Spiritwalità

Lectio Divina



NITOLBU BIL-BIBBJA

Il-Ħobż tal-Ħajja
Ġwanni 6,23-35

1. Talba tal-Bidu

Mulej Ġesù, ibgħat l-Ispirtu tiegħek, biex jgħinna naqraw u nifhmu l-Iskrittura bl-istess ħarsa, hekk kif int stess fhemtha lid-dixxipli fit-triq lejn Emmaws. Bid-dawl tal-Kelma, miktuba fil-Bibbja, int għenthom jifhmu l-preżenza ta’ Alla fil-ġrajjiet li seħħew, il-ġrajjiet tal-kundanna u l-mewt tiegħek. Hekk, is-salib, li kien jidher qisu t-tmiem ta’ kull tama, urejtulhom bħala għajn ta’ ħajja u qawmien.
Oħloq fina s-skiet biex nisimgħu leħnek fil-ħolqien u fl-Iskrittura, fil-ġrajjiet u fil-persuni, fuq kollox fil-foqra u l-batuti. Il-Kelma tiegħek tmexxina, sabiex aħna wkoll, bħaż-żewġ dixxipli ta’ Emmaws, inkunu nistgħu nesperimentaw il-qawwa tal-qawmien tiegħek, u nkunu xhieda għall-oħrajna li Int tinsab ħaj f’nofsna bħala għajn ta’ fraternità, ta’ ġustizzja u ta’ paċi. Dan nitolbuh lilek, Ġesù Bin Marija, li ġejt biex turina lill-Missier u bgħattilna l-Ispirtu tiegħek. Amen.

2. Naqraw is-silta

a) Tqassim tat-test biex jgħinna

Ġw 6,22-27: In-nies tfittex lil Ġesù għax trid il-ħobż.
Ġw 6,28-29: X’inhi l-opra ta’ Alla?
Ġw 6,30-33: X'sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk?
Ġw 6,34-35: Mulej, agħtina dejjem minn dan il-ħobż!

b) Is-silta: Ġwanni 6,23-35

Mela waslu xi dgħajjes oħra minn Tiberija qrib fejn kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej kien radd il-ħajr. Iżda n-nies, meta raw li fuqhom la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: "Rabbi, meta ġejt hawn?" Ġesù weġibhom: "Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa' għall-ħajja ta' dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu." Imbagħad staqsewh: "X'għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta' Alla?" Weġibhom Ġesù: "L-opra ta' Alla hija din: li intom temmnu f'dak li huwa bagħat."
Qalulu: "X'sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X'sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub, 'Tahom jieklu ħobż mis-sema.'?" Weġibhom Ġesù: "Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta' Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja." "Sinjur," qalulu huma,"agħtina dejjem minn dan il-ħobż." Weġibhom Ġesù: "Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.”

3. Mument ta’ talb fis-skiet ...

sabiex il-Kelma ta’ Alla tkun tista’ tidħol fina u ddawwal il-ħajja tagħna.

4. Xi mistoqsijiet ...

biex jgħinuna għall-meditazzjoni u għat-talb.

a) X’inhu dak li l-aktar laqtek f'din is-silta? Għaliex?
b) In-nies kellha l-ġuħ, tiekol il-ħobż u tfittex aktar ħobż. Tfittex il-miraklu u ma tfittixx is-sinjal ta’ Alla moħbi fil-ħobż. Xi nfittex jien f’ħajti: il-miraklu jew is-sinjal?
c) Għal waqt wieħed fis-skiet, staqsi lilek innifsek: “Temmen f’Ġesù... xi jfisser dan b’mod konkret fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum?”
d) Ġuħ għall-ħobż, ġuħ għal Alla ... liema minn dawn it-tnejn huwa l-aktar b’saħħtu fija?
e) Ġesù qal: “Jiena hu l-Ħobż tal-Ħajja”. Hu jaqta’ l-ġuħ u l-għatx. X’esperjenza għandi ta’ dan fil-ħajja tiegħi?

5. Għal min irid jidħol aktar fid-dettall

a) Biex nifhmu aħjar

Wara t-tkattir tal-ħobż, in-nies marret wara Ġesù. Raw il-miraklu, kielu, xebgħu, u riedu aktar! Ma ħabblux rashom li jaraw is-sinjal jew is-sejħa ta’ Alla f’dan kollu. Meta n-nies iltaqgħet ma’ Ġesù fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, Ġesù kellu taħdita twila man-nies, id-Diskors tal-Ħobż tal-Ħajja (Ġw 6,22-71). M’huwiex diskors proporju, imma seba’ djalogi li jispjegaw it-tifsira tat-tkattir tal-ħobż, simbolu ta’ l-Eżodu l-ġdid u ta’ l-ikla Ewkaristika.

Tajjeb li nżommu f’moħħna t-tqassim tal-kapitli biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar is-sinifikat:
Ġw 6,1-15: It-tkattir tal-ħobż.
Ġw 6,16-21: Jaqsmu l-għadira, Ġesù jimxi fuq l-ilma.
Ġw 6,22-71: Id-djalogu ta’ Ġesù man-nies, mal-Lhud u mad-dixxipli.
Djalogu 1: Ġw 6,22-27 man-nies: In-nies tfittex lil Ġesù u tiltaqa’ miegħu f’Kafarnahum.
Djalogu 2: Ġw 6,28-34 man-nies: Il-fidi bħala opra ta’ Alla u l-manna fid-deżert.
Djalogu 3: Ġw 6,35-40 man-nies: Il-ħobż veru u r-rieda ta’ Alla.
Djalogu 4: Ġw 6,41-51 mal-Lhud: Tgergir mil-Lhud.
Djalogu 5: Ġw 6,52-58 mal-Lhud: Ġesù u l-Lhud.
Djalogu 6: Ġw 6,59-66 mad-dixxipli: Reazzjoni mid-dixxipli.
Djalogu 7: Ġw 6,67-71 mad-dixxipli: Stqarrija ta’ Pietru.

It-taħdita ta’ Ġesù man-nies, mal-Lhud u mad-dixxipli hija djalogu sabiħ, imma esiġenti. Ġesù jfittex li jiftaħ għajnejn in-nies b’mod li titgħallem taqra l-ġrajjiet u tiskopri fihom dak li trid tagħmel fil-ħajja. Għaliex mhux biż-żejjed li tmur wara s-sinjali mirakolużi li jkattru l-ħobż materjali. Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix. Il-ġlieda għall-ħajja mingħajr spiritwalità ma tilħaqx l-għeruq. Waqt li Ġesù jitkellem man-nies, in-nies tibqa’ miġbuda minn kliemu. Imma Ġesù ma jċedix, lanqas jibdel l-esiġenzi. Id-diskors isir qisu lembut, li waqt li t-taħdita timxi ’l quddiem, inqas nies jibqgħu ma’ Ġesù. Fl-aħħar jibqgħu t-Tnax, imma Ġesù lanqas fihom ma jista’ jkollu fiduċja! Illum tiġri l-istess ħaġa. Meta l-Evanġelju jitlob impenn, ħafna nies titbiegħed.

b) Kummentarju għat-test

Ġw 6,24-27: In-nies tfittex lil Ġesù għax trid aktar ħobż
In-nies tmur wara Ġesù. Tara li ma telgħax fuq id-dgħajsa mad-dixxipli, u għalhekk, ma tistax tifhem x’għamel biex wasal Kafarnahum. Lanqas ma tista’ tifhem il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż. In-nies tara dak li ġara, imma ma jirnexxilhiex tifhem kollox bħala sinjal ta’ xi ħaġa aktar profonda. Tieqaf fuq il-qoxra: l-ikel li qata’ l-ġuħ. Tfittex ħobż u ħajja, imma għall-ġisem biss. Skond in-nies, Ġesù jagħmel dak li darba għamel Mosè: ta l-ikel lil kulħadd fid-deżert. Waqt li jimxu wara Ġesù, huma riedu li l-passat jirrepeti ruħu. Imma Ġesù jitlob lin-nies biex tagħmel pass ’il quddiem. Iktar milli taħdem għall-ħobż li jgħaddi, trid taħdem għall-ikel li ma jispiċċax. Dan jiġi mogħti minn Bin il-Bniedem, muri minn Alla nnifsu. Hu jagħti l-ħajja ta’ dejjem. Hu jiftħilna orizzont ġdid fuq is-sens tal-ħajja u fuq Alla.

Ġw 6,28-29: X’inhi l-opra ta’ Alla?
In-nies tistaqsi: X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla? Ġesù jwieġeb li l-opra kbira ta’ Alla hija li “temmnu f’dak li huwa bagħat. Jiġifieri ... temmen f’Ġesù!
Id-Diskors tal-Ħobż tal-Ħajja huwa silta li trid tiġi meditata u eżaminata ħafna drabi, u mhux biss diskussa. Għalhekk, ukoll jekk ma nifhmux kollox, m’hemmx għaliex ninkwetaw. Din is-silta tal-Ħobż tal-Ħajja trid għomor sħiħ biex timmeditaha u tidħol fil-qalba tagħha. Huwa meħtieġ, għalhekk, li fost l-oħrajn, naqrawha u nerġgħu naqrawha, nimmeditawha, nitolbu u naħsbu permezz tagħha, daqs li kieku hija ħelwa f’ħalqna. Min jaqra b’mod superfiċjali r-raba’ Evanġelju jista’ jieħu l-impressjoni li Ġwanni jirrepeti dejjem l-istess ħaġa. Jekk naqrawh b’aktar attenzjoni, nindunaw li m’hemmx ripetizzjoni. L-awtur tar-raba’ Evanġelju għandu l-mod tiegħu kif jirrepeti fuq l-istess tema, imma fuq livell ogħla u aktar profond. Qisu garigor. Jekk iddur, tasal fl-istess post, imma mill-ġdid, fuq livell ogħla u aktar profond.

Ġw 6,30-33: X’sinjal se tagħmel, biex aħna narawh u nemmnuk?
In-nies kienet staqsiet: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?” Ġesù jwieġeb: “L-opra ta' Alla hija din: li intom temmnu f'dak li huwa bagħat”, jiġifieri, temmen f’Ġesù. Għalhekk in-nies tagħmel mistoqsija ġdida: “X’sinjal se tagħmel, biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel?” Dan ifisser li huma ma fehmux it-tkattir tal-ħobż bħala sinjal minn Alla biex juri lil Ġesù quddiem kulħadd bħala l-mibgħut tiegħu! Huma jkomplu jargumentaw: fl-imgħoddi, missirijietna kielu l-manna mogħtija minn Mosè! Huma kienu jsejħulha “ħobż tas-sema” jew “ħobż ta’ Alla”. Mosè jibqa’ għalihom il-mexxejj il-kbir, li jemmnu fih. Jekk Ġesù jrid li n-nies temmen fih, irid jagħmel sinjal akbar minn dak li għamel Mosè. “X’sejjer tagħmel?” Ġesù jwieġeb li l-ħobż mogħti minn Mosè ma kienx il-veru ħobż tas-sema. Ġie mill-għoli, iva, imma ma kienx il-ħobż ta’ Alla, għaliex ma ta garanzija ta’ ħajja lil ħadd. Huma kienu lkoll igergru fid-deżert (Ġw 6,49). Il-ħobż veru tas-sema, il-ħobż ta’ Alla, huwa dak li jirbaħ il-mewt u jagħti l-ħajja! Hu dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja. Hu Ġesù stess! Ġesù jfittex li jgħin lin-nies biex tinħeles mill-iskemi ta’ l-imgħoddi. Għalih, il-fedeltà għall-passat, ma tfissirx li tingħalaq fil-qadim u ma taċċettax il-ġdid. Fedeltà għall-passat tfisser li taċċetta dak li hu ġdid li jasal bħala frott ta’ dak li nżera’ fl-imgħoddi.

Ġw 6,34-35: Mulej, agħtina dejjem minn dan il-ħobż!
Ġesù jwieġeb ċar ħafna: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja!” Li tiekol il-ħobż tas-sema hija l-istess li temmen f’Ġesù u taċċetta it-triq li jgħallimna hu, jiġifieri: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni!” (Ġw 4,34). Dan hu tassew l-ikel veru li jagħti l-qawwa lill-bniedem, jibdel il-ħajja, u jagħti ħajja ġdida.

6. Talba - Salm 145 (146)

Mulej, agħti l-ħobż lill-imġewħin

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha;
ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj.

La tittamawx fil-kbarat,
għax il-bniedem ma jsalvakomx.
Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġa’ jmur:
jintemmu dakinhar ħsibijietu.

Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu,
min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,
li għamel is-sema, l-art u l-baħar,
u kull ma jinsab fihom:
hu li jżomm kelmtu għal dejjem,
li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin;
il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;
il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;
il-Mulej li jħobb lill-ġusti;
il-Mulej li jħares lill-barranin;
hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,
imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon,
minn nisel għal nisel.

7. Talba ta’ l-aħħar

Mulej Ġesù, nirringrazzjawk tal-Kelma tiegħek li fiha int tridna naraw aħjar ir-rieda tal-Missier. Agħmel li l-Ispirtu tiegħek idawwal l-azzjonijiet tagħna, u jagħtina l-qawwa biex inwettqu dak li l-Kelma tiegħek urietna. Agħmel li aħna, bħal Ommok Marija, nkunu nistgħu mhux biss nisimgħu, imma nipprattikaw il-Kelma tiegħek. Int li tgħix mal-Missier fl-għaqda ta’ l-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelju tal-Jum
tinsab fuq il-website ta’ l-Ordni Karmelitan
bl-Ingliz, bl-Ispanjol u bit-Taljan
www.ocarm.org



© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage