Spiritwalità

Lectio Divina



NITOLBU BIL-BIBBJA

Il-Ħobż tal-Ħajja
(Ġwanni 6,41-51)

F’din il-ħarġa qegħdin nipproponu silta mill-Evanġelju li tinqara fid-19-il Ħadd ta’ Matul is-Sena, li din is-sena jaħbat fit-13 ta’ Awissu. Is-silta titkellem dwar il-Ħobż tal-Ħajja.

1. Talba tal-Bidu

Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex idawlilna moħħna biex nagħrfu nisimgħu u nilqgħu l-Kelma ta’ Alla:
Ħallieq ta’ kollox, ejja,
o Spirtu, żur lil ruħna:
bil-grazzja tiegħek fawwar
il-qlub maħluqa minnek.

Mexxina fid-dawl tiegħek,
bi mħabbtek imla qalbna
bil-qawwa tiegħek wettaq
il-ġisem dgħajjef tagħna.

2. Naqraw il-Kelma - Lectio

a) Aqra bil-mod din is-silta għal aktar minn darba (Ġw 6,41-51):

Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan m’huwiex Ġesù Bin Ġużeppi? Lil missieru u lil ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema?” Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jien nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem. Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-ħobż il-ħaj li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.

b) Aqra fi spirtu ta’ talb dan it-tifsir biex jgħinek tifhem aħjar dak li qrajt u smajt:

Is-sitt kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann jippreżenta tema li tiżviluppa madwar it-tema tal-festa ta’ l-Għid. Is-silta tibda wara n-narrazzjoni ta’ fejqan (5,1-9a 6,1-15) segwita minn diskors (5,16-47; 6,22-59). Jippreżenta parti mill-attività ta’ Ġesù fil-Galilija, u huwa mument importanti: Ġesù juri lilu nnifsu bħala l-ħobż tal-ħajja biex wieħed jemmen u jiekol, u hekk ikun salv. F’versi minn 1 sa 15 insibu s-sinjal tat-tkattir tal-ħobż, li s-sinifikat tiegħu joħroġ mid-diskors li jinsab f’versi 26-59: id-don tal-ħobż biex jaqta’ l-ġuħ tal-poplu, jipprepara d-diskors fuq il-ħobż tal-ħajja. Wara l-miraklu, f’versi 16-21, insibu r-rakkont ta’ Ġesù jimxi fuq l-ilma. F’versi 60-71, Ġesù jistieden lid-dixxipli biex jiddeċiedu, waqt li jagħraf in-nuqqas ta’ fidi tagħhom (vv. 60-66) u jħeġġeġ lit-tnax biex jikbru fil-fidi (vv. 66-71). Id-diskors kollu fuq il-ħobż tal-ħajja (6, 25-71) jippreżenta xebh kbir ma’ xi testi Lhud, partikolarment Filone.

3) Nixtarru l-Kelma - Meditatio

b) Aqra bil-mod dan it-tifsir:

v. 41. Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. Ġesù kien għadu kif qal: Jiena hu l-ħobż tal-ħajja (v. 35) u jiena nżilt mis-sema (v. 38) u dan joħloq taħwid qalb il-folla. Il-Lhud, terminu teoloġiku għal Ġwanni, nistgħu nqisuh li qed jirreferi għal dawk li ma jemmnux. Fil-verità qiegħed jitkellem dwar il-Galilej li kienu msejjħin Lhud minħabba t-tgergir tagħhom għal Kristu. Il-ħobż li niżel mis-sema huwa kliem familjari magħhom. Ulied Israel kienu jafu bil-ħobż ta’ Alla, il-manna, li fid-deżert temgħet lill-poplu u għenithom fil-vjaġġ tagħhom. Kristu issa jidher manna għall-bniedem li jwieżnu fit-triq tiegħu. Huwa l-uniku ħobż li jaqta’ l-ġuħ. Kliem il-Lhud huwa objezzjoni kontra l-persuna ta’ Kristu, u fl-istess ħin tiġi introdotta t-tema tan-nuqqas ta’ twemmin.

v. 42. “Dan m’huwiex Ġesù Bin Ġużeppi? Lil missieru u lil ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema?”. Hemm qiegħda l-ironija. Min ma jemminx, jaf in-nisel uman ta’ Ġesù, jaf li hu bin Ġużeppi, imma mhux Bin Alla. Dawk li jemmnu biss jafu li l-bidu tiegħu ġej minn Alla permezz ta’ l-intervent ta’ Alla f’Verġni. Insibu passaġġ ta’ lingwaġġ materjali, ħobż magħmul mid-dqiq u l-ilma, għal lingwaġġ spiritwali, ħobż għar-ruħ. Kif darba l-poplu fid-deżert gerger, hekk issa ma jagħrfux il-bidu u d-don ta’ Ġesù; kif darba missirijiethom darba ma laqgħux il-manna għax dehret bħala ikel ħafif wisq, hekk issa l-ulied ma jagħrfux il-Kelma magħmula bniedem, ħobż li niżel mis-sema. Il-Lhud jagħtu biss każ ta’ kliem Ġesù Jiena nżilt mis-sema (v. 38). Għax dan il-kliem li huwa l-bażi ta’ kliem ieħor: Jiena hu l-ħobż tal-ħajja (v. 35). Il-mistoqsija: Dan m’huwiex Ġesù Bin Ġużeppi? ... nsibuha wkoll, b’ċertu stagħġib, fl-Evanġelji Sinottiċi. F’San Mattew u f’San Luqa, min jaqra, qalb ir-rakkonti tat-tfulija, diġà jaf bit-tnissil verġinali ta’ Ġesù. F’San Ġwann, il-Galilej għandhom quddiemhom lil xi ħadd li qiegħed jiddikjara li hu niżel mis-sema, mingħajr ma jqiegħed għad-diskussjoni l-umanità tiegħu. Bin Ġużeppi, għalhekk tfisser li huwa bniedem bħall-oħrajn (cf.1,45).

v. 43-44. Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jien nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.” Ġesù donnu ma jiqafx fuq l-oriġini divin tiegħu, imma jgħid li min hu msejjaħ mill-Missier jista’ jmur għandu. Il-fidi, għalhekk, hija don ta’ Alla li għandha bħala kundizzjoni il-ftuħ min-naħa tal-bniedem, is-smiegħ ... imma xi jfisser jekk il-Missier ma jiġbdux lejja? Forsi l-bniedem m’huwiex ħieles? Li wieħed jinġibed lejn il-Missier huwa fatt li jinsab miktub fil-persuna umana. Għalhekk, dan ifisser libertà sħiħa, fejn wieħed jingħaqad ma’ l-għajn ta’ l-eżistenza tiegħu. Il-ħajja ma tistax ma tkunx miġbuda lejn il-ħajja, il-mewt biss ma tħallihiex tagħmel dan.

v. 45. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.” Hawn naraw bħal kmand, imperattiv, u mhux stedina. Il-kelma ta’ Alla li toħloq, minflok ma ssejjaħ id-dawl u l-ħlejjaq mix-xejn, issejjaħ biex ikun hemm sehem fil-ħolqien ġdid. Li wieħed jimxi wara Ġesù ma tiġix minn deċiżjoni awtonoma u personali, imma mil-laqgħa mal-persuna ta’ Ġesù u mis-sejħa tiegħu. Huwa mument ta’ grazzja, mhux għażla tal-bniedem. Ġesù jsejjaħ b’awtorità divina kif Alla sejjaħ lill-Profeti fl-Antik Testment. Mhumiex id-dixxipli li jagħżlu l-Imgħallem tagħhom, kif kien jiġri għar-Rabbini ta’ żmien Ġesù, imma l-Imgħallem jagħżel id-dixxipli biex jilqgħu l-wirt ta’ Alla li jiswa ħafna aktar minn duttrina u tagħlim. Is-sejħa tinkludi fiha li wieħed iħalli l-qraba, il-professjoni. Hija bidla totali ta’ l-eżistenza biex wieħed jingħaqad f’ħajja ġdida li ma ddurx fuqha nfisha. Id-dixxipli huma bnedmin tas-saltna. Is-sejħa biex ikunu dixxipli ta’ Ġesù hija sejħa eskatoloġika. Il-frażi tal-Profeta fl-eżilju ta’ Babel tinsab repetuta: u l-ulied kollha [ta’ Ġerusalemm] ikunu - b’referenza għal-Lhud. Il-frażi "kulħadd ikun" hija espressjoni ta’ l-universalità tas-salvazzjoni, li Ġesù hu l-milja tagħha.

v. 46. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Ġesù biss, li hu minn Alla, ra lill-Missier u jista’ jirrevelah. Il-bniedem hu msejjaħ biex imur għand Alla. L-għarfien tal-Missier m’huwiex qliegħ, imma don. Jekk jiena nfittex minn fejn ġej esternament, nista’ ngħid li għandi l-ġenituri, ħlejjaq ta’ dinja maħluqa. Jekk jiena nfittex minn fejn ġej profondament, nagħraf li jiena ġej mill-Missier, Ħallieq ta’ kull ħajja.

v. 47. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem. Li temmen fil-kelma ta’ Ġesù u fir-rivelazzjoni tiegħu, hija kundizzjoni biex wieħed ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jkun mgħallem mill-Missier. Nemmen, inserraħ ma’ blata. L-istabilità mhijiex xi ħaġa fil-limiti maħluqa tiegħi, lanqas fl-għarfien ta’ l-umanità tiegħi. Kollox huwa stabbli f’Dak li m’għandux ma’ fejn tiggranfa b’mod temporali. Kif tista’ ħlejqa tistrieħ fuqha nfisha, jekk m’hijiex patruna lanqas ta’ mument wieħed ta’ ħajjitha?

v. 48. Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Hemm rabta bejn it-tema tal-ħobż tal-ħajja u dak tal-fidi, tal-ħajja ta’ dejjem. Ġesù hu l-ħobż veru tal-ħajja. Dan il-vers hu magħqud ma’ vers 51 Jiena hu l-ħobż il-ħaj. Min jiekol minn dan il-ħobż biss jista’ jilqa’ r-rivelazzjoni ta’ Ġesù bħala ħobż tal-ħajja, u jgħix.

v. 49. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Il-ħobż li niżel mis-sema hu mqiegħed f’kuntest mal-manna li temgħet lill-poplu biex teħilsu mill-mewt. Dan il-ħobż li jagħti l-ħajja bla tmiem u ġej minn fuq huwa l-Kelma ta’ Alla magħmula bniedem. It-tema ewkaristika aċċennata f’diversi espressjonijiet issa ssir tema ċentrali. L-esperjenza tal-mewt m’hijiex kuntradizzjoni għall-esperjenza ta’ ħajja li timxi fil-mogħdijiet tat-Traxxendent. M’hemmx limiti għal min jiekol minnu.

v. 51. Jiena hu l-ħobż il-ħaj li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja. Il-ġisem ta’ Ġesù jsir ikel għall-ħajja għal min jemmen. Il-kelma ġisem (sàrx) li fil-Bibbja tindika l-fraġilità reali tal-persuna umana quddiem il-misteru ta’ Alla, issa ssir referenza għall-ġisem ta’ Kristu sagrifikat fuq is-Salib, u tirreferi wkoll għall-verità umana tal-Kelma ta’ Alla. Issa, m’hemmx biss ħobż tal-ħajja f’kuntest metaforiku, imma r-rivelazzjoni ta’ Ġesù, għaliex il-ħobż hu l-istess ġisem ta’ l-Iben. Għall-ħajja tad-dinja, hemm id-dimensjoni tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, għaliex dan juri s-salvazzjoni għad-dinja.

ċ) Riflessjoni:

Tgergir. Mhux li kien it-tgergir tagħna kien bħal dak ta’ żiffa ħelwa li joffri sfond għall-kliem tal-ħajja li jgħidilna: Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema. X’sorpriża, għalhekk, li tkun taf li dan il-ħobż huwa Ġesù, bin Ġużeppi, bniedem li nafu min huma ommu u missieru. Nieklu minn dan il-ħobż u nintrefgħu ’l fuq. Għax min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. Ħobż li jitwieled minn imħabba ta’ Missier. Aħna mistednin biex nisimgħu u nitgħallmu kif immorru għandu billi ninġibdu lejh, fit-triq tal-fidi li tħallina naraw. Hu biss min ġie minn Alla li ra lill-Missier. U l-bniedem rah meta għamel lilu nnifsu post fejn seta jiekol il-ħobż ħaj. Deżert u mewt, sema u ħajja. Għaqda ħelwa li sseħħ f’kull Ewkaristija ... fuq kull altar, dak l-altar tal-qalb, fejn il-ħajja tan-nifs divin tikkonsma x-xbieha sfigurata ta’ bniedem mitluf.

4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb - Oratio: mis-Salm 33 (32)


Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Bħal f’ġarra l-ilmijiet ġabar,
u l-ibħra l-kbar fi mħażen.

Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,
ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.
Imma l-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem,
minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta’ moħħu.

Għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu.
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
 u jagħtihom il-ħajja fi żmien il-ġuħ.

5. Induqu l-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla - Contemplatio

Agħraf tassew lil Ġesù bħala l-ħobż tal-ħajja, li jagħti tassew il-ħajja lil min jitlobhielu. B’hekk, bil-mod il-mod, ħalli lil qalbek tintefa’ fil-preżenza tiegħu, biex tkun tista’ dduq il-ħlewwa tiegħu.


Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena
tinsab fuq il-website ta’ l-Ordni Karmelitan
bl-Ingliz, bl-Ispanjol u bit-Taljan
www.ocarm.org



© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage