SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIL-BIBBJA Ġesù Hu d-Dawl tal-Ħajja Fit-2 ta’ Frar, niċċelebraw il-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju. Fiċ-ċelebrazzjoni nużaw ix-xemgħa mixgħula biex nuru li l-Mulej hu d-dija li ddawwal kollox u li tkeċċi l-kruha tad-dlamijiet. Neħtieġu li nkunu mdawla bid-dawl tal-fidi biex nilqgħu lil Mulej li hu d-dawl tal-ħajja. 1. Ninġabru fit-talb – Statio Poeżija: Ngħixu fid-dlam ġo kamra mdawla? Ġesù biss id-dawl tal-Ħajja tagħna Ġesù jgħidilna: “Iġġibux skużi. U kif nimxu bil-għaqal fit-triq il-perfetta? Għax taf kif inkunu fil-ħajja tagħna Nimmaġinaw rwieħna permezz ta’ din il-poeżija li qegħdin f’kamra mdawla fil-kwiet. Nistaqsu lilna nfusna. Kif qed inħossuna? Qegħdin tassew imdawlin jew qed inħossu d-dlam fina? 2. Naqraw il-kelma - Lectio Aqra s-silta li ġejja bil-mod, bil-fidi, u jekk hemm bżonn iktar minn darba. Ħalli l-Ispirtu ta’ Alla jdawwal il-menti tiegħek u jidħol f’qalbek. Hi l-Kelma ta’ Alla li tgħajjex lil ruħna. Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa (2,22-40) Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta' Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li 'kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,' u biex joffru b'sagrifiċċju 'par gamiem jew żewġ bċieċen,' kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej. F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal: "Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni 3. Nixtarru l-kelma - Meditatio 3.1 Aqra fi spirtu ta’ talb din ir-riflessjoni maħsuba biex tgħinek. Xtarr il-kelma u fittex li tifhem dak li qrajt. Isma' l-messaġġ li Alla jrid jagħtik permezz tas-silta. Ix-xwejjaħ Xmun ħa f’diragħajh lil Ġesù tarbija. Huwa bierek ‘l Alla għaliex kien ra s-salvazzjoni ta’ Alla: dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael. (Lq 2,29–32). Bħal ma għamel Xmun, aħna lkoll għandna noħorġu mid-dalma tal-lejl u mmorru nilqgħu d-dawl ta’ Kristu, id-dawl li jiddi dejjem u kull ħin. Permezz tad-dawl ta’ Kristu, aħna lkoll rajna s-salvazzjoni ta’ Alla, li l-Misssier ħejja għall kull bniedem u wrihielna għall-ġid tagħna. Kif Kristu wera ruħu lil Xmun, lilna jurina lilu nnifsu billi jħollna mill-irbit tad-dlam tal-ħajja; minn dak kollu li jorbotna mad-dinja. Iħollna mill-egoiżmu tagħna. Iħollna mill-mibegħda għall-oħrajn. Iħollna mir-rebgħa għall-flus u ġid ieħor. Iħollna minn kull vizzju li jtellifna milli naraw id-dawl veru. "Intom il-melħ ta' l-art. Imma jekk il-melħ jaqta', biex jerġa' jieħu t-togħma? Ma jibqa' tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies. Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet." (Mt 5,13-16) Aħna wkoll permezz tal-fidi, ħaddanna lil Kristu li twieled minn Marija Verġni fl-għar ta’ Betlehem. Hu, is-Salvatur mibgħut lilna minn Alla l-Missier. Aħna l-poplu ta’ Alla; aħna rajna b’għajnejna lil Alla magħmul bniedem. “U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità.” (Ġw 1,14) Rajna lil Alla magħna u lqajnieh f’qalbna. Għalhekk aħna, li msejħin Iżrael il-Ġdid, ta’ kull sena nagħmlu festa biex niċċelebraw il-preżenza ta’ Alla fostna. “Dan kollu sar biex iseħħ dak li ntqal mill-Mulej permezz tal-profeti: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanuel,” li jfisser “Alla magħna.” (Mt 1,22-23) It-twettiq tal-profeziji Id-dawl eskatoloġiku li kien imwiegħed mill-profeti sar realtà fit-Testment il-Ġdid. Meta Ġesù ħareġ jippriedka fil-Galilea, il-profezija ta’ Isaija (Is 9,1) ġiet imwettqa. Fil-Vanġelju ta’ San Mattew insibu; “Il-poplu, li kien qiegħed fid-dlam, ra dawl kbir; dawk li kienu qegħdin f’art u d-dlam tal-mewt, idda d-dawl għalihom” (Mt 4,16). San Luqa jgħidilna li Ġesù ġie sa minn twelidu mqabbel ma’ tlugħ ix-xemx li ddawwal lil dawk li qegħdin fid-dlam (Lq 1,78). Ukoll l-Atti ta’ l-Appostli jgħidulna li biex iseħħ dak li qalu l-profeti, “Kristu kellu jbati u jqum mill-imwiet u jħabbar id-dawl lill-poplu u lill-ġnus.” Il-vokazzjoni ta’ San Pawl li jxandar l-Evanġelju hi wkoll skond il-profeziji (Atti 13,47; 26,18). Kristu d-dawl tad-dinja Kristu rrevela lilu nnifsu bħala d-dawl tad-dinja permezz ta’ kliemu u għemilu. Huwa fejjaq lill-għama ta’ Betsajda u tah id-dawl (Mk 8,22-26). Ġwanni wkoll jenfasizza dan f’kapitlu 9 bil-miraklu ta’ l-għama mit-twelid. “Jien hu d-dawl tad-dinja; min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8,12). “Jien ġejt fid-dinja, biex kull min jemmen fija ma jibqax fid-dlam” (Ġw 12,46). Ħafna drabi, aħna l-bnedmin nippreferu d-dlam billi nagħmlu l-ħażin. Meta Ġuda ħareġ miċ-ċenaklu biex jittradixxi lill-Ġesù l-evanġelista Ġwanni jgħidilna li kien “bil-lejl” (Ġw13,30) u Ġesù, fil-ħin ta’ l-arrest tiegħu, iddikjara: “Din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet” (Lq 22,53). Kristu trasfigurat Ġesù, li kien jgħix fid-dinja kellu d-dawl Divin tiegħu moħbi taħt is-sura tal-ġisem tiegħu. Ma dan kollu kien hemm okkażjoni meta tliet dixxipli ipprivileġġjati rawh jittrasfigura ruħu fuq it-Tabor u “wiċċu sar jiddi bħax-xemx u lbiesu saru bojod bħad-dawl” (Mt 17,2). “Alla hu dawl, u fih m’hemmx dlam” (1Ġw 1,5). San Pawl jgħidilna li kull ma hu dawl ġej minnu sa mill-bidu tal-ħolqien, u sar id-dawl fina permezz tad-dawl ta’ Kristu (2Kor 4,6). Fil-lejl ta’ Sibt il-Għid is-saċerdot jixgħel il-blandun b’simbolu tad-dawl ta’ Kristu u minnu nieħdu d-dawl aħna lkoll. Kull ma hu tajjeb ġej mid-dawl ta’ Kristu, iżda dak li hu ħażin ġej mid-dlam ta’ Satana. Ulied id-dawl Fit-twelid kull bniedem jippartjeni għad-dlam iżda permezz ta’ Ġesù Kristu, id-dawl tad-dinja, aħna ġejna mifdija u sirna wlied id-dawl. Ningħarfu li aħna wlied id-dawl jekk inħobbu lil xulxin bħall-aħwa. Il-bniedem li jgħix bħal iben id-dawl jiddi quddiem l-oħrajn: "hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, sabiex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja ’l missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5,16). Il-profetessa Anna kienet taqdi ‘l-Mulej bis-sawm u t-talb lejl u nhar (Lq 2,37). Li tishar fit-talb lejl u nhar hi l-kariżma Karmelitana: “Kull wieħed għandu joqgħod f'kamartu jew ħdejha, lejl u nhar jaħseb fuq il-Liġi tal-Mulej u jishar fit-talb” (Reg. Art.10). Bħala nsara u iktar u iktar jekk inħaddnu l-kariżma Karmelitana għandna nagħżlu qabel kollox li nibqgħu fil-preżenza ta’ Alla, fit-taħriġ ma jaqta’ xejn tar-rieda mqaddsa tiegħu. Xmun bierek lil Ġużeppi u lil Marija u qalilhom: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna” (Lq 2,34-35). Id-dawl idda f’Marija u Ġużeppi. Marija kienet mimlija bil-grazzja u bla ebda dnub u Ġużeppi kien ir-raġel ġust tagħha. It-tnejn li huma kellhom it-tlugħ u l-inżul fil-ħajja tagħhom. Marija ukoll sofriet ma’ binha u hi l-ko-redentriċi fil-fidwa tagħna bħala l-omm ta’ l-Iben Divin. Id-dawl etern La darba l-bniedem ikun ingħata kollu kemm hu għad-dawl veru, hu jista’ jittama li wara mewtu hu se jiltaqa’ ma l-istess Dawl Divin u jgħix għal dejjem miegħu. “It-tajbin jiddu bħax-xemx fis-saltna ta’ Missierhom” (Mt 13,43). Marija diġa qed tiddi fis-sema bil-ġisem u r-ruħ għax hi ipprivileġġjata u mimlija bil-grazzja. Mal-miġja tal-Mulej, aħna wkoll għad irridu niddu mhux biss bir-ruħ tagħna iżda bil-ġisem ukoll jekk inkunu għexna bħala wlied id-dawl u għamilna dak li kellna nagħmlu skond r-rieda tal-Mulej. 3.2 Idħol fil-qalba ta’ dak li qrajt Erġa aqra bil-mod is-silta mill-Bibbja u fittex mill-Bibbja stess is-siltiet li ssemmew fir-riflessjoni. Tista’ tgħin ruħek billi twieġeb fil-fond ta’ qalbek dawn il-mistoqsijiet u fl-istess ħin tisma’ dak li Alla jrid minnek.
4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – Oratio Innu Żejjen darek, Sijon, ifraħ Ħaffef, xwejjaħ ġust, biex terfa’ Ġewwa t-tempju l-ġenituri Omm qaddisa, offri t-tfajjel, Ejja, Verġni, bint is-slaten, Glorja lilek, Kristu Sidna, 5. Nidħlu fl-intimità ta’ mħabba ma’ Alla li jħobbna – Contemplatio Dan il-ħin Tereża ta’ Ġesù tfissru bħala, «qsim ta’ intimità ta’ bejn il-ħbieb li spiss isibu ruħhom waħedhom ma’ dak li jħobbu» (Ħajja 8). Hekk ukoll ir-ruħ u Alla jfittxu lil xulxin f’mument intimu ta’ mħabba. Ir-ruħ trid tagħraf u taċċetta l-imħabba ta’ Alla lejha. Hawn hu fejn hi tkun imdawla bid-dawl veru tal-Mulej. kitba ta' Vincenza Vassallo
|