SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIL-BIBBJA Elija jitlob għax-xita Is-silta li se nirriflettu dwarha llum hija meħuda mil-liturġija tal-quddiesa tat-Tifkira Solenni tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu. Tinqara bħala l-ewwel qari fil-quddiesa għax il-Missirijiet tal-Knisja u l-Ordni Karmelitan dejjem raw fis-sħaba żgħira daqs keffa ta’ id ta’ raġel tielgħa mill-baħar u ssaqqi l-art bil-għatx, lill-Verġni Marija li bħas-sħaba l-bajda hija tqila bix-xita spiritwali: Ġesù l-Iben ta’ Alla li jaħji lil ruħna bil-grazzja tiegħu. Fis-sħaba bajda mimlija bl-ilma ħelu tax-xita tielgħa mill-baħar mielaħ, dawn l-awturi raw is-simbolu wkoll ta’ Marija li waħedha hija l-Verġni l-aktar safja mill-umanità midruba bid-dnub. Għalhekk setgħet tagħtina l-frott imbierek, Ġesù Kristu Sidna, il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem. 1. Ninġabru fit-talb – “Statio” Spirtu s-Santu li int Alla, Bi kliem fommna, qalbna u ruħna, Isma’ talbna Missier twajjeb, (Mil-Liturġija tas-Sigħat, għat-Talba tad-9.00 am) 2. Naqraw il-Kelma – “Lectio” Aqra s-silta li ġejja bil-mod il-mod, bil-fidi, jekk hemm bżonn iktar minn darba. Mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten (1Slat 18,41-45)
3. Nixtarru l-Kelma – “Meditatio” Xtarr il-Kelma fis-skiet u fittex li tifhem dak li qrajt, ftakar, sib u aqra siltiet oħra mill-Bibbja li din is-silta tfakkrek fihom, isma’ l-messaġġ li Alla jrid jagħtik. 3.1. Aqra fi spirtu ta’ talb din ir-riflessjoni maħsuba biex tgħinek. Kuntest storiku Din is-silta teħodna lura lejn is-seklu 9 QK, fi żmien is-saltna ta’ Aħab (874-853). L-Ewwel Ktieb tas-Slaten mill-ewwel jgħidilna li Aħab bin Omri għamel dak li hu ħażin f’għajnejn il-Mulej. Bħala sultan kien agħar minn missirijietu, għax iżżewweġ lil Ġeżabel, bint Et-Baal, sultan ta’ Sidon (1Slat 16,29-31) u saċerdot ta’ l-alla pagana Astarte. Iż-żwieġ tiegħu ma’ bint Et-Baal, daħħal f’patt il-familja rjali ta’ Omri mal-Feniċi. Aħab waqqaf altar lil alla Baal – alla tal-fertilità – fit-tempju mibni minnu stess u ddedikat lill-istess idolu fis-Samarija (1Slat 16,32). Din il-politika tal-mexxejja daħħlet lill-poplu Lhudi f’sinkretiżmu reliġjuż. Din l-imġieba ta’ Aħab regħxet lil Alla (1Slat 16,33). F’dan il-kuntest iqum il-profeta Elija minn Tesbi li f’isem Alla jħabbar nixfa fuq il-pajjiż kollu sakemm jgħid hu. F’dawn is-snin la xita, lanqas nida ma niżlet fuq il-pajjiż (1Slat 17,1). Alla jordna lil Elija biex imur minn post għal ieħor: jinħeba fil-wied tal-Kerit (1Slat 17,2-5); imur f’Sarepta ta’ Sidon (1Slat 17,7-9); imur jiltaqa’ ma’ Aħab li kien ilu tliet snin ifittxu (1Slat 18,1). Wara dan kollu huwa jisfida lill-profeti ta’ Baal fuq il-Karmelu u juri li Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb huwa l-veru Alla u mhux Baal (1Slat 18,36). Wara dawn il-ġrajjiet, nsibu r-rakkont tas-sħaba u x-xita li tagħlaq l-ewwel parti taċ-ċiklu ta’ Elija u li aħna qegħdin nużaw għal-Lectio Divina. Xita bil-qliel Elija wara s-sagrifiċċju fuq il-Karmelu javża lil Aħab biex jagħmel il-qalb, jiekol u jixrob, għax wasal iż-żmien li tagħmel ix-xita u jispiċċa żmien in-nixfa (1Slat 18,41). Alla kien wiegħed lil Elija li se jibgħat ix-xita wara li l-profeta jmur u jiltaqa’ mas-sultan Aħab (1Slat 18,1-2). L-ikel u x-xorb juru element ta’ ferħ, sinjal li Alla laqa’ l-imġieba tal-bniedem u li sema’ talbu. F’dan il-każ, huwa sinjal li Alla laqa’ l-imġieba tal-profeta li wera min hu tassew il-veru Alla fis-sagrifiċċju tal-Karmelu: “Isa mela, kul bil-ferħ il-ħobża tiegħek, u ixrob għal qalbek l-inbid tiegħek, għax Alla ġà laqagħhom l-għemejjel tiegħek” (Qoħ 9,7). Is-sawm min-naħa l-oħra huwa sinjal ta’ penitenza u juri atteġġjament ta’ supplika u umiljazzjoni quddiem Alla. Bħala eżempju nistgħu nsemmu s-sawma ta’ David għall-ħajja ta’ l-iben li kellu mill-mara ta’ Urija (2Sam 12,16) u s-sawma ta’ Aħab li umilja ruħu quddiem Alla biex jeħles mill-kastig (1Slat 21,27). Elija juri li huwa Alla li se jibgħat ix-xita. Dan jagħmlu billi juri li hu qiegħed quddiem il-preżenza ta’ Alla bil-mod ta’ kif iġib ruħu. Fil-fatt Elija jiddeskrivi lilu nnifsu bħala dak li joqgħod quddiem il-preżenza ta’ Alla (1Slat 17,1). Hawnhekk Elija juri dan billi: a) jitla’ fuq il-quċċata tal-Karmelu (1Slat 18,42). L-għoljiet u l-muntanji huma l-imkejjen li fuqhom Alla juri l-glorja tiegħu. Mosè jitla’ fuq il-muntanja Ħoreb biex jiltaqa’ ma’ Alla fl-għollieq jaqbad (Eż 3,1-2). Fuq il-quċċata tas-Sinaj jidher is-sebħ ta’ Alla (Eż 19,20) u fuqha Alla jsejjaħ lil Mosè biex jiltaqa’ miegħu. Fuq il-muntanja Alla juri lilu nnifsu u jagħti l-kmandamenti (Eż 19,24-20,21). Elija wkoll iktar ’il quddiem imur fuq il-Ħoreb fejn jiltaqa’ ma’Alla (1Slat 19,8-18). Fit-Testment il-Ġdid ukoll insibu l-muntanja Tabor li fuqha deher sebħ Alla quddiem Pietru, Ġakbu u Ġwanni u quddiem ix-xhieda ta’ Mosè u Elija (Mt 17,1-9; Mc 9,2-8; Lq 9,28-36; 2Pt 1,16-18). b) jinxteħet fl-art (1Slat 18,42). Quddiem il-preżenza ta’ Alla, wieħed jinxteħet fl-art (Eż 24,1). Mosè jinxteħet wiċċu fl-art quddiem il-preżenza ta’ Alla fl-għollieq jaqbad (Eż 3,1-2). Quddiem Ġesù li juri lilu nnifsu fil-ġnien taż-żebbuġ bħala “Jiena Hu” s-suldati jaqgħu wiċċhom fl-art (Ġw 18,6). c) iqiegħed wiċċu bejn irkobbtejh (1Slat 18,42). Quddiem il-preżenza ta’ Alla wieħed jgħatti wiċċu. Elija jirrepeti dan il-ġest fuq il-Ħoreb meta Alla jurih lilu nnifsi fis-skiet ta’ żiffa ħelwa (1Slat 19,12-13). Alla jgħatti wkoll wiċċ Mosè fuq il-blata hija u għaddejja l-preżenza tiegħu (Eż 33,22-23). Alla jibgħat ix-xita wara t-talb ta’ Elija. L-imġieba ta’ Elija msemmija hawn fuq hija interpretata mill-Iskrittura stess bħala mġieba ta’ wieħed li nġabar fit-talb quddiem Alla. Fl-ittra ta’ Ġakbu nsibu: “It-talba tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira. Elija bniedem bħalna kien: meta talab bil-ħerqa biex ma tagħmilx ix-xita, għal tliet snin u sitt xhur sħaħ ix-xita m’għamilitx fuq l-art. U meta reġa’ talab, is-sema radd ix-xita u l-art għamlet il-frott” (Ġk 5,16-18). L-intervent ta’ Alla li jibgħat ix-xita jseħħ wara li l-qaddej jitla’ seba’ darbiet fuq il-quċċata tal-Karmelu (1Slat 18,43). Mas-seba’ darba tidher sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel tielgħa mill-baħar (1Slat 18,44). Is-sebgħa huwa numru li jindika perfezzjoni. Mhux l-ewwel darba li jintuża biex juri li Alla se jintervjeni. Insibu r-rakkont tal-waqgħa tal-belt ta’ Ġeriko li ntrebħet billi l-poplu għal sebat ijiem dar dawra mal-belt kuljum u fis-seba’ jum dar seba’ darbiet madwarha bl-Arka tal-Patt akkumpanjata minn seba’ saċerdoti jdoqqu sebat iqrun tal-kbiex (Ġoż 6,1-16). Nagħman tas-Sirja wkoll ifieq wara li jisma’ mill-profeta Eliżew u jmur jinħasel seba’ darbiet fil-Ġordan (2Slat 5,1-14). Ix-xita hija s-sinjal ta’ l-abbundanza u l-providenza ta’ Alla (Is 55,1-2) u hija wkoll is-simbolu tal-Kelma tal-Mulej li ssaqqi l-art u ġġegħilha tagħmel il-frott (Is 55,10-11) 3.2. Staqsi lilek innifsek: ● X’laqtek minn din is-silta tal-Bibbja (1Slat 18,41-45)? 4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – “Oratio” Wara li smajt il-Kelma ta’ Alla u lqajtha f’qalbek u f’ħajtek, ersaq lejn Alla bl-umiltà, ressaq quddiemu x-xewqa tiegħek li tgħix fil-preżenza tiegħu u tagħmel dejjem ir-rieda qaddisa tiegħu bħall-Profeta Elija. 5. Induqu l-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla – “Contemplatio” Il-profeta Elija ħejja lilu nnifsu biex jiltaqa’ ma’ Alla u għarfu fis-skiet ta’ żiffa ħelwa (1Slat 19,12-13). Ħejji lilek innifsek u oqgħod dejjem attent ħalli tinduna meta Alla jiġi jżurek bil-preżenza ħelwa tiegħu, u hekk tkun tistà dduq u tara kemm hu tajjeb il-Mulej u kemm hu hieni l-bniedem li jistkenn fih (Salm 33). Jekk trid uża dan is-salm biex tagħlaq it-talb tiegħek. Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena |