SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIL-BIBBJA Ġesù l-ħobż ħaj li niżel mis-sema Għan-nisrani ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tal-Ħadd għandha tkun mument li jagħti l-ħajja, li jdawwal il-ġranet tagħna aħna u ngħixu f’din id-dinja. Għalhekk f’din is-sena Ewkaristika, l-Ittra Apostolika Mane Nobiscum Domine, tieħu bħala punt tat-tluq għar-riflessjoni tagħna, ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws li mexjin fit-triq lura lejn djarhom qalbhom maqtugħa jiltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt u wara li jismgħu l-Kelma jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż: «Ibqa’ magħna, Mulej, għax diġà sar ħafna ħin» (Lq 24, 29). Din kienet l-istedina li ż-żewġ dixxipli għamlu lill-Pellegrin li resaq lejhom fuq l-istess triq, huma u mexjin lejn Għemmaws dakinhar ta’ l-Għid filgħaxija. Imtaqqlin bi ħsibijiet ta’ dieqa, qatt ma mmaġinaw li dak il-barrani kien proprju l-Imgħallem tagħhom, imqajjem mill-Imwiet. Madanakollu ħassew ġewwa fihom qalbhom titħeġġeġ (Lq 24,32), waqt li kien qed ikellimhom u jfehmhom l-Iskrittura. Id-dawl tal-Kelma ħall l-ebusija ta’ qlubhom u fetħilhom għajnejhom. (Lq 24,31). Fid-dalma tal-jum li kien qed jintemm u fost id-dlamijiet li kienu jtaqqlu l-qlub, il-Pellegrin deher bħal raġġ ta’ dawl li jqajjem it-tama u jqajjem mill-ġdid ix-xewqa li jaraw id-dawl ta’ bla tmiem. Talbuh bil-ħniena: «Ibqa’ magħna», u hu laqa’ t-talba tagħhom. Minn dak il-ħin ’il quddiem, il-Wiċċ ta’ Ġesù għeb, biex jibqa’ l-Imgħallem taħt is-satra tal-ħobż miksur, li quddiemu infetħulhom għajnejhom. 1. Ninġabru fit-talb – “Statio” Inħallu dan il-kliem ta’ l-Ittra Apostolika jidħol f’moħħna u jinżel fi qlubna biex fil-kwiet inħejju ruħna biex nilqgħu il-Kelma ta’ Alla u nħalluha taħdem fina. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jdawwalna: Ejja, Int in-Nixxiegħa ta’ Ilma ħaj igelgel f’qalb min jisma’ l-kelma ta’ Kristu, 2. Naqraw il-Kelma – “Lectio” Aqra s-silta li ġejja bil-mod il-mod, bil-fidi, jekk hemm bżonn iktar minn darba. Din id-darba s-silta hija meħuda mil-liturġija tal-quddiesa għal jum is-Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 6,51-58)
3. Nixtarru l-Kelma – “Meditatio” Xtarr il-Kelma fis-skiet u fittex li tifhem dak li qrajt, ftakar, sib u aqra siltiet oħra mill-Bibbja li din is-silta tfakkrek fihom, isma’ l-messaġġ li Alla jrid jagħtik. 3.1. Aqra fi spirtu ta’ talb din ir-riflessjoni maħsuba biex tgħinek. Kull Evanġelista jieqaf fuq aspett importanti tal-misteru ta’ Ġesù. Nistgħu ngħidu li l-Evanġelju skond San Ġwann huwa kummentarju għall-prologu (Ġw 1,1-18) ta’ dan ir-rakkont tal-Bxara t-Tajba li jiġbor fih il-ħsieb ewlieni ta’ l-awtur. Fil-Prologu, l-Evanġelista jagħtina l-ħsieb prinċipali tiegħu li mbagħad jiżvolġih fil-kumplament ta’ l-Evanġelju. Il-ħsieb huwa li l-Kelma ta’ Alla saret ġisem fil-persuna ta’ Ġesù Kristu li «ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla» (Ġw 1, 11-12). Is-silta li għandna għar-riflessjoni nistgħu naqrawha f’dan id-dawl. Hija meħudha mill-kapitlu sitta li jpinġi quddiemna x-xena tat-tkattir tal-ħobż (Ġw 6,1-15); ix-xena ta’ Ġesù li jmur jiltaqà mad-dixxipli fuq il-baħar imqalleb (Ġw 6,16-21); il-predikazzjoni fis-sinagoga ta’ Kafarnaum (Ġw 6,22-66) u l-istqarrija ta’ Pietru (Ġw 6,67-71). F’dan il-kapitlu nsibu t-tema ta’ Ġesù li ma jiġix milqugħ minħabba l-kliem li jgħid fuq il-ħobż tal-ħajja (Ġw 6,22-66). L-Evanġelista bil-mod tipiku tiegħu jdaħħalna fit-tema tal-ħobż tal-ħajja bir-rakkont tal-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. Ir-raba’ Vanġelu fil-fatt huwa mfassal bi struttura ta’miraklu jew kif isejjaħlu Ġwanni sinjal li jagħmel Ġesù u diskors li jfisser dak li jkun għamel Ġesù. F’dan il-kapitlu nsibu lil Ġesù jkattar il-ħobż fi żmien il-festa ta’ l-Għid tal-Lhud (Ġw 6,4). Il-kliem li juża l-evanġelista biex ifisser it-tkattir, it-tqassim tal-ħobż lill-folla u l-ġbir taż-żejjed fil-qfief (Ġw 6,11-12) jalludi għall-Ewkaristija, iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Għid tal-Patt il-Ġdid. Wara l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż Ġesù jaħrab lejn il-muntanji (Ġw 6,15), u fil-għaxija jmur jiltaqa’ mad-dixxipli mwerwrin fuq id-dgħajsa (simbolu tal-komunità nisranija) mħabbta mill-mewġ u r-riħ qawwi. Il-kliem ta’ Ġesù: «Jiena hu, la tibżgħux» (Ġw 6,20) ifakkarna fil-kliem li Ġesù Kristu mqajjem mill-imwiet jgħid lid-dixxipli dakinhar ta’ l-ewwel Ħadd il-Għid fil-għaxija (ara Ġw 20). Fil-jum ta’ wara, Ġesù jaqsam lejn Kafarnaum (Ġw 6,24) u jibda jgħallem lill-folol li mxew warajh minħabba l-ħobż materjali jwissihom biex jitħabtu «mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqà għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom» (Ġw 6,26-27). Dan huwa l-ħobż veru li niżel mis-sema, li x-xbieha tiegħu kienet il-manna fid-deżert mogħtija minn Alla permezz ta’ Mosè (Ġw 6,30-50). Il-ħobż tal-ħajja huwa Ġesù nnifsu (Ġw 6,35.48) il-Kelma ta’ Alla magħmula bniedem. Għall-ħajja ta’ dejjem huwa meħtieġ li wieħed jismà lil Ġesù u jemmen fih (Ġw 6,34-40). Min tassew jisma’ mill-Missier u jitgħallem mingħandu jersaq lejn Ġesù. F’dan il-kuntest tar-rabta bejn is-smiegħ tal-Kelma tal-Missier magħmula bniedem (Ġesù), nistgħu nifhmu t-test li għandna għal-lectio divina (Ġw 6,51-58). F’din is-silta Ġesù jkompli d-diskors tiegħu u jgħid: «Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema. Jekk wieħed jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem u l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja» (Ġw 6,51). Insibu xebh ma’ dan il-kliem ta’ Ġesù, dwar ġismu li jingħata fir-rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija skond San Luqa (Lq 22,19) u wkoll fir-rakkont li jagħti San Pawl dwar l-aħħar ikla tal-Mulej (1 Kor 11,24). San Ġwann ma jitkellimx fuq l-Ewkaristija fl-aħħar ikla tal-Mulej fil-lejl ta’ qabel ma’ għadda għall-passjoni, imma f’din il-parti ta’ l-Evanġelju. Ġesù jkompli jinsisti dwar il-ħtieġa li nieklu ġismu u nixorbu demmu, meta l-Lhud jinħasdu u ma jemmnux (Ġw 6,52- 58). Min jiekol ġismu u jixrob demmu jkollu l-ħajja ta’ dejjem u Ġesù jqajjmu mill-Imwiet fl-aħħar jum, jaqsam fl-istess xorti miegħu, hu li hu rxuxtat, ħaj għal dejjem. Kif Ġesù jgħix mill-ħajja tal-Missier hekk ukoll min jiekol ġismu u jixrob demmu jgħix mill-ħajja ta’ Ġesù (Ġw 6,56-57). Il-ġisem u d-demm ifissru ħajja. Ġesù hawnhekk qed juri l-ħtieġa li d-dixxiplu jgħix b’Ġesù u jaqsam l-istess ħajja tiegħu. Biex nifhmu dak li qed jgħid Ġesù hawnhekk nistgħu nirreferu għall-espressjoni sabiħa ta’ San Pawl: «Ngħix, mhux jien, imma huwa Kristu li jgħix fija» (Gal 2,20). Dan il-kliem San Pawl jgħidu wkoll fil-kuntest tas-smiegħ u t-twemmin fil-kelma ta’ Ġesù, kif ukoll fil-qsim miegħu fl-istess ħajja u xorti tiegħu, fil-misteru ta’ l-Għid (Gal 2,15-21). 3.2. Staqsi lilek innifsek: ● X’laqtek mis-silta ta’ l-Evanġelju u mir-riflessjoni? 4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – “Oratio” Wara li smajt il-Kelma ta’ Alla u lqajtha f’qalbek u f’ħajtek, ersaq lejn Alla bl-umiltà, ressaq quddiemu x-xewqa tiegħek li tirċievi d-don ta’ Kristu f’ħajtek, u tilqgħu f’qalbek bħala Kelma li titlaħħam fik. 5. Induqu l-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla – “Contemplatio” Meta tidħol fil-knisja għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, ħejji ruħek ħalli dduq il-preżenza ta’ Kristu fis-smiegħ tal-Kelma u fit-tqarbin. Meta tmur titlob quddiem l-Ewkaristija, għaddi ħin fis-skiet duq il-preżenza ħelwa ta’ Kristu. Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena |