VokazzjonijietGħaqda Vokazzjonijiet KarmelitaniESPERJENZI
L-Esperjenza tiegħi fl-Esperjenzi… Kelli xi erbatax-il sena meta kelli l-ewwel esperjenza ta’ live-in (irtir) mal-Karmelitani. Kienu qaluli bih tnejn minn sħabi li huma abbatini fil-parroċċa li noqgħod fiha jien. Huma wkoll kienu jmorru għal dawn il-live-in’s li l-grupp ‘Vokazzjonijiet Karmelitani’ kien jorganizza bejn wieħed u ieħor kull xahrejn. Dawn it-tip ta’ live-in’s minn dejjem kienu jogħġbuni, l-iktar minħabba l-fatt li jsiru f’ġabra ta’ talb, u wkoll peress li matulhom kien ikolli iktar ċans nirrifletti fuqi innifsi u fuq il-ħajja li qiegħed ngħix. Wara li kont ili mmur xi sena u nofs għal dawn it-tip ta’ live-in’s, u kont għadni kif spiċċajt l-iskola sekondarja, avviċinani l-Patri Karmelitan li jieħu ħsieb il-grupp tal-‘Vokazzjonijiet Karmelitani’. Wara li tkellimna flimkien, hu ħajjarni sabiex nibda nattendi wkoll għall-‘esperjenzi’. Dawn it-tip ta’ esperjenzi jsiru darba fix-xahar għal dawk li wara li jkunu attendew għal-live-in’s iħossu l-ħtieġa li jaraw iktar mill-viċin il-ħajja fil-Komunita’ Karmelitana. Dawn l-‘esperjenzi’ huma ferm differenti mil-live-in’s. L-ewwel nett dawn jikkonsistu f’erbat ijiem fix-xahar u mhux bħal-live-in’s li jdumu jumejn kull xahrejn. Iżda l-aktar ħaġa li tiddistingwihom hi li f’dawk l-erbat ijiem li inti tagħmel fid-dar tal-Formazzjoni Karmelitana tkun tista’ tara iktar mill-viċin kif tgħix il-komunita’ fil-Karmelu. Fi kliem sempliċi, filwaqt li fil-live-in’s il-grupp tal-pre-novizzi (li jgħixu f’din id-Dar ta’ Formazzjoni) jidħlu għall-programm tagħna, waqt dawn l-‘esperjenzi’ aħna nidħlu fil-ħajja ta’ kuljum li huma jkunu qed jgħixu. Ngħid għalija, ħassejt li dawn l-esperjenzi għenuni ħafna, kemm fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll fil-ħajja spiritwali. Ma jfissirx li għax tkun tmur dawn l-‘esperjenzi’ bilfors se tidħol Patri mal-Karmelitani. Ngħid għalija l-attendenza għal dawn l-esperjenzi, filwaqt li turini l-ħajja reliġjuża Karmelitana mill-qrib, qegħda wkoll tgħinni nikber fl-imħabba tiegħi lejn Ġesù. Jekk Alla jrid, din għandha twassalni biex nagħraf il-vokazzjoni tiegħi u nħalli r-rieda ta' Alla tmexxini. Il-Paċi Magħkom… |