Vokazzjonijiet

Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani



ATTIVITAJIET

Marzu - April 2008

Is-Sibt 12 u l-Ħadd 13 ta' April, fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura ġie ċċelebrat jum il-vokazzjonijiet Karmelitani. Fil-quddies kollu sar talb għall-vokazzjonijiet, tqassmu leaflets u santi, u l-istudenti li jinsabu fil-formazzjoni qasmu l-esperjenza tal-vokazzjoni tagħhom man-nies.  Għall-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Vokazzjonijiet, fil-Knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta, sar talb għall-vokazzjonijiet fil-quddies kollu ta' għeluq il-ġimgħa, u l-Ħadd fil-quddiesa tad-9am, familja oħra ingħatat ix-xbieha tar-Raghaj it-Tajjeb biex matul din il-gimgħa jsir talb fil-familja għall-vokazzjonijiet.

Is-Sibt 12 ta' April, fil-Knisja Parrok-kjali ta' Sta. Venera, fl-okkażjoni tal-Jum ta' Talb għall-Vokazzjonijiet saret quddiesa bis-sehem ta' dawk il-parruċċani li jiltaqgħu kull nhar ta' Tlieta biex jitolbu għall-Vokazzjonijiet Karmelitani. Minbarra li din il-quddiesa kienet animata minnhom stess, f'din l-okkazjoni ġiet imbierka wkoll statwa ta' Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, u kienet mgħoddija lill-familja tal-parroċċa biex fiha jsir talb għall-vokazzjonijiet. Din l-istatwa sejra tibqa' ddur il-familji tal-parroċċa kull ħmistax biex iżommuha għandhom u kuljum jagħmlu talb għal din l-intenzjoni.

Żewġ żgħażagħ ta’ 16-il sena, Kurt Mizzi u Joseph Farrugia, għaddew dawn il-jiem fid-Dar tal-Formazzjoni, bħala dixxerniment vokazzjonali: Min-nhar il-Ġimgha 18 sal-Ħadd 20 ta' Jannar; mill-15 sas-17 ta’ Frar; mid-19 sa’ 23 ta’ Marzu; mit-18 sa’ l-20 ta’ April. Nitolbu għalihom ħalli fid-dawl tal-Mulej ikomplu jgħarfu dak li Alla jrid minnhom.

• Esperjenzi Vokazzjonali

Min-nhar il-Ġimgha 18 sal-ħadd 20 ta' Jannar, kif ukoll mill-15 sas-17 ta’ Frar, u mid-19 sa’ 23 ta’ Marzu 2008 żewġ żgħażagħ ta’ 16-il sena għaddew xi jiem fid-Dar tal-Formazzjoni Kamelitana, fil-Balluta, bħala dixxerniment vokazzjonali. Nitolbu għalihom ħalli fid-dawl tal-Mulej ikomplu jgħarfu dak li Alla jrid minnhom.

• Laqgħat tal-Vokazzjonijiet

Is-Sibt, 5 ta' April 2008, fid-Dar tal-Formazzjoni, il-Balluta saret il-laqgħa tax-xahar tal-vokazzjonijiet. Attendew bosta tfal u adolexxenti minn Form 1 'il fuq. Bdejna fil-5.00pm u kien hemm ħin ta' logħob, adorazzjoni u laqgħa fuq żewġ persunaġġi ta’ żminijietna li mxew wara Ġesù: il-qassis Andrea Santoro, missjunarju maqtul fit-Turkija fl-2006 u ż-żgħażugħ Carlo Acutis li miet fl-età ta’ 15-il sena nhar it-12 ta’ Ottubru 2006 b’fama ta’ qdusija.

Il-Ħamis, 10 ta’ April, fil-Junior Liceum tal-ħamrun, P. Charlò Camilleri, O.Carm., fuq stedina tad-Direttur Spiritwali tal-Liċeo, P. Herman Duncan, O.Carm., għadda nofs ta’ nhar fl-iskola jitkellem fuq il-vokazzjonijiet u l-mixja tan-nisrani wara Ġesù. Huwa żar uħud mill-klassijiet u fin-12.30pm qaddes fil-kappella tal-Liċeo għall-istudenti. F’dan in-nofs ta’ nhar tqassmu wkoll is-santi bit-talb għall-vokazzjonijiet u l-leaflets vokazzjonali dwar il-Karmelitani.

• Live-in għall-Adolexxenti li jinsabu fil-Form 3-4

Minn nhar il-Ġimgha 4 ta' April sal-Ħadd 6 ta' April 2008, grupp ta' adolexxenti, ħadu sehem f'esperjenza vokazzjonali. Matul dawn il-jiem fost attivitajiet oħra ta' talb, logħob u laqgħat formattivi, il-grupp ħa sehem fil-laqgħa tal-vokazzjonijiet li saret is-Sibt, 5 ta’ April. Il-Ħadd għalaqna dawn il-jiem flimkien b'quddiesa fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta, li fiha ħadu sehem ukoll il-ġenituri ta’ dawn iż-żgħażagħ.


Jannar - Frar 2008

Esperjenza Vokazzjonali

Min-nhar il-Ġimgha, 18, sal-Ħadd, 20 ta' Jannar 2008, kif ukoll mill-15 sas-17 ta’ Frar, żgħażugħ li jinsab fis-6th Form għadda għeluq il-ġimgħa fid-Dar tal-Formazzjoni, bħala jiem ta' dixxerniment vokazzjonali. Nitolbu għalih ħalli fid-dawl tal-Mulej ikompli jagħraf dak li Alla jrid minnu. (Talba)

Laqgħat tal-Vokazzjonijiet

Is-Sibt, 19 ta' Jannar 2008, fid-Dar tal-Formazzjoni, il-Balluta, saret il-laqgħa tax-xahar tal-vokazzjonijiet. Attendew bosta tfal u adolexxenti minn form 1 'il fuq. Bdejna fil-5.00pm u kien hemm ħin ta' logħob, adorazzjoni u laqgħa fuq is-Sejħa ta' San Pawl. Fil-laqgħa ntweriet biċċa mill-video Paul the Apostle, fejn hemm irrakkuntat il-laqgħa ta' Sawlu ta' Tarsu ma' Ġesu u kif din il-laqgħa biddlet il-ħajja ta' dan l-Appostlu tal-ġnus. Minħabba li din is-sena hija s-sena ddedikata lil San Pawl, fil-laqgħat vokazzjonali qed nirriflettu dwar dan l-appostlu.

Jiem Vokazzjonali u Laqgħat tal-Vokazzjonijiet fil-Knejjes Karmelitani

Nhar is-Sibt, 26 ta’ Jannar 2008, saret laqgħa tal-vokazzjonijiet għall-grupp ta’ l-abbatini tal-Fleur-de-Lys. Mexxa l-laqgħa Victor Paul Farrugia, O.Carm.       

Blog ta’ l-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani

L-għaqda vokazzjonijiet Karmelitani issa għandha l-web blog tagħha. Dan l-ispazju virtwali jġib l-istess isem tal-fuljett: Hawn Jien. Minbarra l-avviżi ta’ l-attivitajiet vokazzjonali, f’dan il-blog għandkom issibu links interessanti li għandhom x’jaqsmu mal-Karmelitani u mal-vokazzjonijiet. Fih ukoll video clips u qsim ta’ esperjenzi vokazzjonali. L-indirizz ta’ dan il-blog huwa: http://hawnjien.blogspot.com. Nirringrazzjaw lil P. Anthony Cilia, O.Carm. li jieħu ħsieb iġib fuq il-website tal-Provinċja l-attivitajiet tal-vokazzjonijiet, link għall-blog il-ġdid, u l-fuljett tal-vokazzjonijiet on-line. Permezz tal-website u l-blog diġà kellna kuntatti ma’ żewġ żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu dixxerniment vokazzjonali.

Kampanja talb għall-Vokazzjonijiet Karmelitani fil-Familji

Nhar il-Ħadd, 3 ta' Frar 2008, fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fleur-de-Lys, waqt il-quddiesa ta' l-10.30am, tbierket xbieha ta' Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb u ngħatat lill-familja Martinelli mill-parroċċa biex għal ġimgħa sħiħa toffri talb għall-vokazzjonijiet Karmelitani. Ix-xbieha mistennija ddur familja, familja fil-parroċċa, minn ħadd sa ħadd. Din l-inizjattiva bdiet fil-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Balluta, fejn kull nhar ta' ħadd, ix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb qegħdha tingħata lil xi familja biex tinġabar fit-talb għall-vokazzjonijiet. S'issa kull familja li ħadet sehem f'din l-inizjattiva impenjat ruħha li kuljum titlob flimkien għall-vokazzjonijiet. Barra minn hekk, din l-inizjattiva qegħdha sservi wkoll ta' xprun biex il-familji jiskopru mill-ġdid is-siwi tat-talb kuljum flimkien. Hekk ġara lil xi wħud li kienu qatgħu din id-drawwa. Iż-żjara ta' Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb kienet għalihom okkazjoni sabiħa li wasslithom biex isibu ħin ħalli jiltaqgħu flimkien madwar il-Mulej fit-talb. Il-pirjoli u l-kappillani li jixtiequ li huma jew il-familji tal-parroċċi tagħna jieħdu sehem f’din il-kampanja ta’ talb jikkuntattjaw lid-direttur tal-vokazzjonijiet.

Live-in għall-Adolexxenti li jinsabu fil-Form 2

Minn nhar il-Ġimgha 1 ta' Frar sal-Ħadd 3 ta' Frar, grupp ta' għoxrin tifel adolexxenti, ħadu sehem f'esperjenza vokazzjonali. Matul dawn il-jiem fost attivitajiet oħra ta' talb, logħob u laqgħat formattivi, huma ħadu sehem fil-quddiesa ta' Jum il-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju u Jum il-ħajja Konsagrata, fil-Knisja tal-Karmnu l-Balluta. Morna nżuru wkoll il-Kappella-Grotta tal-Verġni Mqaddsa Marija ta' Lourdes, fil-Furjana (fl-okkazjoni tal-150 sena mill-ewwel dehra tal-Madonna). Hemmhekk iċċelebrajna flimkien it-talba tar-Rużarju meditat. Il-Ħadd għalaqna dawn il-jiem flimkien b'quddiesa fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fleur-de-Lys.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage