, mgħaffeġ bil-piż tal-ħajja..... Jiena miegħek."
Talba
Agħmel, Mulej Alla tagħna, li aħna l-qaddejja tiegħek inkunu dejjem qawwijin u sħaħ fir-ruħ u l-ġisem, u li, bit-talb glorjuż ta' l-Imqaddsa Marija dejjem Verġni, neħilsu mid-dwejjaq ta' issa u niksbu l-hena ta' dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.
IT-TIELET JUM
Marija - Kuraġġ fit-tbatija
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa 2, 25-35
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-liġi ta' Mosè, ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej, u biex joffru b'sagrifiċċju par gamiem jew żewġt’ ibċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta' Israel u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u x'ħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal: "Issa O Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għal popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel."
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lill-Marija ommu: "Ara dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Israel; se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna."
Riflessjoni
F'Marija hemm bħal żewġ maternitajiet: waħda ferrieħa f'Betlehem u l-oħra fin-niket tal-mewt ta' Ġesù fuq is-salib. F'ta' l-ewwel wildet lil Ġesù Kristu, f'tat-tieni wildet lilna wliedha. Marija wettqet ħafna profeziji dwar it-tbatija, kif wettqithom ukoll il-Knisja. Jiena bħala membru tal-Knisja, li hija l-poplu ta' Alla, liema sejf qed jinfed lil ruħi bħal issa? Kif qiegħed inġib ruħi meta qiegħed inħossni msallab? Niddispra? Nitlef il-fidi? Kemm qed inħares lejn it-tbatija bħala mezz ta' fejqan u rebħ? X'sens għandu s-salib fil-ħajja tiegħi? Permezz tas-salib tiegħi Alla qiegħed jagħtini l-aħjar, biex jurini l-imħabba tiegħu. Ukoll Marija, għaliex laqgħet il-kelma tiegħu u obdiet, ma rvellatx quddiem is-sejf li kellu jkun is-salib tagħha. Alla għamel magħha ħwejjeġ kbar kif stqarret hija stess.
Nittama li jiena wkoll ikolli sehem, bħal Marija, ma' dawk li sabu l-qawmien, u mhux ma' dawk li sabu l-waqgħa tagħhom. "Dan se jkun il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Israel" qal Xmun lil Marija. Il-waqgħa ta' dak li jaħseb li hu bla dnub, bħall-Fariżew li tkaża b'dik il-mara midinba li ħaslet riġlejn Ġesù bid-dmugħ tagħha u xxottathomlu b'xagħarha. Din il-mara għarfet li hija midinba u għalhekk kellha l-qawmien. Dan hu Ġesù li jrid iġib il-qawmien ta' ħafna. Huwa permezz tas-salib li aħna jista' jkollna l-qawmien ma' Ġesù Kristu. Bħal Marija, Omm il-Karmelu, irrid inkun dixxiplu ta' Ġesù Kristu sa fuq is-salib, ukoll meta dan jitlob minni tbatija, bħalma batiet Marija biex imxiet wara Ġesù Kristu.
Talba
Agħmel Mulej, li l-Imqaddsa Marija dejjem Verġni, bit-talb tagħha tkun ta' għajnuna għalina, teħlisna minn kull tiġrib, u ddaħħalna fil-hena u s-sliem tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.
IR-RABA’ JUM
Marija - Il-Mara ta' Fidi
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa 2, 41-52
Ta' kull sena l-ġenituri ta' Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid. Meta kellu tnax-il-sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta' dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma' xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
Wara tlett’ ijiem sabuh fit-tempju, bil-qiegħeda qalb il-għorrief, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa' mistagħaġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh instamtu, u ommu qaltlu: "Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b'qalbna maqsuma!" U hu qalilhom: "U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?" Iżda kliemu ma fehemuhx. Imbagħad niżel magħhom u reġa' mar Nażaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa' jikber fil-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
Riflessjoni
L-akbar xhieda tal-fidi ta' Marija jagħtihielna Ġesù stess bħala tifel żgħir, hekk kif reġgħu ltaqgħu fit-tempju wara li kien ilu mitluf għal tlett’ ijiem. Għall-mistoqsija ta' ommu "ibni għaliex għamiltilna hekk?", huwa sempliċement weġibha: "Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?" Għalkemm Ġesù kien jaf li ma fehemitux għal kollox, ma kompliex jispjegalha. Kien jaf li Marija ommu kienet mara ta' fidi.
Alla jitlob ukoll minn għandi li nkun bniedem ta' fidi bħal Marija. Għaliex huwa daqshekk importanti li jiena, bħala nisrani, inkun bniedem ta' fidi? Għaliex meta tiġini xi problema jidħol fija dan id-dubju profond dwar Alla, dubju li jmiss l-ispirtu tiegħi?
- Alla tassew jeżisti?
- Alla tassew jimpurtah minni?
- Jekk tassew jimpurtah minni, għaliex iħallini daqshekk dgħajjef?
- Għaliex ħafna drabi jiena nqum imdejjaq filgħodu?
- Għaliex marti, żewġi, ibni, ħija tal-komunità huwa daqshekk nervuż u ma nistax inkellmu għax jirrabja?
- Għaliex?
Għaliex għandu weġgħat kbar fil-qalb tiegħu, għalhekk dejjem nervuż, għalhekk dejjem imdejjaq. Huwa faċli ħafna li tiġġudika imma kieku tidħol f'qalbu tkun taf x'hemm!
Għalhekk importanti li bħal Marija ngħiduhomlu lil Alla l-weġgħat tagħna. Alla jisma' t-talba tiegħi u jibda jkisser il-bniedem il-qadim li hemm ġewwa fija. Jalla l-Mulej bit-talb ta' Marija, Omm il-Karmelu, jiġi u jeqred dak kollu li hu qadim ġewwa fija, sabiex inkun nista' nagħmel esperjenza vera ta' Alla. Marija tgħinni nkun bniedem ta' fidi bħal ma kienet hi.
Talba
O Alla ħanin, ieqaf magħna bnedmin dgħajfa, biex aħna u nagħtu gieħ lill-Omm Qaddisa ta' Ibnek Marija, bil-għajnuna tat-talb tagħha nintrefgħu minn ħżunitna u ngħixu ħajja qaddisa. Bi Kristu Sidna. Amen.
IL-ĦAMES JUM
Marija - Iċ-ċkejkna li magħha Alla għamel ħwejjeġ kbar
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa 1, 39-45
F'dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f'belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lill-Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu. U nfexxet f'għajta kbira u qalet: "Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f'widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej!"
Riflessjoni
Waħda mill-ġojjelli prezzjużi tat-tbatija hi li tagħtini okkażjoni sabiħa li niskopri fil-ħajja tiegħi min tassew iħobbni; biex nitgħallem inqiegħed riġlejja fuq ġebel sod, jiena u nagħti pass wara pass ħalli naqsam dan il-wied tad-dmugħ li jifridni imma fl-istess ħin iressaqqni dejjem lejn il-ġenna, u nibda wkoll nifhem bil-mod il-mod għaliex Isaija l-profeta lil Alla jsejjaħlu "Blata tiegħi" u wkoll għaliex Ġesù Kristu lil Pietru riedu jkun "blata" għall-oħrajn. U nifhem ukoll għaliex fid-dinja tiltaqa' ma' ġebel li minn barra jkun jidher sod u b'saħħtu, imma kif tipprova tirfes fuqu jitfarrak taħt il-piż tiegħek.
U Marija, Omm il-Karmelu, lili turini biċ-ċar bl-imġieba tagħha - din iċ-ċkejkna li magħha Alla għamel ħwejjeġ kbar - li fil-ħajja spiritwali, il-Labtu tagħha mhux le kwistjoni ta' jiena midneb u importanti li nsir qaddis perfett, li jiena dgħajjef u importanti li nsir b'saħħti, li jiena żgħir u importanti li nsir kbir; anzi bil-maqlub, li jiena dgħajjef, midneb u żgħir, u li importanti li naċċetta dan iċ-ċokon bl-akbar umiltà. U jiena u naċċetta, u jiena u nibqa' żgħir, u jiena u nibqa' nfalli..... nibda bil-mod il-mod insir nixbaħ lilha u fuq kollox lilu ..... fit-telqa kollha fiduċja f’Alla..... għaliex kollox huwa grazzja (S.Pawl) u l-bniedem minnu nnifsu ma huwa xejn (S.Ġwann tas-Salib).
Il-Labtu ta' Marija jurini dejjem aktar kemm jiena speċjali f'għajnejn din ommi, li wara kollox qalbha tagħtiha l-ewwel lil dawk fost uliedha li huma l-aktar imsejkna, l-aktar dgħajfa. Imbierka dik it-tbatija, żgħira kemm hi żgħira, li tressaqni lejn dan iċ-ċokon li f'għajnejn Alla Missieri u Marija ommi, tagħmilni tassew għażiż.
Talba
O Alla, fil-ħsieb għoli tal-provvidenza tiegħek, inti ridt li l-Imqaddsa Verġni Marija tnissel fi ħdanha l-Awtur tal-grazzja, u tajthielu bħala sieħba fil-misteru tal-fidwa tal-bniedem; agħtina nitolbuk, li Hija taqlgħalna bil-kotra l-grazzji tiegħek u twassalna fil-port tas-salvazzjoni ta' dejjem. Bi Kristu Sidna. Amen.
IS-SITT JUM
Marija - Innu ta' tifħir lil Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa 1, 46-55
Imbagħad qalet Marija: "Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f'Alla, is-salvatur tiegħi. Għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja. Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta' driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f'qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn. Ħa ħsieb Israel, qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu - bħalma wiegħed lil missirijietna - b'riżq Abraham u nislu għal dejjem."
Riflessjoni
Il-kliem ta' Marija f'dan l-innu ta' tifħir tagħha lil Alla huwa kliem ta' kuraġġ u tama għalija. Marija trid turini li Ġesù Kristu huwa l-Messija, huwa dak li jġib il-ferħ fil-ħajja tiegħi. U Marija, Omm il-Karmelu, hija dik li lili trid twassalli l-ferħ fil-ħajja tiegħi, il-ferħ taż-żjara u l-preżenza tiegħu. Naf li fejn Ġesù Kristu huwa preżenti hemm it-tama, il-paċi u l-ferħ, li tant jeżisti n-nuqqas tagħhom. Għaliex meta striħajt fuqi nnifsi dejjem għeriqt, imma meta striħajt fuq il-Kelma ta' Ġesù Kristu, huwa dejjem tani bl-abbundanza. It-tnejn jitolbu minni sforz, imma wieħed iwassal għad-diżappunt u l-ieħor iwassal għall-ferħ. Marija hija l-mara ferħana għaliex emmnet b'fidi qawwija li Ġesù Kristu huwa l-Iben ta' Alla. Kemm hemm x'nitgħallem minn Marija. Hija tgħallimni l-bżonn tal-ferħ fil-ħajja tiegħi, u għalhekk il-bżonn tat-talb, li jikkonsisti f'taħdita ta' sikwit u qalb ma' qalb ma' dak li naf żgur li jħobbni (S.Tereża ta' Ġesù), li bħal Marija irrid niftaħ djalogu ma' Alla. B'hekk, meta nilbes il-Labtu tal-Karmnu, nkun ta' eżempju għall-oħrajn u ngħix ta' nisrani awtentiku fid-dinja ta’ llum.
Talba
Agħtina, o Alla li tista' kollox, l-għajnuna tat-talb tal-Verġni Mqaddsa Marija u ferraħna bil-ħarsien tagħha, biex aħna, qaddejja tiegħek, neħilsu minn kull deni fuq l-art u naslu fil-hena ta' dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna. Amen.
IS-SEBA’ JUM
Marija - Il-mara li temmen fil-qawwa ta' Alla
Qari mill-Ktieb ta' Ġuditta 9, 11-12
Il-qawwa tiegħek mhijiex fil-kotra ta' l-eżerċti, lanqas is-setgħa tiegħek fil-qawwijin. Iżda int Alla ta' l-imsejknin, l-għajnuna taż-żgħar, ħajt tal-kenn għad-dgħajfin, protettur tal-mitluqin, salvatur tan-nies bla tama. Iva, iva, inti Alla ta' missieri!
Riflessjoni
Marija għandha għal qalba d-dgħajfin, il-fqar, iċ-ċkejknin, speċjalment meta dawn jgħarfu d-dgħufija tagħhom. Hija d-dgħufija tiegħi li tiġbed lil Alla jersaq lejja. Għaliex wara kollox, huma d-dgħajfa li jagħtu ċans lil Alla jkun Alla, għaliex huma jħallu lil Alla jagħmel l-impossibbli. Marija turini kif Alla tiegħi għandu kollox f'idejh, u mhux f'idejn il-bnedmin li xi drabi bl-arroganza tagħhom jidhru tant qawwija qishom se jaħkmuni. Kemm nies jidħlu fi kriżi kbira meta ħajjithom ġiet tiddependi minn ħaddiehor. Ukoll jekk il-problemi huma kbar u l-piż huwa tqil, Marija, permezz tal-Labtu tagħha, turini li r-riedni mhumiex f'idejn il-bnedmin, imma f'idejn Alla. "Kollox jaħdem id f'id ma' dawk li jħobbuh għall-ġid tagħhom." Alla qed jagħtini dak li għandi bżonn għas-salvazzjoni tiegħi. Jekk jiena bħalissa għandi bżonn l-esperjenza tal-Ġetsemani, se jgħaddini mill-ġnien tal-Ġetsemani.
Dan huwa dak li fehmet Marija, li Alla għandu kollox f'idejh, li jrid jagħtini dak li għandi bżonn u mhux dak li nixtieq. Għalhekk meta nibda ninduna b'dan, ġo qalbi titwieled gratitudni lejn Alla, għax ninduna li f'ħajti xejn ma jiġri għal xejn u li kollox huwa kapulavur ta' Alla għalija.
Talba
Agħmel Mulej li aħna u nagħtu ġieh lill-Verġni Mqaddsa Marija, bit-talb tagħha għalina aħna wkoll jistħoqqilna nieħdu sehem mill-milja tal-grazzja tiegħek. Bi Kristu Sidna. Amen.
IT-TMIEN JUM
Il-Labtu ta' Marija - Għarfien tar-rieda ta' Alla għalija
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann 2, 1-11
Sar tieġ f'Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. U kien mistieden għat-tieġ Ġesù wkoll u d-dixxipli tiegħu. U billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: "Ma għandhomx inbid." Ġesù qalilha: "Aħna x'għandna x'naqsmu, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma ġietx." Ommu qalet lill-qaddejja: "Kull ma jgħidilkom, agħmluh."
Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għall-ħasil ritwali tal-Lhud, kull waħda minnhom tesa' xi għoxrin jew tletin gallun. Ġesù qal lill-qaddejja: "Imlew il-ġarar bl-ilma." U dawk imlewhom sax-xfar. Imbagħad qalilhom: "Issa ħudu minnu u newluh 'il dak li qed jieħu ħsieb il-mejda." U huma marru jagħtuhulu. Dak li kien qed jieħu ħsieb il-mejda daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf minn fejn ġie, għad li l-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, dak li kien qed jieħu ħsieb il-mejda sejjaħ lill-għarus u qallu: "Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom, iġibu dak li hu tajjeb inqas. Imma int erfajt sa issa l-inbid it-tajjeb."
Dan, l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu, Ġesù għamlu f'Kana tal-Galilija, u wera s-sebħ tiegħu; u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.
Riflessjoni
Marija hija l-mimlija bil-grazzja, u Alla seta' jimla lil din il-mara bil-grazzja proprju għaliex sabha vojta u umli u għalhekk sab post fejn seta' jqiegħed il-grazzja tiegħu. U din il-ħaġa tgħinni biex nitgħallem ninza' mis-suppervja tiegħi, għax kif tkanta Marija fil-magnificat "L-għonja bagħathom 'il barra b'xejn". Jiġifieri lis-supperv Alla jwarrbu. Għaliex il-bniedem supperv huwa dak li jaħseb li hu kapaċi jgħaddi mingħajr Alla fil-ħajja tiegħu. U għalhekk Marija, Omm il-Karmelu, hija l-mimlija bil-grazzja, u permezz tal-Labtu tagħha, hija tridna nieħdu sehem minn din il-grazzja. Fir-rakkont tat-tieġ ta' Kana, meta Marija flimkien ma' Binha Ġesù kienu mistiedna għal din il-festa, Marija tinduna li ma kienx fadal inbid (l-inbid huwa simbolu tal-ferħ). U wara li Marija tkellem lil Ġesù fuq dan, tersaq lejn il-qaddejja u tgħidilhom ħaga importanti ħafna, li llum qed tgħidha lili, li nġib fuqi l-Labtu tagħha: "Għamel dak li jgħidlek Hu."
Li jiena, fil-ħajja tiegħi, mhux nagħmel ta' rasi, dak li jidhirli jiena, imma li nagħmel ir-rieda tiegħu, kif għallimni Ġesù stess fit-talba tal-Missierna: "Ikun dak li trid int". Imma jiena kemm il-darba neħodha kontra Alla għax l-affarijiet ma jiġux kif nixtieq jiena. Episodju ieħor sabiħ fl-evanġelju huwa meta Ġesù kien qiegħed jgħallem u qalulu: "Hawn ommok u ħutek", u Ġesù qalilhom: "Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma ta' Alla u jħarsuha."
Talba
Warrab minn quddiem għajnejk, Mulej, il-ħtijiet tal-poplu tiegħek, biex aħna, li ma għandniex ħila ngħoġbuk b'dak li nagħmlu aħna, insalvaw bit-talb ta' Omm Ibnek, Ġesù Kristu Sidna li miegħek jgħix u jsaltan għal dejjem ta' dejjem. Amen.
ID-DISA’ JUM
Marija taħt is-salib - Omm il-bnedmin kollha
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann 19, 25-27
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta' Ġesù, ommu, oħt ommu, Marija ta' Kleofa, u Marija ta' Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: "Mara, hemm hu ibnek." Imbagħad qal lid-dixxiplu: "Hemm hi ommok." U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Riflessjoni
Marija fuq il-Golgota taħt is-salib ta' Ġesù! Veru mnikkta, veru qalbha maqsuma, għaliex hija wkoll għandha qalb li tħoss. Iżda hija mara kbira, "wieqfa ħdejn is-salib ta' Ġesù" jgħidilna San Ġwann fl-Evanġelju. Hija rebbieħa.
Kif ra lil Ommu taħt is-salib tiegħu, Ġesù ried jgħidilha xi ħaġa. Ħaġa li għal Marija kienet ta' faraġ. Faraġ għall-fatt li la Ġesù kellimha, għaldaqstant kien konxju li qegħdha hemm, taqsam it-tbatija miegħu. Kieku jiena kelli nagħti kollox, żgur li l-aktar ħaġa għażiża li għandi nħalliha għall-aħħar. L-aħħar ħaġa li tani Ġesù Kristu, wara li kien diġa' tani ħajtu stess fuq is-salib, kienet ommu Marija. "Mara, hemm hu ibnek", minn dak il-ħin kellha ssejjaħ lil Ġwanni bħala binha, u miegħu lili wkoll. Marija aċċettat, bħalma aċċettat li tkun Omm il-Feddej.
U Marija, Omm il-Karmelu, tridni nħares lejha mhux biss fuq l-għolja tal-Karmelu mimlija ġmiel, imma wkoll fuq il-għolja tal-Golgota, hemm taħt is-salib, u turini kif inkun bniedem ta' fidi, konvint li ma nistax inkun dixxiplu ta' Ġesù Kristu mingħajr is-salib. U jiena, bħala nisrani awtentiku, dan hu li titlob minni s-sejħa tiegħi, li nkun dixxiplu ta' Kristu msallab!
Talba
O Alla, li żejjint lill-Ordni tal-Karmelu bl-isem glorjuż ta' l-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Ibnek, li tagħha qegħdin nagħmlu t-tifkira solenni, agħtina li, mirfudin bil-għajnuna tagħha, naslu sal-quċċata ta' l-għolja li hu Kristu l-Mulej Alla, li miegħek igħix u jsaltan, flimkien ma' l-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta' dejjem. Amen.
Martin Borg, OCD