SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIL-BIBBJA Ġesù Hu d-Dielja Vera Fid-dinja ta’ llum, fejn ħafna minna jgħixu ‘l-bogħod mir-raba’, is-siġar tad-dwieli ftit jinteressawna. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-għassara ta’ l-għeneb li jagħmlu l-inbid. Dawn jagħmlu mill-aħjar biex jikkultivaw id-dwieli ħalli jagħtu frott bnin u tajjeb. Għall-poplu Lhudi, art għammiela bid-dwieli kienet sinjal tal-barka ta’ Alla. 1. Ninġabru fit-talb - Statio Ninġabru fil-kwiet ħalli nitħejjew biex nilqgħu l-kelma ta’ Alla u nħalluha taħdem fina. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex isawwab fuqna l-frott ta’ l-Ispirtu qaddis tiegħu. Nitolbuh b’dawn it-tliet strofi meħudin mis-Sekwenza tal-Quddiesa tal-Jum ta’ nhar l-Għid il-ħamsin. Spirtu s-Santu, ejja fina, O Missier il-foqra tiegħek, Inti l-aqwa faraġ tagħna, 2. Naqraw il-kelma – Lectio Aqra s-silta li ġejja bil-mod u ħalli l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem fik billi dduq il-benna tal-frott tiegħu. Mill-Evanġelju ta’ San Ġwann (15:1-17) "Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa' fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa' fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa' fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta' Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi. Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta' Missieri u qiegħed f'imħabbtu. "Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x'jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa', ħalli kull ma titolbu lill-Missier f'ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin. 3. Nixtarru l-Kelma – Meditatio Xtarr il-kelma fis-skiet billi tipprova tifhem dak li qrajt. Ftakar, sib u aqra siltiet mill-Bibbja li s-silta tfakkrek fihom. Ara x’inhu l-messaġġ li Alla jrid jagħtik. 3.1 Bħala għajnuna aqra bil-mod u fi spirtu ta’ talb din ir-riflessjoni. Fis-silta Ġwanni 15:1-17, Ġesù jitkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu mad-dixxipli u l-ħajja komuni li huma jaqsmu. Fl-immaġni tad-dielja u l-friegħi jidwu ħafna referenzi mill-kotba tal-profeti mit-Testment il-qadim. Iżrael hi mpinġija bħala dielja (Eżek 15:1-6; 17:5-10; 19:10-14) u bħala għalqa tad-dwieli (Is 5:1-7; 27:2-6). Fil-waqt li Yahweh jieħu ħsieb bl-akbar kura l-għalqa tad-dwieli, id-dwieli ma jagħtux frott jew jagħtuh qares. Iżrael, għalkemm hi magħżula minn Alla, mhux twettaq ir-rwol tagħha bħala d-dielja ta’ Alla. Għalhekk Ġesù jiddikjara li Hu d-dielja vera. (Dan hu eżempju tajjeb ta’ kif l-evanġelista Ġwanni jagħti l-istess titli ta’ Iżrael lil Ġesù.) L-immaġni tad-dielja u l-friegħi tfisser l-ewwelnett l-imħabba u l-ħbiberija vera li teżisti bejn Ġesù u d-dixxipli (kliem bħal: ibqgħu miegħi, imħabba, ħbieb u ferħ, jiddominaw fis-silta.) Hemm ukoll tifsira oħra ta’ dawn il-versi: is-sagrament ta’ l-Ewkaristija. Fis-silta d-dielja hi simbolu ta’ l-inbid fl-Ewkaristija, li hu sors ta’ ħajja għad-dixxipli. Fl-Evanġelju ta’ San Mark fir-rakkont ta’ l-aħħar ċena, Ġesù jitkellem dwar l-inbid li sar id-demm prezzjuż tiegħu. “Tassew, ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla” (14:25). Meta Ġesù jiddikjara lilu nnifsu bħala d-dielja vera, huwa qed jagħmel tliet affirmazzjonijiet: (i) li fih innifsu hemm l-Għerf Divin tad-dielja li tagħti l-frott; (ii) li Hu qed jieħu l-post ta’ Iżrael, id-dielja li ma tagħtix frott; u (iii) li hu l-ikel li niżel mis-sema. Ukoll l-immaġni tenfasizza l-intimità profonda li teżisti bejn Ġesù u d-dixxipli. Il-friegħi huma parti integrali tad-dielja. L-istess ħajja li tgħaddi mid-dielja tgħajjex lill-friegħi. Bħall-bidwi, il-Missier jaqta’ u jarmi l-friegħi bla frott u jiżbor u jnaddaf dawk li jagħmlu l-frott. Id-dixxipli ta’ żmien Ġesù kienu diġa' ndaf permezz tat-tagħlim tiegħu (15:3). Dan il-vers jirreferi għall-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli fl-aħhar ċena (Ġw 13:10). Ġesù naddaf lid-dixxipli billi ħaslilhom riġlejhom. It-tagħlim ta’ Ġesù u l-mewt tiegħu fuq is-salib jnaddfu lid-dixxipli minn kull ostaklu biex huma jistgħu jingħaqdu miegħu fil-ħajja eterna. Id-dixxipli li jgħixu fid-dielja vera m’humiex mejtin għax jsostnu ruħhom kuljum mill-ħajja divina. Ġesù jgħallem lid-dixxipli li għandhom jibqgħu magħqudin miegħu. Fil-versi 4-10 insibu għal għaxar darbiet il-frażi “tibqgħu fija”. Jekk il-fergħa ma tibqax fid-dielja ma tistax tagħti frott. Hekk ukoll jiġrilu min ma jibqax fi Kristu Ġesù (15:4-5). Ġwanni jara dak li hu iswed, iswed, u dak li hu abjad, abjad. Għalhekk kull fergħa li ma tagħmilx frott tinqata’ (15:2) u tintrema barra, tinġabar u jixħtuha fin-nar u tinħaraq (15:6).
Il-glorja tal-Missier ġiet irrevelata fil-ministeru ta’ Ġesù u fil-mewt tiegħu (12:28; 13:31). Id-dixxipli li jħobbu lil Ġesù u li jobduh, ikunu qed jigglorifikaw lil Missier Alla (15:8). Hawn, Ġesù qiegħed jitkellem bħallikieku l-mewt u l-qawmien tiegħu diġa' seħħu. Il-Missier jifraħ bl-attaġġjament tad-dixxipli li jagħmlu r-rieda tiegħu. Huma juru li huma tassew dixxipli ta’ Ġesù. Għal darb’oħra, Ġesù jisħaq fuq l-imħabba tad-dixxipli lejn xulxin. Din għandha tixbaħ lill-imħabba tiegħu lejhom, imħabba sa l-aħħar (15:12-13). Ġesù jaqsam mad-dixxipli l-misteru ta’ mħabbtu: Imħabba lejhom bħal ma Missieru għandu lejh! (15:9). Meta d-dixxipli jgħixu magħqudin bħall-friegħi mad-dielja, huma mhux biss ikunu maħbuba minn Ġesù iżda wkoll huma jaqsmu l-istess imħabba Trinitarja. Kif il-Missier iħobb lil Ibnu, hekk ukoll Ġesù jħobb lid-dixxipli, u dawn għandhom iħobbu lil xulxin bl-istess imħabba. Ma nistagħġbux għala Missirijiet il-Knisja għallmu li l-ħajja nisranija hi proċess tad-Divinizazzjoni! Ma nistagħġbux kif qaddisin kbar tal-Knisja tqanqlu li jkunu tassew dixxipli ta’ Ġesù! La darba jkollna din il-kwalità ta’ mħabba aħna nistgħu naqsmuha ma’ l-oħrajn u nkunu verament dixxipli ħajja. Hi raġuni biżżejjed biex wieħed jifraħ! Il-ferħ tad-dixxipli ġej mill-għaqda tagħhom ma’ Ġesù (15:9-11). Kif Ġesù jħallilhom il-paċi tiegħu (14:27), hu wkoll jaqsam magħhom il-ferħ tiegħu (15:11). Ġesù jifraħ għax Hu jagħmel ir-rieda ta’ Missieru u Hu magħqud miegħu. Dan il-ferħ iwasslu biex jagħti ħajtu għal dawk li jħobb (15:10-14). Bl-istess mod, il-ferħ tad-dixxipli jkun b’saħħtu jekk huma jħobbu lil xulxin (15:12). Ġesù jerġa' jqabbel l-imħabba ta’ l-aħwa ma’ l-għotja ta’ ħajtu. L-imħabba tad-dixxipli tintwera billi jagħtu ħajjithom għal xulxin (15:13). Il-qaddej ikun jaf bil-pjanijiet u d-direzzjonijiet ta’ sidu iżda hu ma jkunx jaf sidu x’inhu jaħseb u x’jixtieq. La darba Ġesù jħobb lid-dixxipli tiegħu, Hu mhux barrrani għalihom iżda wieħed minn ta’ ġewwa. Hu jafdalhom is-sigrieti ta’ qalbu. Dak kollu li sama’ minn għand Missieru Hu jgħarrafulhom (15:15). Fl-ewwel seklu fil-Palestina min xtaq li jsir dixxiplu kellu jagħżel Rabbi ma’ min jistudja. Ġesù m’għamilx hekk mad-dixxipli. Hu stess ħa l-inizzjativa biex jagħżilhom u tahom il-ministeru tagħhom. Huma ġew mibgħuta biex ikomplu l-missjoni ta’ Ġesù li jagħti ħajtu għall-kotra. Jekk id-dixxipli jagħmlu frott li jibqa’, huma jingħataw dak kollu li jitolbu lil Alla l-Missier f’isem Ġesù (14:13-14; 15:7-8; 15:8,16). Riflessjoni: Bħala nsara, mhux biżżejjed li mmorru l-quddies nhar ta’ Ħadd, nitfgħu xi ħaġa tal-flus fil-kopp u forsi wkoll nidħlu f’xi kummissjoni parrokkjali. Irridu nuru bl-għemil tagħna dak li nemmnu fih. X’jiswa li mmorru l-quddies u kif noħorġu barra nibdew ngħidu fuq dak u fuq dik? X’jiswa li fuq ix-xogħol ma nagħtux biżżejjed ix-xogħol li għalih aħna mħallsin jew li nagħmluh kif ġie, ġie? X’jiswa li ngħidu li aħna nsara u nibdlu lil martna jew lil żewġna? Il-ħajja nisranija ma tistax tinqasam fi tnejn: f’dak li aħna u f’dak li nagħmlu. Irridu nikkultivaw il-ħajja nisranija tagħna. Li nagħmlu l-frott ifisser li nibqgħu magħqudin mad-dielja; li nibqgħu fi Kristu; li ngħixu fih billi nobdu kliemu u nagħmlu r-rieda tiegħu. Li nobdu jfisser li nagħtu ħajjitna għall-oħrajn. Dan hu l-kobor u r-responsabilità tremenda ta’ ħajja nisranija! Forsi nsibuha bi tqila li ngħixu din il-ħajja għax m’aħniex midħla biżżejjed ta’ Ġesù. Irridu nibqgħu fidili fl-imħabba tagħna lejn Alla u nħobbu lill-oħrajn bħalma ħabbna Ġesù. Il-Knisja minn dejjem għallmitna kif nirċievu l-imħabba ta’ Ġesù. 4. Nitkellmu ma’ Alla fit-talb – Oratio Wara li qrajt u smajt il-kelma ta’ Alla f’qalbek u f’ħajtek itlob ‘l Alla li tibqa’ magħquda miegħu kif il-friegħi huma magħquda mad-dielja. Itlob li tkun fergħa tajba u fertili. Agħmel tiegħek ix-xewqat ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù meta tgħidlu: O Ġesù, Dielja qaddisa, Int taf, Sultan Divin, (Mill-Poeżija numru 25) 5. Induqu u naraw kemm hu tajjeb il-Mulej - Contemplatio Ġesu tiegħi għall-imħabba li għandek għalija int ridt li tagħti ħajtek biex tifdini. Jien inħobbok u rrid nagħmel ir-rieda tiegħek. Ma rridx ninfired minnek. Irrid nibqa’ fid-dielja u nagħmel il-frott. Ma rridx inkun nisrani ta’ nofs kedda. Naf li jien dgħajjef u miżerabli iżda meta hemm int miegħi jien nagħmel il-qalb. Mingħajrek ma jien xejn iżda bik fija jien nista’ kollox. Maħbub Ġesù tiegħi jien inħobbok u rrid inħobbok dejjem iżjed. Inti saltan f’qalbi, bil-qawwa ta’ mħabbtek. Agħmel li nxerred din l-imħabba fl-oħrajn. B’hekk aħna l-bnedmin nilmħu f’xulxin lilek, nikbru fl-għaqda u nissaħħu fil-ħidma ta’ bejnietna. kitba ta' Vincenza Vassallo
|