Spiritwalità

Lectio Divina



NITOLBU BIL-BIBBJA

"Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”
(1 Korintin 11,23-26)

Il-Papa Ġwanni Pawlu II fis-7 ta’ Ottubru 2004 nieda sena Ewkaristika u tana Ittra Apostolika bl-isem “Ibqa’ magħna Mulej”. Fiha, huwa jistieden lill-insara jieħdu bis-serjetà dan il-misteru ta’ l-Ewkaristija u jġeddu ħajjithom permezz ta’ dan is-sagrament. Il-Papa jemfasizza l-bżonn li l-Ewkaristija tingħax mill-insara mhux biss bid-drawwa ta’ l-adorazzjoni, imma iktar minn hekk bil-parteċipazzjoni ħajja fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Li tieħu sehem fl-Ewkaristija ma jfissirx biss li waqt il-quddiesa tkanta, tirrispondi u titqarben, imma li tisma’ l-Kelma ta’ Alla, tgħożżha f’qalbek u twettaqha f’ħajtek. Tfisser ukoll li mhux biss tieħu sehem mill-mejda tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu mogħtija lilna b’ikel u xorb, imma li tħalli dan il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu jibdlek f’persuna ġdida. In-nisrani bil-Kelma u s-sagramenti jkun qed iħalli l-Ispirtu s-Santu jsawwar fih il-persuna ta’ Ġesù biex bħalu jagħmel minn ħajtu offerta sħiħa lil Alla l-Missier u lill-bnedmin fl-imħabba. Waqt l-Ewkaristija, Alla jagħtina lilu nnifsu fil-Kelma tiegħu: Ġesù. Ġesù huwa l-Kelma ta’ Alla magħmula bniedem, għalhekk fil-quddiesa jagħtina lilu nnifsu fil-Kelma miktuba u mxandra, u fit-tqarbin. Biex napprofondixxu dan l-element tal-fidi tagħna, għażilna biex għal-Lectio Divina ta’ din id-darba nużaw is-silta Biblika li tintuża fil-Quddiesa ta’ l-Ikla tal-Mulej nhar Ħamis ix-Xirka.

1. Ninġabru fit-talb – “Statio”

Ninġabru fil-kwiet ħalli nħejju ruħna biex nilqgħu l-Kelma ta’ Alla u nħalluha taħdem fina. Nitolbu d-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu:
O Alla Missier il-ħniena, bil-mewt u l-qawmien ta’ Ibnek Ġesù Kristu mill-Imwiet, inti ħabbibt mill-ġdid id-dinja miegħek. Hu l-Kelma li ddawwalna fid-dlamijiet ta’ ruħna, it-Triq li twassalna għandek, il-Verità li tikxfilna l-Wiċċ tiegħek. Ibnek Ġesù sawwab fuqna l-Ispirtu s-Santu għall-maħfra tad-dnubiet. Sawwab f’ruħna nitolbuk dan l-istess Spirtu biex hekk kif bil-qawwa tiegħu l-ħobż u l-inbid isiru għalina l-Ġisem u d-Demm għażiż ta’ Ibnek Ġesù, hekk aħna bil-qawwa tiegħu nsiru wkoll xbieha ħajja ta’ l-istess Ibnek u Sidna Ġesù Kristu.

2. Naqraw il-Kelma – “Lectio”

Aqra s-silta li ġejja bil-mod il-mod, bil-fidi, jekk hemm bżonn iktar minn darba. Il-Kelma ta’ Alla hija ikel għar-ruħ tagħna.

1 Korintin 11,23-26Mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
(1Kor 11, 23-26)

Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesu’, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Hekk ukoll għamel bil-kalċi wara li kiel u qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.” Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

3. Nixtarru l-Kelma – “Meditatio”

Xtarr il-Kelma u fittex li tifhem dak li qrajt. Ftakar u aqra siltiet oħra mill-Bibbja li din is-silta tfakkrek fihom, isma’ l-messaġġ li Alla jrid jagħtik permezz ta’ din is-silta. Biex tagħmel dan:

3.1. Aqra fi spirtu ta’ talb din ir-riflessjoni maħsuba biex tgħinek.

Punt importanti li rridu nżommu f’moħħna meta naqraw u nimmeditaw l-ittri ta’ San Pawl lill-Korintin huwa l-fatt li dawn iż-żewġ ittri nkitbu bħala tweġibiet għal xi problemi partikulari tal-Knisja f’Korintu; Knisja ħafna għal qalb San Pawl, li għalkemm kienet maqsuma u problematika, kien fiha wkoll ċertu entużjażmu. L-ewwel ittra wara d-daħla tmiss mill-ewwel l-argument tal-firdiet fuq diversi livelli u titratta wkoll problemi oħrajn (1Kor 1-6). Din is-silta li għandna għal-Lectio Divina (1Kor 11, 23-26) tagħmel parti mit-twissijiet li l-Appostlu Pawlu jagħti lill-komunità nisranija f’Korintu, dwar l-imġieba fil-laqgħat ta’ l-insara, fosthom l-Ewkaristija jew il-laqgħa tal-ġemgħa kif isejjħilha Pawlu (1Kor 11,18). Dan it-test ma jistax jinftihem tajjeb jekk ma nħarsux lejn il-kuntest li fih huwa mqiegħed. Inżommu quddiem għajnejna li dawn it-twissijiet San Pawl jitfagħhom taħt il-kappa ta’ vers importanti li jiftaħ il-kapitlu ħdax: Ixbhu lili, bħalma jiena nixbah lil Kristu (1Kor 11,1).

Pawlu jibda biex ifaħħar lill-insara ta’ Korintu għaliex dejjem jiftakru fih u baqgħu jżommu t-tradizzjonijiet hekk kif għaddihomlhom hu bħala xandâr ta’ l-Evanġelju u fundatur tal-Knisja fil-belt ta’ Korintu (1Kor 11,2). Wara dan jgħaddi biex jagħti istruzzjonijiet dwar l-imġieba u l-ilbies tan-nisa u l-irġiel waqt il-laqgħat tal-ġemgħa (1Kor 11,3-16). Għalkemm il-konklużjonijiet prattiċi m’għadhomx jgħoddu għal-lum, it-teorija ta’ warajhom għada valida, għaliex il-konklużjonijiet li jasal għalihom Pawlu, ġejjin mis-sejħa tan-nisrani li jsir jixbah lil Kristu. Għalhekk jitkellem dwar ir-raġel li ma għandux jitlob b’rasu mgħottija għax hu jixbah lil Kristu. Fit-tieni ittra lill-Korintin huwa jikteb hekk: Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skond ma jagħtina l-Mulej li hu Spirtu (2Kor 3,18). Jitkellem ukoll dwar il-mara li għandha xxidd il-velu waqt it-talb għax hi maħluqa għall-glorja tar-raġel (1Kor 11, 7) u fil-bidu tal-ħolqien ħarġet minnu (Ġen 2,21-23). Naturalment, Pawlu hawnhekk jitkellem fil-kuntest tas-simboloġija ta’ l-għaqda bejn Kristu u l-Knisja. Hekk kif il-Knisja Għarusa ta’ Kristu tiddependi minn Kristu Għarus tagħha, hekk il-mara mir-raġel (1Kor 11,10; Kol 1,18; Ef 1,22-23; Ef 5,21-23). Madanakollu dan m’għandux jinftihem għal superjorità awtoritattiva skond l-ispirtu tad-dinja, imma skond l-ispirtu ta’ Kristu għax la l-mara ma hi mingħajr ir-raġel u lanqas ir-raġel mingħajr il-mara fil-Mulej. Kif il-mara saret mir-raġel, hekk ir-raġel sar permezz tal-mara. Imbagħad kollox hu ġej minn Alla (1Kor 11,11-12). Li jinteressah San Pawl huwa li tidher l-għaqda u l-armonija li għandu jkun hemm fil-Knisja bħala l-ġisem mistiku ta’ Kristu, element li kien nieqes fil-komunità nisranija ta’ Korintu.

Għalhekk l-Appostlu jgħaddi biex jitratta l-problema tal-firda li tidher ukoll fil-laqgħat Ewkaristiċi. Il-prinċipju huwa sempliċi: jekk l-insara huma mifrudin fil-ħajja ta’ kuljum, kulħadd irid jikkmanda u jaħkem fuq ħaddieħor, din il-firda se tidher ukoll fiċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi. Fil-fatt Pawlu jikteb: f’li se ngħidilkom ma nfaħħarkomx! Għax intom tiltaqgħu mhux għall-ġid imma għad-deni (1Kor 11,17). San Pawl sema’ li hemm il-firdiet fost l-insara (1Kor 11,18). Minħabba dawn il-firdiet il-laqgħat Ewkaristiċi fil-fatt ma jibqgħux il-laqgħat ta’ l-ikla tal-Mulej (1Kor 11,20). Il-firdiet jidhru fid-differenzi: min hu mejjet għal qatra u min mejjet fis-sakra (1Kor 11,21). Il-laqgħat insara saru laqgħat ta’ tbaħrid u egoiżmu, hekk li din l-imġieba tbaxxi l-Knisja ta’ Alla (1Kor 11,22). San Pawl jirreferi għad-drawwa ta’ l-agape (l-ikla ta’ l-aħwa) li kienet parti mill-Ewkaristija. Dawn il-laqgħat minn ambjent fejn isir qsim ġust ta’ l-ikel u l-ġid bejn kulħadd, proprju biex juru fil-prattika dak li tfisser l-ikla tal-Mulej, saru okkażjoni għal min hu sinjur biex jiddandan b’ġidu u jwaqqa’ fl-għajb il-foqra (1Kor 11,22).

Wara dan San Pawl jgħaddi biex jerġa’ jfakkar x’inhi l-ikla ewkaristika: Jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesu’, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż... (1Kor 11, 23-26). Din is-silta tixbah ħafna r-rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija skond San Luqa li fiha jgħid: « Mbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-patt il-ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom” » (Lq 22,19-20). Ta’ min jieqaf fuq il-kliem: “li jingħata għalikom” (1Kor 11,24) u wkoll “agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1Kor 11,25). L-Ikla tal-Mulej hija t-tifkira ta’ l-għotja ta’ Kristu fl-imħabba. Xi kodiċi jispeċifikaw iktar il-vers 1Kor 11,24, u jagħtuna l-espressjoni: “li hu miksur għalikom”. Din l-espressjoni iktar toqgħod ma’ vers 23, li jgħid għal Ġesù li jaqsam il-ħobż u jqassmu. Il-ħobż miksur huwa l-Ġisem ta’ Kristu li jitqassam lilna, biex jagħtina l-istess ħajja tiegħu. L-kalċi huwa xirka mad-demm ta’ Kristu, d-demm tal-patt il-ġdid (1Kor 11,26) li jixxerred għalina (Mt 26,26-29; Mk 14,22-25; Lq 22,19-20; Lhud 8,6-13). Xirka tfisser għaqda. L-Ewkaristija mela tgħaqqadna mal-ħajja u ma’ l-offerta ta’ Ġesù Kristu u ma’ xulxin, għax la l-ħobża hija waħda, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed (1Kor 10,17). “Kull meta nieklu minn dan il-ħobż u nixorbu mill-kalċi nkunu qegħdin inxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi” (1Kor 11,26). Ixxandar il-mewt tal-Mulej sa ma jiġi, tfisser li tgħix b’dan l-istess spirtu ta’ Kristu li jingħata, li jintefaq, f’kelma waħda li joffri lilu nnifsu għall-bnedmin fl-imħabba. Għalhekk San Pawl ikompli mbagħad jgħidilna li “min jieħu sehem mill-mejda tal-Mulej b’mod indenn, ikun ħati tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej” (1Kor 11,27). Għalhekk huwa meħtieġ li qabel nersqu lejn l-ikla tal-Mulej neżaminaw lilna nfusna (1Kor 11,28-33) jekk aħniex ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum bl-istess spirtu ta’ Kristu li jagħti ħajtu jew inkella aħniex ngħixu bl-ispirtu ta’ l-egoiżmu li jagħlaqna fina nfusna u jagħlaqna għall-proxxmu.

3.2. Idħol fil-qalba ta’ dak li qrajt

Erġa’ aqra bil-mod is-silta mill-Bibbja u fittex fil-Bibbja stess is-siltiet l-oħrajn li ssemmew fir-riflessjoni. Fir-riflessjoni tiegħek tista’ timxi ma’ dawn il-mistoqsijiet:

● X’laqtek minn din is-silta?
● Qatt irriflettejt fuq l-Ewkaristija b’dan il-mod?
● Xi tfisser għalik tieħu sehem fl-Ewkaristija? Kemm hi importanti l-quddiesa f’ħajtek? Kif tista’ ttejjeb il-mod li bih inti tieħu sehem fl-Ikla tal-Mulej?
● Qatt ħsibt dwar ir-relazzjoni li tgħaddi bejn l-Ewkaristija u l-għaqda ma’ ħutek il-bnedmin? San Pawl jitkellem mill-firdiet u mill-foqra. X’tista’ tagħmel inti biex tnaqqas il-firdiet u tieħu ħsieb il-foqra? Staqsi min huma l-foqra li tiltaqa’ magħhom f’ħajtek.
● Bejjidt lil xi ħadd f’qalbek? Kemm qed tgħinek l-Ewkaristija tixrob fik l-ispirtu ta’ Kristu?
● San Pawl iċanfar lill-Korintin għall-imġieba m’hijiex xierqa fl-ikla tal-Mulej. X’taħseb li hemm x’wieħed x’jirranġa fil-quddies ċelebrat fil-komunità nisranija tiegħek? X’tista’ tagħmel inti biex tgħin ħalli din titjieb?

4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – “Oratio”

Wara li smajt il-Kelma ta’ Alla u lqajtha f’qalbek u f’ħajtek, ersaq lejn Alla bl-umiltà, ressaq quddiemu x-xewqa tiegħek li ssir tixbah iktar lil Kristu. Uri x-xewqa tiegħek li tkun bniedem Ewkaristiku, jiġifieri li tgħix skond dak li tiċċelebra fil-quddiesa. Uri lil Alla li tixtieq tagħmel minn ħajtek offerta sħiħa lilu u lil ħutek il-bnedmin.

5. Induqu l-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla - “Contemplatio”

Wara li tkellimt ma’ Alla fit-talb erġa’ aqra s-silta (1Kor 11,23-26) u ggustaha b’dak kollu li qrajt dwarha u b’dak kollu li tlabt. Ħalli lil Alla jdewwqek il-gost tal-ħwejjeġ qaddisa u ħallih ilibbsek bl-istess qdusija u ġustizzja tiegħu. Hekk tkun qed tħalli lil Alla jibdillek qalbek u ħajtek fil-ħajja tiegħu, hekk tkun tista’ taġixxi skond ir-rieda tiegħu. Tistà tgħin ruħek ukoll b’dan il-qari mill-Ittra Apostolika tal-Papa għal din is-Sena Ewkaristika (par.12-13,15):

L-ewwelnett l-Ewkaristija hija dawl għax f’kull Quddiesa l-liturġija tal-Kelma ta’ Alla tiġi qabel il-liturġija ewkaristika, fl-għaqda ta’ żewġ “imwejjed”, dik tal-Kelma u dik tal-Ħobż [...] Waqt ix-xandir tal-Kelma huwa Kristu nnifsu li jitkellem [...] Is-sena ta’ l-Ewkaristija għandha tkun okkażjoni importanti li fiha l-komunitajiet insara jagħmlu evalwazzjoni ta’ dan il-punt. Mhux biżżejjed li t-testi bibliċi jinqraw waqt il-quddies b’lingwa li tinftihem, jekk dan ma jsirx bi tħejjija minn qabel, jekk il-Kelma ma tintlaqax b’devozzjoni u bi spirtu ta’ skiet meditattiv, jekk ma ssirx l-omelija. Dawn huma kollha neċessarji biex il-Kelma tmiss u tqanqal il-qlub [...] Bla dubju ta’ xejn, id-dimensjoni li tispikka fl-Ewkaristija hija l-ikla. L-Ewkaristija twieldet, fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka, fil-kuntest ta’ l-ikla ta’ l-Għid. L-Ewkaristija tagħmel sens għax fiha l-istruttura ta’ l-ikla: “ħudu u kulu... [...] ħudu u ixorbu”. Dan l-aspett jesprimi l-għaqda li Alla jrid juri magħna u fl-istess ħin l-għaqda li għandna noħolqu aħna stess.

Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena
tinsab fuq il-website ta’ l-Ordni Karmelitan
bl-Ingliz, bl-Ispanjol u bit-Taljan
www.ocarm.org



© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage