SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIR-REGULA KARMELITANA (3) Element importanti fl-għajxien tal-ħajja spiritwali huwa s-skiet. Din il-virtù għandha post speċjali fir-Regola Karmelitana. Għaldaqstant f’din il-ħarġa sejrin nitolbu u nirriflettu fuq din il-kwalità permezz tal-lectio divina. 1. Statio Inħejju ruħna għat-talb u r-riflessjoni bil-meditazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca, fuq is-silenzju, meħuda minn Il-Ktieb il-Kbir Itfgħu għajnejkom fuq l-Imgħallem Divin tagħkom u aqraw: Is-Silenzju Infatti Ġesù Kristu, kien imxebbaħ mill-Profeta Isaija fuq il-kruċifissjoni u l-mewt tiegħu, ma’ nagħġa, “bħal nagħġa jkun meħud għall-qatla”, u ma’ ħaruf “mingħajr leħen quddiem dak li jġiżżu, u ma jiftaħx fommu”. U San Pietru kkonferma dawn it-tixbihat meta qal li “ma seħetx meta kien ibati, iżda qiegħed lilu nnifsu lil dak li ġġudikah bla ħaqq.” a) Tagħlim fuq din il-Paġna ii) Ġid mis-silenzju: Alla jitkellem mar-ruħ, il-qalb tgawdi vera paċi u r-ras vera serenità, u fid-djar tinżamm l-għaqda b’vera mħabba. iii) Kristu fl-iskola tiegħu qal: “Ikun kliemkom iva, iva, le, le għax dak li hu iżjed minn hekk hu mill-ħażen.” (Mt 5, 37). iv) In-natura tħobb turi ruħha, iżda l-grazzja tħobb is-satra u s-silenzju. b) Proponiment Nipproponu illi nħobbu b’mod speċjali s-satra u s-silenzju fuq l-eżempju ta’ Kristu li għażel joqgħod moħbi x’ħin bl-omnipotenza f’idejh seta` jgħaġġeb id-dinja kollha. c) Nitolbu Ħares, nitolbuk Mulej, fuq din il-familja tiegħek li għaliha Sidna Ġesù Kristu, ma stmerrx jagħti ruħu f’idejn il-ħżiena u jġarrab it-tbatijiet tas-salib: Hu li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Amen. 2. Lectio Qari mill-Evanġelju skond San Mattew [12:33-37] Mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm. F’dak iż-żmien Ġesù qal: “Intom tgħidu li siġra hi tajba jekk tagħmel frott tajjeb, u tgħidu li hi ħażina jekk tagħmel frott ħażin; għax is-siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ja nisel il-lifgħat, kif tistgħu titkellmu tajjeb meta intom ħżiena? Għax mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm. Il-bniedem tajjeb joħroġ ħwejjeġ tajba mill-ħażna tat-tajjeb tiegħu; imma l-bniedem ħażin joħroġ ħwejjeġ ħżiena mill-ħażna tal-ħażen tiegħu. U ngħidilkom li l-bnedmin f'jum il-ħaqq għad iridu jagħtu kont ta' kull kelma fiergħa li jkunu qalu, għax minn kliemek tkun iġġustifikat, u minn kliemek tkun ikkundannat.” Qari mir-Regola ta’ l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-Għolja tal-Karmelu [21] L-Appostlu mbagħad jirrikkmanda s-skiet x'ħin amar li x-xogħol isir bil-kwiet; u kif il-Profeta jixhed: il-ħarsien tal-ġustizzja huwa s-skiet; u wkoll: fis-skiet u fit-tama tkun il-qawwa tagħkom. Għalhekk nistabbilixxu li minn x'ħin tingħad il-kompjeta, iżżommu s-skiet sakemm tgħidu l-Prima ta' l-għada. Fil-ħinijiet l-oħra, għalkemm huwa permess li ma jkunx hemm ħarsien kbir tas-skiet, b'danakollu ta' min joqgħod attent mill-ħafna kliem żejjed għax kif hemm miktub u kif tgħallem l-esperjenza: "fil-kliem żejjed id-dnub ma jonqosx" u "min ipaċpaċ kif ġie ġie, iġarrab id-deni"; ukoll: "min jgħid wisq, jagħmel ħsara lil ruħu." U l-Mulej fl-Evanġelju jgħid: "Ta' kull kelma żejda li jgħidu l-bnedmin, iridu jagħtu kont tagħha f'jum il-ħaqq." Għalhekk, kull wieħed jagħmel miżien għal kliemu u jrażżan sewwa fommu li ma jmurx jiżloq minħabba f'ilsienu, u l-waqgħa ma jqumx minnha sal-mewt. Kull wieħed iħares mal-Profeta l-imġieba tiegħu ħalli ma jonqosx b'ilsienu u jfittex li, bir-reqqa u bl-attenzjoni josserva s-skiet li fih hemm il-ħarsien tal-ġustizzja. 3. Meditatio a) Riflessjoni qasira Fl-Evanġelju ġesù jagħtina tliet eżempji li permezz tagħhom nistgħu nieħdu tagħlim fuq il-virtù tas-silenzju jew tas-skiet: Ġesù huwa ċar: mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm. Mela, wieħed iġib ruħu skond dak li hu. Għalhekk il-Mulej jagħmel din il-mistqosija: “Ja nisel il-lifgħat, kif tistgħu titkellmu tajjeb meta intom ħżiena?” F’dan id-dawl nistgħu nifhmu l-ġudizzju ta’ Kristu: “U ngħidilkom li l-bnedmin f'jum il-ħaqq għad iridu jagħtu kont ta' kull kelma fiergħa li jkunu qalu”. Il-kliem fieragħ f’dan il-każ huwa l-kliem li ma jirriflettix dak li hemm fil-qalb. Hawnhekk Ġesù kien qiegħed iċanfar lill-fariżej wara li eżorċizza mxajtan. Waqt li n-nies stagħġbu, huma kkonkludew li “dan bis-saħħa ta’ Begħelżebul, ikeċċi x-xjaten” (Mt 12, 24). L-Evanġelju jgħidilna li Ġesù “għaraf il-ħsibijiet tagħhom” (Mt 12, 25). Imbagħad iktar ’il quddiem jasal biex jgħid: “is-siġra mill-frott tagħha tingħaraf” (Mt 12, 33). Ir-Regola Karmelitana tagħżel dan il-kliem ta’ Ġesù fil-vers 37 hija u titkellem dwar is-skiet li huwa wieħed mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-għixien ta’ ħajja spiritwali. Il-paragrafu 21 tar-Regola jagħtina diversi testi bibliċi dwar il-virtù tas-skiet: San Ġakbu dwar il-kliem fieragħ, fil-fatt jagħtina twissijiet li jixbħu l-kliem tal-Mulej: “Aħna lkoll niżbaljaw, u ta' sikwit; jekk xi ħadd ma jiżbaljax f'dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu. Aħna nqiegħdu l-ilġiem f'ħalq iż-żwiemel biex naħkmuhom, u bih immexxu ġisimhom kollu. Ħarsu wkoll lejn il-bastimenti: għad li jkunu kbar u jimxu ma' l-irjieħ qawwija, naqra ta' tmun idawwarhom fejn irid it-tmunier. Hekk ukoll l-ilsien: huwa biċċa ċkejkna fil-ġisem, imma jista' jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar. U l-ilsien huwa nar, huwa dinja ta' ħażen fost il-membri ta' ġisimna, iniġġes il-ġisem kollu u jkebbes ir-ritmu tal-ħajja, hu nnifsu mkebbes mill-infern. Kull xorta ta' bhejjem u għasafar, kull xorta ta' bhejjem li jitkaxkru ma' l-art u ta' ħut, dawn kienu u huma mmansati mill-bniedem. Iżda ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt. Bih aħna nbierku lill-Mulej, lil Missierna, u bih nisħtu lill-bnedmin xbieha ta' Alla. Minn ilsien wieħed joħorġu l-barka u s-saħta. Dan m'għandux ikun, ħuti. Jaqaw jista' jnixxi ilma ħelu u ilma salmastru mill-istess għajn? U, ħuti, tista' s-siġra tat-tin tagħmel iż-żebbuġ? Tista' d-dielja tagħmel it-tin? L-ilma mielaħ ma jsirx ilma ħelu.” (Ġak 3, 2-12). Biex inrażżnu lsienna u ma nħalluhx jikkmandana, biex ma ngħidux kliem fieragħ u ngħarblu x’hemm tassew fil-qalb tagħna ħalli nimxu ’l quddiem fil-ħajja spiritwali, ir-Regola Karmelitana tagħtina din l-istruttura għall-ħajja tagħna ta’ kuljum biex inħarsu s-skiet: “Għalhekk nistabbilixxu li minn x'ħin tingħad il-kompieta, iżżommu s-skiet sakemm tgħidu l-Prima ta' l-għada. Fil-ħinijiet l-oħra, għalkemm huwa permess li ma jkunx hemm ħarsien kbir tas-skiet, b'danakollu ta' min joqgħod attent mill-ħafna kliem żejjed” (Regola 21). Tistabilixxi wkoll strutturi oħra li indirettament jgħinuna nħarsu s-skiet: Dan kollu jgħin lill-Karmelitan biex ikun imħejji u armat tajjeb għat-taqbida spiritwali li fiha jimla’ l-qalb tiegħu mhux bi ħsibijiet fiergħa, imma bil-kelma ta’ Alla u bi ħsibijiet qaddisa. Mela l-ħarsien tas-skiet jiffavorixxi s-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla u t-talb. Huwa l-kundizzjoni neċessarja li fih aħna nistgħu nisimgħu lil Alla jkellimna. Imbagħad, iva, minn fommu joħorġu biss kliem ta’ tifħir lil Alla, kliem ta’ barka u mhux saħta, kliem li meħtieġ u mhux fil-vojt, kliem li jweġġaħ u mhux kliem li jweġġa’ lill-proxxmu. Tgħidilna r-Regola fil-paragrafu ta’ l-armi spiritwali: “Ħażżmu ġenbejkom bil-ħżiem tas-safa; saħħu qlubkom bi ħsibijiet qaddisa għax hemm miktub: "Il-ħsieb qaddis iħarsek." Ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja sabiex tħobbu lill-Mulej Alla tagħkom b'qalbkom kollha, b'ruħkom kollha u bil-ħila kollha u l-proxxmu tagħkom bħalkom infuskom. Żommu f'kollox it-tarka tal-fidi ħalli biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tax-xitan: għaliex mingħajr il-fidi ma jistax ikun li togħġbu 'l Alla. Xiddu f'raskom l-elmu tas-saħħa sabiex tistennew il-ħelsien mingħand il-Feddej waħdieni li jifdi l-poplu tiegħu minn dnubietu. Is-sejf tar-ruħ hu l-Kelma t'Alla; ħa tgħammar bil-kotra fil-fomm u fil-qalb tagħkom u kulma tagħmlu, agħmluh skond il-Kelma tal-Mulej.” (Regola 19). b) Mistoqsijiet u punti għar-riflessjoni u t-talb ● Qatt ħsibt fuq il-valur prezzjuż tas-skiet u s-silenzju? 4. Oratio a) Talb personali fis-skiet b) Salm 46 Kenn u qawwa hu Alla għalina, Contemplatio Kristu kurċifiss inissel spirtu ta’ silenzju x’ħin wieħed josservah sieket għal tant insulti, għal tant azzjonijiet ħżiena li kien qiegħed jirċievi. (Dun ġorġ Preca, Is-Sakrarju ta’ l-Ispirtu ta’ Kristu, Passus LIX/9) Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelji tal-Ħdud kollha tas-sena |