SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIR-REGULA KARMELITANA (2) F’din il-ħarġa inkomplu l-lectio divina fuq ir-Regula Karmelitana, u din id-darba sejrin nirriflettu fuq il-preżenza ta’ Kristu Bieb u Rgħaj tal-merħla fil-komunità Karmelitana. Din il-preżenza ta’ Kristu tidher fil-persuna tal-pirjol. Għaldaqstant insibu silta qasira mill-Evanġelju skond San ġwann fuq ġesù ir-Ragħaj it-Tajjeb u s-siltiet tar-Regula li jitkellmu fuq ir-rwol tal-Pirjol fil-komunità Karmelitana u r-relazzjoni tiegħu mal-membri ta’ din il-komunità ta’ persuni li ddedikaw ħajjithom għall-mixja wara Kristu. 1. LECTIO 1.1 Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu idawwalna ħalli nisimgħu u nilqgħu l-kelma ta’ Alla: Ejja Spirtu s-Santu Nitolbu: O Alla li sawwabt fuqna l-Ispirtu Qaddis tiegħek; 1.2 Qari tat-test: Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (10, 7.9.11.27-30) 10 7Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. 9Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi, isalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. 11Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. 27In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. 28U jien nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. 29Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. 30Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda. Qari mir-Regula ta’ l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu: [4] Nordnaw l-ewwelnett li jkollkom wieħed minnkom bħala Pirjol li jintagħżel għal dan l-uffiċċju bil-kunsens ta’ kulħadd jew tal-parti l-aktar għaqlija; lilu, kull wieħed mill-oħrajn iwiegħed ubbidjenza u jfittex iħares il-wegħda bis-sewwa ta’ l-għemil flimkien mas-safa u ċ-ċaħda ta’ kulma għandu. 2. MEDITATIO 2.1 Riflessjoni qasira: Ġesù huwa r-Ragħaj tal-merħla qaddisa ta’ Alla, il-komunità nisranija. Huwa hu li jmexxi lilna l-bnedmin lejn is-saltna tas-sema, fi triqtna lejn Alla l-Missier. Huwa jsitqarr li hu l-bieb u li hu bħala ragħaj tajjeb jagħraf u jaf lin-nagħaġ tiegħu li min-naħa tagħhom jisimgħu leħnu u jgħarfuh. Kristu jkompli jmexxi u jaqdi l-uffiċċju tiegħu ta’ Ragħaj, permezz ta’ dawk li jqiegħed f’ismu fuq il-merħla tiegħu. Lil Pietru fl-Evanġelju jgħidlu: Irgħa l-ħrief u ngħaġ tiegħi (ġw 21, 15-17). Li wieħed jirgħa n-ngħaġ u l-ħrief ta’ Kristu hija turija, sinjal ta’ l-imħabba li dak li jkun għandu għal Kristu (ġw 21, 15). Huwa għall-imħabba ta’ Kristu li dawn jilqgħu dan l-uffiċċju, biex bħalu huma jmexxi billi jaqdu bl-imħabba u jsiru qaddejja ta’ kulħadd (Mt 20, 26-27). Il-pirjol fil-komunità Karmelitana, huwa s-sinjal tal-preżenza ta’ Kristu f’din l-istess komunità. Ir-rwol tiegħu, kif tifhmu r-Regula, huwa aktar ta’ mexxej ta’ l-erwieħ milli ta’ superjur li jikkmanda u jiddeċiedi. Għalkemm huwa wkoll għandu dan id-dmir li jieħu deċiżjonijiet meta hu meħtieġ sabiex dak kollu li għandu jsir jitwettaq skond il-fehma u r-rieda tiegħu (Reg. 9). Huwa jmexxi l-komunità Karmelitana fl-esperjeza tagħha ta’ Alla, billi jkun għad-disponibilità ta’ kulħadd fil-ħtiġijiet materjali u spiritwali. Fil-qadi ta’ dmiru mela huwa jwettaq bl-għemil dak li l-Mulej jgħid fl-Evanġelju: “Kull min irid ikun il-kbir fostkom, għandu jkun il-qaddej tagħkom u kull min irid ikun l-ewwel fostkom, ikun l-ilsir ta’ kulħadd.” (Reg. 22). Huwa joqgħod fid-daħla tal-post, fil-bieb, biex jilqa’ lil kull min jidħol fil-Karmelu (Reg. 9), dan il-ġnien tal-Mulej, il-maqjel spiritwali –biex nużaw il-metafora biblika- li fih in-nagħaġ jirgħu, isibu l-ħajja u s-salvazzjoni (ġw 10, 9). Għaldaqstant, kull membru tal-komunità Karmelitana irid jara fil-pirjol lil Kristu: Intom ukoll, l-aħwa l-oħra weġġħu bl-umiltà lill-Pirjoli tagħkom waqt li ġġibu quddiemkom aktar milli lilu, lil Kristu li qegħdu fuqkom u jgħid lill-Kapijiet tal-Knisja: “Min jisma’ minnkom, jisma’ minni; min imaqdar lilkom, imaqdar lili” sabiex ma jsirx ħaqq minnkom għax inqasstuhom imma talli obdejtu jkun jistħoqqilkom il-ħlas tal-ħajja ta’ dejjem (Reg. 23). Mela l-preżenza u l-leħen tal-prijol hija l-preżenza u l-leħen ta’ Kristu li min jisimgħu u jimxu fuq dak li jgħid hu bil-kelma u bl-eżempju jieħu l-ħlas tal-ħajja ta’ dejjem u ma jintilef qatt (ġw 10, 27-28). 2.2 Mistoqsijiet għar-riflessjoni personali: • Kemm int bniedem mehdi fis-smigħ ta’ dak li jrid jgħidlek Alla? 3. ORATIO 3.1 Talb personali fis-skiet tal-qalb 3.2 Salm 23 (22) Il-Mulej hu r-Ragħaj tiegħi, Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, Int tħejji mejda għalija Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena 4. CONTEMPLATIO "L-aħjar ħin biex titħaddet ma’ Alla, tismà l-leħen ħelu tiegħu u titgħallem taqdih skond ir-rieda tiegħu, huwa meta jkollok fik lil dan il-mistieden divin. Għaldaqstant oqgħod attent għal-leħen divin tiegħu, għax min jitgħallem mingħand Ġesù m’għandux bżonn ta’ kotba oħra jew ta’ tagħlim ieħor." Santa Maria Maddalena de’ Pazzi (1566-1607) Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena |