SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIL-BIBBJA L-ewwel dixxipli ta’ Ġesù. L-insara kollha huma msejħa għall-qdusija: ”Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom fis-smewwiet” (Mt 5:48). Kull bniedem hu maħluq minn Alla biex jikkomunika miegħu. Fil-Ġenesi nsibu li Alla ħalaq lill-bniedem xbieha tiegħu, għalhekk hu msejjaħ biex jgħix il-ħajja ta’ qdusija. 1. Ninġabru fit-talb – Statio Ninġabru fil-kwiet ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar fina. Nitolbu d-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu permezz ta’ din it-talba. Ejja, Spirtu s-Santu, 2. Naqraw il-Kelma – Lectio Aqra s-silta li ġejja bil-mod u ħalli l-Ispiru ta’ Alla jgħammar fik billi tisma’ lil Alla jkellmek. Mill-Evanġelju ta’ San Ġwann (1:35-51) Il-għada Ġwanni reġa’ kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla.” Iż-żewġ dixxipli semgħuh igħid dan, u marru wara Ġesù. Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?” li tfisser mgħallem. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw.” U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien ħabta ta’ l-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indri, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuħ Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: "Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa" jew Pietru. 3. Nixtarru l-Kelma – Meditatio Xtarr il-Kelma u ħalliha tidħol f’qalbek u ddawlek. Ara x’inhu l-messaġġ li Alla jrid jurik. 3.1 Bħala għajnuna aqra bil-mod u fi spirtu ta’ talb din ir-riflessjoni. L-ewwel dixxipli jagħrfu lil Ġesu bħala "l-Messija" (1:41), "L-Iben ta’ Alla u s-Sultan ta’ Iżrael" (1:49). Jidher ċar meta wieħed ikompli jaqra l-evanġelju li dawn id-dixxipli ma fehmux sew l-implikazzjonijiet ta’ dawn it-titli Kristoloġiċi. Għalhekk naraw karatteristika ewlenija fl-evanġelju ta’ San Ġwann: Ġesù mhux muri daqs tant bħala kif kien jgħix fuq din l-art iżda kif il-Knisja ta’ żmien Ġwanni fehmitu fi tmiem l-ewwel seklu. Mill-punt storiku, l-identità ta' Ġesù ġiet irrevelata lid-dixxipli ftit, ftit, waqt il-ministeru tiegħu fuq l-art u wara l-qawmien tiegħu mill-mewt. Il-frażi "l-għada" (1:35) li tiftaħ biha din is-silta tgħaqqad dan il-passaġġ max-xhieda tal-Battista. "L-għada" tindika wkoll li l-awtur qed iħares lejn skop partikolari billi jgħodd il-ġranet. Wara li l-Battista wera lid-dixxipli min hu "l-Ħaruf ta’ Alla" (1:29), tnejn minnhom marru wara Ġesù (1:37). Skond San Ġwann, li timxi wara Ġesù hu l-qofol tad-dixxipulat. Meta Indri u d-dixxiplu l-ieħor marru wara Ġesù, Huwa staqsihom:"Xi tridu?" Hemm żewġ modi ta’ kif saret din il-mistoqsija. Għall-ewwel tidher mistoqsija komuni b’mod pulit, bħalli kieku Ġesù ried jistaqsi lid-dixxipli:"Xi tridu?" jew "F’hiex nista’ ngħinkom?" Teoloġikament il-mistoqsija ta’ Ġesù tirreferi għall-bżonn veru li l-bniedem idur lejn Alla. Dan il-bżonn hu l-iskop tal-ħajja tal-bniedem. Iż-żewġt irġiel imbagħad jistaqsu: "Fejn toqgħod?" Min-naħa jridu jafu fejn joqgħod, forsi biex isiru jafu aħjar lil dak ir-raġel li l-Battista sejjaħ bħala "l-Ħaruf ta’ Alla." Imma jekk ninżlu iżjed fil-fond, il-mistoqsija tad-dixxipli tissimbolizza lill-bniedem li jrid ifittex lil Alla. Il-verb toqgħod jew tgħammar huwa l-istess verb li nsibu fil-vers (1:14): "U l-Verb sar Bniedem u għammar fostna." Għalhekk l-istess mistoqsija taż-żewġ dixxipli hi l-istess mistoqsija li jsaqsu dawk il-bnedmin li qed ifittxu lil Alla. Bħalli kieku qed isaqsu: "Fejn toqgħod? Ma nafux fejn insibuk. Kif nistgħu nidħlu fil-preżenza qaddisa tiegħek, Mulej? Fejn nistgħu insibuk ħalli tagħti sens lil ħajjitna?" La darba hu Alla biss li jissodisfa l-ġuħ u l-għatx tal-qalb umana, il-mistoqsija: "Fejn toqgħod?", hi tagħna lkoll. It-tweġiba ta’ Ġesù, "Ejjew u taraw" (1:39), twieġeb il-mistoqsija taż-żewġ dixxipli. Ġesù jistedinhom fil-post fejn hu joqgħod biex jitkellmu flimkien. Teoloġikment qed jgħidilhom: "Jekk qed tfittxu ’l Alla, ejjew miegħi. Emmnu fija". Ġwanni jiddiskrivi l-fidi bħala mixja lejn Ġesù. Il-fidi hi l-pont li jgħaqqad ’l Alla u ’l-bniedem. Bejn Alla u l-bniedem hemm immensità li ħadd minna ma jista’ jilħaq. Iżda l-bxara t-tajba hi proprju din: li Alla nnifsu ġie għandna permezz tal-Verb li sar bniedem! Ġesù qed jindirizza lilna lkoll bil-kliem: "Ejjew u taraw". Qed jgħidilna biex nemmnu u hekk inħossu l-preżenza tiegħu. Skond Ġwanni nistgħu ma ngħixux f’Alla billi nibqgħu tad-dinja. Bħala d-dominju ta’ Satana, id-dinja hi post id-dlam, illużjoni u qerq. Id-dinja qatt ma tista’ tissodisfa lil dawk li jgħixu skond il-ġisem. Ġesù biss hu l-ħobż veru, li jaqta’ l-ġuħ u l-għatx tal-bniedem u li jagħti l-ħajja ta’ dejjem. La darba l-ewwel dixxipli laqgħu l-istedina ta’ Ġesù baqgħu miegħu l-ġurnata kollha u forsi l-lejl ukoll. Għalkemm ma nafux x’qalu, nistgħu nobsru li t-tlieta iddiskutew l-iskrittura u tkellmu dwar it-tama tal-Messija għal Iżrael. Indri qal lil Pietru: "Sibna l-Messija" (1:41). Meta jasal Pietru, "Ġesù ħares lejh u qallu: "Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa" – jew Pietru li tfisser blata (1:42). Fil-Bibbja l-bdil ta’ isem ifisser li wieħed ġie magħżul biex ikollu rwol ġdid fl-istorja tas-salvazzjoni. (Ara Ġen 17:5; 32:28 għall-ismijiet ġodda li rċevew Abraham u Ġakobb). Ġesù jsejjaħ lil Filippu biex jingħaqad miegħu, ma’ Indri, ma’ Pietru u d-dixxiplu l-ieħor (probabbli Ġwanni) minħabba li l-għada riedu jitilqu għall-Galilija (1:43). Ninnotaw ir-rispons ta’ Filippu. L-istess bħal ma għamel Indri li mar ifittex lil Pietru biex hu wkoll jimxi wara Ġesù, Filippu fittex lil Natanjel. Minkejja li l-Battista ċaħad li hu kien "Il-profeta" (1:21), Filippu jistqarr, "Sibna lil dak li kitbu fuqu Mosè fil-liġi u l-profeti fil-kotba tagħhom, Ġesù minn Nażaret bin Ġużepi" (1:45). Natanjel jaf l-Iskrittura; "Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret?" (1:46) Hawn l-Evanġelista joħloq punt ta’ kontroversja dwar l-oriġini ta’ Ġesù. Skond dak li jidher Ġesù hu minn Nażaret jew mill-Galilija. Iżda min jaqra l-Evanġelju jaf li Ġesù hu Bin Alla. Dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù iktar jimpurtahom mill-messaġġ ta’ Ġesù u jekk jilqgħuhx. L-għemil ta’ Ġesù u l-messaġġ li rrevela jixhdu li Hu minn Alla. Filippu jwieġeb lil Natanjel: "Ejja u ara." Dan hu l-istess rispons li Ġesù wieġeb lil Indri u lid-dixxiplu l-ieħor: "Ejjew u taraw" (1:39,46). Din hi stedina għall-fidi u Natanjel jaċċetta. Ġesù jurina kif Natanjel kapaċi jegħleb l-apparenza qarrieqa li minn Nażaret ma setgħetx toħroġ xi ħaġa tajba. "Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih" (1:47). Natanjel hu Iżraelita ta’ veru, bniedem fidil għall-patt. Hu bniedem li qed ifittex li jagħmel sinċerament ir-rieda ta’ Alla. "Li tagħmel it-tajjeb," kienet espressjoni Ebrajka li tfisser li wieħed kapaċi jemmen (Ġen 24:49; Eżek 18:8). Natanjel kapaċi jemmen u m’hemmx xi jfixklu li jiltaqa’ ma’ Ġesù. Huwa jiskanta kif Ġesù jaf daqshekk fuqu. Huwa jistqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù billi jgħidlu li Hu "l-Iben ta’ Alla u s-Sultan ta’ Iżrael" (1:49). Dan id-dixxiplu jkompli jżid it-titli lil Ġesù mogħtija fl-ewwel kapitlu ta’ l-Evanġelju ta’ Ġwanni. Ġesù hu magħruf fost id-dixxipli tiegħu bħala: "il-Ħaruf ta’ Alla" (1:29,36), "il-Messija" (1:41), "il-Profeta" (1:45), "l-Iben ta’ Alla u s-Sultan ta’ Iżrael" (1:49). Il-fidi ta’ l-ewwel dixxipli għadha miex sħiħa. Għalkemm Natanjel jistqarr lil Ġesù bħala "l-Iben ta’ Alla," hu għadu ma jafx eżatt xi tfisser id-divinità ta’ Ġesù. Huwa jistqarr il-fidi tiegħu hekk : "Int is-Sultan ta’ Iżrael" (1:49). Huwa jifhem lil Ġesù bħala l-Messija Sultan li Iżrael qed jistenna. Ġesù jgħid lil Natanjel: "Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn" (1:50). Hawn Ġesù jagħmel referenza għall-għeġubijiet li kellu jagħmel, l-ewwel wieħed, f’Kana tal-Galilija. Il-fidi tad-dixxipli tilħaq il-qofol tagħha wara l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt, bħal ma naraw fl-istqarrija sħiħa ta’ Tumas: "Mulej tiegħi u Alla tiegħi!" (20:28) Vers 51 jgħaqqad żewġ simboli fl-Iskrittura tal-Lhud. Is-sellum ta’ Ġakobb u l-viżjoni ta’ Danjel dwar bin il-bniedem. Skond il-ktieb ta’ Danjel, l-awtur kellu viżjoni ta’ figura ġejja mis-sema, li hi probabbli simbolu ta’ Iżrael Rebbieħ. Ġesù jgħaqqad it-titlu "Bin il-bniedem", mad-dehra ta’ l-anġli li Ġakobb ra telgħin lejn is-sema u neżlin ma’ l-istess sellum lejn l-art (Ġen 28:10-17). Fl-Evanġelju, Bin il-Bniedm hu l-istess sellum li fuqu l-anġli qed jinżlu u jitilgħu. Hi l-intenzjoni ta’ l-awtur li juri r-rwol ta’ Ġesù li permezz tiegħu jgħaqqad il-bniedem ma’ Alla. Fl-istess vanġelju nsibu referenzi li jirreferu għall-eżaltazzjoni–glorifikazzjoni ta’ Ġesù fuq is-salib (3:14; 8:28; 12;34). Referenzi oħra dwar Bin il-Bniedem jirreferu għall-glorja futura ta’ Ġesù. Għalhekk f’vers 51 nsibu allużjonijiet dwar l-oriġini tas-sema, is-salvazzjoni ta’ Iżrael, l-intimità ma’ Alla, l-art, it-tislib, ir-ritorn għand il-Missier, ir-rivelazzjoni tal-glorja ta’ Alla u l-glorja ta’ Bin il-Bniedem. Fis-silta ta' Ġwanni 1:19-51, l-evanġelista niseġ tant tajjeb it-titli kollha mogħtija lil Ġesù mit-twemmin ta’ l-ewwel insara. 3.2 Idħol fil-qalba ta’ dak li qrajt Erġa’ aqra bil-mod is-silta mill-Bibbja u fittex mill-Bibbja stess is-siltiet li ssemmew fir-riflessjoni. Tista’ twieġeb f’qalbek dawn il-mistoqsijiet li għandhom jgħinuk fir-riflessjoni tiegħek. 4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – Oratio Ġesù qalilna li Hu d-dawl tad-dinja. Min jimxi warajh ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja (8:12). La darba, Huwa jimxi quddiemna, aħna ma nitfixklux it-triq għax nibqgħu sejrin warajh. Salm 16 Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn. Il-hemm tagħhom ikattru Mulej, inti s-sehem tal-wirt u risq tiegħi, Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma; Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi, Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; 5. Induqu l-ħlewwa tal-preżenza ta’ Alla – Contemplatio Quddiemna għandna taqbida bejn dak li hu spiritwali u dak li hu materjali. Meta Ġesù jsejħilna biex nimxu warajh ma joqgħodx jaħbilna s-sagrifiċċji. Hu sinċier u jkellimna ċar u tond. Ma dan kollu ma jħalliniex weħidna. Jgħidilna Hu stess: "Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Hudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif" (Mat 11:28-30). Huwa jrid jurina mħabbtu għax Hu missierna, li dejjem lest biex jgħinna. Se nwieġeb lil Ġesù għall-mistoqsija: "Trid timxi warajja?" X'se nagħmel? Inħallih u nitbiegħed minnu? Le Ġesù, irrid inqum u nimxi warajk. Naf li jien dgħajjef, li jien beżżiegħ, imma inti dejjem miegħi għax tħobbni. Int taf li nixtieq inħobbok dejjem iżjed. Kun int l-għajnuna tiegħi. Inwiegħdek li rrid nibqa’ miegħek u li rrid inkun tiegħek. Qalb ħanina ta’ Ġesù kun Int l-imħabba tiegħi. kitba ta' Vincenza Vassallo
|