Spiritwalità

Lectio Divina



NITOLBU BIL-BIBBJA

It-Trinità Qaddisa
(Rumani 8,14-17)

Matul din is-sena 2006 iż-żewġ Ordnijiet Karmelitani jiċċelebraw iċ-ċentinarju tal-mewt ta’ mistika Karmelitana, żagħżugħa ta’ żminijietna: Eliżabetta tat-Trinità (1880-1906). Għalhekk ħsibna li jkun xieraq li l-lectio divina f’din il-ħarġa nagħmluha fuq test bibliku meħud mis-Solennità Liturġika tat-Trinità Qaddisa li din is-sena taħbat nhar il-11 ta’ Ġunju.

1. Ninġabru fit-talb – Statio

Ninġabru fis-skiet f’post xieraq għat-talb u nħejju ruħna ħalli nilqgħu l-Kelma ta’ Alla bħal żerriegħa f’art tajba li lesta tagħmel il-frott. Insejjħu fuqna l-Ispirtu s-Santu, li nebbaħ l-awturi sagri fil-kitba ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, biex jiftħilna s-sens moħbi ta’ din il-Kelma tal-ħajja.

Nitolbu flimkien ma’ Eliżabetta tat-Trinità bil-kliem li ġej:
“Nar li jtemm kollox, Spirtu ta’ mħabba, inżel ġewwa fija ħalli sseħħ f’ruħi bħal Inkarnazzjoni tal-Verb, u jiena nkun għalih umanità mizjuda li fiha jġedded il-misteru kollu tiegħu. U int, o Missier, mil fuq din il-ħlejqa ċkejkna u fqajra tiegħek, istorha bid-dell tiegħek u tara xejn iktar fiha ħlief il-Maħbub li fih inti sib l-għaxqiet kollha tiegħek.” (Noti intimi, 21 ta’ Novembru 1904)

2. Naqraw il-Kelma – Lectio

Aqra bil-mod il-mod is-silta li ġejja mill-Bibbja, bil-fidi li huwa Alla li qiegħed ikellmek.

Mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani 8,14-17

Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu tal-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu ta’ adozzjoni ta’ wlied Alla, li bih aħna ngħajjtu: “Abba! Missier!”
Dan l-Ispirtu jixhed, flimkien ma’ l-ispirtu tagħna, li aħna wlied Alla. Imma jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta: werrieta ta’ Alla, u werrieta flimkien ma’ Kristu; għax jekk naqsmu miegħu fit-tbatija, naqsmu miegħu wkoll fil-glorja.

3. Nixtarru l-Kelma – Meditatio

Xtarr il-Kelma billi fis-skiet tara x’laqtek mis-silta li qrajt, x’sentimenti qajjmet fik, x’siltiet oħra giebet f’moħħok inti u taqra. Huwa l-ħin li tisma’ x’inhu jgħidlek Alla.

3.1. Aqra fi spirtu ta’ talb

dan it-tifsir li ġej u li huwa maħsub biex jgħinek tifhem aħjar dak li qrajt u smajt.

Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla (v.14).

Jidher li qabel ma San Pawl żar il-komunità nisranija f’Ruma, komunità li hu ma tantx kien midħla tagħha għax ma kienx hu li waqqafha, huwa ħass il-ħtieġa li jħejji lill-insara f’Ruma għaż-żjara tiegħu permezz ta’ din l-ittra miktuba fix-xitwa bejn is-snin 57-58 AD (Rum 15,25, Atti 20,3). Il-Knisja f’Ruma aktarx kienet magħmula minn żewġ tipi ta’ nsara: dawk li ġejjin mil-Lhud u l-oħrajn mill-pagani. Ngħidu aktarx, minħabba li l-Imperatur Klawdju fis-snin 40 AD keċċa lil-Lhud kollha (inklużi dawk li saru nsara) minn Ruma minħabba xi konflitti li kienu qegħdin jaqilgħu fil-belt. Jista’ jkun imma li xi wħud minnhom reġgħu lura hekk kif l-Imperatur miet fis-sena 54 AD. San Pawl f’din l-ittra ma jitkellimx fuq problemi tal-komunità nisranija f’Ruma, imma b’mod ġenerali jiżviluppa temi li jolqtu liż-żewġ tipi ta’ nsara. Huwa kien se jieqaf Ruma fi triqtu lejn Ġerusalemm, biex iwassal lill-Knisja Omm, li kienet ġejja mil-Lhud, somma ta’ flus li nġbret minn fost il-pagani li saru nsara fil-Knejjes tal-Galazja, l-Maċedonja u l-Akaja. Din il-ġabra saret bħala għajnuna lill-foqra u wkoll biex tkun sinjal ta’ għaqda bejn il-Knisja li kienet ġejja mil-Lhud u dik ħierġa mill-Pagani (Rum 15,27-31). L-Insara minn ambjent Lhudi, kienu fil-periklu li jqisu l-ħarsien tal-liġi bħala mezz ta’ ġustifikazzjoni, waqt li dawk li kienu ġejjin minn ambjent pagan, kienu fil-periklu li jqisu l-għerf intellettwali bħala l-mezz li bih il-bniedem jista’ jersaq lejn Alla u jagħrfu. San Pawl għalhekk juri l-konvinzjoni tiegħu li l-qawwa ta’ Alla murija fl-Evanġelju ssalva lil “dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi” (Rum 1,16) għax “il-ġust jgħix bil-fidi” (Rum 1,17).

Għal San Pawl kemm il-Lhud u kemm il-pagani huma ħatjin quddiem Alla u ħadd minnhom ma jistħoqqlu s-salvazzjoni minħabba xi mertu proprju! Dan għaliex, il-pagani bl-għerf kollu tagħhom “għad li lil Alla għarfuh” (Rum 1,21) fil-qawwiet tan-natura (Rum 1,19-20), “la tawh ġieħ ta’ Alla li hu u lanqas raddewlu ħajr” (Rum 1,21) imma ntilfu fil-ħafna argumenti intellettwali li ma jwasslu għal imkien, hekk li “waqt li riedu jagħmluha ta’ għorrief, bliehu” (Rum 1,22-23) għax baqgħu jaduraw lil Alla taħt ix-xbihat idolatri tal-bniedem, ta’ għasafar u ta’ kull xorta ta’ annimali u rettili! (Rum 1,23). Dan l-għama wassal lill-pagani biex intelqu għal kull xorta ta’ ħażen immaġinabbli, hekk li l-bniedem sar qisu annimal, bħax-xbihat li kien jadura! (Rum 1,24-32).

Il-Lhud ukoll, m’humiex aħjar mill-Pagani u ma għandhomx għax jiġġudikaw lil ħadd! (Rum 2,1). Dawn għalkemm ingħataw il-liġi minn Alla, xorta dinbu quddiemu u webbsu qalbhom quddiem Alla (Rum 2,1-8). Mhux talli hekk, talli dawk li ma jagħrfux lil Alla jibqgħu ma jagħrfuhx minħabba dawk li suppost jafu l-liġi tiegħu u ma jgħixuhiex (Rum 2,17-24). Għalhekk kull min jagħmel il-ħażen fl-aħħar se jaqlagħha hu min hu! Anzi, dak li rċieva l-liġi mingħand Alla u għalhekk jaf ir-rieda tiegħu se jaqlagħha l-ewwel (Rum 2,9), hekk kif min jagħmel dak li hu tajjeb jingħata ġieħ. L-ewwel li jingħataw ġieħ huma dawk li għarfu r-rieda ta’ Alla u għexuha (Rum 2,10).

Mela jekk min jagħmel it-tajjeb, se jiġi mogħti ġieħ minn Alla, sew jekk kien jaf bil-liġi tiegħu sew jekk le, allura fi ħsieb San Pawl, l-importanti hija l-fidi u mhux il-liġi u dan għaliex, il-liġi ma tagħtiniex il-qawwa li ngħixuha. Min minnha jista’ jiftaħar li osserva l-liġi sa l-inqas tikka? Pawlu juri b’katina ta’ siltiet bibliċi li lkoll dnibna u ninsabu ħatjin quddiem Alla (Rum 3,9-20; Salm 14,1-3; 5,10; 140,4; 36,2; Isaija 59,7-8). Huwa Alla li jsalvana u jagħmilna ġusti, permezz tal-grazzja fi Kristu li miet u xerred demmu għalina. Din hi l-fidi tagħna, it-tama tagħna u l-ftaħir tagħna. Għalhekk il-bniedem ġust jgħix bil-fidi bħal Abram li qabel ma ġiet il-liġi ta’ Mosè “emmen lil Alla u kien magħdud lilu b’ġustizzja” (Rum 4,3; Ġen 15,6; Gal 3,6; Ġak 2,23). Il-bniedem isir ġust quddiem Alla, għax Alla fil-ħniena tiegħu jħassar dnub il-midneb (Rum 4,7-8; Salm 32,1-2). Issa din il-ħniena ta’ Alla ntweriet permezz ta’ Kristu li ħassar id-dnub ta’ Adam (Rum 5,12-21) bl-ubbidjenza tiegħu sal-mewt tas-salib li aħna nieħdu sehem fiha permezz tal-magħmudija li fiha mmutu għad-dnub u ngħixu għal Alla (Rum 6,1-23).

Bħala bnedmin aħna għandna ż-żerriegħa tal-mewt u għadna iżda nħossu fina t-taqbida bejn it-tajjeb u l-ħażin (Rum 7,14-25). Minħabba f’hekk il-liġi li Alla tahielna bħala mezz li jwassal għall-ħajja, issir għalina sinjal ta’ kundanna għax turina li ma aħniex kapaċi nosservawha dejjem (Rum 7,7-13). Hija l-grazzja ta’ Alla biss permezz ta’ Ġesù li tagħtini l-qawwa li nġib ruħi ta’ iben Alla, għax f’Ġesù jiena nista’ ngħix fl-ispirtu ta’ iben adottiv ta’ Alla, għax l-Iben stess ta’ Alla sar bniedem bħali (Rum 8,1-13) biex jiena ngħix skond l-Ispirtu. Għalhekk dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu tal-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu ta’ adozzjoni ta’ wlied Alla, li bih aħna ngħajjtu: “Abba! Missier!” (Rum 8,14-15). Aħna fi Kristu sirna wlied Alla u nistgħu nsejjħu lil Alla bl-istess mod kif Ġesù nnifsu jsejjaħlu. “Abbà, Missier” tfakkarna f’dawk it-talbiet kollha fiduċja għamja u tenera ta’ Ġesù lejn il-Missier (Mk 14,36). Ġesù tana l-Ispirtu tiegħu biex ngħixu f’din ir-relazzjoni ta’ wlied ma’ Alla l-Missier. Dan l-Ispirtu s-Santu li bagħtilna Ġesù ma jibqax barra minnha, jew xi ħaġa miżjuda ma’ ruħna jew fi kliem San Pawl ma’ l-ispirtu tagħna. L-Ispirtu s-Santu jitwaħħad magħna hekk li jittrasformana u jibdilna fi Kristu hekk li tassew jagħmilna wlied Alla bħal Kristu (Rum 8,16). Dak li jrid ifisser San Pawl meta jgħid li l-Ispirtu jixhed għalina li aħna wlied il-Missier. Dan kollu bi grazzja! Jekk aħna tassew ulied, mela, aħna wkoll werrieta ma’ Kristu (Rum 8,17) għax nieħdu sehem mill-istess tbatija u mewt tiegħu meta aħna nbatu biex ngħixu l-magħmudija tagħna, jiġifieri meta aħna nbatu biex immutu għad-dnub u ngħixu tassew bħala wlied Alla fil-konkret. Jekk naqsmu miegħu fit-tbatija, naqsmu miegħu wkoll fil-glorja. (Rum 8,17; Lq 24,26; 22,28-30; Fil 3,10-11; 1 Pt 4,13; Apok 21,7).

3.2. Idħol fil-qalba ta’ dak li qrajt

billi terġa’ taqra bil-mod is-silta u t-tifsira tagħha. Fittex is-siltiet l-oħra biex tifhem dejjem aħjar il-messaġġ li Alla qiegħed jagħtik illum.

3.3. Staqsi u wieġeb dawn il-mistoqsijiet:

▪ Il-pagani kienu jaħsbu li l-għerf huwa biżżejjed biex tersaq lejn Alla. Il-Lhud kienu jaħsbu li hija l-liġi li twassalna għand il-Mulej. Inti x’taħseb?
▪ Qatt ħsibt li iktar milli inti tersaq lejn Alla b’dak li tagħmel u b’dak li taħseb, huwa Alla fil-fatt li “jmil” lejk biex jagħtik il-ħajja tiegħu fi Kristu Ġesù?
▪ Jekk Alla jmil lejk, allura x’taħseb li għandu jkun l-atteġġjament tiegħek lejn Alla?
▪ Xi tfisser għalik li inti iben adottiv ta’ Alla?
▪ Alla daħħalna fil-ħajja tiegħu ta’ mħabba permezz ta’ l-Ispirtu li jgħajjat f’qalbna “Abbà, Missier!”. It-Trinità dik li tfisser, l-imħabba li tgħaqqad f’Alla wieħed, tliet persuni distinti: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Xi jfisser dan għalik? Kif tista’ tidħol iktar fil-qalba ta’ dan il-misteru? X’konsegwenzi ġġib fuq ħajtek din ir-realtà?

4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – Oratio

Is-Sema fir-Ruħ

Irrid, Mulej nintilef fi ħdanek
bħal qatra ilma f’baħar bla qiegħ.
Eqred minn ġo fija dak kollu li m’huwiex divin,
ħalli ruħi ħielsa, tintefa’ ġewwa fik.
Jeħtieġ li jiena nidħol f’dan “il-post spazjuż”,
dan l-abiss bla qiegħ, dan il-misteru hekk għoli,
biex inħobbok, hekk kif inti maħbub fis-sema,
Ġesù tiegħi,
mingħajr xejn ma jiġbidli l-attenzjoni tiegħi,
ħlief inti.

Nixtieq ngħix fil-kenur ta’ mħabbtek,
taħt ir-raġġi tad-dija ta’ dawl Wiċċek.
Irrid ngħix biss bik bħal f’dar divina,
f’dan is-sliem
li l-ebda ġid qatt ma jista’ jgħaddih.

Hawnhekk isseħħ it-trasformazzjoni,
hawnhekk fejn insir inti ieħor.
Imma ma rridx nasal hawnhekk
jekk mhux bil-kundizzjoni li,
għalik Sbuħija l-aktar għolja, nitlef kollox.

Tgħix tassew ’il barra minnek innifsek,
meta tħobb tassew,
imqanqla mill-ħtieġa li l-ħin kollu tinsa’ lilek innifsek.
Il-qalb ma tfittixx kwiet jew mistrieħ
jekk mhux meta ssib l-oġġett ta’ qalbha.

Huwa għalhekk, Ġesù li f’imħabbti lejk,
ma rrid xejn iktar ħlief il-preżenza tiegħek.
Irrid li kull waqt tal-jum, noħroġ minni nnifsi,
u taħt il-ħarsa tiegħek waħedha, fis-skiet, insir debħa.

Ħa tfittex tidfinni fil-kalma profonda,
tal-Jien tiegħek bla tmiem,
biex sa minn din il-ħajja,
jiena nkun nista’ ngħix bħal fis-sema,
fl-għaxqa tiegħek u fis-sliem tiegħek bla tmiem.

(Eliżabetta tat-Trinità, Poeżija 109, Awissu 1906)

5. Induqu l-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla – Contemplatio

B’dawn il-ħsibijiet qaddisa, ħalli lil qalbek tintefa’ fil-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla li jrid idaħħlek fl-imħabba tiegħu ta’ Missier li jħobb, ta’ Iben li hu Maħbub u ta’ l-Ispirtu li hu l-istess Imħabba.


Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena
tinsab fuq il-website ta’ l-Ordni Karmelitan
bl-Ingliz, bl-Ispanjol u bit-Taljan
www.ocarm.org



© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage