Spiritwalità

Lectio Divina



NITOLBU BIL-BIBBJA

Jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet
min jagħmel ir-rieda ta' Missieri.

Mt 7, 21-27

Talba tal-bidu

O Alla, il-providenza tiegħek tqassam kollox b’ordni li qatt ma jinkiser; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk li tbiegħed minna kull ħsara u tagħtina kull ma hu ta’ fejda għalina. Bi Kristu Sidna. Amen.

Lectio

Mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 7, 21-27)

"Mhux kull min jgħidli, 'Mulej, Mulej', jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta' Missieri li hu fis-smewwiet! F'dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, 'Mulej, Mulej, m'hux f'ismek ħabbarna aħna, u m'hux f'ismek keċċejna x-xjaten u f'ismek għamilna ħafna mirakli?' Mbagħad jien ngħidilhom, 'Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!'
"Għalhekk, kull min jisma' dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma' dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!"

Meditatio

Nifhmu l-Kelma

Din is-silta tagħlaq id-diskors imsejjaħ tal-muntanja, li jiftaħ b’dawk li aħna nsibuhom bħala l-Beatitudnijiet (Mt 5,1-12). Ġesù “kif ra l-folol ... tela’ fuq il-muntanja, qagħad bil-qiegħda ... fetaħ fommu u qabad jgħallimhom” (Mt 5,1-2). Wara li xandar u nieda ż-żmien il-ġdid tal-konverżjoni minħabba l-wasla tas-saltna tas-smewwiet (Mt 4,17), Ġesù jfassal programm sħiħ għal stil ġdid ta’ ħajja mibni fuq il-persuna tiegħu: Huwa hu “l-bxara t-tajba tas-saltna” (Mt 4,23) li fuqha jinbena ż-żmien ġdid. F’din is-silta meħuda mill-kapitlu 7 ta’ l-Evanġelju, Ġesù jerġa’ jtenni li min irid jidħol fis-saltna tas-sema jeħtieġlu jagħżel il-valuri ta’ din is-saltna b’responsabbiltà u b’impenn. Dan l-impenn u din id-deċiżjoni favur is-saltna trid tidher fl-istil tal-ħajja u fl-opri li jidhru li huma ta’ “wlied Alla” (Mt 5,9). Ġesù hawnhekk jirreferi mhux tant għal dak li jidher minn barra, jew għal xi manifestazzjonijiet u fenomeni straordinarji, imma għall-pedament tad-dixxipulat: jiġifieri t-temmija “tar-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 7,21). Hawn ħafna fil-fatt li jħabbru f’isem Ġesù, li jkeċċu x-xjaten u jagħmlu l-egħġubijiet fil-ħidma ta’ l-evanġelizzazjoni (Mt 7,22). Madanakollu Ġesù ma jagħrafhomx għax huma dawk li “jagħmlu l-ħażen” (Mt 7,23). Il-kliem ta’ ċanfir li Ġesù jgħid huwa iebes għax hu jistqarr ċar u tond quddiem kulħadd: “Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi” (Mt 5,23). Dan il-kliem ifakkarna dak tar-Ragħaj it-Tajjeb fl-Evanġelju skond San Ġwann: “Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb, jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi, u ngħaġ tiegħi jgħarfu lili” (Ġw 10,14). F’dan jidher ċar li ħadd mhu se jidħaq b’Ġesù! Hu bħala mħallef ġust jaf min hu tiegħu u min m’huwiex! Fl-Evanġelju skond San Ġwann spiss insibu l-istess tema. Per eżempju, meta Ġesù jagħżel lil ġuda l-Iskarjota u lill-ħdax l-oħrajn, Ġesù jgħid: “’Mhux jien kont li għażiltkom lilkom it-Tnax? U madanakollu wieħed minkom huwa xitan!’. Kien qiegħed jgħid għal Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota, għax kien hu li kellu jittradih, hu, wieħed mit-Tnax.” (Ġw 6,70); “Jiena m’inix ngħid għalikom ilkoll, għax jien naf x’nies għażilt, imma għandha sseħħ l-Iskrittura li tgħid: Min kiel il-ħobż miegħi, tani bis-sieq.” (Ġw 13,18); “Mhux intom għażiltu lili, imma jiena għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’; għax dak kollu li titolbu lil Missier f’ismi, hu jagħtihulkom.” (Ġw 15,16). Din it-tema nsibuha wkoll ta’ spiss fir-Rabta l-Qadima. Insibuha fil-ktieb ta’ Hosegħa huwa u jikteb fuq il-poplu li minkejja “warrab dak li hu sewwa” jgħajjat: “Alla tiegħi, aħna f’Iżrael ngħarfuk!” (Hos 8, 2-3). Il-parabboli ta’ l-għaxar xebbiet (Mt 25,11-12; Lq 13,25), u taż-żewġt idjar (Lq 6,46) ikellmuna fuq dan ukoll. Għandna wkoll xi siltiet mill-Atti u mill-ittri ta’ San Pawl li jfakkruna f’din ir-realtà (Atti 8,9-13,18-23; 2Ti 3,8-9, 1Kor 4,20; Fl 3,7-9;) li nsibuha wkoll fil-Knisja tal-bidu. Fiha wkoll kien hemm dawk li jxandru f’isem Kristu, imma jagħmlu l-ħażen, u ma joqogħdux għar-rieda ta’ Alla (Lhud 4,6). Dawn huma barranin għas-saltna! Minn hawn toħroġ it-twissija ta’ Pawlu lid-dixxipli biex ikunu qaddejja bil-qalb it-tajba u mhux bħal min irid jidher jew jogħġob lill-bnedmin, imma bħala qaddejja ta’ Kristu, li jagħmlu r-rieda ta’ Alla (Ef 6, 6).

Ġesù jagħraf bħala tiegħu lil dawk biss li jagħmlu r-rieda tal-Missier (Mt 12,50; 21,29-31; Mk 3,35), għax hu wkoll jintgħaraf minn dan (Ġw 7,17). Huwa jwissi lid-dixxipli biex iħarsu lilhom infushom mill-ħabbara foloz “li jersqu lejkom lebsin ta’ ħrief, imma minn ġewwa huma lpup ħattafa” (Mt 7,15). F’din is-silta (Mt 7,22) il-kelma “tħabbar” trid tfisser il-ministeru tat-tagħlim mogħti bis-setgħa fil-komunità nisranija, f’isem il-Mulej Ġesù. Għal dan jirreferi wkoll Pawlu fl-ewwel ittra lill-Korintin (12,28) u lill-Efesin (4,11). Dan huwa wieħed mid-doni li, flimkien ma’ l-eżorċiżmu (it-tkeċċija tax-xjaten) u ma’ għeġubijiet oħrajn, jgħinu għall-bini tal-Knisja u jsieħbu x-xandir tal-bxara t-tajba. Għalhekk dan huwa don li, bħal kull don ieħor, iġib miegħu responsabiltà kbira. Dawk li “jagħmlu l-ħażen”, ukoll jekk għandhom dawn id-doni jew oħrajn bħalhom, iġibu l-ħsara u jkissru l-bini tal-Knisja, id-dar ta’ Alla, bil-wiċċ b’ieħor tagħhom. Jista’ jkun ukoll li dan ried ifisser ukoll Ġesù bit-tixbiha taż-żewġt idjar; il-waħda mibnija fuq ir-ramel u l-oħra fuq il-blat. Minn dan nindunaw li dak li jiswa’ mhuwiex tant il-ħafna attiviżmu jew li jkollok xi don jew ieħor straordinarju, imma li wieħed ifittex li jinbena fuq il-Kelma ta’ Alla, iqegħidha fil-prattika b’qalb tajba u mħabba, għax mingħajr l-imħabba li tgħaqqadna ma’ Alla u mar-rieda tiegħu ma aħna xejn u xejn ma jiswielna (1Kor 13,1-13). “Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, u jgħib l-għerf” (1 Kor 13,8). Hija biss “l-imħabba li ma’ tintemm qatt” (1 Kor 13,8).

Mistoqsijiet

Aqra s-silta ta’ l-Evanġelju u r-riflessjoni. Fittex fil-Bibbja ir-riferenzi għat-testi li jixxiebhu. Tista’ ssib oħrajn biex jgħinuk tifhem aħjar din is-silta meħuda minn San Mattew.

- X’taħseb li qed jgħidlek il-Mulej b’dan id-diskors?
- Il-folol kienu jibqgħu mistgħaġba quddiem it-tagħlim ta’ Ġesù. Għaliex? Taħseb li dan ġej mill-fatt li ħajtu kienet tirrifletti dak li għallem?
- Kif tista’ tagħti sehmek għall-bini tal-Knisja?

Oratio

Salm 30

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, Alla tiegħi, jien sejjaħtlek;
sejjaħtlek, u int fejjaqtni.

Mulej, tellajtli mill-mewt 'il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.
Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Fil-għaxija jidħol il-biki,
fil-għodu jidwi l-għajat ta' ferħ.

Mela jien għedt fl-aħjar tiegħi:
"Żgur li qatt ma niċċaqlaq”
Mulej, bil-pjaċir tiegħek
fuq muntanja qawwija qegħedtni;
mbagħad ħbejt wiċċek minni,
u jien tħawwadt għalkollox.

Lilek sejjaħt, Mulej;
lil Sidi tlabt il-ħniena.
X'tieħu int jekk inkun mejjet,
jekk jiena ninżel fil-qabar?
Se jfaħħrek forsi t-trab?
Se jxandar il-fedeltà tiegħek?

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;
kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,
neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.
Għalhekk ruħi tgħannilek bla heda;
Mulej, Alla tiegħi, nfaħħrek għal dejjem!

Contemplatio

“Aħna għandna fehma sħiħa li l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi” (Rum 3, 28).

Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelju tal-Jum
tinsab fuq il-website ta’ l-Ordni Karmelitan
bl-Ingliz, bl-Ispanjol u bit-Taljan
www.ocarm.org



© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage