IR-RUŻARJU MQADDES
Skond kif imfisser fl-Ittra Appostolika
Rosarium Virginis Mariae
b’riflessjonijiet mill-kitbiet
ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi,
Karmelitana
Daħla:
L-Iżvilupp tat-talba tar-Rużarju tul is-sekli
Ir-Rużarju ġie ffissat fil-forma li nafu llum mill-Papa San Piju V fis-seklu 16 bil-Bolla Consueverunt tas-sena 1569. Madanakollu nafu li din it-talba hija ħafna eqdem. Fil-fatt nistgħu ngħidu li din it-talba rat żviluppi kbar mis-seklu 16 ‘il quddiem.
Fis-seklu 12 daħlet b’devozjoni d-drawwa li tiġi rreċitata ta’ spiss matul il-jum it-tislima biblika ta’ l-Anġlu Gabrijel: Sliem għalik Marija, lill-Verġni Mbierka. Ta’ minn jgħid li din kienet ukoll tingħad bħala antifona fil-quddiesa tar-raba’ Ħadd ta’ l-Avvent. Din id-devozzjoni ġiet ispirata minn drawwa monastika li kienet tikkonsisti fir-reċtar ta’ 150 Missierna. Dawn il-150 Missierna kienu jingħadu mill-monaċi jew eremiti li ma kienux jafu jaqraw u għalhekk ma setgħux jitolbu l-150 Salm fil-Liturġija tas-Sigħat. B’eżempju nistgħu nsemmu li aħna l-Karmelitani fir-Regula li kitbilna San Albert bejn is-snin 1209-1214 insibu hekk:
“Dawk li jafu jgħidu t-Talb tas-Sigħat mal-kjerċi, għandhom jgħiduh skond id-dispożizzjonijiet tas-Santi Padri u d-drawwa mwettqa mill-Knisja. Dawk li ma jafuhx, fis-sahra ta' bil-lejl, jgħidu ħamsa u għoxrin Missierna, barra l-Ħdud u l-festi solenni li fl-uffiċċju tagħhom ta' bil-lejl l-għadd imsemmi rridu li jkun daqshekk darb'oħra, hekk illi l-Missierna tingħad għal ħamsin darba. Din it-talba tingħad għal seba' darbiet fit-talb ta' filgħodu. Fis-sigħat l-oħra tingħad ukoll l-istess talba għal seba' darbiet f'kull siegħa, barra mill-uffiċċju ta' filgħaxija li fih għandkom tgħiduha għal ħmistax-il darba.” (Regula 11).
Fis-seklu 15, eżattament fl-1483, bdiet tingħad mas-Sliem għalik Marija, it-talba tal-Qaddisa. Fl-istess żmien, Duminku tal-Prussja minn Cologne, monaku Ċertożin, daħħal il-meditazzjoni ta’ xi misteri mill-ħajja ta’ Ġesù u qassamhom biex jingħadu ma’ 50 Sliema u Qaddisa. Biż-żmien dawn żdiedu ħafna fin-numru. Fis-seklu 16, monaku Ċertożin ieħor, Enriku ta’ Kalkar, qassam 15-il posta tar-Rużarju b’10 Sliema u Qaddisa li jingħadu bejn il-Missierna u l-Glorja. Fl-istess żmien id-Dumnikan Alan de la Roche, qassam il-posti tar-Rużarju fil-Misteri tal-Ferħ, Tbatija u Glorja u xerred ukoll il-leġġenda tar-Rużarju mwaqqaf minn San Duminku (1170-1221). Għalkemm ħafna Ordnijiet reliġjużi antiki kellhom il-mod propju tagħhom kif jgħidu din it-talba, bħal ngħidu aħna ċ-Ċertożini, il-Karmelitani u oħrajn, id-Dumnikani fil-fatt baqgħu marbutin ma’ din it-talba għażiża li bla dubju kienet ukoll għal qalb San Duminku. Mill-Ordni Dumnikana fil-fatt xterdu ħafna l-konfraternitajiet tar-Rużarju.
Ta’ minn isemmi wkoll li l-Karmelitani kellhom il-mod propju tagħhom ta’ kif jitolbu din it-talba. It-tradizzjoni Karmelitana ta’ din it-talba titfgħaha lura lejn Pietru l-Eremita li kien jgħix fuq l-Għolja tal-Karmelu fil-bidu ta’ l-Ordni Karmelitan. Dan kien itenni ħafna drabi l-Ave Maria matul il-jum. Iżda l-iktar forma antika ta’ Rużarju fl-Ordni Karmelitan kienet imqassma f’sitta jew sebgħa posti bi Sliem għalik għal għaxar darbiet. Insibu wkoll forom tar-Rużarju Karmelitan bi 15-il Ave Maria u xi drabi wkoll bi 63 Ave Maria u 7 Missierna.
Ta’ min isemmi li sa l-1960 f’xi provinċji ta’ l-Ordni, bħal ngħidu aħna fl-Olanda, il-Patrijiet kienu jdendlu Kuruna tar-Rużarju ma’ qaddhom. Din id-drawwa nqatgħet għal kollox mal-Konċilju Vatikan II.
Fil-Knisja, il-Papiet kollha, ibda minn San Piju V, taw ħafna tagħlim fuq ir-Rużarju b’ħafna ittri, enċikliċi, eżortazzjonijiet u diskorsi li fihom dejjem urew is-siwi u s-sbuħija ta’ din it-talba. Fi żminijietna, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II, nieda s-Sena tar-Rużarju Mqaddes nhar is-16 ta’ Ottubru 2002, li għalqet sewwasew fis-16 ta’ Ottubru 2003. F’din is-sena, li nistgħu nsejħulha Sena Marjana, il-Papa xtaq jafda l-frott spiritwali li ħareġ mill-Ġublew f’idejn il-Verġni Mbierka Marija. F’dan huwa mexa fuq id-drawwa tal-Knisja li tiddedika Sena Marjana wara kull Sena Ġubilari.
Il-Papa għażel li jagħmel dan il-ġest biex ifakkar għeluq il-25 sena tal-Pontifikat tiegħu u wkoll biex ifakkar għeluq il-120 sena mill-Enċiklika tal-Papa Ljun XIII, Supremi Apostolatus Officio li titkellem fuq ir-Rużarju. Għal din is-Sena tar-Rużarju, il-Papa Ġwanni Pawlu II ħareġ Ittra Apostolika li ġġib l-isem Rosarium Virginis Mariae. F’din l-ittra huwa wera x-xewqa li nagħtu ħajja ġdida lil din it-talba venerabli li hija tant għal qalb il-Kattoliċi u li kienet ukoll it-talba li użaw tant u tant qaddisin.
Ix-xewqa għal tiġdid f’din it-Talba Marjana diġa’ kienet murija mill-maħbub Papa Pawlu VI fl-Ittra Appostolika Marialis Cultus. Ġwanni Pawlu II, mhux biss jerġa’ juri din ix-xewqa, imma jżid il-Misteri tad-Dawl, li jofrulna riflessjoni fuq il-ħajja pubblika ta’ Ġesù u li qishom jgħaqqdu l-Misteri tal-Ferħ mal-Misteri tat-Tbatija. Bħama lkoll nafu, dawn il-misteri l-ġodda l-Papa silithom mill-misteri li l-Beatu Ġorġ Preca offra lill-membri tas-Soċjetà tad-Dutrina Nisranija, biex jużawhom fit-talba tar-Rużarju.
Fl-Ittra Appostolika tiegħu, il-Papa wera x-xewqa li l-poplu ta’ Alla jkollu għajnuniet ġodda biex ikun jista’ jġedded il-mod ta’ kif tingħad din it-talba. Din il-meditazzjoni li qed noffru hija twegiba għal din ix-xewqa tal-Papa. Fiha nsibu l-misteri kollha tar-Rużarju Mqaddes u wkoll litanija ġdida tal-Madonna. Il-litanija hija ispirata mit-titli li l-Papa jagħti lill-Verġni Mbierka Marija fl-Ittra Appostolika tiegħu. Għal kull misteru hemm ukoll silta mill-Iskrittura Mqaddsa u wkoll silta qasira bi ħsieb jew talba fuq il-misteru li jkun qiegħed jiġi kkontemplat. Il-ħsieb qasir huwa meħud mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi (1566-1607), reliġjuża Karmelitana tal-klawsura, mistika u kontemplattiva kbira li kellha mħabba qawwija lejn il-Verġni Mbierka Marija u lejn il-misteri tal-fidwa tagħna, l-aktar dawk ta’ l-Inkarnazzjoni u tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù.
Il-Papa jfakkarna li r-Rużarju tal-Verġni Mbierka jħalli tassew frott spiritwali jekk aħna nimmeditaw fuq il-misteri tal-fidwa u mhux nkkuntentaw biss li nsemmuhom u nlissnu s-Sliem għalik u l-Missierna b’mod mekkaniku.
Il-Papa jistedinna għall-kontempazzjoni tal-misteri tal-fidwa u t-talb, u jħeġġiġna biex aħna nilbsu l-istess sentimenti ta’ Marija Verġni li kienet l-ewwel waħda li għexet il-Misteri tal-ħajja, l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Aħna għalhekk mistednin inħarsu u nikkontemplaw il-Wiċċ ta’ Kristu bl-għajnejn ta’ Marija Ommu. Dan nistgħu nagħmluh jekk inżommu ħajja t-tifkira ta’ Ġesù, kif għamlet Marija, li kif jgħidilna l-evanġelista San Luqa “Kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ u toqgħod taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19,51).
Charló M. Camilleri, O.Carm.
It-talb tal-bidu
Fl-Isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Amen.
Fuq is-salib (tal-kuruna) jingħad: Il-Kredu.
Fuq iż-żibeġ ta’ mas-salib jingħadu: Il-Missierna, is-Sliema (x3) u l-Glorja.
Fuq id-domna tingħad it-talb: Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna, eħles għinna u ieqaf magħna. Glorja lill-Missier...
Marija Santissima, uri li inti Ommna; għalik jisma’ t-talb tagħna; Ġesù li twieled għalina ried ikun Ibnek bħalna. O Ġesù tiegħi, aħfrilna dnubietna, ħarisna min-nar ta’ l-Infern; ħu l-Ġenna l-erwieħ kollha, u għin lil dawk li l-aktar jenħtieġu l-ħniena tiegħek.
Il-kontemplazzjoni tal-Misteri: Nikkonsidraw u nkkontemplaw........
Wara t-talb tal-bidu jiġu kkontemplati l-misteri tal-fidwa, waqt li tingħad il-Missierna, għaxar Sliema u Qaddisa u l-Glorja.
IL-MISTERI TAL-FERĦ
(Jingħadu nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Sibt)
1. Meta l-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Sidtna Marija li kellha tkun Omm Alla.
Mill-Evanġelju skond San Luqa:
Tibżax Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.
L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek, dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin Alla.
Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek”.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Il-Verb niżel f’Marija, għax inġibed mis-safa u l-umiltà tagħha. Ġesù għaqqad il-ħlejqa mal-Ħallieq u Marija għaqqdet id-Divinità ma’ l-umanità. Agħmel, O Marija li bħalek jiena wkoll niġbed fija lil Alla bis-safa u l-umiltà.
2. Meta Sidtna Marija marret iżżur lil qariba tagħha Santa Eliżabetta.
Mill-Evanġelju skond San Luqa:
Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, daħlet għand Zakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u mtliet bl-Ispirtu s-Santu u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U mnejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Ħienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej. Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej ..... għax hu xeħet għajnejh ruq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.”
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Marija tixtieq li fina jkun hemm dak li hemm fiha, jiġifieri l-għaqda ma’ Alla. Hija tant twaħħdet mar-rieda tal-Missier li kienet lesta tagħtih lilha nnifisha biex tagħti sehemha fis-salvazzjoni tal-bnedmin.
3. Meta Sidna Ġesù twieled fl-għar ta’ Betlehem.
Mill-Evanġelju skond San Luqa:
Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Kif il-Maġi ġew immexxijin mill-kewkba lejn Ġesù, hekk aħna fid-dinja mmexxijin mill-kewkba Marija. Hija ma teħodniex fl-istalla imma twassalna għall-għaqda intima ma’ Alla.
4. Meta Sidtna Marija ppreżentat lil Binha Ġesù fit-Tempju.
Mill-Evanġelju skond San Luqa:
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù biex jippreżentawh lill-Mulej.
Kien hemm wieħed jismu Xmun, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù laqgħu fuq dirgħajh bierek lil Alla u qal: “Issa, O Sid tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-skiet skond kelmtek għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.”
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Marija hija t-tempju tal-veru Salamun: Ġesù. L-art ta’ dan it-tempju hija l-umiltà tagħha, il-ħitan huma l-virtujiet tagħha, il-palk tat-tempju huwa l-intellett imdawwal tagħha. Ir-rieda tagħha hi l-artal tat-tempju, u t-tvalja hija s-safa verġinali tagħha. Iċ-ċiborju huwa qalbha, is-seba’ lampieri huma d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu kollha preżenti fiha.
5. Meta Sidtna Marija tilfet lil Binha Ġesù u wara tlitt ijiem sabitu fit-Tempju jiddisputa mad-dutturi.
Mill-Evanġelju skond San Luqa:
Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta’ l-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.
Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju bil-qiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh instamtu u ommu qaltlu: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Ara missierek u jien konna qegħdin infittxuk, b’qalbna maqsuma!” U hu qalilhom: “Għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Marija hija mudell ta’ min irid jimxi wara Kristu. Hija hi li tikxef lill-erwieħ l-imħabba ta’ l-Iben; il-ħlejqa li timxi fuq il-passi tagħha tkun tista’ tara lil Alla.
-------------------------------------------
IL-MISTERI TAD-DAWL
(Jingħadu nhar ta’ Ħamis)
1. Meta Sidna Ġesù Kristu tgħammed fix-Xmara Ġordan.
Mill-Evanġelju skond San Luqa:
Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen igħid: “Inti Ibni l-għażiż: fik sibt l-għaxqa tiegħi”.
Fil-bidu tal-ministeru tiegħu Ġesù kellu madwar it-tletin sena.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Il-Ħaruf maqtul jistiednek timitah billi tinża’ għal kollox minnek innifsek u mill-ħlejjaq kollha li huma taħt it-treġija tiegħu. Ixxennaq u aħdem mela għall-imitazzjoni ta’ dan il-Ħaruf. Dan ifisser li tinża’ lilek innifsek u tilbes lilu, kif għallimna tajjeb l-Appostlu meta qal: “Ejjew nilbsu lis-Sinjur tagħna Ġesu Kristu.”
2. Meta Sidna Ġesù Kristu wera min hu fit-tieġ ta’ Kana.
Mill-Evanġelju skond San Ġwann:
Imbagħad fit-tielet jum sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden hu wkoll għat-tieg flimkien mad-dixxipli. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “M’għandhomx inbid”.
Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu”. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma.” U dawk imlewhom sax-xfar. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.” U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul f’inbid.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Il-Verb ta’ Alla jibdel l-ilma f’inbid. Dan ifisser li jenħtieġ tibdel il-bruda f’ħeġġa. F’dan hemm ħafna x’tagħmel għax bruda hemm bix-xaba’... Huwa meħtieġ li għat-tieġ l-għarusa tiżżejjen bl-aqwa tiżjin billi tissaffa minn kull ma’ jħamrilha wiċċha. Dan ifisser li l-għarusa jenħtiġilha tinħasel fix-xmara li tgħaddiha minnha Marija.
3. Meta Sidna Ġesù Kristu ħabbar is-Saltna ta’ Alla u sejjaħ għall-indiema.
Mill-Evanġelju skond San Mark:
Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar il-Bxara t-tajba ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna ta’ Alla waslet. Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba.”
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Bħala ragħaj tassew tal-Knisja, il-Verb jaqbad il-ħatar ta’ mħabbtu, isejjaħ lil kulħadd għall-konverżjoni, iwiegħed is-Saltna tas-smewwiet u jgħid: “Duru lejja b’qalbkom kollha.” Huwa mbagħad imur iqassam il-grazzji divini tiegħu u jimla’ lil kulħadd bid-doni tiegħu, waqt li jistedinna u jsejħilna b’imħabba kbira ħalli jdewwaqna u jurina t-tjieba tiegħu.
4. Meta Sidna Ġesù Kristu tbiddel quddiem l-Appostli fuq il-muntanja Tabor.
Mill-Evanġelju skond San Luqa:
Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u ‘l Ġakbu, u tala’ fuq muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbies tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. U kien hemm żewġt’irġiel jidħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja jidħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Ir-ruħ b’għajnejha fuq dawk ta’ Ġesù tara lilha nnifisha f’Alla u tara lil Alla f’kollox. Tara wkoll in-nuqqas ta’ ħila tagħha u għalhekk tagħraf u tara li Alla biss jiflaħ iżomm lilu nnifsu. Ir-ruħ li dduq lil Alla idduq kull ħaġa oħra b’mod tajjeb hekk li saħansitra toħroġ il-ġid mill-istess difetti... għax kollox huwa possibli għar-ruħ namrata ma’ Alla... hekk li hija tasal li tagħmel dak li jagħmel Alla.
5. Meta Sidna Ġesù Kristu waqqaf l-Ewkaristija, it-tifkira tal-Misteru ta’ l-Għid.
Mill-Evanġelju skond San Mark:
Huma u jieklu, ħa l-ħobż, qal il-barka, qasmu, newwilulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi.” Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, u newwilulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għall-kotra. Tassew, ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak inhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.”
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Fl-aħħar ikla, il-Verb qal: “Kelli xewqa kbira.” Il-ħlejqa wkoll tista’ ttenni dan il-kliem, il-Verb jasal biex tant iħobb lill-istess ħlejqa b’xewqa kbira li jagħtiha lilu nnifsu bħala ikel u nutriment; jagħtiha wkoll l-istess umanità tiegħu, ix-xewqat safja u l-imħabba tiegħu, il-kliem u l-għemil tiegħu li huwa wettaq bħala bniedem sakemm jasal biex fl-aħħar jibdel lir-ruħ kollha fih.
--------------------------------------------
IL-MISTERI TAT-TBATIJJA
(Jingħadu nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ġimgħa)
1. Meta Sidna Ġesù Kristu għamel l-orazzjoni fl-ort u għereq l-għaraq tad-demm.
Mill-Evanġelju skond San Luqa:
Ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu. Inxteħet għarkubbtejh jitlob u jgħid: “Missier, jekk inti trid warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.” Ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa’ l-art.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Maħbub tiegħi għandek id-dwejjaq! Issa m’għadekx aktar qawwi imma dgħajjef u kollok dieqa. O Mħabba, min se jsabrek? Kulħadd rieqed! O Pietru x’inti tagħmel, torqod? Ġwanni wkoll? Rieqed? L-ieħor ukoll! Jorqod! O Mħabba kulħadd baqa’ rieqed?!
2. Meta Sidna Ġesù Kristu kien marbut mal-kolonna u flġellawh.
Mill-Evanġelju skond San Mark:
Pilatu mbagħad biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isalbuh.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Maħbub, issa ma’ nistax ngħid mal-profeta: “Ebda deni ma jiġrilek u ebda daqqa ma tersaq lejn darek.” Għaliex qegħdin isawwtuk tant? X’għamilt? X’jonqos fik? Imħabba? Forsi għerf? Tonqos it-tjubija? Tonqos il-ħniena? Hemm forsi nieqsa fik l-imħabba?
3. Meta Sidna Ġesù Kristu kien inkurunat bix-xewk.
Mill-Evanġelju skond San Mark:
Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz. Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. U bdew isellmulu: “Is-sliem għalik sultan tal-Lhud”.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Imħabba, inti ridt tkun inkurunat bix-xewk sabiex tinkuruna lill-maħbubin tiegħek bil-glorja tas-sema. Imħabba, min jistħoqqlu l-aktar il-kuruna tax-xewk li tant iniggeż, l-Imħabba jew il-maħbuba? Imħabba, lili tistħoqq dik il-kuruna! Agħtihieli, atgħiha lili ja Mħabba!
4. Meta Sidna Ġesù Kristu kien mgħobbi bis-salib mingħand Pilatu sal-Kalvarju.
Mill-Evanġelju skond San Mattew:
Is-suldati ħadu lil Ġesù magħhom biex isallbuh. Huma u sejrin sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Imħabba, mhux li nista’ ngħinek iġġorr ftit is-salib! Mhux bħal Xmun iċ-Ċirinew tafx, imma biex inbati miegħek, Imħabba! Daħħalni fik, jiena ma nħallik qatt, ukoll jekk ma ddaħħalnix fik. U meta tiġi s-siegħa li jniżżluk minn fuq is-salib, għażel lil qalbi bħala qabar.
5. Meta Sidna Ġesù Kristu kien mislub fuq is-salib u wara tliet sigħat ta’ agunija miet.
Mill-Evanġelju skond San Ġwann:
Sallbuh ma tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub: “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud”. Wara dan, Ġesù, billi kien jaf li kollox kien mitmum, qal: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħhu.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Inwaħħlu f’moħħna l-ħames pjagi tal-Kurċifiss, għax insibu fihom ir-rifless ta’ l-imħabba ta’ Ktistu u l-ġid kollu li tana b’mewtu. Ġesù, il-Verb magħmul bniedem u msallab, għandu jkun il-punt ta’ riferiment għal ħajjitna u lilu għandna nagħtu l-ewwel tweġiba ta’ mħabba u foħrija.
-----------------------------------------------
IL-MISTERI TAL-GLORJA
(Jingħadu nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd)
1. Meta Sidna Ġesù Kristu qam minn bejn l-imwiet.
Mill-Evanġelju skond San Ġwann:
Marija baqgħet ‘il barra mill-qabar, tibki... daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù. Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qegħdha tibki? Lil min qegħdha tfittex?” Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: “Sinjur jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħdtu, u jien nġibu lura”. Ġesù sejħilha: “Mirjam!” Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: “Rabbuni!” jġifieri “Mgħallem”.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Ma konniex nistgħu nirċievu demmek li kieku ma qomtx mill-imwiet, għaliex xi frott ikollha r-ruħ li tirċevik jekk qabel ma tkunx għarfitek fil-passjoni, mejjet, midfun u rxuxtat? X’ġid jagħmel lir-ruħ jekk ma tirriflettix li inti dħalt għall-passjoni, ġejt midfun u rxuxtajt għaliha, u jekk ma tfittixx li timitak?
2. Meta Sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema.
Mill-Atti ta’ l-Appostli:
Huma u jħarsu jejh, Ġesù kien meħud ‘il fuq, u sħaba ħaditulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel lebsin l-abjad u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.”
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Bil-Umanità Qaddisa ta’ Ġesù infetħitilna l-Ġenna u ngħalaq l-Infern. Biha ngħixu tassew, u biha għandna l-grazzja ta’ Alla u d-doni ta’ l-Ispirtu s-Santu u dak kollu li huwa tajjeb. B’din l-Umanità Qaddisa nkunu glorifikati fis-sema u biha jħares lejna u jaħfrilna l-Missier.
3. Meta Sidna Ġesù Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli.
Mill-Atti ta’ l-Appostli:
Ilkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ qrabatu. Kien nhar Għid il-Ħamsin, u huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkelmu b’ilsna oħra.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Marija wkoll kienet tistenna l-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed. Kien permezz tiegħu li mantniet fiha l-Verb. Marija hija eżempju għar-ruħ li tixtieq lil Alla fiha b’xewqa ta’ mħabba dejjem ġdida.
4. Meta Sidtna Marija ġiet imtella’ s-sema bir-ruħ u l-ġisem.
Mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi:
Deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Biex nitilgħu ma Marija fis-sema jenħtieġ li jkollna ġisem safi, hena tal-qalb u rieda ħielsa. Jenħtieġ niftakru dejjem fil-ġid li Alla għamel magħna, ikollna intenzjoni retta u verità fil-kliem, sempliċità fl-għemil u mortifikazzjoni tas-sensi.
5. Meta Sdtna Marija ġiet inkurunata mit-Trinità Qaddisa.
Mill-ktieb tal-Profeta Iżaija:
Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi, għax hu libbisni bi lbies is-salvazzjoni, bil-mantar tal-ġustizzja għattieni, bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħal għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha.
Mill-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi:
Marija, l-għaxqa tat-Trinità Qaddisa, għandha fiha s-Sid tal-ħajja. Li kieku ma kenitx Marija għalina, ma kienx ikun hemm la l-Ġenna u lanqas l-istess Alla għalina.
-----------------------------------------------
It-talb ta’ l-għeluq
Wara l-meditazzjoni tal-Misteri tal-fidwa tagħna jistà jingħad it-talb li ġej.
- Sliem għalik Sultana...
- Skond il-fehma tal-Papa u għall-bżonnijiet tiegħu.
- Missierna, Sliema u Glorja...
- Għall-Erwieħ tal-Purgatorju: Missierna, Sliema u “Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem....”
- V./ Verġni l-aktar safja qabel it-twelid
R./ Omm Alla itlob għalina. Sliem għalik...
V./ Verġni l-aktar safja fit-twelid
R./ Omm Alla itlob għalina. Sliem għalik...
V./ Verġni l-aktar safja wara t-twelid
R./ Omm Alla itlob għalina. Sliem għalik...
- Glorja x3
- Litanija tal-Madonna (meħuda mill-Ittra Appostolika tal-Papa Ġwanni Pawlu II: Rosarium Virginis Mariae.)
Mulej ħniena - Mulej ħniena
Kristu ħniena - Kristu ħniena
Mulej ħniena - Mulej ħniena
Omm Alla - Itlob għalina
Omm il-Feddej
Omm ta’ Kristu
Omm li ssejħilna għat-talb
Omm li ssejħilna għall-penitenza
Omm li taqla’ l-konverżjoni tal-midinbin
Omm l-aktar ħanina
Omm ta’ Kristu, l-inbid il-ġdid tagħna
Omm li f’Kana tistedinna nisimgħu minn Ġesù
Omm ta’ Kristu glorjuż fuq it-Tabor
Omm ta’ l-Iben il-waħdieni tal-Missier
Omm ta’ Kristu li jitmagħna lilu nnifsu fl-Ewkaristija
Omm li taħt is-salib tgħinna nifhmu l-imħabba ta’ Alla
Omm mimlija bil-ferħ ta’ l-Għid
Omm li tgħaqqad il-Knisja fl-istennija ta’ Għid il-Ħamsin
Omm li ġejt merfugħa fis-sema ħdejn Ibnek
Omm li tagħtina s-Salvatur
Omm li ġġib il-paċi fid-dinja
Omm li tgħaqqad il-familja
Qaddejja tal-Mulej
Marija, mudell ta’ min jikkontempla l-wiċċ ta’ Kristu
Marija, li nissilt lil Kristu fi ħdanek
Marija, li nissilt il-ġisem mistiku ta’ Kristu
Marija, membru l-aktar għoli tal-Knisja
Marija, Omm il-Knisja
Marija, xbieha perfetta tal-Knisja Omm
Marija, xbieha perfetta ta’ Kristu
Marija, mara li tgħix fi Kristu
Marija, mara li tgħix għal Kristu
Marija, inti tidħol għalina
Marija, inti twassal talbna quddiem Alla
Marija, inti tirrifletti lil Ġesù
Marija, inti turina t-Triq
Marija, inti tidħol għalina quddiem Ġesù
Marija, inti twassal ħtiġijietna quddiem Ġesù
Marija, inti santwarju ta’ l-Ispirtu s-Santu
Marija, inti tferraħna bil-preżenza ta’ Kristu fik
Marija, li fit-twelid ta’ Ibnek tferraħ ir-rgħajja
Marija, li mnikkta ma’ Ġużeppi mort tfittex lil Ġesù fit-tempju
Marija, inti tfakkarna li Ġesù hu s-Salvatur waħdieni tagħna
Marija, li f’Kana tiftaħ qlub id-dixxipli għall-fidi
Marija, li mingħandek nistennew il-frott imbierek ta’ ġufek
Marija, inkurunata bil-glorja
Marija, inti li kull nisel isejjaħlek hienja
Marija, Omm, Għalliema u Mexxejja tagħna
Marija, Omm li żżomm ħajja fostna t-tifkira ta’ Ġesù
Verġni Marija
Verġni li bl-iva tiegħek ħaddant l-umanità
Verġni ta’ Nażaret
Verġni li xxandar lil Kristu
Verġni tar-Rużarju
Kewkba ta’ l-Evanġelizzazjoni l-ġdida
Sultana ta’ l-Anġli u l-qaddisin
Ħaruf ta’ Alla li twelidt minn Marija - Ħenn għalina
Ħaruf ta’ Alla li waħdek tneħħi d-dnub tad-dinja - Ħenn għalina
Ħaruf ta’ Alla issagrifikat għalina - Ħenn għalina
Ħaruf ta’ Alla rebbieħ fuq il-mewt - Agħtina l-paċi
- Nitolbu:
O Alla, int ridt li mat-tħabbira ta’ l-Anġlu, l-Iben tiegħek isir bniedem fil-ġuf safi tal-Verġni Mqaddsa Marija; agħtina nitolbuk, lilna li nistqarruha Omm Alla, li nkunu mgħejjunin mit-talb tagħha. Bl-istess Kristu Sidna. Amen.