Talb u Qima

Devozzjonijiet


Fjur tal-KarmeluANTIFONI

Fjur tal-Karmelu (Flos Carmeli)

Fjur tal-Karmelu,
Dielja bil-frott mogħnija,
Dija tas-Sema,
Waħdek Omm fix-Xbubija
Tista' tiftaħar.

Omm l-izjed ħelwa,
Li ġmielek qatt ma ttabba'
Lill-Karmelitani
Agħtihom rahan ta' mħabba,
Kewkba tal-Baħar.

Xitla ta' Ġesse,
bl-isbaħ fjur mogħnija,
dil-ħajja tagħna
ta' hemm u tbatija
naqsmuha miegħek.

Ġilju ta' safa,
li qalb l-għollieq twarrad,
il-qerq tad-dinja
mill-moħħ tagħna barrad,
mingħajr għelt żommna.

Tarka ta' qawwa,
min jinsab fil-ġlieda
bil-Labtu tiegħek
f'taqtiegħa qarrieda
isib l-għajnuna.

Omm wisq għaqlija,
f'lejl mudlam mexxina,
kun faraġ tagħna
fil-għawġ li jqum għalina,
Int dawl tas-sema. (Ara)

Sliem għalik, Marija

Sliem għalik, Marija,
bil-grazzja mimlija,
il-Mulej miegħek,
imbierka inti fost in-nisa u
imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù.
Qaddisa Marija, Omm Alla,
itlob għalina midinbin,
issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Amen

Sultana tas-sema, ifraħ

Sultana tas-Sema, ifraħ, hallelujah,
għax dak li stħaqqlek tkun ommu, hallelujah,
qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal,
hallelujah:
itlob 'l Alla għalina, hallelujah.

Is-sliem, o Sultana

Is-sliem, o Sultana
tas-sema, Sidt l-anġli;
int l-għerq u l-bieb safi
mnejn ġie dawl id-dinja.
O Verġni glorjuża,
ta' ġmiel u sbuħija,
is-sliem għalik! Itlob
lil Kristu għalina.

Taħt il-ħarsien tiegħek

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,
Omm qaddisa ta' Alla:
la twarrabx minn quddiemek
it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,
u eħlisna dejjem minn kull tiġrib
O Verġni glorjuża u mbierka. (Ara)

Sliem għalik, Sultana (Salve Regina)

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena;
ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik.
Lilek ngħajtu,
għaliex aħna tturufnati, ulied Eva.
Lilek nitniehdu, aħna li nikbu u nolfqu
f'dan il-wied tad-dmugħ.
Ejja, mela, avukata tagħna,
dawwar lejna
dawk il-għajnejn tiegħek tal-ħniena;
u wrina, wara dan it-turufnament,
lil Ġesu’, frott imbierek tal-ġuf tiegħek.
O ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija. (Ara)

Omm Ħelwa ta' Kristu l-Feddej

Omm ħelwa ta' Kristu l-Feddej,
int bieb illi jagħti għas-sema,
int kewkba tal-baħar, Marija!
Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,
għajnuna tal-poplu l-maħtur,
li b'għaġeb nissilt 'il min ħalqek
fis-siegħa li lqajt it-tislima
li tak Gabrijel, u bqajt xebba,
kif qabel, hekk wara t-tnissil.
Ħenn, Omm, għal uliedek midinba.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage