SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIL-BIBBJA Alla waħdu biżżejjed! Fil-15 ta’ Ottubru, il-Karmelu jiċċelebra l-festa ta’ Santa Tereża ta’ ġesù (1515-1582). Hija mxiet ’il quddiem fit-triq tal-perfezzjoni nisranija u bil-grazzja ta’ Alla waslet fl-ogħla gradi tal-ħajja mistika (jiġifieri l-ħajja ta’ l-għaqda ma’ Alla sa minn din id-dinja). Hija ntefgħet għall-ħidma tar-Riforma tal-Karmelu skond l-ispirtu tal-Konċilju ta’ Trentu u, wara ħafna taħbit, taret lejn is-sema hija u tlissen il-kliem: “Jiena bint il-Knisja”. Ħalliet lill-Ordni u lill-Knisja kitbiet, frott l-istess esperjenza tagħha, mimlijin tagħlim għoli dwar il-ħajja spiritwali u mistika. Tispikka fiha u fil-kitbiet tagħha, il-qima kbira lejn l-Umanità Qaddisa ta’ Sidna ġesù Kristu. Għalhekk ħsibna biex il-Lectio Divina ta’ din id-darba neħduha mill-qari magħżul għal-Liturġija tas-Sigħat fil-festa ta’ din il-mara li l-Papa Pawlu VI sejħilha: Mater Spiritualium li ddawwalna fit-triqat ta’ l-Ispirtu. 1. Ninġabru fit-talb – “Statio” Nitolbu flimkien ma’ Santa Tereża biex naqilgħu l-grazzja li nagħrfu lil Kristu u ngħixu fi ħbiberija intima miegħu: “O Tjubija bla qjies ta’ Alla! Jiena hekk nara lili nnifsi u lilek. O Hena ta’ l-anġli, meta niftakar f’dan kollu, kif nixxennaq li nkun imtemma fl-imħabba għalik! Kemm huwa minnu li Inti taf tistabar b’dawk li m’għandhomx ħila jibqgħu miegħek fl-imħabba! O x’Ħabib tal-qalb inti Int, Mulej! Kemm taf tfarraġna u b’liema sabar toqgħod tistenna sakemm aħna nsiru dejjem aktar bħalek, u sa dak il-waqt toqgħod tistabar bina kif aħna! Inti tiftakar kemm-il darba ħabbejniek, Mulej, u meta mqar għal waqt wieħed nindmu minn għemilna, tinsa għal kollox kif inkunu offendejnik.” 2. Naqraw il-Kelma – “Lectio” Mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin (3, 8-21) Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu; il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi. Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet. M’inix ngħid li jiena ġà ksibtu, jew li jien ġà perfett. Imma nross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili. Ħuti, ma jidhirlix li dan ġà lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa lil ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qiegħed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù. Aħna li aħna perfetti, ħa nkunu ta’ din il-fehma. Jekk taħsbu xorta oħra, jagħtikom id-dawl Alla. Mill-bqija, wasalna fejn wasalna, ħa nimxu pass wieħed. Ħuti, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skond l-eżempju li rajtu fina. Għaliex hawn ħafna - dan għidtulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ f’għajnejja - hawn ħafna li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta’ Kristu. It-telfien għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu; u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja. Imma aħna pajżani tas-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu. 3. Nixtarru l-Kelma – “Meditatio” Il-kuntest li minnu hija meħuda din is-silta, huwa dak ta’ San Pawl li jinsab marbut bil-ktajjen minħabba x-xandir ta’ l-Evanġelju (Fil 1,13). Anzi l-Appostlu jitkellem minn dan il-kuntest bħala ċirkustanza li tmexxi ’l quddiem ix-xandir tal-Bxara t-Tajba ta’ Kristu. Kif inhi din li l-qagħda tiegħu ta’ wieħed maqful fil-ħabs, tmexxi ’l quddiem il-Bxara t-Tajba? Dan huwa possibli għax l-ewwelnett Pawlu qiegħed jissiġilla dak li xandar u tħabat għalih bit-tbatija tiegħu għall-Evanġelju. It-tieninett, il-qagħda tiegħu ta’ ħabsi għall-imħabba ta’ Kristu, qanqlet oħrajn biex jingħataw għax-xandir tal-Kelma: “il-biċċa l-kbira ta’ l-aħwa għamlu l-qalb fil-Mulej minħabba fil-ktajjen tiegħi, u bdew ixandru l-Kelma bil-kuraġġ u bla biża’ ta’ xejn. tassew li dan xi wħud jagħmluh imqanqlin mill-għira u l-pika, imma l-oħrajn lil Kristu jxandruh minn qalbhom. Dawn ta’ l-aħħar jaħdmu bl-imħabba, għax jafu li jiena magħżul biex niddefendi l-Evanġelju; l-oħrajn, imma, lil Kristu jxandruh imqanqlin mill-għira, b’fehma mdennsa, u jistħajlu li b’hekk se jtaqqluli l-ktajjen. X’jimporta? Hekk jew hekk, sew jekk b’fehma safja u sew jekk le, basta jixxandar Kristu; u b’dan jien nifraħ, iva, u nibqa’ nifraħ” (Fil 1,14-19). Dan ir-riżultat għal San Pawl huwa okkażjoni ta’ ferħ spiritwali għax kif jgħid hu stess: “Għalija l-ħajja hi Kristu, il-mewt hi rebħ” (Fil 1,21). Fuq l-eżempju tiegħu Pawlu jħeġġeġ għalhekk lill-Insara biex jixbhu lilu u jibqgħu sħaħ fil-fidi għall-Evanġelju, anke meta hemm it-tbatija u l-persekuzzjoni (Fil 1,27-30). Imma l-eżempju ewlieni huwa Kristu nnifsu, li lilu jixbah Pawlu u li d-dixxipli għandhom ifittxu li jilbsu s-sentimenti tiegħu (Fil 2,5). Huwa ġesù li għall-imħabba tagħna “ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma xejjen lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2,6-7). Bl-istess mod, in-nisrani, għall-imħabba ta’ Kristu u għall-Evanġelju, m’għandux ifittex dak li hu tiegħu imma dak li hu ta’ Kristu (Fil 2,21) u jfittex biss li jiftaħar bi Kristu u bl-ebda ħaġa oħra, lanqas bl-osservanza tal-liġi (Fil 3,1-6). F’dan il-kuntest ngħaddu għas-silta magħżula għall-meditazzjoni tagħna. L-Appostlu jistqarr li hu jgħodd kollox “bħala telf, ħdejn il-qliegħ kbir li hemm filli nagħraf lil Sidi Ġesù Kristu (Fil 3,8). San Pawl juża kelma daqsxejn goffa, li fil-Malti ġiet maqluba bħala knis. Għal San Pawl, ħdejn Kristu kollox huwa bħaż-żibel, għax ħdejn Kristu ma joqgħod ħadd u xejn. Waqt li jarmi kollox, saħansitra lilu nnifsu (għax jinsab ippersegwitat u maqful fil-ktajjen u daqt jingħata l-mewt), ifittex biss li jikseb lil Kristu (Fil 3,8). Dan il-kliem ta’ San Pawl ifakkarna fil-parabbola ta’ ġesù dwar dak in-neguzjant li jsib ġawhra fina u jbiegħ kollox biex jixtri l-għalqa li fiha hemm din il-ġawhra (Mt 13,46). Għandna wkoll il-kliem ċar ta’ ġesù li min iħobb lil xi ħadd jew lil xi ħaġa iktar milli jħobb lilu, ma jistħoqqlux li jkun miegħu. Dawn huma dawk li fuqhom San Pawl ukoll jitkellem fis-silta li għandna għal-Lectio Divina. Lil dawn San Pawl isejħilhom “għedewwa tas-salib ta’ Kristu” (Fil 3,18). Dawk l-insara li mhumiex lesti jbatu għall-Evanġelju. Dawk li mhumiex lesti jitilfu ħajjithom minħabba Kristu fl-għażliet li jagħmlu, żgħar jew kbar, fil-mod ta’ kif jgħixu, fil-valuri li għandhom. Ġesù stess iwissina: “Min ifittex lil ħajtu jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, dan isalvaha”. Li tikseb lil Kristu, iżda, hija grazzja. M’hemm ebda mertu fiha. Il-mertu huwa kollu ta’ Kristu li kif jgħid l-appostlu huwa Kristu li jaħtafna għalih (Fil 3,12). Għal San Pawl, li tikseb lil Kristu jfisser li li tgħix fih mhux billi tittama f’dak li tista` tagħmel int bil-ħila tiegħek, imma billi tkun miftuħ ħalli temmen u tilqa’ s-salvazzjoni li Alla jrid jagħtina bil-misteru tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu (Fil 3,9). Hija din id-doċilità għall-ħidma ta’ Alla fina li ġġiegħel lin-nisrani jissieħeb ma’ Kristu fil-Misteru ta’ l-Għid u jtenni ma’ San Pawl: “Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet.” (Fil 3,10-11). F’dan is-sens, San Pawl jitkellem mill-ġirja. In-nisrani jiġri ’l quddiem lejn dan l-ideal: li jgħix il-misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu; li jsir jixbhu fil-mewt u jissieħeb miegħu fil-Qawmien mill-Imwiet. Li tintelaq f’dan il-misteru ta’ l-Imħabba, jfisser ukoll li tgħix b’fiduċja sħiħa f’Alla u fil-fidwa li hu tana fi Kristu. Fl-ittra lir-Rumani, San Pawl jikteb dan il-kliem sabiħ: “X’ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina. Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Bħalma hu miktub: ‘Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt; jgħodduna bħal ngħaġ għall-qatla’. Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħlieqa oħra, ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rum 8,31-39). 3.1. Nistaqsi mela minn din ir-riflessjoni: - Xi jfisser għalija li nagħraf lil Kristu? 4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – “Oratio” Fis-skiet ta’ qalbek erġa’ aqra s-siltiet meħudin mill-ittri ta’ San Pawl u mill-Evanġelju u itlob il-grazzja li qatt ma tinfired mill-Imħabba li Alla għandu għalik fi Kristu. Jekk trid tista’ tgħin ruħek billi tikkontempla xi xbieha ta’ ġesù Kurċifiss, waqt li tħalli lil qalbek titħeġġeġ bl-imħabba għalih. 5. Niggostaw l-għana tal-ħbiberija ma’ Alla - “Contemplatio” Għalaq it-talb tiegħek billi tirrepeti din it-talba li Santa Tereża kienet iżżomm fil-ktieb tat-talb tagħha: Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena |