SpiritwalitàLectio DivinaNITOLBU BIL-BIBBJA “Inroddlok jien meta nerġa’ ngħaddi” 1. Statio a) Inħejju ruħna għas-smiegħ tal-Kelma: “Ktibnielkom dan fil-qosor billi tajniekom għamla ta' ħajja ħa timxu fuqha. Jekk xi ħadd jagħmel iktar minn dan, il-Mulej innifsu, meta jiġi għall-ħaqq, iħallsu hu; b'danakollu ta' min juża l-prudenza għax hi li tmexxi kull virtù.” (Regola Karmelitana, 24) Wara li tul ir-Regola Karmelitana, Sant'Albert ta’ Ġerusalemm fassal għall-Karmelitani forma ta’ ħajja maħsuba biex tgħina nimxu wara Ġesù Kristu b’qalb safja u kuxjenza nadifa (Regola 2), jagħlaq it-test tar-Regola billi jagħtina s-sigriet tal-mixja vera wara Kristu: li tgħix ħajja mibnija fuq il-ġenerożità u mhux fuq id-dover. Jgħidilna: Jekk xi ħadd jagħmel iktar minn dan, il-Mulej innifsu, meta jiġi għall-ħaqq, iħallsu. Il-mixja wara Kristu fil-fatt tmur lil hemm mill-osservanza ta’ sett ta’ regoli. Il-mixja wara Kristu hija mixja mqanqala mill-imħabba u l-ġenerożità. Fl-għeluq tar-Regola Karmelitana, Sant'Albert, jagħżel li jikkwota frażi ta’ l-Evanġelju. Hekk ir-Regola, mibnija kollha minn-nisġa ta’ testi bibliċi, tagħlaq ukoll bil-kliem ta’ Ġesù, li did-darba huwa meħud mill-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb: Għaldaqstant, fl-għeluq tar-riflessjonijiet fuq ir-Regola permezz tal-Lectio Divina għażilna l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb biex nirriflettu u nitolbu fuqha u nħallu lill-Mulej jgħallimna xi tfisser il-gratuwità, il-ġenerożità fil-qadi tiegħu u ta’ ħutna. b) Ninġabru fit-talb: Mulej, Mexxi l-ħsibijiet tiegħi, Spirtu s-Santu, Don ta’ Alla l-Għoli, Marija, Omm Ġesù, 2. Lectio Naqraw il-Kelma Mill-Evanġelju skond San Luqa 10: 25-37
3. Meditatio a) Nifhmu l-Kelma: Is-silta hija meħuda mill-parti ċentrali ta’ l-Evanġelju skond San Luqa, li turina lil Ġesù tiela’ Ġerusalemm: «Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b'rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm.» (Lq 9,51). Nafu li għal San Luqa, Ġerusalemm hija l-belt li fha sseħħ is-salvazzjoni, għaldaqstant hija tema ċentrali kemm fl-Evanġelju miktub minnu u kemm fl-Atti ta’ l-Appostli. L-Evanġelju skond San Luqa fil-fatt jiftaħ fil-belt il-qaddisa ta’ Ġerusalemm (Lq 1,5) u jagħlaq ukoll fl-istess belt (Lq 24,52). Fil-parti ċentrali ta’ l-Evanġelju San Luqa spiss jirrepeti li Ġesù kien tiela’ Ġerusalemm (ara: Lq 13,22; 17,11). F’din is-silta li tirrakkonta l-ġrajja tas-Samaritan it-tajjeb, insibu mill-ġdid it-tema tal-vjaġġ; din id-darba minn Ġerusalemm għal ġeriko (Lq 10,30). Il-parabbola fil-fatt trid tinftihem fil-kuntest tal-mixja jew tal-vjaġġ ta’ Ġesù flimkien ma’ l-appostli, ilkoll pellegrini lejn Ġerusalemm. Huwa jibgħathom qablu biex iħejju t-triq u l-waqfa tiegħu f’raħal tas-Samaritani. Hemmhekk iżda huwa jsib qlub iebsa li ma jilqgħuhx proprju għax isiru jafu li hu kien miexi lejn Ġerusalemm (Lq 9,51-53). Is-Samaritani fil-fatt kienu jevitaw il-pellegrini li jmorru Ġerusalemm, għax għalihom it-tempju li fih kellha tingħata qima lil Alla ma kiex f'Ġerusalemm, imma fuq il-muntanja Gariżim. Wara dan Ġesù “għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f'kull belt u post fejn kien se jmur hu” (Lq 10,1). Tnejn u sebgħin tradizzjonalment jiġbor fih in-numru ta’ nazzjoniet pagani. Il-Missirijiet tal-Knisja (Ambroġ, Wistin, ġlormu u oħrajn) waqt li jagħtu każ dan il-kuntest kollu jinterpretaw b’mod partikulari din il-parabbola. Fil-bniedem li nieżel minn Ġerusalemm għal ġeriko jaraw il-figura ta’ Adam, li jirrapreżenta lill-ġens kollu tal-bnedmin, li minħabba d-dnub tiegħu ġie mkeċċi mill-Għeden, mill-ġenna ta’ l-art u minn Ġerusalemm tas-Sema. Fil-ħallelin, il-Missirijiet tal-Knisja jaraw lix-xitan li jfittex li jneżżgħana mill-ħbiberija ma’ Alla, u jsawwatna bit-tnassis kontinwu tiegħu u jżommna fil-jasar meta jħallina nofsna mejtin bid-dnub. Fil-Qassis u l-Levita jaraw il-liġi l-qadima li ma kenitx biżżejjed biex teħlisna minn dan il-jasar. Din il-Liġi kellha bżonn lis-Samaritan it-Tajjeb li jwassalha għall-perfezzjoni ta’ l-imħabba: Ġesù Kristu l-Mulej u l-Feddej tagħna, li hu wkoll, għalina u għas-salvazzjoni tagħna għażel li jinżel minn Ġerusalemm tas-Sema biex jiġi jiltaqa’ magħna fid-deżert tal-ħajja, hemm fejn tinsab ġeriko. Huwa jersq lejna fil-kundizzjoni tagħna ta’ midinbin u jagħtina l-fejqan biż-żejt tal-grazzja u l-inbid ta’ l-Ispirtu s-Santu li jferraħ il-qalb tagħna. Fil-Lukanda, is-Santi Padri jaraw il-Knisja u fil-persuna ta’ dak li jieħu ħsieb il-lukanda jaraw ir-rgħajja ta’ l-erwieħ li f’idejhom Ġesù ħalla l-merħla tiegħu. Il-fatt li s-Samaritan jitlaq mil-Lukanda l-għada filgħodu l-Padri jaraw il-misteru tal-Qawmien mill-Mewt u t-Tlugħ fis-sema ta’ Ġesù. Huwa telaq imma wiegħed li għandu jerġa’ jiġi biex jagħti lil kull wieħed skond ma’ ħaqqu għal għemilu. Sakemm hu jerġa’ jiġi, lill-Knisja ħallielha f’idejha biċċtejn flus: il-Kelma ta’ Alla u s-Sagramenti li bihom il-Knisja tieħu ħsiebna sakemm il-Mulej jerġa’ jiġi. Din l-interpretazzjoni allegorika, jiġifieri simbolika, tgħina biex nifhmu aħjar il-messaġġ li jrid jagħtina Ġesù. Il-parabbola tibda’ bid-djalogu bejn Ġesù u għaref tal-liġi li biex iġarrab lill-Mulej jgħidlu: “Mgħallem, x'nagħmel biex niret il-ħajja ta' dejjem?” (Lq 10,25). Minflok iwieġbu, Ġesù jistaqsih: "Fil-Liġi x'hemm miktub? Inti x'taqra fiha?" (Lq 10,26). Dan id-djalogu irridu nifhmuh bħala diskussjoni bejn żewġ għalliema. Fi żmien Ġesù dawn it-taħdidiet bejn l-Għorrief tal-Liġi kienu komuni għax kienu mezz ta’ kif jiġi ċċarat xi punt tal-Liġi Mqaddsa. Hawnhekk iżda jidher xi ftit ton ta’ polemika u mhux bħal ma nsibu fl-Evanġelju skond San Mark meta jgħidilna li wieħed mill-kittieba sema lil Ġesù jwieġeb tajjeb lis-Sadduċej u allura jagħmel il-qalb biex jistaqsih hu wkoll domanda tixbah lil dik li nsibu f’San Luqa (Mk 12,28). F’San Mark il-kittieb jiddisponi ruħu biex jisma’ lil Ġesù b’qalb tajba, tant li l-Mulej jgħidlu: “M’intix ‘il bogħod mis-Saltna ta’ Alla” (Mk 12,34). F’San Mattew huwa Għaref tal-Liġi li jagħmel id-domanda lil Ġesù wara li flimkien mal-Fariżej sema’ kif Ġesù “għalqilhom ħalqhom lis-Sadduċej” (Mt 22,34-35). Dan ukoll jersaq lejn Ġesù u jistaqsih biex iġarrbu. Ġesù jwieġeb mill-ewwel fuq il-kmandament ta’ l-imħabba billi juża dak li hemm miktub fid-Dewterenomju u fil-Levitiku. F’San Luqa, il-mistoqsija mhijiex dwar liema huwa l-akbar kmandament, imma dwar il-wirt tal-ħajja ta’ dejjem. Din il-mistoqsija nerġgħu nsibuha fuq il-fomm ta’ raġel jew żgħażugħ għani (Mt 19,16; Mk 10,17; Lq 18,18). Bħal fl-Evanġelju skond San Mark, hawnhekk Ġesú jfaħħar l-Għaref tal-Liġi: "Sewwa weġibt ; agħmel hekk u tgħix" (Lq 10,28). Imma l-Għaref biex juri li jifhem ma jikkuntentax ruħu bit-tweġiba ta’ Ġesú u jmur jistaqsih min hu l-proxxmu tiegħu! (Lq 10, 29). Din il-mistoqsija torbot id-diskussjoni ta’ Ġesú u l-Għaref mal-parabbola tas-Samaritan li fiha Ġesú jwasslu biex jara li ġab ruħu ta’ proxxmu dak li tħassar lir-raġel mixħut ma’ l-art nofsu mejjet. Il-konklużjoni ta’ Ġesú għal din il-parabbola hija sempliċi ħafna: “Mur u agħmel hekk int ukoll”; kliem li jfakkarna f’dak li jgħid Ġesú lill-appostli wara li ħaslilhom riġlejhom qabel l-Aħħar Ikla (Ġw 13,12-15). F’din l-Aħħar Ikla Ġesù jħalli lid-dixxipli tiegħu l-kmandament ta’ l-imħabba, mifhum bħala “li tagħti ħajtek” ħalli tħobb kif ħabbna l-Mulej innifsu (Ġw 15,12-14). Dan il-kmandament imur lil hemm mis-sempliċi ħarsien tal-liġi. Il-Levita u l-Qassis, ħarsu l-Liġi tal-Levitiku li kienet assolutament tipprojbilhom ma jersqux lejn ġisem imdemmi jew mejjet, biex ma jitniġġsux (Lev 21,1). Ġesù jmur lil hemm mill-Liġi u jrid li dawk li jimxu warajh jagħmlu bħalu. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi jekk ikollkom l-imħabba bejnietnkom” (Ġw 13,35). Għad-dixxiplu ta’ Ġesú l-filantropija (l-imħabba tal-proxxmu) mhijiex biżżejjed, in-nisrani huwa msejjaħ għal xi ħaġa ikbar: li jsir jixbah lill-Imgħallem tiegħu. San Pawl jgħidilna fuq dan: “Issa aħna għandna l-ħsieb ta’ Kristu” (1 Kor 2, 16) “Għax l-imħabba ta’ Kristu ssuqna, għall-ħsieb li wieħed miet għal kulħadd” (2 Kor 5,14). b) Nixtarru l-Kelma: • X’laqtek mill-parabbola? c) Oratio: Inġabar fit-talb u itlob b’mod spontanju lil Alla jagħtik il-grazzja li timxi fil-ħajja tiegħek skond ma’ għallmitek il-Kelma tiegħu f’din is-silta. 4. Contemplatio “Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom henjin intom jekk tagħmluhom” (Ġw 13,17). Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelju tal-Jum |