Spiritwalità

Lectio Divina



NITOLBU

BIR-REGULA KARMELITANA

Din is-sena l-Karmelu qiegħed jiċċelebra l-Ġublew Karmelitan li fih jitfakkru tliet avvenimenti importanti fil-ħajja ta’ din il-familja reliġjuża. L-ewwel avveniment huwa t-800 sena mill-għoti tar-Regula (1207), it-tieni wieħed huwa t-tifkira tas-700 sena mill-mewt ta’ Sant’Albert ta’ Trapani († 1307) u t-tielet huwa t-tifkira ta’ l-400 sena mill-mewt ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi († 1607).

Għaldaqstant, matul din is-sena ħsibna biex il-lectio divina tkun fuq siltiet mir-Regula Karmelitana. Dan minħabba li din ġiet magħduda bħala Regula, flimkien ma’ dik ta’ San Franġisk, mat-tliet Regoli l-kbar tal-ħajja konsagrata (fil-Lvant u l-Punent), jiġifieri dik ta’ San Bażilju, ta’ Santu Wistin, u ta’ San Benedittu. Dawn ir-Regoli lkoll huma ispirati mill-Iskrittura u kull waħda hija msejħa sa mill-qedem Sancta Regula għax kull waħda minnhom tat frott għani ta’ qdusija fil-ħajja ta’ dawk li ħaddnuhom u ispirat varjetà imżewqa ta’ familji reliġjużi tul is-sekli. Għaldaqstant, dawn ir-Regoli ġew bħal “kanonizzati” mill-Knisja, hekk li ma jistgħux jintmissu jew jinbidlu minn min iħaddanhom, saħansitra lanqas mill-familji reliġjużi nnifishom li għalihom kienu oriġinalment inkitbu. U wkoll lanqas jistgħu jiżdiedu u jinkitbu Regoli oħra għal familji reliġjużi ġodda li jinbtu matul iż-żmien, għalkemm il-Knisja approvat proġetti ta’ ħajja (formulae) oħra u kostituzzjonijiet ispirati minnhom. Kull familja reliġjuża li tħaddan xi waħda minn dawn ir-Regoli “kanonizzati” iżżid magħhom il-kostituzzjonijiet u l-istatuti li jinterpretaw u japplikaw skond iż-żmien l-ideal evanġeliku mfassal f’waħda minn dawn ir-Regoli. Ma nkunux qegħdin niżbaljaw jekk ngħidu li dawn ir-Regoli l-kbar huma miżmuma mill-Knisja bħala testi qaddisa mimlijin bil-Kelma ta’ Alla, għajn u fundament ta’ kull forma ta’ spiritwalità nisranija.

Huwa għalhekk li nistgħu tabilħaqq nagħmlu lectio divina, jiġifieri “qari qaddis” fuq testi bħal dawn, li minnhom tagħmel parti wkoll ir-Regula Karmelitana. It-tradizzjoni monastika fil-fatt għandha d-drawwa li tuża testi fundamentali għall-ispiritwalità nisranija (bħalma huma l-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja) fil-lectio divina. Huwa f’dan id-dawl li fir-rivista tagħna qegħdin nipproponu lectio divina bit-test tar-Regula ta’ l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu.

1. LECTIO

1.1 Talba tal-bidu

Irrepeti bil-mod u bil-ġabra din il-ġakulatorja meħuda mill-kitbiet ta’ Santa Maria Maddalena de’ Pazzi:
               “Iktar ma’ nsibek o Alla tiegħi,
               iktar nixxennaq biex infittxek.”
                              (I Colloqui, i, 342)

1.2 Qari tat-test

Wara li tkun tlabt għal diversi drabi bit-talba tal-bidu u tkun tħossok dħalt fi spirtu ta’ talb, aqra din is-silta meħuda mir-Regula Karmelitana.

Qari mir-Regula ta’ l-Ordni ta’ l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu

18 Ladarba l-ħajja tal-bniedem fuq l-art hija ħajja ta’ tiġrib u dawk kollha li jridu jgħixu tajjeb fi Kristu jsofru t-tbatija, u billi l-għadu tagħkom ix-xitan idur madwarkom bħal iljun jgħajjat, ifittex lil min jibla’, għandkom tħabirku bl-akbar ħeġġa li tilbsu l-armi ta’ Alla sabiex tistgħu żżommu sħaħ quddiem it-tnassis ta’ l-għadu.
19 Ħażżmu ġenbejkom bil-ħżiem tas-safà; saħħu qlubkom bi ħsibijiet qaddisa għax hemm miktub: “Il-ħsieb qaddis iħarsek.” Ilbsu l-korazza tal-ġustizzja sabiex tħobbu lill-Mulej Alla tagħkom b’qalbkom kollha, b’ruħkom kollha u bil-ħila kollha u ’l proxxmu tagħkom bħalkom infuskom. Żommu f’kollox it-tarka tal-fidi ħalli biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tax-xitan: għaliex mingħajr il-fidi ma jistax ikun li togħġbu lil Alla. Xiddu f’raskom l-elmu tas-saħħa sabiex tistennew il-ħelsien mingħand il-feddej waħdieni li jifdi l-poplu tiegħu minn dnubietu. Is-sejf tar-ruħ hu l-Kelma ta’ Alla; ħa jgħammar bil-kotra fil-fomm u fil-qalb tagħkom u kulma tagħmlu, agħmluh skond il-Kelma tal-Mulej.

2. MEDITATIO

Wara l-qari tat-test, meta tħossok li fhimtu aqra din ir-riflessjoni maħsuba biex tgħinek tifhem iktar u tasal li tikkomunika ma’ Alla fit-talb.

2.1 Is-sisien tal-propositum vitae

Kif ilkoll nafu, il-proġett ta’ ħajja li toffrilna r-Regula Karmelitana huwa mibni fuq l-aktar element importanti u fundamentali tal-ħajja tan-nisrani: li “jgħix f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u fedelment jaqdih b’qalb safja u b’kuxjenza tajba” (Regula 2). Sant’Albert huwa u jindirizza “lill-ulied maħbuba fi Kristu, B(rokard) u lill-eremiti l-oħra li jgħixu taħt l-ubbidjenza tiegħu, ħdejn il-għajn fil-Għolja tal-Karmelu” (Regula 1), ipoġġi kollox f’din il-perspettiva fundamentali li tgħodd għal “kull wieħed – ikun f’liema Ordni jkun, jew tkun liema tkun il-għamla ta’ ħajja reliġjuża li jkun għażel” (Regula 2). F’dan id-dawl, il-proġett ta’ ħajja reliġjuża mogħti fir-Regula ma għandu l-ebda pretensjoni oħra ħlief dik li joffri, lil dawk li jħaddnuh, struttura bażika li fiha kull individwu jsib l-ispazju meħtieġ biex jgħix il-ħajja tal-magħmudija. Hekk il-proġett tar-Regula tagħna jmur għall-għeruq u għall-ideal tal-bidu tal-ħajja konsagrata, jiġifieri l-ideal ta’ ħajja ta’ konverżjoni in obsequium Jesu Christi, li huwa l-għan tal-ħajja nisranija. Ir-Regula tagħna tidħol fil-linja tal-ħsieb teoloġiku u spiritwali, kemm dak tal-Lvant u tal-Punent, li jżomm li l-monaku huwa n-nisrani per eċċellenza u li kull nisrani tassew huwa fil-fatt monaku, ikun xi jkun l-istil ta’ ħajja li hu għażel (San Bażilju, Kassjanu u oħrajn).

F’din il-perspettiva, is-sejħa għall-ħajja konsagrata hija s-sejħa biex wieħed jew waħda jgħixu radikalment is-sejħa tal-magħmudija u jagħmlu tagħhom l-istil ta’ ħajja li l-Iben ta’ Alla għażel għalih innifsu. In obsequium Jesu Christi: li timxi fuq il-passi ta’ Ġesù Kristu huwa l-għan aħħari tal-proġett ta’ kull forma ta’ ħajja reliġjuża. Jikteb San Benedittu fid-daħla tar-Regula tiegħu: “Isma` ibni t-tagħlim ta’ l-imgħallem tiegħek, u iftaħ widnet qalbek […] mit-taħbit u t-toqol ta’ l-ubbidjenza tista’ terġa’ lura lejn dak li inti tbegħidt minnu bl-għażż tad-diżubbidjenza. Lilek mela inwassal kliemi, int min int, lilek, li waqt li tiċħad ir-rieda tiegħek u titħażżem bil-ħżiem qawwija u mimlija sebħ ta’ l-ubbidjenza, tħejji ruħek biex taqdi lil dak li hu tassew is-Sultan, Kristu l-Mulej.”

Il-proġett imfassal fir-Regula Karmelitana jieħu lil min iħaddnu f’din l-istess direzzjoni ta’ ubbidjenza profonda tal-persuna kollha kemm hi lejn Kristu. Din l-ubbidjenza lejn Kristu tidher fil-wegħda ta’ l-ubbdijenza lill-pirjol (Regula 4) li huwa l-preżenza ta’ Kristu qaddej (Regula 22). L-espressjoni fiha nnifisha, kif użata fir-Regula tagħna, turina dan għax hija misluta minn żewġt’ ivrus mill-ittri ta’ San Pawl: 2 Korintin 10,5; 1 Timotju 1,5. Dawn jinsabu miktuba fil-kuntest ta’ twissijiet li l-appostlu jagħti għat-taqbida bl-armi spiritwali u għall-ħarsien tal-fidi. Jikteb San Pawl: “Tassew li aħna ngħixu fid-dinja, imma ma nissarawx bl-armi tad-dinja; l-armi tagħna tal-ġlied m’humiex tad-dinja; iżda għandhom il-qawwa ta’ Alla biex iġarrbu l-fortizzi. Aħna nwaqqgħu kull raġunament u kull kburija li tqum kontra l-għarfien ta’ Alla u njassru kull ħsieb għall-ubbidjenza lil Kristu. Aħna lesti biex nikkastigaw kull diżubbidjenza meta tkunu obdejtu għal kollox.” (2 Korintin 10,3-6)

“Ibqa’ f’Efesu bħalma wissejtek jien u sejjer il-Maċedonja, biex tordna lil xi wħud ħalli ma jgħallmux tagħlim ieħor […] ħwejjeġ li aktar iqanqlu l-kurżità milli jgħinu għall-pjan ta’ Alla li jseħħ bil-fidi. Issa l-iskop ta’ din it-twissija huwa l-imħabba li toħroġ minn qalb safja, minn kuxjenza tajba u minn fidi sinċiera.” (1 Timotju 1,3-5)

2.2 Inqegħdu lilna nfusna taħt l-ubbidjenza ta’ Kristu

Il-fatt li aħna nħaddnu ħajja li fiha msejħin biex nagħtu widen, biex noqgħodu taħt il-madmad ta’ l-ubbidjenza ta’ Kristu, dan ifisser li ngħarfu li mhux kollox huwa tajjeb fina. Ifisser, suppost, li aħna konxji li l-qalb tagħna għandha bżonn tiġi ffurmata u edukata fl-iskola ta’ l-Evanġelju, l-iskola ta’ ġesù. Tassew li aħna ninsabu ma’ “dawk kollha li jridu jgħixu tajjeb fi Kristu” (Regula 18) imma ngħarfu li din ix-xewqa qaddisa ġġib magħha “tiġrib” u “tbatija” (2 Timotju 3,12; Regula 18) għax mhux kollox fina joqgħod malajr għall-madmad ta’ Kristu. L-ewwel ostaklu mela fil-mixja tagħna fuq il-passi ta’ Kristu huwa aħna nfusna. It-tieni ostaklu huwa “l-għadu tagħkom ix-xitan” (Regula 18) li kif jgħidilna Sant’Albert bi kliem San Pietru: “idur madwarkom bħal iljun jgħajjat, ifittex lil min jibla’” (1 Pietru 5,8; Regula 18). Aħna ngħarfu u l-esperjenza tgħallimna li ħajjitna “fuq l-art hija ħajja ta’ tiġrib” (Ġob 7,1; Regula 18). U kif jgħidilna l-Appostlu, it-taqbida tagħna mhijiex kontra s-setgħat ta’ din id-dinja imma kontra l-qawwiet li jitqabdu fina (Rum 7, 14ff) u l-qawwiet tas-sema (Ef 6,12).

Meta ngħarfu din il-qagħda tagħna, ma’ l-Appostlu nistaqsu: “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem midneb?” (Rum 7,24). Il-qawwa ta’ Alla waħedha għandha din is-setgħa. Għalhekk San Pawl u r-Regula jwissuna: “għandkom tħabirku bl-akbar ħeġġa li tilbsu l-armi ta’ Alla sabiex tistgħu żżommu sħaħ quddiem it-tnassis ta’ l-għadu” (Efesin 6,11; Regula 18). Li tilbes l-armi jew l-armatura ta’ Alla, jfisser li tilbes il-qawwa ta’ Alla, li tilbes il-ħajja ta’ Alla u l-attributi tiegħu. Din il-qawwa żżommna sħaħ fit-taqbida tagħna kontra dak li ma jridx joqgħod għal Kristu. Din l-armatura ta’ Alla ssallab fina l-bniedem il-qadim tagħna u tibdlu fil-bniedem il-ġdid maħluq fuq ix-xbieha ta’ Kristu (Rum 6,6; Ef 4,22-24). Hawnhekk isseħħ fina t-trasformazzjoni mistika li fiha l-imħabba ta’ Alla “tbattalna mill-modi umani, limitati u imperfetti ta’ kif naħsbu, nħobbu u nġibu ruħna, u tibdilhom f’modi divini”. (Kostituzzjonijiet ta’ l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu (1995), 17)

2.3 L-Armatura ta’ Alla

Ir-Regula tagħtina struttura li trid tgħinha nidħlu f’dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. Għax jekk huwa veru li t-trasformazzjoni fina hija ħidma ta’ Alla, daqstant ieħor it-triq ordinarja biex din it-trasformazzjoni sseħħ, hija t-triq tal-koperazzjoni ħielsa u doċli mal-grazzja ta’ Alla li jagħtina lilu nnifsu. Ir-Regula tagħtina dawn it-twissijiet:
• Ħażżmu ġenbejkom bil-ħżiem tas-safa;
• Saħħu qlubkom bi ħsibijiet qaddisa
• Ilbsu l-korazza tal-ġustizzja
• Żommu f’kollox it-tarka tal-fidi
• Xiddu f’raskom l-elmu tas-saħħa
• Is-sejf tar-ruħ hu l-Kelma ta’ Alla
• Kulma tagħmlu, agħmluh skond il-Kelma tal-Mulej.

In-numri 18 u 19 tar-Regula fihom mill-anqas 12-il kwotazzjoni diretta u indiretta mill-Iskrittura. L-għan ta’ din l-armatura huwa li nikbru fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, li nitgħallmu nistennew il-fidwa mingħand il-Feddej u li nitfu u nġibu fix-xejn l-attakki tax-xitan. Hija armatura li tagħmilha possibbli għall-bniedem spiritwali li “jeqred kull tfixkil li jfeġġ kontra d-dipendenza sħiħa minn [Kristu Msallab] u kontra l-perfezzjoni ta’ l-imħabba lejn Alla u lejn l-aħwa” (Kostituzzjonijiet, 15). L-ilbies ta’ din l-armatura interjuri huwa sine qua non għal min irid jimpenja ruħu fil-proġett ta’ l-obsequium Jesu Christi.

Fil-prattika mbagħad, dan l-impenn juri ruħu b’mod estern f’forma ta’ stil ta’ ħajja kontemplativa u eżerċizzji li jgħinu l-ilbies ta’ l-armatura ta’ Alla (Regula 4-17):
• l-ubbidjenza, il-faqar u l-kastità
• l-aċċettazzjoni ta’ postijiet xierqa għal għixien u l-ħarsien tal-ħajja reliġjuża
• il-kmamar individwali, l-istabilità u s-sahra fihom
• l-ikel ta’ flimkien
• il-kamra tal-pirjol
• it-talb liturġiku u l-quddiesa
• qsim tal-ġid
• is-sawm u l-astinenza
• il-ħidma u s-skiet

Dawn mhumiex l-armatura ta’ Alla fiha nnifisha imma jgħinuna nxidduha fuqna b’impenn u kostanza. Għaldaqstant uħud minn dawn l-eżerċizzji (bħas-sawm u l-astinenza) jistgħu jiġu mitigati skond il-każ, basta l-individwi li jiffurmaw il-komunità Karmelitana ma jinsewx li huma msejħin biex fi spirtu ta’ prudenza u dixxerniment (Regula 24) “iħallu lilhom infushom jiġu mimlijin u magħġunin mill-valuri ta’ l-Ispirtu” (Kostituzzjonijiet, 16).

2.4 Mistoqsijiet għar-riflessjoni personali

• X’laqtek l-aktar mit-test?
• Fakkrek f’xi testi oħra mill-Bibbja?
• Xi tfisser għalik l-armatura ta’ Alla?
• Tħossok imġarrab għax trid tgħix tajjeb fi Kristu?
• Qatt ħsibt li l-ubbidjenza tal-fidi lejn Kristu tissarraf filli tindirizza dak kollu li int u li għandek għall-qadi ta’ Alla?
• Taħseb li r-Regula Karmelitana tista` tkun ta’ ispirazzjoni għal ħajtek?

3. ORATIO

Wara li tkun irriflettejt u tlabt permezz tas-silta u l-mistoqsijiet ħalli lil qalbek tiddjaloga ma’ Alla. Biex tgħinek hawn it-talba meħuda mill-kitbiet ta’ Santa Maria Maddalena de’ Pazzi:
               “Ġesù, imħabba ta’ ħlewwa liema bħalha,
               ibdilna fik u ibdel lilek innifsek fina;
               Biex mibdulin u magħqudin daqshekk miegħek,
               inkunu nistgħu inwettqu bis-sħiħ ir-rieda tiegħek.”
                              (La Renovatione della Chiesa, 98)

4. CONTEMPLATIO

Meta tieqaf mit-talb u r-riflessjoni, żomm f’moħħok xi kelma jew frażi li laqtitek u li tista’ tgħinek fil-mixja spiritwali tiegħek. U ftakar li:
               “Tant il-bniedem jixbah lil Alla
               li ma tistax tħares lejn Alla u ma tarax lill-bniedem
               u daqstant ieħor ma tistax tħares lejn il-bniedem
               u ma tarax lil Alla.”
                              (La Renovatione della Chiesa, 287)


Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena
tinsab fuq il-website ta’ l-Ordni Karmelitan
bl-Ingliz, bl-Ispanjol u bit-Taljan
www.ocarm.org



© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage