SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIL-BIBBJA “Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid Il-Papa Benedittu XVI, fit-28 ta’ Ġunju 2005, nieda l-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. F’Paragrafu 42 insibu kif Alla juri li huwa mħabba. Alla juri lilu nnifsu lil Iżrael bħala dak li għandu mħabba akbar minn ta’ missier u minn ta’ omm għal uliedu jew ta’ raġel għal martu. Alla fih innifsu “huwa mħabba” (1Ġw 4:8,16), li jagħti lilu nnifsu għal kollox u bla kundizzjoni u li “hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3:16-17). Meta bagħat lil Ibnu u lill-Ispirtu s-Santu, Alla wera li hu stess huwa għotja ta’ mħabba għal dejjem. 1. Ninġabru fit-talb – Statio Ninġabru fil-kwiet ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fina. Nitolbu d-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu biex nagħrfu x’irid Alla minna permezz ta’ dan l-innu. Dawl tal-glorja ta’ Missierek, Jekk nimtlew bl-Ispirtu tiegħek, Hekk il-ħajja w ħtiġijietha Ġieħ u sebħ għal dejjem, Kristu, (Mil-Liturġija tas-Sigħat: Uffiċċju tal-Qari - Il-Ġimgħa tar-IV Ġimgħa) 2. Naqraw il-Kelma – Lectio Aqra s-silta li ġejja bil-mod u ħalli l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fik billi tisma' ‘l Alla jkellmek. Mill-Evanġelju ta’ San Ġwann (3:1-21) Kien hemm fost il-Fariżej raġel jismu Nikodemu, wieħed mill-kbarat tal-Lhud. Dan ġie għand Ġesù bil-lejl u qallu: "Rabbi, aħna nafu li inti Mgħallem mibgħut minn Alla; għax ħadd ma jista' jagħmel is-sinjali li qiegħed tagħmel int jekk ma jkunx Alla miegħu." Ġesù wieġbu: "Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta' Alla." Qallu Nikodemu: "Kif jista' wieħed jitwieled wara li jkun xjieħ? Jista' forsi jerġa' jidħol f'ġuf ommu u jitwieled?" Wieġbu Ġesù: "Tassew tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta' Alla. Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu. La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma' ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu." "Kif qatt jista' jkun dan?" raġa' qallu Nikodemu. U Ġesù qallu: "Inti mgħallem f'Iżrael u dan ma tafux? Tassew tassew ngħidlek li aħna qegħdin nitħaddtu fuq dak li nafu, u qegħdin nagħtu xhieda ta' dak li rajna, imma x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex. Jekk intom ma temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ ta' l-art, kif sejrin temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema? Ħadd ma tela' s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema. U kif Mosè rafa' s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta' dejjem. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta' l-Iben il-waħdieni ta' Alla. U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f'għemilu." 3. Nixtarru l-Kelma – Meditatio Xtarr il-kelma u ħalliha tidħol f’ħajtek u ddawlek. Ara x’inhu l-messaġġ li Alla jrid jurik. 3.1 Bħala għajnuna aqra bil-mod u fi spritu ta’ talb din ir-riflessjoni. Is-silta (Ġw 3:1-21) tiġbor fiha l-elementi basiċi ta’ kif kien isir it-tagħlim dwar il-magħmudija. Is-silta ddur fuq realtà waħda: il-fidi f’Ġesù. Il-fidi tiġi mill-opra ta’ l-Ispirtu s-Santu (3:3,5). Min jemmen ikollu l-ħajja ta’ dejjem (3:16,18,36). Min ma jemminx f’Ġesù hu diġa' kkundannat (3:18,36). Nikodemu, wieħed mill-kbarat tal-Lhud, bi prudenza, biex iħares ir-reputizzjoni tiegħu, ġie bil-lejl biex ikellem lil Ġesù. Minħabba li l-evanġelista Ġwanni juża d-dlam bħala simbolu għall-ħażen, tmaqdir jew injoranza, ir-riferenza li Nikodemu ġie bil-lejl tista’ tfisser li Nikodemu qed jinbidel. Minn bniedem li ma jafx min hu Ġesù għal wieħed li jrid isir jaf min hu tassew Ġesù. Ma dan kollu hemm ħaġa oħra kif wieħed iħares lejn il-lejl. Il-lejl hu ħin ta’ waqfien mix-xogħol, ħin ta’ mistrieħ u ħin tajjeb biex wieħed jirrifletti u jitgħallem. It-tradizzjoni rabbina tirrakkomanda l-lejl bħala ħin tajjeb biex wieħed jistudja fil-fond It-Torah (l-isem li l-Lhud jagħtu lill-ewwel 5 kotba tal-Bibbja). Ġwanni ma tantx jagħti ħjiel x’kienet ir-raġuni vera li Ġesù u Nikodemu ltaqgħu iżda t-tnejn irrikkonoxxew lil xulxin bħala rabbi (3:2,10). It-taħdita, li setgħet ħadet ħin twil, tista’ tinqara b’vuċi għolja fi ftit minuti. Ġwanni jinteressah x’inhu l-messaġġ ta’ Ġesù: is-salvazzjoni ma tiġix mill-bniedem iżda minn Alla. Naraw dan mid-diskors ta’ Ġesù stess: "Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta' Alla" (3:3). Huwa possibbli li Nikodemu ġie jiltaqa’ ma’ Ġesù biex jistaqsih il-mistoqsija l-iżjed profonda: X’jista’ wieħed jagħmel biex jgħix fil-preżenza ta’ Alla? Ġesù wieġeb lill-imgħallem li ħadd ma jista’ jara s-saltna ta’ Alla jekk ma jitwelidx mill-ġdid bl-ilma u bl-Ispirtu s-Santu (3:5). Fl-ilsien Grieg, l-espressjoni “terġa titwieled” tfisser li “titwieled minn fuq”. Fil-mistoqsija ta’ Nikodemu (3:4) naraw kif Ġwanni juża t-teknika ta’ “nuqqas ta’ ftehim” fl-istil litterarju tiegħu. It-teknika tiegħu taħdem hekk: Ġesù jagħmel il-punt tiegħu; min qed jisimgħu ma jifhmux; Ġesù mbagħad ifisser aħjar il-punt tiegħu. Meta Nikodemu ma setax jifhem kif wieħed jista’ jerġa' jitwieled, Ġesù jfissirlu, li wieħed għandu “jitwieled bl-ilma u bl-ispirtu” (3:5). Kliem Ġesù jikkonferma dak li kien jippriedka Ġwanni l-għammiedi, li kellu jiġi warajh dak “li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu” (1:34). Dan il-bniedem jiltaqa’ ma’ Nikodemu. Skond Ġwanni, Nikodemu jirrappreżenta l-ogħla tmexxija ta’ Iżrael. Bħala rabbi, huwa jimpurtah li jagħmel ir-rieda ta’ Alla skond kif inhi mniżżla fil-Liġi ta’ Mosè. Bħala membru tas-Sanedrin, għandu r-responsabilità li jħeġġeġ lill-poplu biex jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Bħala wieħed li jaf x’inhu jiġri, Nikodemu huwa kapaċi jirrikonoxxi li Ġesù ġej minn Alla (3:2). Biex igħin lil Nikodemu jifhem aħjar, Ġesù joħloq żewġ stejjer li jispjegaw in-neċċessità li wieħed għandu jitwieled mill-Ispirtu. Ġesù jgħidlu li bi twelid naturali aħna nitwieldu bnedmin, iżda bi twelid spiritwali aħna nsiru wlied Alla (3:6). Alla biss jista’ jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Ġesù jispjega b’eżempju ieħor. Bil-Grieg l-istess kelma tista’ tfisser riħ kif ukoll spirtu. Ġesù jispjega li kif “ir-riħ fejn irid jonfoħ, tisma' ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu” (3:8). Waqt li aħna nifhmu dak li jgħid San Ġwann dwar il-katekeżi tal-magħmudija, Nikodemu ma jistax jifhem: “Imma kif jista’ jkun dan?” (3:9). Ġesù jċanfru: “Int imgħallem f’Iżrael u dan ma tafux?” (3:10) Jista’ jagħti l-każ, li l-versi 11-12 jirriflettu l-komunità ta’ Ġwanni li ma rnexxilhiex biżżejjed tgħallem lill-Iżraeliti. Nikodemu li jirrappreżenta l-Ġudaiżmu ma jistax jifhem l-analoġiji tat-twelid naturali u l-attività tar-riħ. Ġesù jwieġbu li la darba ma jistax jifhem il-ħwejjeġ ta’ l-art kif sata’ jippretendi li jifhem dawk tas-sema? (3:12). Ġesù jitkellem ma’ Nikodemu fuq ħwejjeġ tas-sema għax Hu ra l-Missier, għax tala’ fis-sema u niżel mis-sema (3:13). Ġwanni jirrakkonta kif Alla kien ordna lil Mosè biex jagħmel serpent tal-bronż m’arblu u kull min kien jingidem mis-serp kien iħares lejn is-serpent u jfieq (Num 21:4-9). L-evanġelista jispjega r-rakkont bi tliet punti. L-azzjoni ta’ mgħolli ‘l fuq tirreferi għall-Misteru ta' l-Għid: Ġesù msallab fuq is-salib, Ġesù jqum mill-mewt, Ġesù fil-glorja u Ġesù jmur għand Alla, il-Missier. Insibu fl-evanġelju li niksbu l-ħajja ta’ dejjem (3:15) permezz tal-Misteru ta' l-Għid. Iżda nistaqsu: Għaliex Alla ried li jagħtina l-ħajja ta’ dejjem? "Għaliex Alla hekk ħabb lid-dinja, li ta ‘l Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen bih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem (3:16). B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla għalina, billi Alla bagħat ‘l Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ikollna l-ħajja bih. F’dan qegħda l-imħabba, li mhux aħna ħabbejna ‘l Alla, imma Hu ħabbna u bagħat ‘l Ibnu bħala tpattija għall-maħfra ta’ dnubietna" (1Ġw 4:9-10). Il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja mhux biex jagħmel ħaqq mid-dinja imma biex id-dinja tkun salvata bih (3:17). Il-miġja ta’ l-Iben iġġib krisi fid-dinja. Issa l-bniedem irid jagħżel bejn id-dawl li hu Kristu jew id-dlam li hu d-dnub (3:19). Ġwanni jagħti lill-kelma dinja żewġ tifsiriet. L-ewwel waħda hi d-dinja fejn nitwieldu, ngħixu u mmutu. Alla jieħu ħsieb id-dinja li ħalaq, u Hu jħobb lill-bniedem fid-dinja (3:16). Min-naħa l-oħra d-dinja hi dak kollu li hu ħażin. Id-dinja ddominata minn Satana tmur kontra dak li hu tajjeb, dak kollu li ġej minn Alla. Għalkemm Ġesù ma ġiex biex jikkundanna, iżda hu fatt li hu jitlob mill-bniedem li jagħmel għażla. Il-bniedem jista’ jagħżel li jemmen f’Ġesù jew ma jemminx fih. Jekk jemmen isalva, jekk ma jemminx jintilef. Hemm biss żewġ għażliet: il-fidi jew il-kundanna. Irridu nitwieldu mill-ġdid fl-ispirtu billi nikkonvertu nkella niġbdu fuqna l-kundanna. Jekk nagħżlu d-dlam u mhux id-dawl nkunu aħna stess li nikkundannaw lilna nfusna (3:19). Fil-versi 18-21 Ġwanni jagħmilha ċara li la darba l-bniedem jagħżel id-dlam ikun qed jirrifjuta lil Alla. La darba l-midneb ma jridx jikkonverti huwa jkun qed jirrifjuta d-dawl (3:20). Dak li jemmen u jagħmel ir-rieda ta’ Alla se jersaq lejn id-dawl. Huwa jagħmel bħal Natanael (1:46), li kien Iżraeli tabilħaqq, u ma kellux qerq, li mar jiltaqa’ ma’ Ġesù. Riflessjoni:
Għandna nitolbu li nieħdu bis-serjetà lil Ġesù u li nagħmlu r-rieda tiegħu. Xi drabi meta xi wħud kienu jieħdu lil Ġesù for granted u wara għarfuh bis-serjetà jqisu lilhom infushom bħala born again christians. Din il-frażi mhiex eżatta. Fihom jkun hemm konverżjoni. Aħna nsiru nsara permezz tal-magħmudija li tagħmilna wlied Alla. Nistgħu ngħidu li, Alla jgħid lil kull bniedem li jitgħammed, “Inti illum sirt ibni u xejn ma jista’ jtellfek li tkun hekk.” Anke jekk il-bniedem jidneb xorta jibqa’ iben Alla. Fil-parabbola ta’ l-iben il-ħali għalkemm l-iben iż-żgħir tbiegħed minn dar missieru xorta baqa’ iben il-missier. "Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu." (Lq 15:20). Ġenituri ta’ iben iddrogat jew ħabsi xorta jibqgħu jħobbu lil binhom. Ukoll ġenituri ta’ bint li tat ruħha għall-prostituzzjoni xorta jibqgħu jħobbuha. Jekk iben jew bint keddew lill-ġenituri tagħhom, dawn ta’ l-aħħar xorta jibqgħu jħobbu lil uliedhom. Kemm iżjed iħobbna Alla l-Missier li bagħat ‘l Ibnu l-waħdieni biex imut fuq is-salib ħalli jifdina u jsalvana! 3.2 Idħol fil-qalba ta’ dak li qrajt Wieġeb f’qalbek dawn il-mistoqsijiet li għandhom jgħinuk fir-riflessjoni tiegħek. 4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – Oratio Nikodemu xtaq li jinbidel u jsir aħjar. Nitlob lill-Ispirtu ta’ Alla biex jibdilni ħalli nkun kapaċi negħleb l-ħażen u nitlob maħfra lil Alla tal-ħażin li għamilt u nwegħdu li bl-għajnuna tiegħu ma nerġax nidneb. Talba Mulejja, Alla tiegħi, Inti tħobbni ħafna. Jiddispjaċini talli għidtlek le bi dnubieti. Mil-lum ‘il quddiem, bil-għajnuna tiegħek, ma nerġax nidneb iżjed. U rrid inħobbok fuq kollox. 5. Induqu l-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla – Contemplatio Il-kontemplazzjoni hi l-qofol ta’ kull qari mill-bibbja wara li tkun xtarejt l-kelma u tlabt ‘l Alla. Bil-fidi, inħalli ‘l Alla jħaddanni ma’ qalbu permezz ta’ relazzjoni ta’ mħabba għaliex hu l-awtur tal-ħajja u l-verità. Fi Kristu hu rrevela lilu nnifsu lilna. Naqsam din l-esperjenza ta’ mħabba ma’ kull min niltaqa’ billi nagħti xhieda li Alla qed jgħix fija. kitba ta' Vincenza Vassallo
|