NITOLBU BIL-BIBBJA
Ġesù jgħaqqad il-Bibbja mal-ħajja
Ġesù
ma jogħġobx lin-nies ta’ Nazaret
Luqa
4,16-30
1. Talba tal-Bidu
Mulej
Ġesù, ibgħat l-Ispirtu tiegħek, biex jgħinna naqraw u
nifhmu l-Iskrittura bl-istess ħarsa, hekk kif int stess fhemtha
lid-dixxipli fit-triq lejn Emmaws. Bid-dawl tal-Kelma, miktuba fil-Bibbja, int
għenthom jifhmu l-preżenza ta’ Alla fil-ġrajjiet li
seħħew, il-ġrajjiet tal-kundanna u l-mewt tiegħek. Hekk,
is-salib, li kien jidher qisu t-tmiem ta’ kull tama, urejtulhom bħala
għajn ta’ ħajja u qawmien.
Oħloq
fina s-skiet biex nisimgħu leħnek fil-ħolqien u fl-Iskrittura,
fil-ġrajjiet u fil-persuni, fuq kollox fil-foqra u l-batuti. Il-Kelma
tiegħek tmexxina, sabiex aħna wkoll, bħaż-żewġ
dixxipli ta’ Emmaws, inkunu nistgħu nesperimentaw il-qawwa tal-qawmien
tiegħek, u nkunu xhieda għall-oħrajna li Int tinsab ħaj
f’nofsna bħala għajn ta’ fraternità, ta’ ġustizzja u ta’
paċi. Dan nitolbuh lilek, Ġesù Bin Marija, li ġejt biex turina
lill-Missier u bgħattilna l-Ispirtu tiegħek. Amen.
2.
Naqraw is-silta
a) Ħsieb
qabel
Għandna
quddiemna konflitt bejn Ġesù u n-nies ta’ Nazaret. Jaħbat is-Sibt,
waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla fil-komunità Lhudija, fejn
Ġesù jaqra silta mill-Profeta Isaija. Ġesù jikkwota lil Isaija biex
jippreżenta l-programm tiegħu, u jżid mall-ewwel kumment
żgħir. Għall-ewwel, kulħadd jammirah. Imma meta jindunaw
bis-sinifikat tal-programm ta’ Ġesù f’dak li għandu x’jaqsam ma’
ħajjithom, jirribellaw u jixtiequ joqtluh. Dawn it-tipi ta’ konflitti
għadhom jeżistu llum ukoll. Naċċettaw lil
ħaddieħor skond kif iġib ruħu ma’ l-ideat tagħna, imma
meta jiddeċiedi li jinkludi ruħhu fil-komunità li aħna neskludu,
joħroġ il-konflitt. Hekk ġara f’Nazaret. Waqt li naqraw
is-silta, tajjeb li nżommu l-attenzjoni tagħna fuq żewġ
mistoqsijiet: Ġesù, b’liema mod għamel attwali s-silta ta’ Isaija? U
x’reazzjonijiet tqanqal din l-attwalizzazzjoni?
b)
Tqassim tat-test bħala għajnuna
Lq 4,16: Ġesù jmur Nazaret u
jieħu sehem fil-laqgħa tal-komunità
Lq 4,17-19: Ġesù jaqra s-silta tal-Profeta Isaija
Lq 4,20-21: Quddiem in-nies attenta, Ġesù jgħaqqad il-Bibbja
mal-ħajja tan-nies
Lq 4,22: Reazzjoni kontradittorja
tal-pubbliku
Lq 4,23-24: Ġesù jikkritika
r-reazzjoni tan-nies
Lq 4,25-27: Ġesù jagħti spjegazzjoni biblika, jikkwota lill-Profeti
Elija u Eliżew
Lq 4,28-30: Reazzjoni mqanqla min-nies li
trid toqtol lil Ġesù
ċ)
Is-silta: Luqa 4,16-30
Ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal
fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam
biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta u sab fejn kien hemm
miktub dan li ġej:
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nwassal il-bxara t-tajba
lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
inrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.”
Imbagħad reġa’ għalaq
il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bil-qiegħda. Għajnejn
kulħadd fis-sinagoga kienu msammrin fuqu. U beda jgħidilhom: “Din
il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” U lkoll laqgħu
kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien
ħierġ minn fommu, u bdew jgħidu: “Dan m’huwiex bin
Ġużeppi?” Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu
għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek: dak kollu li
smajna li ġara f’Kafarnahum, agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll.” U
żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma
jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien
hemm bosta romol f’Israel fi żmien Elija, meta s-sema baqa’ tliet snin u
sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu;
madankollu, għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand
waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta mġiddmin
f’Israel fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma
ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja.” Meta semgħu dan,
fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra
mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum ta’ l-għolja li fuqha kienet
mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal
isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.
3.
Mument ta’ talb fis-skiet ...
...
sabiex il-Kelma ta’ Alla tkun tista’ tidħol fina u ddawwal il-ħajja
tagħna.
4. Xi
mistoqsijiet ...
... biex
jgħinuna għall-meditazzjoni u għat-talb.
X’inhu
l-aktar li għoġbok u li laqtek fis-silta? Għaliex?
F’liema
jum, f’liema post, u kif Ġesù jippreżenta l-programm tiegħu?
F’hiex
jikkonsisti l-programm ta’ Ġesù? Min huma l-imwarrbin li hu jrid
iħaddan?
Ġesù,
kif jagħmel attwali s-silta ta’ Isaija?
X’inhuma
r-reazzjonijiet tan-nies? Għaliex?
Jista’
l-programm ta’ Ġesù jkun il-programm tagħna? Min huma l-imwarrbin li
llum irridu nilqgħu fil-komunità tagħna?
5.
Għal min irid jidħol f’aktar dettall
a) Il-kuntest taż-żmien
F’Israel tal-qedem, il-familja
estiża, jew il-komunità, kienet il-bażi ta’ l-għajxien
soċjali. Kienet il-protezzjoni tal-familji u tal-persuni, il-garanzija li
jkollok l-art, it-tmun prinċipali tat-tradizzjoni u d-difiża ta’
l-identità tan-nies. Kienet mod konkret ta’ kif tħaddem l-imħabba ta’
Alla fl-imħabba tal-proxxmu. Li tiddefendi l-komunità kienet l-istess daqs
li tiddefendi l-Patt ma’ Alla.
Fi
żmien Ġesù, skjavitù doppju mmarka l-ħajja tan-nies, u għen
biex il-komunità tiddiżintegra: (i) l-iskjavitù tal-politika tal-gvern ta’
Erodi Antipa (4 QK-39 WK); u (ii) l-iskjavitù tar-reliġjon uffiċjali.
Minħabba s-sistema tal-politika ta’ esplorazzjoni u ripressjoni ta’ Erodi
Antipa, politika li kienet issib appoġġ mill-Imperu Ruman, ħafna
nies kienu mingħajr post fiss fejn joqogħdu, maqtugħin
mill-bqija u bla xogħol (ara Lq 14,21; Mt 20,3.5-6). Il-familji u n-nies
baqgħu mingħajr għajnuna, bla difiża. Ir-reliġjon
uffiċċjali, msaħħa mill-awtoritajiet reliġjużi
taż-żmien, minflok ma saħħet il-komunità b’mod li
l-imwarrbin setgħu jintlaqgħu, żiedet aktar din il-forma ta’
skjavitù. Il-Liġi ta’ Alla kienet tiġi wżata biex
l-esklużjoni u l-emarġinazzjoni ta’ ħafna - nisa, tfal,
Samaritani, barranin, imġiddmin, imxajtnin, pubblikani, morda, eċċ
- setgħet tkun leġittima. Kienet bil-kontra tal-fraternità li Alla
ħolom għal kulħadd! Hekk, kemm is-sitwazzjoni politika u
ekonomika, kif ukoll l-ideoloġija reliġjuża, għenu sabiex
tiddgħajjef il-komunità lokali u twaqqaf il-wirja tas-Saltna ta’ Alla. Ġesù
jirreaġixxi quddiem din is-sitwazzjoni tal-poplu tiegħu, u
jippreżenta programm biex jibdel is-sitwazzjoni. L-esperjenza li
għandu Ġesù ta’ Alla bħala Alla ta’ l-imħabba tagħtih
il-possibiltà li jara r-realtà u jara wkoll x’mar ħażin
fil-ħajja tal-poplu tiegħu.
b)
Kummentarju għat-test
Lq 4,16:Ġesù jmur Nazaret u
jieħu sehem fil-laqgħa tal-komunità
Imqanqal mill-Ispirtu s-Santu, Ġesù
jmur lejn il-Galilija u jibda jxandar l-Aħbar it-Tajba tas-Saltna ta’ Alla
(Lq 4,14). Wara li jmur fil-villaġġi u jgħallem fis-sinagogi,
jasal Nazaret. Imur lura lejn il-komunità fejn, sa minn meta kien
żgħir, kien jipparteċipa kull ġimgħa għal tletin
sena. Is-Sibt ta’ wara l-wasla tiegħu, kif kienet id-draww, Ġesù jmur
fis-sinagoga biex jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni, u jqum biex
jaqra.
Lq 4,17-19: Ġesù jaqra s-silta
tal-Profeta Isaija
F’dak iż-żmien,
fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sibt, kien hemm żewġ qari: l-ewwel
wieħed kien ikun mill-Liġi ta’ Alla, mill-Pentatewku, u kienet fissa.
It-tieni kien ikun mill-kotba storiċi jew profetiċi, u kienet
tintagħżel mill-qarrej. Il-qarrej seta jagħżel. Ġesù
għażel is-silta ta’ Isaija li tippreżenta fil-qosor il-missjoni
tal-Qaddej tal-Mulej, u turi bħal f’mera s-sitwazzjoni tal-poplu
tal-Galilija fi żmien Ġesù. F’isem Alla, Ġesù jieħu
pożizzjoni ta’ difiża għall-ħajja tal-poplu tiegħu,
jagħmel tiegħu l-missjoni tal-Qaddej ta’ Alla, u waqt li juża
l-kliem ta’ Isaija, jiddikkjara quddiem kulħadd: “L-Ispirtu tal-Mulej
fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nwassal il-bxara t-tajba
lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, inrodd il-ħelsien
lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej” (Is 61,1-2). Waqt
li jieħu t-tradizzjoni antika tal-Profeti, iniedi “sena tal-grazzja
tal-Mulej”. Din l-espressjoni kienet l-istess bħal tniedi sena ta’
ġublew. Ġesù jistieden lill-poplu ta’ fejn kien trabba biex jibdew
kollox mill-bidu, jerġgħu jgħixu l-istorja sa mill-għeruq
(ara Dewt 15,1-11; Lev 25,8-17).
Lq 4,20-21: Quddiem in-nies attenta,
Ġesù jgħaqqad il-Bibbja mal-ħajja tan-nies
Wara li spiċċa l-qari,
Ġesù ta l-ktieb lura lill-qaddej u qagħad bil-qiegħda. Ġesù
għadu m’huwiex il-kordinatur tal-komunità, huwa lajk, u għalhekk
jieħu sehem fil-komunità bħall-oħrajn kollha. Kien ilu
l-ġimgħat ma jingħaqad ma’ dik il-komunità, kien tgħammed
minn Ġwanni l-Battista fil-Ġordan (ara Lq 3,21-22). Barra minn hekk,
kien għamel erbgħin jum fid-deżert jirrifletti fuq il-missjoni
tiegħu (ara Lq 4,1-2). Dak is-Sibt ta’ wara l-wasla lura tiegħu
fil-komunità, Ġesù jkun mistieden biex jaqra. Kulħadd attent u
kurjuż: “X’se jgħid?” Il-kumment ta’ Ġesù huwa qasir, anzi qasir
ħafna. Jagħmel attwali s-silta, jgħaqqadha mal-ħajja
tan-nies waqt li jgħid: “Din il-kitba seħħet illum, intom
u tisimgħu.”
Lq 4,22: Reazzjoni kontradittorja tal-pubbliku
Min-naħa tan-nies, ir-reazzjoni hija
doppja. L-ewwel għandna atteġġjament attent ta’ ammirazzjoni u
tifħir. Wara, mall-ewwel, hemm reazzjoni ta’ sfiduċja. Jgħidu: “Dan
m’huwiex bin Ġużeppi?” Għaliex jibqgħu skandalizzati? Għax
Ġesù jitkellem dwar li tilqa’ l-foqra, l-għomja, l-ħabsin,
il-maħqurin. Imma huma ma jaċċettawx il-proposta tiegħu. U
għalhekk, fil-waqt li Ġesù jippreżenta l-proġett
tiegħu - dak li tilqa’ lill-imwarrbin - jispiċċa mwarrab hu
stess!
Imma hemm
ukoll motiv ieħor. Huwa importanti li naraw id-dettalji tal-kwotazzjoni li
l-Evanġelju ta’ San Luqa jagħmel tat-Testment il-Qadim. F’Luqa 3,4-6
nsibu silta itwal minn Isaija li biha juri li l-ftuħ għall-pagani
kien diġà muri minn qabel mill-profeti. Hawnhekk jiġri xi
ħaġa l-istess. Ġesù jikkwota s-silta ta’ Isaija sa fejn
jgħid “u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej”, u jħalli barra l-bqija
tal-frażi li tgħid “u jum il-vendetta ta’ Alla tagħna; biex
infarraġ lill-imnikktin”. In-nies ta’ Nazaret tikkontesta l-fatt li
Ġesù ħalla barra l-frażi fuq il-vendetta. Huma riedu li jum
il-wasla tas-Saltna jkun jum ta’ vendetta kontra min kien iżomm lill-poplu
fil-jasar. Hekk, l-imnikktin setgħu jaraw li d-drittijiet tagħhom
jistgħu jiġu mħarsa. Imma f’dan il-każ, il-wasla tas-Saltna
ma kienx se jkun tibdil veru tas-sistema inġusta. Ġesù ma
jaċċettax dan il-mod ta’ ħsieb, ma jaċċettax
il-vendetta. L-esperjenza tiegħu ta’ Alla Missier għenitu jifhem
aħjar is-sens eżatt tal-profeziji. Ir-reazzjoni tiegħu,
bil-maqlub għal dik tan-nies ta’ Nazaret, turina li l-idea qadima ta’
Alla, bħala mħallef vendikattiv, kienet iżjed qawwija
mill-Aħbar it-Tajba ta’ Alla Missier-Imħabba, li jilqa’
lill-imwarrbin.
Lq 4,23-24: Ġesù jikkritika
r-reazzjoni tan-nies
Ġesù jinterpreta r-reazzjoni
tan-nies u jaraha bħala forma ta’ għira: “Tabib, fejjaq lilek
innifsek: dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum, agħmlu hawn
f’pajjiżek ukoll.” Ġesù kien magħruf fil-Galilija kollha (ara Lq
4,14) u lin-nies ta’ Nazaret ma kienx jogħġobhom il-fatt li hu,
wieħed minnhom, kien jagħmel f’postijiet oħrajn u mhux
f’pajjiżu. Imma r-reazzjoni għandha kawża iżjed profonda. Anki
kieku Ġesù għamel f’Nazaret l-istess li kien għamel
f’Kafarnahum, in-nies ma kinitx temmen fih. Huma kienu jafuh lil Ġesù: Min
hu dan biex se jgħallimna? “Dan m’huwiex bin Ġużeppi?” “Dan
m’huwiex il-mastrudaxxa?” (Lq 4,22; Mk 6,3-4). Sal-lum, ħafna drabi
jiġri l-istess: meta lajk/a jippridkaw fil-knisja, ħafna ma
jaċċettawhomx, jitilqu ’l barra u jgħidu: “Dan mhux bħalna:
ma jaf xejn!” Ma jirnexxilhomx jemmnu li Alla jista’ jitkellem permezz ta’ nies
komuni. San Mark iżid li Ġesù baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas
ta’ fidi tal-poplu tiegħu (ara Mk 3,6).
Lq 4,25-27: Ġesù jagħti
spjegazzjoni biblika, jikkwota lill-Profeti Elija u Eliżew
Biex jikkonferma li l-missjoni
tiegħu hi tassew dik li tilqa’ lill-imwarrbin, Ġesù jinqeda
b’żewġ siltiet mill-Bibbja, mgaħrufin sew, storja ta’ Elija u
storja ta’ Eliżew. It-tnejn jitkellmu dwar l-għeluq fil-mentalità
tan-nies ta’ Nazaret, u huma kritika tagħha. Fi żmien Elija kien hemm
ħafna romol f’Israel, imma Elija kien mibgħut għand armla
barranija f’Sarefta (1Slat 17,7-16). Fi żmien Eliżew, kien hemm bosta
mġiddmin f’Israel, imma Eliżew kien mibgħut għand barrani
mis-Sirja (2Slat 5,14). Mill-ġdid, jidher it-tħassib ta’ Luqa li
l-ftuħ lejn il-pagani ġej minn Ġesù nnifsu. Ġesù kellu
l-istess diffikultà li kellhom il-komunitajiet ta’ żmien Luqa.
Lq 4,28-30: Reazzjoni mqanqla min-nies li
trid toqtol lil Ġesù
L-użu ta’ dawn
iż-żewġ siltiet tal-Bibbja jġiegħlu lin-nies tirrabja
aktar. Il-komunità ta’ Nazaret tasal f’punt li trid toqtol lil Ġesù. Imma
hu jżomm il-kalma. Ir-rabja ta’ l-oħrajn ma jirnexxilhiex iddawwarlu
t-triq. Luqa juri kemm hu diffiċli li tissupera l-mentalità
tal-privileġġi u ta’ l-għeluq ta’ l-oħrajn. Illum
jiġri l-istess. Ħafna minna l-insara kbirna bil-mentalità li
timbuttana biex nemmnu li aħna aħjar mill-oħrajn, u
l-oħrajn, biex jistgħu jsalvaw, iridu jkunu bħalna. Ġesù ma
kienx jaħseb hekk.
ċ) Aktar informazzjoni: it-tifsir
tas-Sena tal-Ġublew.
Fis-sena 2000, il-Papa Ġwanni Pawlu
II stieden lill-Kattoliċi biex jiċċelebraw il-Ġublew. Iċ-ċelebrazzjoni
ta’ dati importanti hija parti mill-ħajja. Tgħinna niskopru
l-entużjażmu tal-bidu, u tagħtih il-ħajja. Fil-Bibbja,
is-Sena tal-Ġublew kienet liġi importanti. Fil-bidu, kull seba’ snin,
kien jixxandar li artijiet mibjugħa jew imħollijin b’rahan,
jerġgħu lura għand il-komunità oriġinali. Kulħadd
seta’ jmur lura għall-proprjetà tiegħu. Hekk, li wieħed ikollu
f’idejh oqsma sħaħ kien ikun impedit, u l-familji kien ikollhom
garanzija li jistgħu jgħixu. Kien hemm l-obbligu li jinbiegħu
l-artijiet, jinħelsu l-iskjavi u jinħafru d-djun (ara Dewt 15,1-18). Ma
kienx faċli li tiċċelebra s-sena tal-Ġublew kull seba’ snin
(ara Ġer 34,8-16). Wara l-eżilju, kien beda jiġi
ċċelebrat kull seba’ snin għal sebgħin darba,
jiġifieri kull ħamsin sena (ara Lev 25,8-17). L-għan tas-Sena
tal-Ġublew kien u għadu l-istess: li l-foqra jerġgħu
jkollhom id-drittijiet tagħhom, jilqgħu lill-barranin u
jgħinuhom jintegraw fil-komunità. Il-Ġublew kien strument legali biex
imorru lura għas-sens profond tal-Liġi ta’ Alla. Kien okkażjoni
għar-reviżjoni tal-mixja tagħhom, biex jiskopru u jirranġaw
l-iżbalji u jerġgħu jibdew mill-ġdid. Ġesù beda
l-predikazzjoni tiegħu bix-xandir ta’ ġublew ġdid, “sena
tal-grazzja tal-Mulej”.
6. Talba - Salm 72 (71)
“Hu jeħles lill-fqir li
jsejjaħlu!”
O Alla, agħti lis-sultan
il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin
is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu
tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.
Jinżel mill-muntanji s-sliem
lill-poplu,
tinżel mill-għoljiet
il-ġustizzja.
Hu jħares id-dritt ta’ l-imsejknin
tal-poplu,
isalva l-fqajrin u jrażżan lil
min jgħakkishom.
Ħa jdum kemm iddum ix-xemx;
kemm idum il-qamar minn żmien
għal żmien.
Jinżel bħax-xita fuq ir-raba’
maħsub,
bħal ħalba xita li ssaqqi l-art
bl-għatx.
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-xmara sa truf l-art.
Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa
tiegħu;
dawk li huma kontrieh it-trab
jilagħqu.
Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer
jagħtuh ir-rigali,
is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba
għotjiet iġibulu.
Iqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha lilu jaqdu.
Għax hu jeħles lill-fqir li
jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min
jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u
għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva.
Jeħlishom mill-qerq u
mill-moħqrija;
demmhom għażiż quddiem
għajnejh.
Ħa jgħix is-sultan għal
dejjem,
jingħata lilu deheb ta’ Saba!
Ħa jitolbu għalih dejjem,
u jberkuh il-jum kollu!
Ikun kotran il-qamħ fuq l-art,
jogħla sal-qċaċet ta’
l-għoljiet.
Ikun il-frott tiegħu
bħal-Libanu,
iħaddru l-uċuħ
bħall-ħaxix tar-raba’.
Ismu jibqa’ jissemma’ għal dejjem;
idum ismu sakemm iddum ix-xemx!
Bih jitbierku l-ġnus kollha ta’
l-art;
il-popli kollha jsejħulu hieni.
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Israel,
li waħdu jagħmel
ħwejjeġ ta’ l-għaġeb.
Imbierek għal dejjem ismu
msebbaħ;
timtela l-art kollha b’sebħu!
Amen! Amen!
7.
Talba ta’ l-Aħħar
Mulej
Ġesù, nirringrazzjawk tal-Kelma tiegħek li fiha int tridna naraw
aħjar ir-rieda tal-Missier. Agħmel li l-Ispirtu tiegħek idawwal
l-azzjonijiet tagħna, u jagħtina l-qawwa biex inwettqu dak li wrietna
l-Kelma tiegħek. Agħmel li aħna, bħal Ommok Marija, nkunu
nistgħu mhux biss nisimgħu, imma nipprattikaw il-Kelma tiegħek. Int
li tgħix mal-Missier fl-għaqda ta’ l-Ispirtu s-Santu, għal
dejjem ta’ dejjem. Amen.
Carlos
Mesters, O.Carm.
Il-Lectio Divina fuq l-Evanġelju tal-Jum
tinsab fuq il-website ta’ l-Ordni Karmelitan
bl-Ingliz, bl-Ispanjol u bit-Taljan
www.ocarm.org