Spiritwalità

Lectio Divina



NITOLBU BIL-BIBBJA

San Ġużepp, ir-raġel tal-Verġni Marija
(Mattew 1, 16-24)

Kull darba li joqrob ix-xahar ta’ Marzu nifakru f’San Ġużepp, ir-raġel tal-Verġni Marija. Il-Lectio Divina li se nipproponu għal din il-ħarġa hija dik fuq l-Evanġelju li jinqara fis-Solennità tad-19 ta’ Marzu.

1. Ninġabru fit-talb – Statio

Inħejju ruħna fil-kwiet biex inkunu lesti li nisimgħu u nilqgħu l-Kelma ta’ Alla mħabbra lilna. Nitolbu d-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu bit-talba ta’ Frère Pierre-Yves ta’ Taizé.

Spiritu li tittajjar fuq l-ilmijiet,
raqqad fina t-taqlib tar-ruħ,
dak kollu li jneħħilna s-sliem,
dak kollu li jimliena bina nfusna,
qajjem fina, fis-skiet
il-Kelma tiegħek li ġġeddidna.

2. Naqraw il-Kelma – Lectio

Aqra s-silta li ġejja u aqraha bil-mod u bil-fidi, jekk hemm bżonn iktar minn darba.

Mill-Evanġelju skond San Mattew 1,16-24

Mt 1,16-24Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejjħulu l-Messija. [...] It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-el”, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu. Imma baqa’ m’għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù.

3. Nixtarru l-Kelma - Meditatio

Xtarr il-Kelma u fittex li tifhem dak li qrajt, ftakar u aqra siltiet oħrajn li din is-silta tfakkrek fihom, isma’ l-messaġġ li Alla jrid jagħtik permezz ta’ din is-silta.

3.1 Aqra fi spirtu ta’ talb din ir-riflessjoni maħsuba biex tgħinek.

Is-silta ta' l-Evanġelju tal-lum hi meħudha mill-ewwel kapitlu ta’ l-Evanġelju skond San Mattew li jagħmel parti mis-sezzjoni li titkellem dwar it-tnissil, it-twelid u t-tfulija ta’ Ġesù. Iċ-ċentru tar-rakkont kollu huwa l-persuna ta’ Ġesù li madwaru jinġabru l-ġrajjiet u l-persuni kollha msemmijin fir-rakkont. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li l-Evanġelju juri teoloġija ta’ l-istorja ta’ Ġesù. Għalhekk, meta nidħlu fl-iskola tal-Kelma ta’ Alla, rridu nilqgħu l-messaġġ moħbi taħt il-velu tar-rakkont mingħajr ma nintilfu, kif jgħidilna b’mod għaqli San Pawl: “aħrab il-kwistjonijiet fiergħa u l-ġenealoġiji u l-ġlied u t-tilwim fuq il-Liġi. Dawn kollha huma bla fejda u vojta” (Tit 3,9).

Din is-silta tkompli mal-ktieb tan-nisel ta’ Ġesù, li Mattew jikteb bil-ħsieb li jemfasizza li Ġesù ġej mir-razza ta’ slaten bħala s-Salvatur tal-poplu tiegħu (Mt 1,21). Ġesù jingħata dawn id-drittijiet tar-razza davidika minn “Ġużeppi, bin David” (Mt 1,20; Lq 2,4-5) il-missier legali tiegħu. Għad-dinja biblika u Ebrajka, l-paternità legali kienet biżżejjed biex tgħaddi, lid-dixxendenti, id-drittijiet kollha tal-familja partikulari li fiha jkunu tnisslu u twieldu l-persuni (ara: il-liġi ta’ l-adottament f’Dt 25,5 ss). Għalhekk, sa mill-bidu tal-ġenealoġija, Ġesù jintwera bħala “Kristu, bin David” (Mt 1,1), jiġifieri l-midluk tal-Mulej, li permezz tiegħu jitwettqu l-wegħdiet kollha ta’ Alla lill-qaddej tiegħu David (2 Sam 7,1-16; 2 Cr 7,18; 2 Cr 21,7; Sal 89,30). Għalhekk Mattew iżid mar-rakkont tal-ġenealoġija u tat-tnissil ta’ Ġesù l-profezija ta’ Isaija: Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-el”, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’ (Mt 1, 21-23; Is 7,14).

Jekk nieqfu għalhekk fuq ir-realtà spiritwali ta’ l-adozzjoni, nistgħu nirreferu għall-fatt li l-poplu l-magħżul għandu “l-glorja, il-pattijiet u l-liġi, il-liturġija u l-wegħdiet” għax “tagħhom (l-Iżraelin) hija l-adozzjoni ta’ wlied Alla” (Rum 9,4). Imma anki aħna, il-poplu l-ġdid ta’ Alla fi Kristu nirċievu l-adozzjoni ta’ wlied, għax “meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara, mwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied (Gal 4,4-5). Din hi s-salvazzjoni li ġabilna Ġesù, hu li “jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1,21) għax hu “Alla magħna” (Mt 1,23), jagħmilna wlied adottivi ta’ Alla.

Ġesù twieled minn Marija, li kienet “tgħarrset ma’ Ġużeppi” (Mt 1,18a) li “saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Mt 1,18b). Mattew ma jagħtiniex ir-rakkont tat-tħabbira lil Marija kif jagħmel Luqa (Lq 1, 26-38), imma jsawwar rakkont minn kif jidher min-naħa ta’ Ġueppi, ir-raġel ġust. Il-Bibbja turina li Alla jħobb lill-ġusti tiegħu u ħafna drabi jagħżilhom għal xi missjoni importanti, iħarishom u ma jitlaqhomx mal-ħżiena (Ġen 18,23ss). Fit-Testment il-Qadim insibu ħafna persunaġġi meqjusin bħala ġusti. Insibu lil Noè “bniedem ġust u kien perfett fost in-nies ta’ żmienu” (Ġen 6,9), u wkoll lil Ġeħowas li “għamel is-sewwa f’għajnejn il-Mulej” (2 Slat 12,3).

Idea kontinwa fil-Bibbja hija l-ħolma bħala post mill-aqwa fejn Alla juri l-proġetti u l-pjani tiegħu, u xi drabi juri wkoll il-ġejjieni. Magħrufin sewwa huma l-ħolm ta’ Ġakobb f’Betel (Ġen 28,10ss) u ta’ ibnu Ġużeppi. Insibu wkoll il-ħolm tar-rgħajjes u l-furnar tal-Fargħun fl-Eġittu, li kienu mitfugħin il-ħabs (Ġen 37,5ss; Ġen 40; 5ss), u l-ħolm tal-Fargħun li juru ż-żmien li ġej ta’ ġid u għaks (Ġen 41,1ss).

Lil Ġużeppi “deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm” (Mt 1,20) biex jurih il-pjan ta’ Alla. Fl-Evanġelji tat-tfulija spiss jidher l-anġlu tal-Mulej bħala messaġġier tas-sema (Mt 1,20.24; 2,13.19; Lq 1,11; 2,9) u f’okkażjonijiet oħra din il-figura tidher biex tagħti serħan, turi l-proġett ta’ Alla, tfejjaq, teħles mill-iskjavitù (ara: Mt 28,2; Ġw 5,4; At 5,19; 8,26; 12,7.23). Huma ħafna wkoll ir-referenzi għall-anġlu tal-Mulej fl-Antik Testment, fejn oriġinarjament jirrappreżenta lill-Mulej innifsu li jmexxi u jħares il-poplu tiegħu, u jkun viċin tiegħu (ara: Ġen 16,7-16; 22,12; 24,7; Es 3,2; 23,20; Tb 5,4).        

3.2 Staqsi lilek innifsek:

- X’laqtek minn din is-silta? Għaliex?
- Fir-riflessjoni rajna diversi termini (adozzjoni, anġlu, ħolm, ġust). X’sentimenti jnisslu f’qalbek dawn il-kelmiet? X’rilevanza jista’ jkollhom għall-mixja spiritwali tiegħek?
- X’taħseb li huwa l-messaġġ ċentrali ta’ din is-silta?

4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb - Oratio

Ressaq quddiem il-Mulej it-talb u x-xewqat tiegħek.
Jekk trid, tista’ tuża s-Salm 92 biex jgħinek:

Tajjeb li nfaħħru ’l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli.
Nxandru fil-għodu t-tjieba tiegħek,
u bil-lejl il-fedeltà tiegħek,
fuq l-għaxar kordi u fuq l-arpa,
u bid-daqq taċ-ċetra.

Għax inti Mulej, ferraħtni b’għemilek;
għal għemil idejk jien ngħanni bil-ferħ.
Kemm huma kbar, Mulej, l-għemejjel tiegħek,
kemm huma għolja ħsibijietek!
Il-bniedem bla moħħ ma jagħrafhomx,
u l-iblaħ ma jifhimhomx.
Imqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena,
u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,
ilkoll għad jinqerdu għal dejjem;
imma inti, Mulej, għal dejjem fl-għoli.

Għax l-għedewwa tiegħek, Mulej,
l-għedewwa tiegħek jintilfu;
jitferrxu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen.
Imma lili daqs gendus saħħaħtni,
żejt ifuħ sawwabtli fuqi.
Għajnejja jaqgħu fuq l-għedewwa tiegħi,
widnejja jisimgħu bit-telfa tal-ħżiena li qamu għalija.

Il-bniedem ġust bħal palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawwlin f’dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna.
Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,
u ebda qerq ma jinsab fih.

5. Induqu l-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla – Contemplatio

Il-kontemplazzjoni nisranija tal-ħolma ta’ Alla, tal-proġett li Alla jsawwar għall-istorja tal-bniedem ma tħalliniex nibqgħu qisna skantati quddiem ir-responsabiltajiet li tpoġġi quddiemna d-dinja imma żżomm il-kuxjenza tagħna f’postha u lesta biex taħdem bil-qalb għall-bini tas-Saltna ta’ Alla. Il-Kelma ta’ Alla timbuttana biex naffrontaw b’kuraġġ u altruwiżmu r-responsabbiltà li l-ħajja tagħtina.

Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena
tinsab fuq il-website ta’ l-Ordni Karmelitan
bl-Ingliz, bl-Ispanjol u bit-Taljan
www.ocarm.org



© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage