SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIL-BIBBJA L-Ikla tal-Mulej Il-Lectio Divina li qegħdin nipproponu fuq l-Evanġelju tat-28 Ħadd matul is-sena, tagħlaq iċ-ċiklu ta’ Lectio Divina b’temi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Ikla tal-Mulej. It-tema ta’ dan il-Ħadd hija l-festa tat-tieġ fis-Saltna ta’ Alla. Is-silta hija meħuda mill-Evanġelju skond San Mattew li fiċ-ċiklu liturġiku jinqara matul is-Sena A. 1. Ninġabru fit-talb – “Statio” Ninġabru fil-kwiet ħalli nħejju ruħna biex nilqgħu l-Kelma ta’ Alla u nħalluha taħdem fina. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu bit-talba tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità, Karmelitana: Nar li jtemm kollox, Spirtu ta’ mħabba, inżel ġewwa fija ħalli sseħħ f’ruħi bħal Inkarnazzjoni tal-Verb, u jiena nkun għalih umanità miżjuda li fiha jġedded il-misteru kollu tiegħu. 2. Naqraw il-Kelma – “Lectio” Aqra s-silta li ġejja bil-mod il-mod, bil-fidi, jekk hemm bżonn iktar minn darba. Mill- Evanġelju skond San Mattew (Mt 22, 1-14)
3. Nixtarru l-Kelma – “Meditatio” Xtarr il-Kelma fis-skiet u fittex li tifhem dak li qrajt, ftakar, sib u aqra siltiet oħra mill-Bibbja li din is-silta tfakkrek fihom, isma’ l-messaġġ li Alla jrid jagħtik. 3.1. Aqra fi spirtu ta’ talb din ir-riflessjoni maħsuba biex tgħinek Ġesù reġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli Din is-silta hija l-aħħar waħda minn tliet parabboli li Ġesù jindirizza lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu li jistaqsuh, waqt li jkun qiegħed jgħallem fit-tempju, b’liema setgħa jkun qiegħed jagħmel dan (Mt 21,23). Ġesù jweġibhom b’mistoqsija oħra fuq Ġwanni l-Battista (Mt 21,24-27) u jkompli bil-parabbola taż-żewġ ulied (Mt 21,28-32), bil-parabbola ta’ l-għalqa u l-bdiewa (Mt 21,33-46) biex imbagħad jagħlaq bil-parabbola tal-festa tat-tieġ (Mt 22,1-14). Għalhekk l-ewwel vers tal-kapitlu 22 jgħaqqad mal-kapitlu 21 li fih iż-żewġ parabboli ta’ qabel din. Ġesù jitkellem bil-parabboli mhux biss biex il-messaġġ tiegħu jinftihem imma wkoll biex xi drabi jaħbih minn dawk li huma magħluqin għalih u għat-tagħlim tiegħu. Fil-fatt naqraw li: “Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: ‘Għaliex tkellimhom bil-parabboli?’ Hu weġibhom: ‘Għax lilkom ingħata li tifhmu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma’ ġiex mogħti [...] Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux.” (Mt 13,10-11a.13). Din il-parabbola nsibuha wkoll fl-Evanġelju skond San Luqa b’xi differenzi li jagħmlu emfasi fuq aspetti oħra tal-messaġġ ta’ din it-tixbiha tal-festa tat-tieġ (Lq 14,15-24). Mistednin għall-festa tat-tieġ u t-tkasbir ta’ l-istedina F’din il-parabbola Ġesù juża l-metafora tal-festa mħejjija mis-sultan għat-tieġ ta’ ibnu. Din hija metafora komuni ħafna fil-Bibbja, kemm fir-Rabta l-Qadima u kemm fil-Ġdida. Alla jagħmel patt mal-poplu tiegħu, liema patt huwa dejjem okkażjoni ta’ festa għall-poplu l-magħżul bħal fil-każ tat-tifkira tal-ħelsien mill-jasar ta’ l-Eġittu, li l-poplu jiċċelebraha wkoll b’ikla li fiha jinqatel il-ħaruf ta’ l-Għid (Eż 12). Meta Alla u Mosè f’isem il-poplu jissiġillaw il-patt fuq is-Sinaj, “telgħu Mosè, Nadab u Abihu, u s-sebgħin mix-xjuħ ta’ Israel [...] U huma raw ’l Alla; u kielu u xorbu.” (Eż 24, 9-11). Mhux darba u tnejn Alla jistieden lill-poplu tiegħu biex jersaq lejh ħa jiekol mill-ġid li hu nnifsu jipprovdilu: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Intom li bikom l-għatx ejjew għall-ilma; intom ukoll li m’għandkomx flus, ejjew ixtru u kulu b’xejn, inbid u ħalib bla ħlas [...] Isimgħu minni u tieklu tajjeb u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.” (Is 55,1-3). L-ikel li Alla joffri lill-poplu tiegħu huwa s-simbolu tat-tjubija tiegħu, tal-ġid li huwa jrid isawwab fuq il-bniedem, tal-ħniena li juri miegħu u fl-aħħar mill-aħħar tal-ħbiberija divina li huwa joffrilu u tar-rabta ta’ mħabba li biha hu jixtieq jorbotna miegħu (Hosegħa 11). Fid-deżert Alla wera t-tjubija tiegħu mal-poplu u temgħu l-manna, s-summien (Eż 16) u l-ilma (Num 20,1-13). L-għarusa ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet tqabbel it-tjubija ta’ l-Għarus tagħha ma’ l-oħla nbid u ma’ ikel bnin. Hija tixtieq tidħol fil-palazz tas-sultan biex titgħaxxaq bil-Maħbub tagħha u bi mħabbtu (Għanja 1). Fir-Rabta l-Ġdida, Ġesù huwa mqabbel ma’ l-Għarus li jġib il-ferħ fost il-mistednin u għalhekk dawn jieklu bla ma jsumu (Mt 9,15). Huwa wkoll jitma’ lil dawk li jimxu warajh u jisimgħu kelmtu (Mt 14,13-21; Mk 6,30-44; Lq 9,10-17; Ġw 6,1-13). Lit-tnax iseħibhom miegħu fl-ikla ta’ l-Għid (Mt 26,17-20; Mk 14,12-17; Lq 22,7-23; Ġw 13-17) u fil-festa tat-tieġ ta’ Kana, Ġesù jdewwaqna minn qabel il-ferħ ta’ l-ikla messjanika fis-Saltna ta’Alla (Ġw 2,1-12). Madankollu, b’mod ġenerali l-poplu dejjem iwarrab l-istedina ta’ Alla biex jieħu sehem fl-ikla jew fil-festa tat-tieġ. Profeti bħal Ġoel u Hosegħa jwasslu lill-poplu l-ilment ta’ Alla għax huma jippreferu ikel ieħor minn dak li l-Mulej joffrilhom għalkemm bnin. Bħas-sultan tal-parabbola, l-Għerf, imqabbel ma’ sinjura bil-għaqal (Prov 8,14) “qatel il-bhejjem tiegħu, ħallat l-inbid tiegħu, u firex ukoll il-mejda tiegħu. Imbagħad bagħat il-qaddejja tiegħu jistiednu min-naħat l-aktar għoljin tal-belt” lill-mistednin (Prov 9,1-5). Iżda dawn jippreferu “l-ilma misruq” u “l-ħobż meħud bil-moħbi” (Prov 9,17) li toffri l-Bluha u li hija mqabbla ma’ mara mferfxa. Lil dawn it-talin, is-sultan jeqridhom u jaħarqilhom l-ibliet tagħhom (Mt 22,7). Dan il-ġest ifakkarna fil-qerda ta’ Sodoma u Gomorra, meta Alla qered il-belt bin-nar mis-sema, minħabba li n-nies tal-belt riedu jkasbru lill-qaddejja tiegħu, waqt li jeħles lil Lot u lil familtu talli weġġaħ lill-qaddejja ta’ Alla mibgħutin għandu (Ġen 19,1-29). Is-sultan joffri darbtejn l-istedina tiegħu, kif kien l-użu dak iż-żmien. Aktarx, min jistieden, kien jibgħat il-qaddejja darbtejn jistiednu lill-mistednin. Dan kien isir biex min jistieden ikun jista’ jikkalkula kemm iħejji ikel għall-festa u wkoll biex min jirċievi l-istedina jkollu ċans jaħsibha jekk jistax jew jaqbillux imur. Fil-ktieb ta’ Ester insibu li din toffri darbtejn l-istedina tagħha lis-sultan u lil Ħaman biex jissieħbu magħha fuq il-mejda għall-ikel (Ester 5,1-8). Stedina għal ikla kienet timplika li l-mistieden imbagħad jistieden lil min stiednu b’radd ta’ ħajr. Għalhekk Ġesù jwissi: “Meta tagħti xi pranzu jew ikla, la ssejjaħx lil ħbiebek, lanqas lil ħutek, lanqas lil qrabatek, u lanqas lill-ġirien għonja, li ma jistednukx huma wkoll, u jpattulek. Imma meta tagħmel xi ikla, sejjaħ il-foqra, l-magħtubin, iz-zopop, l-għomja; u mbierek int għax ma għandhomx xi jroddulek, imma jintraddlek fil-qawmien tat-tajbin.” (Lq 14,12-14). F’din is-silta Mattew jgħidilna li diġà ma’ l-ewwel darba, l-istedina tas-sultan tiġi mogħtija l-ġenb (Mt 22,3). Imma s-sultan xorta jħejji l-ikel u għat-tieni stedina, l-mistednin iwieġbu billi wħud minnhom imorru jaħdmu, min fl-għalqa u min fin-negozju, waqt li oħrajn joqtlu lill-qaddejja tas-sultan (Mt 22,5-6). Kemm-il darba f’parabboli oħra, Ġesù jsemmi li l-qaddejja u saħansitra l-iben jiġu maqtulin mill-mistednin jew mill-bdiewa (Mt 21,33-46; Mk 12,1-12; Lq 20,9-19). Minħabba f’dan, l-istedina jew il-ġid jittieħed lil min ikun ingħata, biex jingħata lil ħaddieħor. F’din is-silta partikulari l-evanġelista jgħidilna li s-sultan bagħat isejjaħ lil kull min isibu l-qaddejja; ħżiena u tajbin, kulħadd mistieden għall-ikla tal-festa tat-tieġ. Is-sultan li jibgħat lill-qaddejja “f’salib it-toroq” (Mt 22,9) isejħu lin-nies, ifakkarna fl-istediniet “fil-pjazez” u “mill-għoli tas-swar” bħal ma’ nsibuhom fil-Ktieb tal-Proverbji u fir-rakkont ta’ Luqa (Prov 1,20-21; 9,3; Lq 14,21a). L-istess bħall-Ktieb tal-Proverbji, San Luqa jgħidilna li ġew “il-foqra, l-magħtubin, l-għomja u z-zopop” (Lq 14,21). Ġeneralment, għall-ikel u l-festi, min jistieden kien jagħżel nies ta’ l-istess qagħda soċjali tiegħu. Ma tantx kien isir taħlit bejn il-klassijiet soċjali. Hawnhekk is-sultan jistieden lil min hu inqas minnu, lil min m’huwiex ta’ l-istess klassi soċjali tiegħu. Dan ifakkarna fl-atteġġjament ta’ Ġesù li kien joqgħod għall-mejda mal-morda, mal-pubblikani u mal-midinbin; atteġġjament li kien inissel stagħġib u xi drabi skandlu fost il-kittieba u l-għorrief tal-liġi (Mt 9,9-13; Mk 2,13-17; Lq 5,27-32; 7,36-50; 14,1-14). “L-għoġġiela msemmna” (Mt 22,4) li s-sultan iħejji għall-ikla tal-festa, ifakkruna fl-“għoġol imsemmen” (Lq 15,23), fit-tixbiha ta’ l-iben il-ħali, li l-missier jibgħat joqtol ħalli jagħmel festa lil ibnu li “kien mitluf u nstab” (Lq 15,32). Kif m’intix liebes għall-festa? Fil-festa s-sultan jidħol “ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda” (Mt 22,11). Eżattament, is-sultan daħal biex “jiltaqa’” ma’ dawk li kien hemm fuq il-mejda jew biex “jara” lil dawk li kienu fuq il-mejda. L-istedina hija turija ta’ ħbiberija bejn min jistieden u l-mistednin. Is-sultan isib li wieħed m’huwiex liebes sewwa għall-festa. Għalkemm l-istedina ġiet għall-għarrieda fuq nies li ma kenux qegħdin jistennew li jiġu mistiedna, s-sultan jippretendi li wieħed imur liebes kif inhu xieraq. Mhux biżżejjed li wieħed jilqa’ l-istedina u jmur għall-ikla, imma jeħtieġlu li jkun imħejji sewwa għax wieħed ma jafx “il-jum u s-siegħa” (Mt 24,36) li fiha Alla jsejjaħ għas-Saltna tiegħu. Din hija tema li nsibuha bosta drabi fl-Evanġelju. Fil-Bibbja, wieħed jintgħaraf x’inhu mil-libsa li jġib fuqu. San Pawl iħeġġiġna biex aħna li lqajna lil Ġesù “nilbsu lil Kristu” (Rum 13,14; Gal 3,27). Din hija l-libsa tas-sentimenti tal-ħniena, tat-tjieba, ta’l-umiltà, tal-ħlewwa u s-sabar. Fuq kollox hija l-libsa ta’ l-imħabba (Kol 3,12-14). Dawk “li jimxu wara l- Ħ aruf kull fejn imur”, il-mifdijin, jilbsu “lbiesi twal bojod” għax “huma bla tebgħa (Apok 7,9; 14,1-5). Dawk li ma jkunux imħejjija tajjeb u għalhekk jonqsu mill-ġieħ lis-sultan, bħal ma naqsu mill-ġieħ lejh dawk li warrbu l-istedina u kasbru lill-qaddejja tiegħu, dawn jiġu mixħutin fid-dlam fejn hemm il-biki u thażżiż tas-snien (Mt 22,13). Dawn it-tipi ta’ kastigi nsibuhom ukoll imniżżla fil-ktieb ta’ l-Apokalissi (Apok 14-18; 19,11-21) għal dawk li jkasbru lil Alla u lill-qaddejja tiegħu. 3.2. Idħol fil-qalba ta’ dak li qrajt billi terġa’ taqra bil-mod is-silta (Mt 22,1-14) u fittex fil-Bibbja s-siltiet l-oħrajn li ssemmew fir-riflessjoni. 4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – “Oratio” Ibgħat o Alla, d-dawl tiegħek u l-fedeltà tiegħek; 5. Induqu l-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla – “Contemplatio” Erġa’ aqra s-silta bil-mod, u ħalli lil Alla jdewqek il-preżenza ħelwa tiegħu. Matul il-jum kun konxju ta’ din il-preżenza ta’ Alla li tinsab fik u miegħek. Tista’ tgħin ruħek billi tagħżel xi vers jew kelma mis-siltiet li tlabt fuqhom u rrepetiha ta’ spiss matul il-jum biex takkumpanjak f’dak kollu li tagħmel. Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena |