Spiritwalità

Lectio Divina



NITOLBU BIL-BIBBJA

Ġakobb u l-anġlu ta' Alla
Ġenesi 32,23-33

Statio

Irrepeti fi spirtu ta’ talb, għal darba, tnejn, tlieta dan il-kliem tas-Salmista: Jien Wiċċek infittex Mulej, la taħbix Wiċċek minni. (Salm 27: 8-9)

Lectio

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

23U [Ġakobb] qam dak il-lejl stess, u qabad in-nisa tieghu, u ż-żewġ qaddejja tiegħu, u l-ħdax uliedu, u qasam il-mogħdija tal-Gabbok.24 Qabadhom u għaddiehom ix-xmara b'kull ma kellu25 Mbagħad Ġakobb baqa' waħdu, u ġie raġel u baqa' jissara miegħu sa ma beda jisbaħ.26 U meta ra li ma setax għalih, messlu l-għaksa ta' koxxtu, u l-għaksa ta' koxxt Ġakobb tfekket, hu u jissara miegħu.27 Mbagħad qallu: “Ħallini mmur, għax qiegħed jisbaħ.” U Ġakobb wieġbu: “Ma nħallikx jekk ma tberiknix.” U dan staqsieh:28 “Inti x'jismek?” “Ġakobb”, wieġbu. U dak qallu:29 “Ma jkunx aktar jismek Ġakobb, iżda Iżrael, għax int issarajt ma' Alla u mal-bnedmin, u rbaħt.”30 Staqsieh Ġakobb u qal: “Għidli x'jismek,” u wieġbu: “Għaliex tistaqsini ismi?” U bierku hemmhekk.31 Għalhekk Ġakobb sejjaħ dak il-post Penuwel, għax qal: “Rajt lil Alla wiċċ imbwiċċ, u ħajti ħelsitha.”32 U x-xemx kienet telgħet meta għadda minn Penuwel, izappap fuq koxxtu.33 Għalhekk sa llum ulied Iżrael ma jiklux in-nerv tal-koxxa li hemm fl-għaksa tal-koxxa, għax Alla qabad lil Ġakobb mill-għerq ta' l-għaksa ta' koxxtu.

Meditatio

It-test jagħmel parti mill-kapitlu 32 tal-Ġenesi, li jiftaħ bit-tluq ta’ Ġakobb mingħand Laban. Ġakobb, flimkien ma’ ħuh it-tewmi Għesaw, huwa bin Iżakk u Rebekka. Iżakk jistgħana għax il-barka tal-Mulej kienet fuqu (Ġen 26,12-14). Din il-barka primoġenitura kellha tgħaddi għand l-ewwel wild: Għesaw, li dejjem kien f’konflitt ma’ ħuh Ġakobb (Ġen 25,19-34).

Biex nifhmu dan it-test infakkru fil-ġrajja li l-ktieb tal-ġenesi jirrakkuntalna dwar kif Ġakobb, mgħejjun minn ommu li ppreferietu, ħa l-barka ta’ ħuh mingħand missieru bil-qerq (Ġen 27,1-45). Ġakobb jidher għalhekk makakk, giddieb u ħalliel. Iżda wkoll huwa l-magħżul, bin il-barka. Minħabba l-biża’ tal-vendikazzjoni mingħand ħuh Għesaw, kif ukoll bl-iskop li jsib mara u jiżżewweġ, Ġakobb jitlaq lejn Paddan-Aram (Ġen 27,46ff). Huwa jara l-anġli telgħin u neżlin mis-sema f’Betel. U jgħaddi żmien twil jaħdem ma’ Laban u jikseb iż-żewġt’ibniet tiegħu: Lija u Rakel (Ġen 29-31) b’nisa. Wara li jitwelidlu ġużeppi jiddeċiedi li jitlaq lura lejn l-Art Imwegħda: Kangħan. Għalkemm hu bin il-barka, xorta din il-barka seraqha minn idejn ħuh. Din il-barka agħmilha tiegħu, il-ġid li issa għandu ma baqax don gratuwit ta’ Alla, imma ħa r-riedni f’idejh u stagħna bil-ħidma ta’ jdejh. Ħa ż-żewġ ulied ta’ Laban, il-merħliet, eċċ... a skapitu ta’ persuni oħra, minn fuq daharhom. Però huwa xorta bin il-barka, u l-barka kienet tfisser dan kollu mogħti minn Alla b’don u mhux miksub bil-ħila tal-bniedem.

Fi-test li għandna għar-riflessjoni naraw lil Ġakobb li qiegħed fil-punt li jerġa’ lura lejn l-Art imwegħda (Ġen 32,1-33). Huwa jerġa’ jiltaqa’ ma’ l-Anġli ta’ Alla, li qishom tħejjija għal dak li se jgħaddi minnu ’l quddiem. Alla qieghed jurih u jħejjih għat-taqbida miegħu nnifsu u ma' Alla biex jaffaċċja r-realtà tiegħu. Għalhekk l-Anġli ta’ Alla jidhru lil Ġakobb bħala "l-eżerċtu ta' Alla" u Ġakobb litteralment isemmi dak il-post: “kamp”. Ġakobb fl-aħħar mill-aħħar qed jitgħallem jinduna li hemm Alla fil-vjaġġ li qed jagħmel (il-vjaġġ tal-ħajja tiegħu) minn dar missieru s’għand Laban u lura lejn l-Art ta' Kangħan. Alla qed jurih li qed imexxi l-ħajja tiegħu. Ġakobb ukoll qed iħejji l-laqgħa tiegħu ma’ ħuh Esau. Minħabba li r-relazzjoni ta’ bejniethjom ma’ hija xejn tajba, u issa huwa għani iktar minn ħuh, huwa jibgħat ambaxxata biex tiltaqa’ ma’ Għesaw. Jibgħat id-doni, jaqsam il-frott tal-barka misruqa. Fl-aħħar mill-aħħar, Għesaw kien intitolat għal dak il-ġid, għax hu l-primoġenitu. It-tradizzjoni Lhudija żżomm li kien Alla li warrab lil Għesaw u f’certu sens hekk hu. San ġakbu jwissina biex ma nagħmlux bħal Għesaw li ċaħad il-primoġenitura għal żaqqu.

Ġakobb, rebbieħ fuq dawk kollha li jsib fi triqtu, issa jidher fil-fraġilità tiegħu: il-biża’ minn ħuh. Fejn hemm il-biża’ ma hemmx imħabba, jgħidilna San ġwann. U għax ma hemmx imħabba, jarma ruħu biex jiddefendi ruħu minn ħuh. Ġakobb iħossu mhedded għadu maħkum mill-biża’ tal-passat li qiegħed jinfluwenza l-futur tiegħu, biża’ li fl-aħħar mill-aħħar ma kenitx f’postha, għax ħuh Għesaw jidher li kien dispost jaħfirlu (Ġen 33,3-4). Fil-biża’ Ġakobb jibda’ jirrealizza u jammetti li dak li għandu huwa kollu mogħti lilu minn Alla. Ġakobb idur lejn Alla u jistqarr li ma jistħoqqlux dak kollu li rċieva. Hemm xebħ magħha din fil-kliem tat-tifel iż-żgħir fil-parabbola ta’ l-iben il-ħali: “ma jistħoqqlix li tqisni b’ibnek”. Ġakobb issa wkoll jerġa’ jipprova jixtri lil ħuh. Hemm ċertu ħażen (moħħ li jilħaqlu) fil-mod ta’ kif Ġakobb jibgħat id-doni lil ħuh, maqsumin fi tliet partijiet. F’ċertu sens irid jixtri l-maħfra, ma jafdax li ħuh se jagħtihielu. Kien bil-lejl.

Ġakobb jibgħat il-familja tiegħu lil hemm mix-xmara Jabbok, li tfisser “svujtar” għax kienet titbattal fil-Ġordan. Bil-lejl isib ruħu waħdu ħdejn Penuwel (i.e: il-wiċċ ta’ Alla) biswit ix-xmara li tifirdu mill-Art Imwegħda, l-art li fiha kellu jasal. Qiegħed fil-punt li jerħi għal kollox il-passat tiegħu u quddiemu hemm il-futur fl-Art ta’ Kangħan. Hu li kien ħarab wara li seraq il-barka. Issa kull ma għandu jonqsu huwa li jaqsam ix-xmara. Wasal f’punt deċiżiv fil-ħajja tiegħu. Qisu bħal meta tasal għal xi ħaġa li tkun ilek tistenniha, tkun ħdimt għaliha u tieqaf taħseb, tirrifletti fuq dak li għadda mingħalik.

Ġakobb f’dak il-lejl jitqabad mal-bniedem misterjuż, fid-dlam. Jitqabad mal-fantażmi tal-passat tiegħu? Fil-ktieb ta’ Ġobb insibu li Alla kien iżuru bil-lejl u ma jħallihx jorqod biż-żjara ta’ fantażmi, li huma dawk il-ħsibijiet tqal u tal-biża` li xi drabi jaħkmu lill-bniedem: fit-tħassib dwar fantażmi billejl, meta jaqa' n-ngħas tqil fuq il-bnedmin, qabadni biża' u tkexkix, li regħedli għadmi kollu. Għadda riħ minn fuq wiċċi, riefnu qajjem xewk xewk lil ġismi. Xi ħadd kien wieqaf, ma stajtx nagħraf wiċċu, tfaċċat xbieha quddiem għajnejja, skiet ... u mbagħad smajt leħen: "Jista' l-bniedem ikun ġust quddiem Alla, il-maħluq ikun safi f'għajnejn Dak li ħalqu? (Ġob 4,13-18). Ġakobb f’din il-ġlieda qiegħed jaffaċċja lilu nnifsu, il-ħajja tiegħu u r-realtà tiegħu quddiem Alla. Kif jibda’ jbexbex il-jum, jispiċċa jitlob il-barka. Din id-darba huwa jirċieviha mingħand Alla, jirċievi d-don. Minn din l-esperjenza Ġakobb joħroġ trasformat, mibdul. Iż-żewġ sinjali ta’ trasformazzjoni jidhru fil-bdil ta’ l-isem, tema li nsibuha wkoll fl-istejjer ta’ Abraham, Pietru, Pawlu u wkoll fl-Apokalissi: “lir-rebbieħ nagħtih isem ġdid”, u wkoll fil-fatt li Ġakobb joħroġ izappap minn din il-ġlieda. Ġakobb huwa ferut u mġarrab, u għalhekk minnu jista’ joħroġ il-poplu Lhudi li jieħu ismu: Iżrael. Ġakobb issa huwa Iżrael dak li “issara mal-bnedmin u ma’ Alla u rebaħ” li lejh iħares il-poplu ta’ Alla u jinduna li t-tiġrib jgħinna nkunu mgħallmin fil-ħajja. Il-Malti jgħid: staqsi lill-imġarrab.

Mistoqsijiet:

• X’laqtek minn din is-silta u r-riflessjoni?
• Fhiex u ma’ min tidentifika ruħek?
• Qatt ħassejtek tissara ma’ l-istorja ta’ ħajtek, mal-bnedmin, ma’ Alla?
• Kif tħares lejn it-tiġrib? Tarah bħala mument ta’ grazzja li fih tista` tiġi wiċċ imb’wiċċ miegħek innifsek u ma’ Alla?
• X’taħseb li kienet it-taqbida, l-iżball u l-preġju ta’ Ġakobb? Għandek esperjenza simili?

Oratio:

Idħol fil-fond ta’ qalbek. Ħares lejn l-istorja ta’ ħajtek. Hemm xi ħaġa li għadek ma aċċettajthiex u qed tissara magħha? Itlob lil Alla jagħtik il-fejqan, ħalli inti wkoll toħroġ rebbieħ.

Itlob permezz tas-Salm 30:
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni, u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, Alla tiegħi, jien sejjaħtlek; sejjaħtlek, u int fejjaqtni.
Mulej, tellajtli mill-mewt 'il ruħi, ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.
Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu, faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu, iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Fil-għaxija jidħol il-biki, fil-għodu jidwi l-għajat ta' ferħ.
Mela jien għedt fl-aħjar tiegħi: "Żgur li qatt ma niċċaqlaq?
Mulej, bil-pjaċir tiegħek fuq muntanja qawwija qegħedtni;
mbagħad ħbejt wiċċek minni, u jien tħawwadt għalkollox.
Lilek sejjaħt, Mulej; lil Sidi tlabt il-ħniena.
X'tieħu int jekk inkun mejjet, jekk jiena ninżel fil-qabar?
Se jfaħħrek forsi t-trab? Se jxandar il-fedeltà tiegħek?
Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija; kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi, neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.
Għalhekk ruħi tgħannilek bla heda; Mulej, Alla tiegħi, nfaħħrek għal dejjem!

Contemplatio:

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej.
(Salm 27,14)

Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelju tal-Jum
tinsab fuq il-website ta’ l-Ordni Karmelitan
bl-Ingliz, bl-Ispanjol u bit-Taljan
www.ocarm.org



© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage